Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0990

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/990 tal-20 ta’ Marzu 2024 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), għall-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), għall-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) u għall-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW)

    ST/7326/2024/INIT

    ĠU L, 2024/990, 26.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/990/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/990/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/990

    26.3.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/990

    tal-20 ta’ Marzu 2024

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul il-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar u l-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), għall-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), għall-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) u għall-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tipproteġi l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem u li ttejjeb is-sikurezza marittima.

    (2)

    Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) huwa mistenni li jadotta, matul il-81 sessjoni tiegħu mit-18 ta’ Marzu sat-22 ta’ Marzu 2024 (“MEPC 81”), emendi għall-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL) u għall-Anness VI tal-MARPOL dwar fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil, dwar l-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI), u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport, u dwar livell imtejjeb ta’ granularità fid-DCS tal-OMI.

    (3)

    Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI huwa mistenni li jadotta, matul il-108 sessjoni tiegħu mill-15 ta’ Mejju sal-24 ta’ Mejju 2024 (“MSC 108”), emendi għall-Kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-“Kodiċi IGF”), għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-“Kodiċi ESP tal-2011”), għall-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA)(il-“Kodiċi LSA”), għall-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-“Kodiċi FSS”), u għat-taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (il-“Kodiċi STCW”).

    (4)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MEPC 81, billi l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2015/757 (1) u (UE) 2023/1805 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2002/59/KE (3), 2003/87/KE (4), 2009/16/KE (5), 2009/18/KE (6) u (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), u d-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    (5)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Artikolu V tal-Protokoll I tal-MARPOL, peress illi huwa importanti li tiġi stabbilita sistema unika ta’ rapportar għat-telf tal-kontejners fuq il-baħar, sabiex jiġu evitati rekwiżiti ta’ sottomissjoni duplikati u biex tiġi evitata l-konfużjoni, li tgħin biex titnaqqas il-probabbiltà li t-telf ta’ kontejners ma jiġix irrappurtat.

    (6)

    L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa l-emendi tal-Anness VI tal-MARPOL dwar fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil, minħabba li dawk l-emendi ser isolvu r-rekwiżit għall-ittestjar u jinkludu informazzjoni dwar il-punt ta’ fjammabilità fin-nota ta’ kunsinna tal-bunker għal fjuwils b’punt baxx ta’ fjammabilità, li kien inkonsistenti mal-emendi reċenti għall-Kapitolu II-2 ta’ SOLAS adottati fil-106 sessjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima. L-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa wkoll l-emendi għall-Anness VI tal-MARPOL dwar l-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tad-DCS tal-OMI, u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport, u dwar livell imtejjeb ta’ granularità, fid-DCS tal-OMI, billi dawk l-emendi ser jottimizzaw l-użu tad-DCS tal-OMI għall-benefiċċju tat-tfassil tal-politika dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-tbaħħir, u huma kompromess bejn aċċess usa’ għad-data tad-DCS tal-OMI u l-kontroll tagħha mis-Segretarjat tal-OMI. Minn naħa waħda, dawk l-emendi ser jagħtu lill-impriżi ta’ konsulenza analitiċi u lill-entitajiet ta’ riċerka aċċess għad-data tad-DCS tal-OMI soġġett għall-approvazzjoni tas-Segretarjat tal-OMI u, min-naħa l-oħra, dawn ser jipprovdu l-possibbiltà għal kwalunkwe kumpanija li tiżvela d-data tad-DCS tal-OMI tal-bastimenti tagħha lill-pubbliku ġenerali fuq bażi volontarja.

    (7)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MSC 108, peress li l-atti previsti jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġijiet tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), id-Direttivi 2002/59/KE u 2009/18/KE, u d-Direttivi 2009/45/KE (10), 2014/90/UE (11) u (UE) 2022/993 (12) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    (8)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi tal-Kapitoli II-1, II-2 u V tas-SOLAS, minħabba li dawk l-emendi ser iżidu b’mod sostanzjali s-sikurezza, filwaqt li jiżguraw li l-bastimenti l-ġodda kollha minbarra t-tankers, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, ta’ 20 000 tunnellaġġ gross u aktar għandhom tagħmir xieraq għall-irmunkar f’każ ta’ emerġenza, kif ukoll għat-titjib b’mod ġenerali tal-istandards tas-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri tal-passiġġieri, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri roll-on/roll-off, u s-sikurezza tal-użu tal-fjuwil taż-żejt fil-vapuri tal-passiġġieri. Dawk l-emendi ser jissimplifikaw ukoll l-ipproċessar tar-rapporti dwar it-telf tal-kontejners sabiex jikkonformaw mal-obbligi regolatorji, jipprevedu rekwiżit ta’ rapportar mill-Istat tal-bandiera lill-OMI, iżidu s-sikurezza tan-navigazzjoni u jipprevjenu t-tniġġis.

    (9)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Kodiċi IGF minħabba li ser itejbu s-sikurezza tal-bastimenti, inklużi l-vapuri tal-passiġġieri, permezz tal-gass naturali bħala fjuwil.

    (10)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Kodiċi ESP tal-2011 minħabba li ser jimmodifikaw il-Proċeduri għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ ditta involuta fil-kejl tal-ħxuna tal-istrutturi tal-buq kif previst fl-annessi tal-emendi tal-2019 għall-Kodiċi ESP tal-2011, b’referenza għall-amministrazzjoni aktar milli b’referenza għal organizzazzjoni rikonoxxuta mill-amministrazzjoni. Dan ser jgħin biex tiġi ċċarata l-proċedura.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Kodiċi LSA, minħabba li dawn ser jippromwovu s-sikurezza marittima billi jirrevedu t-tnaqqis tal-veloċità tal-opri tal-baħar tas-sopravivenza u d-dgħajjes tas-salvataġġ għall-vapuri tal-passiġġieri, billi jiżguraw prestazzjoni xierqa fl-ilma tal-ġkieket tas-salvataġġ għas-sikurezza tal-baħħara, u billi jżidu l-istandards ta’ sikurezza tas-sistemi uniċi ta’ rilaxx u ta’ rbit b’ganċijiet tar-rilaxx fi stat ta’ tagħbija billi jneħħu l-eżenzjonijiet previsti fil-paragrafu 4.4.7.6.17 tal-Kodiċi LSA.

    (12)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għall-Kodiċi FSS, minħabba li ser jippreżentaw benefiċċji sinifikanti għas-sikurezza tal-ħajja fuq il-baħar billi jsaħħu s-sikurezza kontra n-nirien tal-vapuri tal-passiġġieri, u b’mod partikolari tal-vapuri tal-passiġġieri roll-on/roll-off.

    (13)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa l-emendi għat-Taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi STCW, minħabba li dawn ser jiżguraw post tax-xogħol sikur għall-baħħara billi jinkludu, fit-Taqsima A-VI/1 dwar Rekwiżiti minimi obbligatorji għall-familjarizzazzjoni mas-sikurezza, taħriġ u struzzjoni bażiċi għall-baħħara kollha, kompetenza ġdida biex “Jingħata kontribut għall-prevenzjoni tal-bullying u tal-fastidju, u r-rispons għalihom, inklużi l-attakk sesswali u l-fastidju sesswali”.

    (14)

    L-Unjoni la hija Membru tal-OMI, u lanqas parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni fl-MEPC 81 u fl-MSC 108.

    (15)

    Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn ikunu jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-81 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi:

    (a)

    għall-Artikolu V tal-Protokoll I tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Vapuri (MARPOL), kif stabbilit fl-Anness tad-dokument MEPC 81/3/1 tal-OMI; u

    (b)

    għall-Anness VI tal-MARPOL dwar il-fjuwils b’punt ta’ fjammabilità baxx u kwistjonijiet oħra relatati maż-żejt tal-fjuwil, dwar l-aċċessibbiltà tad-data fil-Bażi tad-Data tal-OMI dwar il-Konsum tal-Fjuwil mill-Bastimenti (DCS tal-OMI), u dwar l-inklużjoni ta’ data dwar ix-xogħol tat-trasport u dwar livell imtejjeb ta’ granularità fid-DCS tal-OMI, fir-rigward tar-Regolamenti 2, 14, 18 u 27, u l-Appendiċi I u IX, kif stabbilit fl-Anness tad-dokument MEPC 81/3/2 tal-OMI.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-108 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi:

    (a)

    għall-kapitoli II-1, II-2 u V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, kif stabbilit fl-Annessi 1 u 2 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI;

    (b)

    għall-Kodiċi Internazzjonali tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b’Punt ta’ Fjammabilità Baxx (il-Kodiċi IGF), kif stabbilit fl-Anness 3 tad-Dokument MSC 108/3 tal-OMI;

    (c)

    għall-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-Kodiċi ESP tal-2011), kif stabbilit fl-Anness 5 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI;

    (d)

    għall-Kodiċi Internazzjonali tal-Apparat għas-Salvataġġ tal-Ħajja (LSA), kif stabbilit fl-Anness 6 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI;

    (e)

    għall-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien (il-Kodiċi FSS) kif stabbilit fl-Anness 7 tad-dokument MSC 108/3 tal-OMI; u,

    (f)

    għat-taqsima A-VI/1 tal-Kodiċi tat-Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa tal-Baħħara (STCW) kif stabbilit fl-Anness tad-dokument MSC 108/3/2 tal-OMI.

    Artikolu 3

    1.   Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 1 u 2 ikopru l-emendi kkonċernati sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u sa fejn kapaċi jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni. Dawn għandhom jiġu espressi mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-OMI, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

    2.   Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri fil-pożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LAHBIB


    (1)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ karburanti rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 234, 22.9.2023, p. 48).

    (3)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

    (4)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

    (5)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

    (6)  Id-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 114).

    (7)  Id-Direttiva (UE) 2016/802 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f’ċerti karburanti likwidi (ĠU L 132, 21.5.2016, p. 58).

    (8)  Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).

    (10)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

    (11)  Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2022/993 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-8 ta’ Ġunju 2022 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (ĠU L 169, 27.6.2022, p. 45).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/990/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top