Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D0396

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/396 tas-16 ta’ Jannar 2024 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (2023–2028)

    ST/9862/2023/INIT

    ĠU L, 2024/396, 24.1.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/396/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/396/oj

    Related international agreement
    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2024/396

    24.1.2024

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/396

    tas-16 ta’ Jannar 2024

    dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (2023–2028)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tiegħu, u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2187 (2), il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (2023-2028) (“il-Protokoll”) ġie ffirmat fit-2 ta’ Ottubru 2023.

    (2)

    L-objettiv tal-Protokoll huwa li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) biex jagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Kiribati u biex jippermetti lill-Unjoni u lil Kiribati jaħdmu aktar mill-qrib fuq il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani, fil-politika tas-sajd u fl-ekonomija blu, filwaqt li jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd.

    (3)

    Il-Protokoll jipprevedi opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fiż-żoni tas-sajd ta’ Kiribati, abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli u skont il-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni adottati mill-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali.

    (4)

    Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat.

    (5)

    L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tiegħu. Skont l-Artikoli 8 u 18 tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ japprova ċerti emendi għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprovahom f’isem l-Unjoni bi proċedura ssimplifikata, b’ċerti kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali.

    (6)

    Jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi tal-Protokoll li jkunu ġew proposti. Jenħtieġ li l-emendi proposti jiġu approvati sakemm minoranza li timblokka ma toġġezzjonax għalihom f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    (7)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u bagħat opinjoni fid-19 ta’ Ġunju 2023.

    (8)

    Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Kiribati u l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-perjodu ta’ żmien qabel ma jkunu jistgħu jitkomplew attivitajiet bħal dawn,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (2023-2028) (“il-Protokoll”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni jwassal in-notifika prevista fl-Artikolu 23 tal-Protokoll.

    Artikolu 3

    F’konformità mal-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-Anness II għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija awtorizzata li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Protokoll adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Jannar 2024.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. VAN PETEGHEM


    (1)  Approvazzjoni tat-12 ta’ Diċembru 2023 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2187 tas-6 ta’ Settembru 2023 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (2023–2028) (ĠU L, 2023/2187, 18.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2187/oj).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    ANNESS

    PROĊEDURA BIEX JIĠU APPROVATI L-EMENDI TAL-PROTOKOLL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA DWAR IS-SAJD BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA MIN- NAĦA WAĦDA, U R-REPUBBLIKA TA’ KIRIBATI,MIN-NAĦA L-OĦRA (2023-2028) LI L-KUMITAT KONĠUNT GĦANDU JADOTTA

    Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Kiribati, min-naħa l-oħra (2023-2028) (‘il-Protokoll’), f’konformità mal-Artikoli 8 u 18 tiegħu, il-proċedura li ġejja tapplika:

    1.

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni tal-emendi proposti li ssir f’isem l-Unjoni:

    (a)

    tkun f’konformità mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

    (b)

    tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;

    (c)

    tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

    2.

    Qabel l-approvazzjoni tal-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tissottomettihom lill-Kunsill fi żmien biżżejjed qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

    3.

    Il-Kunsill għandu jevalwa jekk l-emendi proposti jikkonformawx mal-kriterji ddefiniti fil-punt 1.

    4.

    Sakemm ma jkunx hemm numru ta’ Stati Membri ekwivalenti għal minoranza li timblokka tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li joġġezzjonaw għall-emendi proposti, il-Kummissjoni għandha tapprovahom f’isem l-Unjoni. Jekk ikun hemm din il-minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

    5.

    Jekk, matul laqgħat ulterjuri tal-Kumitat Konġunt, ikun impossibbli li jintlaħaq ftehim, inkluż fuq il-post, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lill-Kunsill, f’konformità mal-punti 2, 3 u 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis elementi ġodda.

    6.

    Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu, fiż-żmien dovut, il-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt biex temenda l-protokoll, inkluż, fejn ikun xieraq, il-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u s-sottomissjoni ta’ kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

    Fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra li ma jikkonċernawx l-emendi tal-Protokoll, f’konformità mal-Artikoli 8 u 18tiegħu,, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita f’konformità mat-Trattati u mal-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/396/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top