EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R2229

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2229 tal-25 ta’ Ottubru 2023 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom

C/2023/7101

ĠU L, 2023/2229, 26.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2229/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2229/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2023/2229

26.10.2023

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2229

tal-25 ta’ Ottubru 2023

li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(9) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24(7) tar-Regolament (UE) 2018/848, l-Istati Membri ppreżentaw dossiers dwar ċerti sustanzi lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-awtorizzazzjoni u l-inklużjoni tagħhom fl-Annessi I, II, III u V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 (2). Dawk id-dossiers ġew eżaminati mill-Grupp ta’ Esperti għall-Parir Tekniku dwar il-Produzzjoni Organika (EGTOP) u mill-Kummissjoni.

(2)

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tas-sustanzi attivi li jinsabu fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, (3) l-EGTOP irrakkomanda li s-sustanzi kollha b’riskju baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali (mhux minn oriġini OĠM), jistgħu jintużaw fil-produzzjoni organika mingħajr evalwazzjoni addizzjonali mill-EGTOP.

(3)

L-idroġenukarbonat tas-sodju huwa elenkat fil-punt 1 tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 bħala sustanza bażika li tista’ tintuża fil-produzzjoni organika bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. L-idroġenukarbonat tas-sodju huwa elenkat ukoll fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 taħt sustanzi b’riskju baxx fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Għalhekk jenħtieġ li jiġi awtorizzata wkoll bħala sustanza b’riskju baxx fil-produzzjoni organika bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti.

(4)

Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet mill-EGTOP dwar il-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti 3, l-entrata “Taħlita bil-kompost jew iffermentata ta’ skart domestiku” jenħtieġ li tiġi sostitwita b’“Bijoskart kompost jew iffermentat” sabiex sorsi oħra ta’ bijoskart għajr l-iskart domestiku jkunu jistgħu jintużaw għall-ikkompostjar jew għall-fermentazzjoni fil-produzzjoni organika.

(5)

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-fertilizzanti, il-kondizzjonaturi tal-ħamrija u n-nutrijenti, l-EGTOP ikkonfermat ukoll li l-użu ta’ mlieħ tas-selenju f’każ ta’ defiċjenza tal-ħamrija użata għat-trobbija tal-annimali u/jew għar-ragħa huwa konformi mal-objettivi u l-prinċipji tal-produzzjoni organika. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu ta’ dik is-sustanza.

(6)

Abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-EGTOP fir-rigward tal-ikel għall-annimali domestiċi (5), jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu tas-sustanzi li ġejjin: (i) il-glikol propileniku, iż-żejt tal-alga u l-klorur tal-kalċju użati bħala materjal tal-għalf; (ii) il-kelat tal-ħadid, u d-destran tal-ħadid, il-kelat tar-ram, il-kelati tal-manganiż, il-kelati taż-żingu tal-proteini u l-ħmira seleniżata bħala oligoelementi.

(7)

Abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet mill-EGTOP fir-rigward tal-ikel 5, jenħtieġ li jiġi awtorizzat l-użu tas-sustanzi li ġejjin: (i) aċidu askorbiku fuq preparazzjonijiet tal-laħam li magħhom ġew miżjuda ingredjenti oħra minbarra addittivi jew melħ; (ii) leċitini fuq prodotti tal-annimali; u (iii) tartrat ta’ sodju u ta’ potassju fuq prodotti ta’ oriġini mill-pjanti.

(8)

L-EGTOP irrakkomanda wkoll li t-tartrati tas-sodju, it-tartrati tal-potassju, u t-tartrat ta’ sodju u ta’ potassju jenħtieġ li jiġu awtorizzati mill-1 ta’ Jannar 2027 biss jekk ikunu minn produzzjoni organika (6), minħabba li l-EGTOP qies li l-perjodu ta’ żmien ta’ tliet snin huwa biżżejjed biex jiżgura li t-tartrati ta’ oriġini organika jkunu disponibbli għall-operaturi kollha. Għalhekk, jenħtieġ li l-entrati “tartrati tas-sodju” u “tartrati tal-potassju” jiġu emendati biex jiġu introdotti dawn il-kundizzjonijiet u limiti speċifiċi, u jenħtieġ li tiddaħħal entrata ġdida “tartrat ta’ sodju u ta’ potassju” fil-lista ta’ “Addittivi tal-ikel, inklużi trasportaturi” tal-Parti A tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165.

(9)

L-EGTOP beda l-evalwazzjoni tas-sustanzi għat-tindif u d-diżinfezzjoni li għandhom jiġu awtorizzati fil-produzzjoni organika. Madankollu, jidher li dan se jeħtieġ aktar żmien milli kien antiċipat fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165. Peress li l-listi ta’ prodotti għat-tindif u għad-diżinfezzjoni mhumiex se jiġu stabbiliti qabel l-1 ta’ Jannar 2026, l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 889/2008 (7) jenħtieġ li jibqa’ japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025. Jenħtieġ għalhekk li d-dispożizzjonijiet li jirreferu għal-listi ta’ prodotti għat-tindif u d-diżinfezzjoni japplikaw biss mill-1 ta’ Jannar 2026.

(10)

In-numru CAS għall-kitosan ġie attribwit bi żball lill-idroklorur tal-kitosan fil-punt 1 (Sustanzi bażiċi) tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 u għaldaqstant l-entrata għall-kitosan hija nieqsa. Dawn l-iżbalji jeħtieġ li jiġu kkoreġuti.

(11)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 jiġi emendat u kkoreġut skont dan.

(12)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Produzzjoni Organika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 12(1), id-data “31 ta’ Diċembru 2023” hija sostitwita bid-data “31 ta’ Diċembru 2025”;

(2)

L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-tielet paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“l-Artikolu 5(1), (2) u (3) għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2026.”;

(b)

ir-raba’ paragrafu li ġej jiddaħħal wara t-tielet paragrafu:

“l-Artikolu 7 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.”;

(3)

l-Anness I huwa emendat f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(4)

l-Anness II huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(5)

l-Anness III huwa emendat f’konformità mal-Anness III ta’ dan ir-Regolament;

(6)

l-Anness V huwa emendat f’konformità mal-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Korrezzjonijiet għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165

Il-Punt 1 (Sustanzi bażiċi) tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 huwa kkoreġut kif ġej:

(1)

l-entrata 2C għall-“Kloridrat tal-kitosan” hija sostitwita b’dan li ġej:

“2C

70694-72-3

Kloridat tal-kitosan (*1)

miksub mill-Aspergillus jew akkwakultura organika jew minn sajd sostenibbli, kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill  (*1)

(2)

tiżdied l-entrata li ġejja:

“24C

9012-76-4

Kitosan*

miksuba mill-Aspergillus jew mill-akkwakultura organika jew minn sajd sostenibbli, kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013”

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ottubru 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1165 tal-15 ta’ Lulju 2021 li jawtorizza ċerti prodotti u sustanzi għall-użu fil-produzzjoni organika u li jistabbilixxi l-listi tagħhom (ĠU L 253, 16.7.2021, p. 13).

(3)  EGTOP final report on Fertilisers IV and Plant Protection Products VI u EGTOP final report on Plant Protection Products VII and Fertilisers V: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en.

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309 24.11.2009, p. 1).

(5)  EGTOP final report on Feed VII and pet Food II: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en

(6)  EGTOP final report on Food VIII: https://agriculture.ec.europa.eu/farming/organic-farming/co-operation-and-expert-advice/egtop-reports_en

(7)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU L 250, 18.9.2008, p. 1).

(*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).”


ANNESS I

Fit-tabella tal-punt 2 (Sustanzi attivi b’riskju baxx) tal-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165, jiżdiedu l-entrati li ġejjin:

(1)

wara l-entrata “20D Pirofosfat ferriku”:

“24D

144-55-8

Idroġenukarbonat tas-sodju”

 

(2)

wara l-entrata “28D Estratt milwiem miż-żrieragħ imġelbna tal-Lupinus albus ħelu”:

 

 

“Sustanzi oħra b’riskju baxx li joriġinaw mill-pjanti jew mill-annimali (*)

Użi erbiċidi mhux permessi”


ANNESS II

It-tabella fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 hija emendata kif ġej:

(1)

l-entrata għal “Taħlita komposta jew iffermentata ta’ skart domestiku” hija sostitwita b’dan li ġej:

“Bijoskart kompost jew iffermentat (id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1))

prodott miksub minn ġbir separat tal-bijoskart fis-sors, li jkun sarlu kompostjar jew fermentazzjoni anerobika għall-produzzjoni tal-bijogass

bijoskart tal-ħaxix u tal-annimali biss

meta jkun prodott f’sistema ta’ ġbir magħluqa u mmonitorjata biss, aċċettata mill-Istat Membru

konċentrazzjonijiet massimi f’mg/kg ta’ materja niexfa: kadmju: 0,7; ram: 70; nikil: 25; ċomb: 45; żingu: 200; merkurju: 0,4; kromu (total): 70; kromu (VI): mhux detettabbli

(2)

L-entrata li ġejja tiżdied wara l-entrata “Klorur tal-potassju (murjat tal-putassa)”:

“Imlieħ tas-selenju

fil-każ biss ta’ defiċjenza fil-ħamrija użata għat-trobbija tal-annimali, u/jew għar-ragħa jew għall-produzzjoni ta’ għelejjel tal-għalf”


(*1)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).”


ANNESS III

L-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 huwa emendat kif ġej:

(1)

il-Parti A hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt (1), “MATERJALI TAL-GĦALF TA’ ORIĠINI MINERALI”, wara l-entrata “11.1.5 Litotamnju”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“11.1.6

Klorur tal-kalċju

ristrett għall-użu f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/354 (*1) bħala għalf maħsub għal skopijiet ta’ nutrizzjoni partikolari: tnaqqis tar-riskju ta’ deni tal-ħalib u ipokalċimja subklinika

fil-baqar tal-ħalib

użu ristrett bħala applikazzjoni selettiva (għal annimali individwali fil-bżonn biss u għal perjodu limitat)

klorur tal-kalċju meta ppurifikat minn salmura li sseħħ b’mod naturali, jekk disponibbli

(b)

il-punt (2), “MATERJALI OĦRA TAL-GĦALF” huwa emendat kif ġej:

(i)

qabel l-entrata “10 Frakass tal-fdal tal-ħut, żejt u materjali oħra tal-għalf jew annimali akkwatiċi oħrajn”, tiżdied l-entrata li ġejja:

“ex 7.1.4

Żejt tal-alga

żejt miksub bl-estrazzjoni mill-mikroalga permezz tal-fermentazzjoni

il-materjal tat-tkabbir għall-proċess tal-fermentazzjoni ma jridx ikun ta’ oriġini OĠM u jenħtieġ li jkun minn materja prima organika, jekk disponibbli”

(ii)

wara l-entrata “ex 12.1.12 prodotti tal-ħmira”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“13.11.1

Glikol propileniku; [1,2-propandiol]; [propan-1,2-diol]

ristrett għall-użu f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/354 bħala għalf maħsub għal skopijiet ta’ nutrizzjoni partikolari: tnaqqis tar-riskju ta’ ketożi

fil-baqar, nagħaġ u mogħoż tal-ħalib

użu ristrett għal applikazzjoni selettiva (għal annimali individwali biss li jeħtiġuh u għal perjodu limitat)”

(2)

fil-Parti B, il-punt (3)(b) “Komposti ta’ mikroelementi” huwa emendat kif ġej:

(i)

wara l-entrata “3b104 Sulfat tal-ħadid (II) ettaidrat”, jiddaħħlu l-entrati li ġejjin:

“3b107

Kelat tal-ħadid (II) tal-idroliżati tal-proteina

mill-produzzjoni organika tas-sojja, jekk disponibbli

3b110

Dekstran tal-ħadid 10 %

ristrett għall-użu f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/354 bħala għalf maħsub għal skopijiet ta’ nutrizzjoni partikolari: kumpens għal disponibbiltà insuffiċjenti ta’ ħadid wara t-twelid

Għall-qżieqeż mhux miftuma biss

materjal tat-tkabbir għall-proċess ta’ fermentazzjoni għad-destran irid ikun ta’ oriġini mhux OĠM

użu ristrett għal applikazzjoni selettiva

(għall-qżieqeż li jeħtiġuh biss u għal perjodu limitat)”

(ii)

wara l-entrata “3b405 Sulfat tar-ram (II) pentaidrat”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“3b407

Kelat tar-ram (II) tal-idroliżati tal-proteina

mill-produzzjoni organika tas-sojja, jekk disponibbli”

(iii)

wara l-entrata “3b503 Sulfat manganuż, monoidrat”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“3b505

Kelat tal-manganiż tal-idroliżati tal-proteina

mill-produzzjoni organika tas-sojja, jekk disponibbli”

(iv)

wara l-entrata “3b609 Idrossiklorur taż-żingu monoidrat”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“3b612

Kelat taż-żingu tal-idroliżati tal-proteina

mill-produzzjoni organika tas-sojja, jekk disponibbli”

(v)

wara l-entrata “3b810 Ħmira selenizzata, Saccharomyces cerevisiae CNCM I-3060, inattivata”, tiddaħħal l-entrata li ġejja:

“3b810i

Ħmira selenizzata, Saccharomyces cerevisiae CNCM I-3060, inattivata”

 


(*1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/354 tal-4 ta’ Marzu 2020 li jistabbilixxi lista ta’ użi maħsuba għall-għalf maħsub għal skopijiet ta’ nutrizzjoni partikolari u li jħassar id-Direttiva 2008/38/KE (ĠU L 67, 5.3.2020, p. 1).”;


ANNESS IV

It-tabella fit-Taqsima A1 (Addittivi tal-ikel, inklużi trasportaturi) tal-Parti A tal-Anness V tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/1165 hija emendata kif ġej:

(1)

l-entrata għal “E 300 Aċidu askorbiku” hija sostitwita b’dan li ġej:

“E 300

Aċidu askorbiku

prodotti li joriġinaw mill-pjanti

prodotti tal-laħam (il-kategorija 08.3 (*1)) u preparati tal-laħam (il-kategorija 08.2 (*1)) li magħhom ġew miżjuda ingredjenti oħra għajr għal addittivi jew melħ

 

(2)

l-entrata għal “E 322 – Leċitini” hija sostitwita b’dan li ġej:

“E 322*

Leċitini

prodotti li joriġinaw mill-pjanti

prodotti li joriġinaw mill-annimali

mill-produzzjoni organika biss”

(3)

l-entrati għal “E 335 — Tartrati tas-sodju” u “E 336 — tartrati tal-potassju” huma sostitwiti b’dan li ġej:

“E 335

Tartrati tas-sodju

Prodotti ta’ oriġini mill-pjanti

mill-1 ta’ Jannar 2027, mill-produzzjoni organika biss

E 336

Tartrati tal-potassju

Prodotti ta’ oriġini mill-pjanti

mill-1 ta’ Jannar 2027, mill-produzzjoni organika biss”

(4)

l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata “E 336 — tartrati tal-potassju”:

“E 337

Tartrat ta’ sodju u potassju

Prodotti ta’ oriġini mill-pjanti

mill-1 ta’ Jannar 2027, mill-produzzjoni organika biss”


(*1)  Kategoriji tal-ikel fil-Parti D tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16).”;


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2229/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top