Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2810

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2810 tal-11 ta’ Diċembru 2023 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/862

    ST/13460/2023/INIT

    ĠU L, 2023/2810, 15.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2810/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2810/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2810

    15.12.2023

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/2810

    tal-11 ta’ Diċembru 2023

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) u li tħassar id-Deċiżjoni (UE) 2019/862

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE (1), l-Unjoni ssieħbet fil-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent("Konvenzjoni WCPF"), li stabbiliet il-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali ("WCPFC").

    (2)

    Il-WCPFC tadotta miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul ta' stokkijiet ta' ħut migratorju ħafna fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPF u tippromwovi l-aħjar użu tagħhom. Tali miżuri jistgħu jsiru vinkolanti għall-Unjoni.

    (3)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jipprevedi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu ambjentalment sostenibbli fit-tul u li jkunu ġestiti b'mod li huwa konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjieg, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jirrestawra u jmantni l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada 'l fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli. Jipprevedi wkoll li l-Unjoni għandha tieħu miżuri ta' ġestjoni u ta' konservazzjoni bbażati fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, tappoġġa l-iżvilupp ta' għarfien u pariri xjentifiċi, gradwalment telimina l-iskartar u tippromwovi metodi tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd aktar selettiv u l-evitar u t-tnaqqis, kemm jista' jkun, ta' qabdiet mhux mixtieqa, u trażżan l-impatt tas-sajd fuq l-ekosistema marina u r-riżorsi tas-sajd. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 speċifikament jipprevedi li dawk l-objettivi u l-prinċipji għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fit-twettiq tar-relazzjonijiet tas-sajd esterni tagħha.

    (4)

    F'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, “Strateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima – l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima” u “Strateġija mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent” , huwa essenzjali li tiġi protetta n-natura u titreġġa' lura d-degradazzjoni tal-ekosistemi. It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità ma għandhomx jippreġudikaw id-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi li ekosistemi f'saħħithom tal-baħar jipprovdu lis-sajjieda, lill-komunitajiet kostali u lill-umanità inġenerali.

    (5)

    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f'Ekonomija Ċirkolari”tirreferi għal miżuri speċifiċi biex jitnaqqas il-plastiks u t-tniġġis tal-baħar kif ukoll it-telf jew l-abbandun tal-irkaptu tas-sajd fil-baħar. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Perkors lejn Pjaneta b’Saħħitha għal Kulħadd - Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Lejn Tniġġis Żero għall-Arja, għall-Ilma u għall-Ħamrija” jimmira li jnaqqas b’50 % l-iskart tal-plastik fil-baħar u bi 30 % l-mikroplastiċi rilaxxati fl-ambjent.

    (6)

    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Inwittu t-triq lejn pjaneta blu sostenibbli” tenfasizza l-importanza tal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar taħt l-azzjoni esterna tal-Unjoni. L-Unjoni hija l-aktar attur prominenti fl-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) u fil-korpi tas-sajd madwar id-dinja. Hemmhekk, l-Unjoni tippromwovi s-sostenibbiltà tal-istokkijiet tal-ħut, tippromwovi t-teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti abbażi ta' parir xjentifiku sod, ittejjeb ir-riċerka xjentifika, u ssaħħaħ il-konformità.

    (7)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-WCPFC għall-perjodu 2024-2028, minħabba li l-miżuri ta' konservazzjoni u infurzar tal-WCPFC jistgħu jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni u jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (3), (KE) Nru 1224/2009 (4) u r-Regolamenti (UE) 2017/2403 (5) u (UE) 2022/2056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (8)

    Attwalment il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-WCPFC hija stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/862 (7). Huwa xieraq li dik id-Deċiżjoni titħassar u li tiġi sostitwita b’Deċiżjoni ġdida li tkopri l-perjodu 2024-2028.

    (9)

    Fid-dawl tan-natura li dejjem qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-WCPF u l-ħtieġa konsegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis l-iżviluppi l-ġodda, inkluż informazzjoni xjentifika ġdida u informazzjoni rilevanti oħra ppreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-WCPFC, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri, f'konformità mal-prinċipju tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena għall-perjodu 2024-2028,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-laqgħat tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC) hija stipulata fl-Anness I.

    Artikolu 2

    L-ispeċifikazzjoni minn sena għall-oħra tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-WCPFC għandha ssir f'konformità mal-Anness II.

    Artikolu 3

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I għandha tiġi vvalutata u, fejn xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni, l-aktar tard, għal-laqgħa annwali tal-WCPFC fl-2029.

    Artikolu 4

    Id-Deċiżjoni (UE) 2019/862 hija b'dan imħassra.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. PLANAS PUCHADES


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/75/KE tas-26 ta' April 2004 dwar l-adeżjoni tal-Komunità mal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta' Stokkijiet ta' Ħut Migratorju fl-Oċean Paċifiku Ċentrali u tal-Punent (ĠU L 32, 4.2.2005, p. 1).

    (2)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta' flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2022/2056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2022 li jistabbilixxi miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni applikabbli fiż-Żona tal-Konvenzjoni dwar is-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 276, 26.10.2022, p. 1).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/862 tal-14 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC), u li tħassar id-Deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2014 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, għall-Konservazzjoni u l-Immaniġġjar ta’ Stokkijiet ta’ Ħut Migratorju (WCPFC) (ĠU L 140, 28.5.2019, p. 44).


    ANNESS I

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kummissjoni tas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC)

    1.   PRINĊIPJI

    Fil-qafas tal-WCPFC, l-Unjoni għandha:

    (a)

    tiżgura li l-miżuri adottati fil-WCPFC jkunu konsistenti mad-dritt internazzjonali, u partikularment mal-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-Dritt Marittimu, mal-Ftehim tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni ta' Ħażniet ta' Ħut li jpassi f'żona limitata (straddling) u Ħażniet ta' Ħut li jpassi ħafna (highly migratory), mal-Ftehim tal-1993 tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) biex jippromwovi l-osservanza tal-miżuri internazzjonali ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni minn bastimenti tas-sajd f'ibħra internazzjonali, u mal-Ftehim tal-2009 tal-FAO dwar Miżuri tal-Istat Portwarju;

    (b)

    tippromwovi l-objettivi tal-Ftehim skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar dwar il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika tal-baħar lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali u fil-15-il Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, partikularment fiż-żieda fil-protezzjoni tal-bijodiversità marina u l-protezzjoni ta' 30 % tal-oċean tad-dinja permezz ta' żoni protetti tal-baħar;

    (c)

    tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2020 dwar il-Bijodiversità – il-ħtieġa għal azzjoni urġenti, mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima, b'mod partikolari dwar il-protezzjoni tan-natura, u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istrateġija "Mill-Għalqa sal-Platt", u Ewropa aktar b'saħħitha fid-dinja;

    (d)

    taġixxi f'konformità mal-objettivi u l-prinċipji segwiti mill-Unjoni fil-politika komuni tas-sajd, jiġifieri permezz tal-approċċ prekawzjonarju u l-miri relatati mar-rendiment massimu sostenibbli kif stipulat fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni ta' approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd, u biex jiġu evitati u jitnaqqsu kemm jista' jkun il-qabdiet possibbli mhux mixtieqa, u telimina gradwalment l-iskartar, u timminimizza l-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar u l-abitati tagħhom, kif ukoll, permezz tal-promozzjoni ta' sajd tal-Unjoni ekonomikament vijabbli u kompetittiv, sabiex jiġi pprovdut standard tal-għajxien ġust lil dawk li jiddependu fuq l-attivitajiet tas-sajd u jitqiesu l-interessi tal-konsumaturi;

    (e)

    tkun konformi mal-Konklużjonijiet tad-19 ta' Marzu 2012 tal-Kunsill dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd;

    (f)

    tkun konformi mal-Konklużjonijiet tat-13 ta' Diċembru 2022 tal-Kunsill dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani għal oċeani u ibħra sikuri, siguri, nodfa, f'saħħithom u ġestiti b'mod sostenibbli fir-rigward tal-konservazzjoni tal-bijodiversità tal-baħar;

    (g)

    taħdem favur involviment xieraq tal-partijiet konċernati fil-fażi tal-preparazzjoni għall-miżuri WCPFC u tiżgura li l-miżuri adottati fil-WCPFC jkunu skont l-objettivi tal-Konvenzjoni WCPFC;

    (h)

    tippromwovi pożizzjonijiet konsistenti mal-aħjar prattiki għall-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (RFMOs);

    (i)

    tara li jkun hemm konsistenza u sinerġija mal-politika li l-Unjoni qed issegwi bħala parti mir-relazzjonijiet bilaterali tagħha tas-sajd ma' pajjiżi terzi, u tiżgura l-koerenza mal-politiki l-oħrajn tagħha notevolment fl-oqsma tar-relazzjonijiet esterni, l-impjiegi, l-ambjent, il-kummerċ, l-iżvilupp, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

    (j)

    timmira li toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-flotta tal-Unjoni fl-ambitu taż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC abbażi tal-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli skont id-dritt tal-Unjoni, u li tippromwovi l-implimentazzjoni uniformi ta' dawk il-prinċipji u ta' dawk l-istandards;

    (k)

    fejn xieraq, tippromwovi l-koordinazzjoni bejn il-WCPFC, ir-RFMOs eżistenti u konvenzjonijiet dwar ibħra reġjonali u l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet globali, kif applikabbli, skont il-mandati tagħhom;

    (l)

    tippromwovi l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni fost l-RFMOs tat-tonn permezz ta’ l’hekk imsejjaħ -proċess Kobe għall-RFMO tat-tonn.

    2.   ORJENTAZZJONIJIET

    L-Unjoni għandha, fejn xieraq, tagħmel ħilitha sabiex tappoġġa l-adozzjoni mill-WCPFC tal-azzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    miżuri li jippromwovu l-konservazzjoni u r-restawr tal-ekosistemi u l-bijodiversità tal-baħar u li jippromwovu s-sostenibbiltà tal-istokkijiet, filwaqt li jitqiesu kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima;

    (b)

    miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni għar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli, bħalma huma l-qabdiet totali permissibbli u l-kwoti jew ir-regolazzjoni tal-isforz fis-sajd li jistad riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal baħar regolati mill-WCPFC, bil-mira li jiġu restawrati u mantenuti dawn ir-riżorsi tal-anqas f'livelli li jippermettu rendiment massimu sostenibbli. Fejn meħtieġ, dawk il-miżuri ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni għandhom jinkludu miżuri speċifiċi għall-istokkijiet, li jġarrbu sajd eċċessiv biex l-isforz tas-sajd jinżamm f'livelli kommensurati mal-irkupru ta' dawn l-istokkijiet;

    (c)

    miżuri li jippromwovu l-ġbir ta' data dwar is-sajd li jippermettu valutazzjonijiet robusti tal-istokkijiet, jappoġġaw il-ħidma xjentifika tal-Kumitat Xjentifiku tal-WCPFC u jsejsu deċiżjonijiet ta' ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, miżuri li jimmiraw li jsaħħu l-kumitat ta' konformità tiegħu, jippromwovu kultura ta' konformità u ta' twettiq ta' rieżamijiet tal-prestazzjoni perjodiċi indipendenti;

    (d)

    tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-WCPFC u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu biex jiġi żgurat approċċ koerenti għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet tal-baħar rilevanti partikularment fir-rigward tal-ġbir tad-data biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjonijiet robusti tal-istokkijiet;

    (e)

    miżuri għall-prevenzjoni, id-deterrent u l-eliminazzjoni ta' attivitajiet ta' sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC, inkluż l-elenkar tal-bastimenti IUU u l-elenkar komuni ma' RFMOs oħra, u miżuri li jippromwovu t-traċċabbiltà tal-ħut u tal-prodotti tas-sajd abbażi tal-Linji Gwida Volontarji għall-Iskemi ta' Dokumentazzjoni tal-Qbid;

    (f)

    miżuri ta' monitoraġġ, kontroll u sorveljanza fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u l-konformità mal-miżuri adottati fil-WCPFC inkluż it-tisħiħ tal-kontroll fuq l-operazzjonijiet tat-trażbord abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar it-Trażbord;

    (g)

    miżuri biex jiġi minimizzat l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar u l-abitati tagħhom, inkluż miżuri protettivi għal ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fiż-Żona tal-Konvenzjoni WCPFC bi qbil mal-Konvenzjoni WCPFC u l-Linji Gwida Internazzjonali tal-FAO għall-Ġestjoni tas-Sajd fl-Ibħra Fondi fil-Baħar Miftuħ, miżuri biex jiġi evitat u jitnaqqas kemm jista' jkun il-qbid mhux mixtieq, inkluż partikularment l-ispeċijiet vulnerabbli tal-baħar, u biex gradwalment jiġi eliminat il-qbid skartat;

    (h)

    miżuri biex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar u jiġi prevenut l-iskariku tal-plastik fil-baħar u jitnaqqas l-impatt tal-plastik fil-baħar fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi tal-baħar inkluż miżuri biex jitnaqqas l-impatt ta' Rkaptu tas-Sajd Abbandunat, Mitluf jew Skartat Mod Ieħor fl-oċean u biex jiġu ffaċilitati l-identifikazzjoni u l-irkupru ta' tali rkaptu abbażi tal-Linji Gwida Volontarji tal-FAO dwar il-Markar tal-Irkaptu tas-Sajd;

    (i)

    miżuri mmirati lejn il-projbizzjoni tas-sajd imwettaq biss bl-iskop tas-sajd għall-pinen tal-klieb il-baħar u li jirrikjedu li l-klieb il-baħar kollha jitħattew l-art bil-pinen kollha mwaħħla kif tipprovdi n-natura;

    (j)

    rakkomandazzjonijiet, fejn xieraq u sa fejn huwa permess skont id-dokumenti kostitwenti rilevanti, li jħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol ;

    (k)

    approċċi komuni ma' RFMOs oħrajn, fejn xieraq, partikularment dawk involuti fil-ġestjoni tas-sajd fl-istess reġjun;

    (l)

    miżuri tekniċi addizzjonali bbażati fuq pariri mill-korpi sussidjarji u gruppi ta' ħidma tal-WCPFC;

    (m)

    miżuri konsistenti mal-objettivi li jinkisbu benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-provvisti tal-ikel.


    ANNESS II

    L-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tittieħed fil-laqgħat tal-Kummissjoni għas-Sajd fil-Punent tal-Paċifiku u l-Paċifiku Ċentrali (WCPFC)

    Qabel kull laqgħa annwali tal-WCPFC, meta dak il-korp jintalab jadotta deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali fuq l-Unjoni, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni tqis l-aktar informazzjoni xjentifika u informazzjoni rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni f'konformità mal-prinċipji u l-orjentazzjonijiet stabbiliti fl-Anness I.

    Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea għandha tibgħat lill-Kunsill jew lil korpi preparatorji minn żmien suffiċjenti qabel kull laqgħa tal-WCPFC, dokument bil-miktub li jistabbilixxi d-dettalji tal-ispeċifikazzjoni proposta tal-pożizzjoni tal-Unjoni għal diskussjoni u approvazzjoni tad-dettalji tal-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni.

    Jekk matul laqgħa tal-WCFPC ma jkunx jista' jintlaħaq qbil, inkluż fuq il-post, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tqis elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.


    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/2810/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top