Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021Q1230(01)

Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Regoli ta’ Proċedura

ĠU L 472, 30/12/2021, p. 1–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/07/2023; Mibdul minn 32023Q0721(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2021/1230/oj

30.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 472/1


KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI —

REGOLI TA’ PROĊEDURA

INTRODUZZJONI

Fit-12 ta’ Ottubru 2021, il-Kumitat tar-Reġjuni adotta r-Regoli ta’ Proċedura li ġejjin fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 306 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

TITOLU I

MEMBRI U KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT

KAPITOLU 1

KORPI KOSTITWENTI TAL-KUMITAT

Artikolu 1 – Korpi kostitwenti tal-Kumitat

Il-korpi kostitwenti tal-Kumitat huma l-assemblea plenarja, il-President, il-Bureau, il-Konferenza tal-Presidenti u l-kummissjonijiet.

Artikolu 2 – Id-diversità tal-ġeneru

1.

Id-diversità tal-ġeneru fi ħdan il-Kumitat tar-Reġjuni għandha tkun riflessa kemm jista’ jkun possibbli fil-kompożizzjoni tal-korpi kostitwenti tiegħu.

2.

Il-Bureau għandu jadotta pjan ta’ azzjoni dwar il-ġeneru bil-għan li jinkorpora l-perspettiva tal-ġeneru fl-attivitajiet kollha tal-Kumitat. Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-ġeneru għandu jkun immonitorjat kull sena u rivedut mill-inqas kull ħames snin.

KAPITOLU 2

MEMBRI TAL-KUMITAT

Artikolu 3 – Status tal-membri u tas-sostituti

B’konformità mal-Artikolu 300 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-membri tal-Kumitat u s-sostituti tagħhom jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Huma għandu jkollhom mandat elettorali f’awtorità lokali jew reġjonali, jew ikunu politikament responsabbli quddiem assemblea eletta. Ma jistgħu jkunu marbuta bl-ebda mandat obbligatorju u għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta’ dmirijiethom, fl-interess ġenerali tal-Unjoni.

Artikolu 4 – Tul tal-mandat

1.

Il-mandat tal-membri jew is-sostituti jibda fid-data li fiha tidħol fis-seħħ il-ħatra tagħhom mill-Kunsill.

2.

Il-mandat tal-membri jew is-sostituti jintemm fil-każ ta’ riżenja, tmiem il-mandat elettorali li bih inħatru jew mewt.

3.

Il-membri jew is-sostituti li jirriżenjaw għandhom jgħarrfu bil-miktub lill-President tal-Kumitat bil-ħsieb tagħhom u jispeċifikaw id-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-riżenja tagħhom. Il-President għandu jgħarraf lill-Kunsill, li għandu jikkonferma li l-post tbattal u jimplimenta l-proċedura ta’ sostituzzjoni.

4.

Il-membri jew is-sostituti li l-mandat tagħhom jintemm minħabba li jiskadi l-mandat li bih inħatru għandhom jgħarrfu minnufih lill-President tal-Kumitat dwar dan bil-miktub.

5.

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2), il-Kunsill għandu jinnomina suċċessur għall-bqija tal-mandat.

Artikolu 5 – Privileġġi u immunitajiet

Il-membri u s-sostituti tagħhom b’mandat kif dovut għandhom igawdu privileġġi u immunitajiet skont il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6 – Parteċipazzjoni tal-membri u tas-sostituti

1.

Il-membri li ma jistgħux jipparteċipaw f’xi sessjoni plenarja jistgħu jkunu rappreżentati minn xi sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tagħhom, anke f’każ li dan jiġri biss f’ċerti ġranet matul is-sessjoni plenarja. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b’mandat kif dovut jiġu reġistrati fuq lista tal-attendenza.

2.

Il-membri li ma jistgħux jipparteċipaw f’xi laqgħa tal-kummissjoni, jew f’xi laqgħa oħra li ġiet approvata mill-Bureau, jistgħu jkunu rappreżentati minn xi membru ieħor jew sostitut mid-delegazzjoni nazzjonali tagħhom jew mill-grupp politiku tagħhom. Jeħtieġ li l-membri kollha u s-sostituti tagħhom b’mandat kif dovut jiġu reġistrati fuq lista tal-attendenza.

3.

Il-membri jew is-sostituti mniżżlin fil-lista ta’ dawk li jissostitwixxu lill-membri ta’ grupp ta’ ħidma, abbażi tal-Artikolu 37 jew 61 tar-Regoli ta’ Proċedura, jistgħu jissostitwixxu kwalunkwe membru ta’ dan il-grupp ta’ ħidma fil-grupp politiku tagħhom.

4.

Is-sostituti jew il-membri li jissostitwixxu membri oħra jistgħu jaċċettaw prokura minn membru wieħed jew waħda biss. Għandu jkollhom l-istess setgħat bħal membru fil-laqgħa rilevanti. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun mgħarraf dwar il-prokura tal-vot, b’konformità mal-proċedura ta’ notifika u din in-notifika għandha tiġi riċevuta mhux aktar tard minn ġurnata qabel il-laqgħa.

Għal kull sessjoni plenarja għandu jingħata rimborż tal-ispejjeż lill-membru jew lis-sostitut biss. Id-dispożizzjonijiet dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

5.

Is-sostituti li jinħatru relaturi jistgħu jippreżentaw l-abbozz ta’ opinjoni li jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom fis-sessjoni plenarja li għandha fuq l-aġenda tagħha l-abbozz ta’ opinjoni. Il-membri jistgħu jiddelegaw id-dritt tal-vot tagħhom lis-sostituti tagħhom waqt li l-abbozz ta’ opinjoni imsemmi jkun qiegħed jiġi diskuss. Għandu jingħata tagħrif bil-miktub dwar il-prokura tal-vot lis-Segretarju Ġenerali qabel il-laqgħa rilevanti.

6.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 24(1), kull prokura titlef il-validità tagħha meta l-membri li ma jkunux jistgħu jipparteċipaw ma jibqgħux membri tal-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 7 – Prokura tal-vot

Ħlief kif hemm previst fl-Artikoli 6 u 32, id-dritt tal-vot ma jistax jiġi delegat.

Artikolu 8 – Delegazzjonijiet nazzjonali u gruppi politiċi

Id-delegazzjonijiet nazzjonali u l-gruppi politiċi għandhom jikkontribwixxu b’mod ibbilanċjat fl-organizzazzjoni tal-ħidma tal-Kumitat.

Artikolu 9 – Delegazzjonijiet nazzjonali

1.

Il-membri u s-sostituti minn kull Stat Membru għandhom jikkostitwixxu delegazzjoni nazzjonali. Kull delegazzjoni nazzjonali għandha tistabbilixxi l-organizzazzjoni interna tagħha u tagħżel president. L-isem tal-persuna magħżula għandu jiġi mgħarraf uffiċjalment lill-President tal-Kumitat.

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandua jara li, fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Kumitat, id-delegazzjonijiet nazzjonali jirċievu għajnuna li tippermetti li l-membri individwali jirċievu tagħrif u għajnuna bil-lingwa uffiċjali tagħhom. Din l-għajnuna għandha tagħmel parti minn servizz speċifiku li jikkonsisti f’uffiċjali jew impjegati oħrajn tal-Kumitat tar-Reġjuni u dan is-servizz għandu jiżgura li d-delegazzjonijiet nazzjonali jistgħu jagħmlu użu adatt mill-faċilitajiet tal-Kumitat. B’mod speċifiku, id-delegazzjonijiet nazzjonali għandhom jiġu pprovduti b’mezzi adatti mis-Segretarju Ġenerali sabiex isejħu laqgħat immedjatament qabel jew matul is-sessjonijiet plenarji.

3.

Id-delegazzjonijiet nazzjonali għandhom ukoll għad-dispożizzjoni tagħhom l-għajnuna tal-koordinaturi nazzjonali, li mhumiex parti mill-persunal tas-Segretarjat Ġenerali. Dawn jiffaċilitaw it-twettiq tal-mandat tal-membri fi ħdan il-Kumitat.

Artikolu 10 – Gruppi politiċi u membri mhux affiljati

1.

Il-membri u s-sostituti jistgħu jiffurmaw gruppi li jirriflettu l-affiljazzjoni politika tagħhom. Il-kriterji għas-sħubija għandhom jiġu preskritti fir-regoli interni ta’ kull grupp politiku.

2.

Huwa meħtieġ minimu ta’ tminax-il membru jew sostitut, li tal-anqas nofshom għandhom ikunu membri, li b’kollox jirrappreżentaw tal-inqas wieħed minn kull ħames Stati Membri sabiex jiġi ffurmat grupp politiku. Il-membri jew is-sostituti jistgħu jagħmlu parti minn grupp politiku wieħed biss. Grupp politiku għandu jxolji jekk in-numru tal-membri neċessarju sabiex jitwaqqaf ikun inqas minn dak meħtieġ.

3.

Kull darba li jitwaqqaf, ixolji jew b’xi mod jinbidel xi grupp politiku, għandha titressaq stqarrija bil-miktub quddiem il-President tal-Kumitat. L-istqarrija dwar it-twaqqif ta’ xi grupp politiku għandha tispeċifika l-isem tal-grupp politiku, il-membri tiegħu u l-bureau.

4.

Kull grupp politiku għandu segretarjat magħmul minn persunal minn fost l-impjegati tas-Segretarjat Ġenerali. Il-gruppi politiċi jistgħu jibagħtu proposti lill-awtorità li għandha s-setgħa li tinnomina dwar l-għażla, l-impjieg u l-promozzjoni tal-persunal ta’ dawn is-segretarjati u t-tiġdid tal-kuntratti tagħhom. L-awtorità tal-ħatra għandha tasal għad-deċiżjoni tagħha wara li tikkonsulta ‘l-president tal-grupp politiku kkonċernat.

5.

Il-gruppi politiċi u l-korpi kostitwenti tagħhom għandhom jiġu pprovduti b’riżorsi adatti għal-laqgħat, l-attivitajiet u l-pubblikazzjonijiet u għax-xogħol tas-segretarjati tagħhom mis-Segretarju Ġenerali. Ir-riżorsi għal kull grupp politiku għandhom jiġu speċifikati fil-baġit. Il-gruppi politiċi u s-segretarjati tagħhom jistgħu jagħmlu użu adatt mill-faċilitajiet tal-Kumitat.

6.

Il-gruppi politiċi u l-bureaux tagħhom jistgħu jiltaqgħu immedjatament qabel jew matul is-sessjonijiet plenarji. Jistgħu jsejħu laqgħa straordinarja darbtejn fis-sena. Is-sostituti li jattendu għal dawn il-laqgħat huma intitolati għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza jekk ikun u qed jirrappreżentaw xi membru mill-grupp politiku tagħhom.

7.

Il-membri mhux affiljati għandu jkollhom appoġġ amministrattiv. Id-dispożizzjonijiet relatati ma’ dan għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

Artikolu 11 – Gruppi interreġjonali

Il-membri u s-sostituti jistgħu jifformaw gruppi interreġjonali. Għandhom jgħarrfu lill-President tal-Kumitat dwar dan. Grupp interreġjonali jiġi ffurmat formalment fuq deċiżjoni tal-Bureau.

TITOLU II

ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA TAL-KUMITAT

KAPITOLU 1

KONVOKAZZJONI U BIDU TAL-KARIGA TAL-KUMITAT

Artikolu 12 – Konvokazzjoni tal-ewwel laqgħa

Il-Kumitat jiġi kkonvokat wara kull tiġdid ta’ ħames snin mill-President li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-ewwel Viċi President li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-Viċi President l-aktar anzjan fl-età li jkun għadu kif intemm il-mandat tiegħu jew, jekk dan ma jkunx possibbli, mill-aktar membru anzjan fl-età u għandu jitlaqqa’ mhux aktar tard minn xahar wara l-ħatra tal-membri tiegħu mill-Kunsill.

Il-membru li jkun qed jaqdi rwol ta’ President interim skont l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, għandu wkoll jirrappreżenta l-Kumitat matul dan il-perjodu, ikompli jieħu ħsieb il-ħidma attwali, u jmexxi l-ewwel laqgħa bħala President interim.

Flimkien mal-iżgħar erba’ membri preżenti u s-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat huwa jikkostitwixxi l-Bureau interim.

Artikolu 13 – Bidu tal-kariga tal-Kumitat u verifika tal-kredenzjali

1.

Matul l-ewwel laqgħa, il-President interim għandu jgħarraf lill-Kumitat bil-komunikazzjoni mill-Kunsill relatata mal-ħatra tal-membri u jagħti rendikont tal-miżuri li jkunu ttieħdu biex jirrappreżenta l-Kumitat u jieħu ħsieb il-ħidma attwali. Jekk jintalab, il-President interim jista’ jiddeċiedi li jivverifika l-ħatra u l-kredenzjali tal-membri qabel ma jiddikjara l-bidu tal-kariga tal-Kumitat għall-mandat il-ġdid.

2.

Il-Bureau interim għandu jibqa’ fil-kariga sal-istqarrija tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-membri tal-Bureau.

KAPITOLU 2

ASSEMBLEA PLENARJA

Artikolu 14 – Ix-xogħol tal-assemblea plenarja

Il-Kumitat għandu jiltaqa’ f’assemblea plenarja. Il-kompiti prinċipali tagħha għandhom ikunu:

(a)

li tadotta opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet;

(b)

li tadotta l-abbozzi tal-estimi preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat;

(c)

li tadotta l-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat;

(d)

li teleġġi l-President, l-ewwel Viċi President u l-bqija tal-membri tal-Bureau;

(e)

li twaqqaf kummissjonijiet;

(f)

li tadotta u tirrevedi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat;

(g)

li tadotta u tirrevedi kodiċijiet ta’ kondotta għall-membri;

(h)

li, wara verifika tal-kworum preżenti, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, tieħu deċiżjoni, b’maġġoranza tal-voti mixħuta, fuq proposta tal-President tal-Kumitat jew tal-kummissjoni rilevanti li taġixxi b’konformità mal-Artikoli 57 u 58, dwar l-introduzzjoni ta’ rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni, ir-rikors għandu jitressaq mill-President f’isem il-Kumitat.

Artikolu 15 – Konvokazzjoni tal-assemblea plenarja

1.

L-assemblea plenarja għandha tissejjaħ tal-inqas darba kull tliet xhur mill-President tal-Kumitat. Id-dati tas-sessjonijiet plenarji għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau matul l-ewwel nofs tas-sena ta’ qabel. Sessjoni plenarja tista’ tiltaqa’ f’jum wieħed jew aktar ta’ seduta.

2.

Fuq talba bil-miktub ta’ mill-inqas kwart tal-membri, il-President jintrabat li jsejjaħ sessjoni plenarja straordinarja, li għandha sseħħ mhux qabel ġimgħa u mhux aktar tard minn xahar wara d-data tat-talba. It-talba bil-miktub għandha tindika s-suġġett li ser ikun diskuss fis-sessjoni plenarja straordinarja. Ma jista’ jidher l-ebda suġġett ieħor fl-aġenda.

Artikolu 16 – Aġenda tas-sessjoni plenarja

1.

Il-Bureau jħejji l-abbozz preliminari ta’ aġenda li jkun fih lista provviżorja tal-abbozzi ta’ opinjonijiet, ta’ rapporti jew ta’ riżoluzzjonijiet għad-diskussjoni fis-sessjoni plenarja ta’ wara dik li jkun imiss flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha li jeħtieġu deċiżjoni.

2.

Tal-anqas wieħed u għoxrin jum ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja, l-abbozz ta’ aġenda flimkien mad-dokumenti kollha mniżżla fih li jeħtieġu deċiżjoni għandhom ikunu disponibbli elettronikament għall-membri u s-sostituti tagħhom; id-dokumenti kollha tal-laqgħa għandhom ikunu disponibbli bil-lingwa uffiċjali rispettiva tagħhom.

3.

Hija r-responsabbiltà tal-President li jitħejja l-abbozz ta’ aġenda, wara konsultazzjoni mal-Konferenza tal-Presidenti.

4.

F’ċerti każijiet ta’ eċċezzjoni u għal raġunijiet adatti fejn id-data tal-għeluq imsemmija f’punt 2 ma tistax tiġi rispettata, il-President jista’ jiddeċiedi li jinkludi dokument li jeħtieġ deċiżjoni fl-abbozz ta’ aġenda sakemm id-dokument imsemmi jkun intbagħat lill-membri u lis-sostituti bil-lingwa uffiċjali tagħhom tal-anqas ġimgħa qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. Fuq il-paġna ta’ quddiem tad-dokument għal deċiżjoni, għandha tingħata raġuni mill-President għall-użu ta’ din il-proċedura.

5.

L-emendi bil-miktub fl-abbozz ta’ aġenda għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

6.

Il-Bureau għandu jistabbilixxi l-abbozz ta’ aġenda finali fil-laqgħa tiegħu immedjatament qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. F’din il-laqgħa l-Bureau jista’ jiddeċiedi, b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mixħuta, li jinkludi fl-aġenda kwistjonijiet ta’ natura urġenti jew topiċi li l-analiżi tagħhom ma tistax tistenna sas-sessjoni plenarja li jmiss.

7.

Fuq proposta tal-President, ta’ grupp politiku jew ta’ 32 membru, il-Bureau jew l-assemblea plenarja jistgħu jiddeċiedu, qabel issir il-votazzjoni fuq l-emendi, li jipposponu għal sessjoni plenarja futura d-diskussjoni dwar dokument għal deċiżjoni.

Din id-dispożizzjoni ma tapplikax f’każijiet meta, minħabba d-data tal-għeluq stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew, ikun impossibbli li tiġi posposta l-adozzjoni ta’ dokument għal deċiżjoni.

Id-dokument għal deċiżjoni li jiġi pospost għal sessjoni futura tal-assemblea plenarja għandu jinkludi l-emendi kollha mressqa b’mod validu li huma marbuta miegħu. Kwalunkwe aġġornament tal-votazzjoni jagħti lok ukoll għal data tal-għeluq ġdida għat-tressiq tal-emendi.

Artikolu 17 – Ftuħ tas-sessjoni plenarja

Is-sessjoni plenarja għandha tinfetaħ mill-President u l-abbozz ta’ aġenda finali għandu wkoll jitressaq mill-President għall-adozzjoni.

Artikolu 18 – Aċċess għall-pubbliku, mistednin u kelliema mistiedna

1.

Is-sessjonijiet plenarji huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm l-assemblea plenarja ma tiddeċidix mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa jew xi punt speċifiku fuq l-aġenda.

2.

Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jattendu għas-sessjonijiet plenarji u jistgħu jintalbu jindirizzaw l-assemblea.

3.

Mistednin distinti oħra jistgħu wkoll jiġu mistiedna biex jindirizzaw l-Assemblea Plenarja mill-President, fuq inizjattiva proprja tiegħu jew tagħha jew fuq talba tal-Bureau.

Artikolu 19 – Standards tal-kondotta u ħin għad-diskorsi

1.

Mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-kelma, il-membri għandhom iġibu ruħhom b’rispett reċiproku, abbażi tal-valuri u l-prinċipji stabbiliti fit-testi bażiċi li fuqhom hija msejsa l-Unjoni Ewropea, b’rispett tad-dinjità tal-Kumitat u m’għandhomx jikkompromettu t-twettiq mingħajr xkiel tal-ħidma tal-korpi kostitwenti tal-Kumitat jew itellfu l-paċi u l-kwiet ta’ kwalunkwe bini tal-Kumitat.

2.

Fil-bidu tal-laqgħa u fuq proposta tal-Bureau, l-assemblea plenarja għandha tistabbilixxi l-ħin għad-diskorsi għal kull punt fuq l-aġenda. Matul kwalunkwe sessjoni plenarja, il-President, fuq inizjattiva proprja jew fuq talba ta’ xi membru, għandu jiddeċiedi dwar limitu tal-ħin għad-diskorsi.

3.

Il-President jista’ jipproponi lill-assemblea plenarja li meta jsiru d-dibattiti fuq xi kwistjonijiet ġenerali jew fuq xi temi speċifiċi, il-ħin għad-diskorsi jinqasam bejn il-gruppi politiċi u d-delegazzjonijiet nazzjonali.

4.

Bħala regola ġenerali, il-ħin għad-diskorsi għandu jkun limitat għal minuta għall-kummenti fuq il-minuti, għal points of order u l-modifiki għall-abbozz finali ta’ aġenda jew l-aġenda.

5.

Jekk il-kelliema jaqbżu l-ħin allokat għalihom, il-permess tagħhom li jitkellmu jista’ jiġi rtirat mill-President.

6.

Kull talba minn xi membru sabiex jitwaqqaf id-dibattitu għandha tgħaddi għall-votazzjoni mill-President.

Artikolu 20 – Kelliema tal-assemblea plenarja

1.

L-ismijiet tal-membri li jitolbu jitkellmu jitniżżlu f’lista fl-istess ordni li fih ikunu waslu t-talbiet tagħhom. Il-membri jissejħu mill-President sabiex jitkellmu fuq il-bażi ta’ din il-lista filwaqt li tiġi żgurata kemm jista’ jkun id-diversità tal-kelliema.

2.

Madankollu, tista’ tingħata prijorità, fuq it-talba tagħhom, lir-relatur tal-kummissjoni kkonċernata u lir-rappreżentanti tal-gruppi politiċi u tad-delegazzjonijiet nazzjonali li jixtiequ jitkellmu f’isem il-kummissjoni, il-grupp jew id-delegazzjoni tagħhom.

3.

Ħadd ma jista’ jindirizza l-laqgħa aktar minn darbtejn fuq l-istess suġġett, ħlief bil-permess tal-President. Madankollu, il-President u r-relaturi tal-kummissjonijiet kkonċernati għandhom jitħallew jitkellmu fuq talba tagħhom għal tul ta’ żmien skont kif deċiż mill-President.

Artikolu 21 – Points of order

1.

Il-membri li jixtiequ jippreżentaw point of order jew li jixtiequ jiġbdu l-attenzjoni tal-President minħabba xi nuqqas fir-rigward tar-Regoli ta’ Proċedura għandhom jitħallew jitkellmu. Il-point of order għandha tkun relatata mal-aġenda jew mas-suġġett tad-diskussjoni.

2.

Talba għal point of order għandha tieħu preċedenza fuq kull talba oħra li wieħed jitkellem.

3.

Id-deċiżjoni dwar il-points of order għandha tittieħed minnufih mill-President, b’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura u d-deċiżjoni għandha titħabbar minnufih mill-President wara li tkun saret il-point of order. Ma għandha ssir l-ebda votazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-President.

Artikolu 22 – Kworum

1.

Jintlaħaq kworum fl-assemblea plenarja jekk aktar minn nofs il-membri huma preżenti. Il-kworum jiġi verifikat fuq talba ta’ membru u b’kundizzjoni li minn tal-anqas sittax-il membru jivvutaw favur it-talba għall-verifika tal-kworum. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi hu kemm hu n-numru ta’ nies preżenti. Is-sessjoni plenarja tista’ titwaqqaf mill-President għal mhux aktar minn għaxar minuti qabel ma jgħaddi għall-verifika tal-kworum. Il-membri li jkunu talbu verifika tal-kworum iżda li jkunu ħallew il-kamra tas-sessjoni plenarja għandhom jitqiesu bħala preżenti għall-finijiet tal-għadd. Jekk hemm inqas minn sittax-il membru preżenti, jista’ jiġi deċiż mill-President li ma ntlaħaqx kworum.

2.

Jekk ikun konkluż li ma ntlaħaqx kworum, il-punti kollha fuq l-aġenda li jeħtieġu votazzjoni għandhom jiġu posposti għall-jum tal-laqgħa li jmiss, f’liema ħin l-assemblea plenarja tista’ tgħaddi għall-votazzjoni valida ta’ dawn il-punti li jkunu s-suġġett ta’ rapport, ikun kemm ikun in-numru tal-membri preżenti. Id-deċiżjonijiet jew il-voti kollha li jittieħdu matul il-laqgħa qabel il-verifika tal-kworum għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 23 – Votazzjoni

1.

L-assemblea plenarja tiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti mixħuta, sakemm ir-Regoli ta’ Proċedura ma jipprevedux mod ieħor.

2.

Il-forom validi ta’ vot għandhom ikunu “favur”, “kontra” jew “astensjoni”. Fil-kalkolu tal-maġġoranza, għandhom jitqiesu biss il-voti mixħuta favur jew kontra. F’każ ta’ voti ndaqs, it-test jew il-proposta għandha titqies bħala li m’għaddietx.

3.

Id-dritt tal-vot huwa dritt personali. Il-membri għandhom jivvutaw biss individwalment u personalment.

4.

Jekk ir-riżultat tal-għadd tal-voti jkun ikkontestat, jista’ jintalab li terġa’ ssir il-votazzjoni mill-President jew fuq talba ta’ membru bil-kundizzjoni li minn tal-inqas sittax-il membru jappoġġjaw dit-talba li ssir votazzjoni mill-ġdid.

5.

Fuq proposta tal-President, ta’ grupp politiku jew ta’ 32 membru li jkunu preżenti qabel l-approvazzjoni tal-aġenda finali, l-assemblea plenarja tista’ tiddeċiedi li jittieħed vot reġistrat fuq punt wieħed tal-aġenda jew aktar u dan jitniżżel fil-minuti tas-sessjoni plenarja. Sakemm l-assemblea plenarja ma tiddeċidix mod ieħor, m’għandux jintalab vot reġistrat fil-każ tal-emendi.

6.

Fuq proposta tal-President, ta’ grupp politiku jew ta’ 32 membru, jista’ jiġi deċiż li ssir votazzjoni sigrieta jekk il-kwistjoni mressqa għall-votazzjoni tolqot lill-persuni.

7.

F’kull ħin jista’ jiġi deċiż mill-President li l-votazzjoni ssir b’mezzi elettroniċi.

Ir-rekordjar tar-riżultat numeriku ta’ votazzjoni elettronika għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku wara s-sessjoni plenarja.

Artikolu 24 – Tressiq tal-emendi

1.

Il-membri u s-sostituti b’mandat kif dovut biss u kwalunkwe sostitut mingħajr mandat li jkun relatur ta’ opinjoni mfassla mill-istess relatur jistgħu jressqu emendi għal dokumenti għal deċiżjoni b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ tressiq tal-emendi.

Id-dritt li jitressqu l-emendi f’sessjoni plenarja jista’ jintuża mill-membri jew mis-sostitut tagħhom b’mandat kif dovut. Jekk xi ħadd mill-membri jiddelega jew sessjoni plenarja jew parti minnha lil sostitut, xi ħadd minnhom biss jista’ jressaq emendi. Jekk xi ħadd mill-membri jressaq kwalunkwe emenda għal kwalunkwe parti tas-sessjoni plenarja, is-sostitut ma jistax jagħmel dan wara. Bl-istess mod, jekk xi ħadd mis-sostituti jiġi ddelegat għal kwalunkwe parti tas-sessjoni plenarja u jressaq kwalunkwe emenda għal opinjoni – qabel ma l-membru jkun ressaq jew tkun ressqet xi emendi, il-membru ma jkun jista’ jressaq l-ebda emenda fis-sessjoni plenarja. L-emendi debitament imressqa qabel ma l-membri jew is-sostituti fi ħdan il-Kumitat ma jibqgħux tali jew qabel ma tingħata jew tiġi rrevokata delega jibqgħu validi.

2.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 28, l-emendi għal dokumenti li jeħtieġu deċiżjoni għandhom jiġu ppreżentati minn grupp politiku jew tal-inqas sitt membri jew sostituti b’mandat kif dovut u fuqhom għandu jitniżżel isimhom. Id-delegazzjonijiet nazzjonali li huma magħmula minn anqas minn sitt membri jistgħu jressqu emendi bil-kundizzjoni li jitressqu mill-istess numru ta’ membri mid-delegazzjoni jew mis-sostituti b’mandat kif dovut u fuqhom għandu jitniżżel isimhom.

3.

L-emendi għandhom jitressqu qabel it-3 p.m. tal-ħdax-il jum ta’ xogħol qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni plenarja. L-emendi għandhom ikunu disponibbli elettronikament malli ssir it-traduzzjoni tagħhom, iżda tal-anqas erbat ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

L-emendi għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tat-traduzzjoni u mbagħad jintbagħtu lir-relatur sabiex hu jew hi tkun tista’ tressaq l-emendi tar-relatur quddiem is-Segretarjat Ġenerali tal-anqas tlett ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tas-sessjoni plenarja. Dawn l-emendi tar-relatur għandhom ikunu marbuta ma’ emenda jew għadd ta’ emendi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 u li għandhom jiġu identifikati mir-relatur. L-emendi tar-relatur ikunu jistgħu jiġu kkonsultati fil-jum ta’ qabel il-jum tal-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

F’każijiet fejn japplika l-Artikolu 16(4), jista’ jiġi deċiż mill-President li d-data tal-għeluq biex jintbagħtu l-emendi titnaqqas għal tal-inqas tlett ijiem ta’ xogħol. Id-data tal-għeluq m’għandhiex tapplika fil-każ ta’ emendi ta’ kwistjonijiet urġenti skont l-Artikolu 16(6).

4.

L-emendi kollha għandhom jitqassmu fost il-membri qabel il-bidu tas-sessjoni plenarja.

Artikolu 25 – Proċedura biex jiġu trattati l-emendi

1.

Il-proċedura tal-votazzjoni applikabbli hi kif ġej:

(a)

L-ewwel issir il-votazzjoni fuq l-emendi għall-abbozz ta’ dokument. L-emendi għandu jkollhom prijorità fuq it-test li jkunu marbutin miegħu.

(b)

It-tieni ssir il-votazzjoni fuq it-test sħiħ, sew jekk ikun emendat sew jekk le.

2.

Il-prinċipji li jirregolaw il-votazzjoni:

(a)

Emendi ta’ kompromess imressqa matul il-laqgħa.

Jekk xi emenda jew aktar jitressqu għal xi parti ta’ test, il-President, ir-relatur jew l-awturi ta’ dawn l-emendi jistgħu, b’mod eċċezzjonali, jipproponu emendi ta’ kompromess. Dawn l-emendi ta’ kompromess għandhom jingħataw prijorità fil-votazzjoni.

Jekk ir-relatur jew xi ħadd mill-awturi tal-emenda inizjali jkollu oġġezzjoni għall-emenda ta’ kompromess proposta, din m’għandhiex titressaq għall-votazzjoni.

(b)

Votazzjoni konġunta.

Jista’ jiġi deċiż mill-President, qabel emenda partikolari tiġi adottata jew miċħuda, li diversi emendi oħra b’kontenut simili jew b’għanijiet simili għandhom jitressqu għall-votazzjoni b’mod kollettiv (votazzjoni konġunta). Dawn l-emendi jistgħu jkunu marbuta ma’ partijiet differenti tat-test oriġinali.

(c)

Block votes.

Għall-emendi mressqin għall-abbozz ta’ opinjoni tagħhom, ir-relaturi jistgħu jħejju lista ta’ dawk li jirrakkomandaw li jiġu adottati (rakkomandazzjoni ta’ vot). Jekk tkun saret rakkomandazzjoni ta’ vot mir-relatur, jista’ jiġi deċiż mill-President li ċerti emendi koperti mir-rakkomandazzjoni għandha ssir votazzjoni dwarhom flimkien (block votes). Kull membru jista’ joġġezzjona għar-rakkomandazzjoni ta’ vot; f’dan il-każ irid jispeċifika liema huma l-emendi li għandha ssir votazzjoni dwarhom separatament.

(d)

Votazzjoni maqsuma.

Meta t-test li għandha ssir votazzjoni dwaru jkun fih żewġ dispożizzjonijiet jew iżjed, jew referenzi għal żewġ punti jew iżjed, jew ikun jista’ jinqasam f’żewġ partijiet jew iżjed li jkollhom tifsira distinta u/jew valur normattiv, tista’ tintalab votazzjoni maqsuma mir-relatur, grupp politiku, delegazzjoni nazzjonali, jew minn xi ħadd mill-membri li ressqu l-emenda.

It-talba għandha ssir sa mhux aktar tard minn siegħa qabel tibda s-sessjoni plenarja, ħlief fil-każ li tkun stabbilita data tal-għeluq differenti mill-President. Id-deċiżjoni dwar it-talba għandha tittieħed mill-President.

Mhux ammissibbli li ssir votazzjoni maqsuma fil-każ ta’ emenda ta’ kompromess jew ta’ emenda tar-relatur.

3.

Votazzjoni fuq l-emendi:

Il-votazzjoni fuq l-emendi għandha ssegwi l-ordni tal-punti fit-test u skont din il-prijorità:

l-emendi ta’ kompromess, sakemm ma ssirx oġġezzjoni minn xi ħadd mill-awturi tal-emendi,

l-emendi tar-relatur,

l-emendi l-oħra.

Meta jiġu adottati, l-emendi tar-relatur u l-emendi ta’ kompromess jissostitwixxu l-emendi li jkunu marbutin magħhom.

F’każ li jitressqu żewġ emendi identiċi jew aktar minn awturi differenti, dawn għandhom jitressqu għall-votazzjoni bħala emenda waħda.

M’għandhiex issir votazzjoni fuq l-emendi identifikati bħala ta’ natura lingwistika.

4.

Jekk żewġ emendi jew aktar li jeskludu lil xulxin jitressqu għall-istess parti ta’ xi test, l-emenda li titbiegħed l-aktar mit-test oriġinali għandu jkollha prijorità u ssir votazzjoni dwarha l-ewwel.

5.

Qabel ma ssir il-votazzjoni għandu jingħad mill-President jekk l-adozzjoni ta’ emenda hux ser twaqqa’ emenda waħda jew għadd ta’ emendi oħra, jew għax dawn l-emendi jkunu jeskludu lil xulxin billi jkunu jirreferu għall-istess parti tat-test, jew għax ikunu kontradittorji. Emenda għandha titqies li waqgħet jekk tkun inkonsistenti ma’ votazzjoni preċedenti fuq l-istess opinjoni. Jekk l-awturi ta’ emenda jikkontestaw id-deċiżjoni tal-President f’dan ir-rigward, l-assemblea plenarja għandha tiddeċiedi jekk tressaqhiex għall-votazzjoni jew le.

6.

Jekk it-test sħiħ ma jiksibx il-maġġoranza tal-voti mixħuta fil-votazzjoni finali, l-assemblea plenarja għandha tiddeċiedi jekk l-abbozz ta’ opinjoni għandux ikun rinvijat lill-kummissjoni kompetenti jew għandux jiġi abbandunat. Opinjoni titqies bħala li waqgħet jekk il-kalendarju interistituzzjonali ma jippermettix aktar diskussjoni. L-istituzzjoni li għamlet it-talba tiġi infurmata b’dan mill-President tal-Kumitat.

Jekk l-abbozz ta’ opinjoni jintbagħat lura lill-kummissjoni kompetenti, din għandha:

jew terġa’ tressaq l-abbozz ta’ opinjoni għad-dibattitu u għall-adozzjoni, kif emendat bl-emendi adottati fis-sessjoni plenarja;

jew taħtar relatur ġdid u b’hekk terġa’ tniedi l-proċess tal-abbozzar tal-opinjoni;

jew tabbanduna l-opinjoni.

Artikolu 26 – Koerenza tat-test finali

Jekk il-koerenza tat-test finali tkun kompromessa b’riżultat tal-adozzjoni tal-emendi li ma jkunux ġew dikjarati li waqgħu b’konformità mal-Artikolu 25(5), jew b’riżultat ta’ emenda adottata li tirrikjedi li partijiet rilevanti oħra tat-test jiġu emendati b’mod korrispondenti, l-amministrazzjoni għandha – wara li tikkonsulta lill-gruppi politiċi, lir-relatur u lill-awtur tal-emendi rilevanti – tintroduċi bidliet sabiex it-test finali jkun koerenti. Kull bidla fit-test trid tkun limitata għall-minimu strett meħtieġ sabiex ikun hemm koerenza. Il-membri jiġu infurmati b’kull bidla li ssir.

Artikolu 27 – Opinjonijiet urġenti

F’każijiet urġenti fejn skadenza stabbilita mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Parlament Ewropew ma tistax tintlaħaq skont il-proċedura normali, u l-kummissjoni kompetenti adottat l-abbozz ta’ opinjoni tagħha b’mod unanimu, dan l-abbozz ta’ opinjoni għandu jintbagħat mill-President lill-Kunsill, lill-Kummissjoni jew lill-Parlament Ewropew għal tagħrif. L-abbozz ta’ opinjoni għandu jitressaq quddiem is-sessjoni plenarja li jmiss sabiex ikun adottat mingħajr emenda. Id-dokumenti kollha li jikkonċernaw dan it-test għandhom jindikaw li din hija opinjoni soġġetta għall-proċedura ta’ urġenza.

Artikolu 28 – Proċeduri semplifikati

Abbozzi ta’ opinjonijiet jew rapporti adottati unanimament minn xi kummissjoni għandhom jintbagħtu lill-assemblea plenarja għall-adozzjoni mingħajr tibdil sakemm tal-inqas 32 membru jew sostitut b’mandat kif dovut jew grupp politiku ma jressaqx emenda skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 24(3). F’dan il-każ, l-emenda għandha titqies mill-assemblea plenarja. L-abbozz ta’ opinjoni jew rapport għandu jkun ippreżentat mir-relatur fis-sessjoni plenarja u jista’ jkun is-suġġett ta’ dibattitu. Dan għandu jintbagħat lill-membri flimkien mal-abbozz ta’ aġenda.

Artikolu 29 – Għeluq tas-sessjoni plenarja

Qabel l-għeluq tas-sessjoni plenarja, għandu jitħabbar mill-President il-ħin u l-post tas-sessjoni plenarja li jmiss flimkien ma’ xi punti li diġà qegħdin fuq l-aġenda.

Artikolu 30 – Simboli

1.

Il-Kumitat jagħraf u jadotta dawn is-simboli tal-Unjoni:

(a)

il-bandiera b’ċirku ta’ tnax-il stilla tad-deheb fuq sfond blu,

(b)

l-innu meħud minn “Għanja lill-Ferħ” mid-Disa’ Sinfonija ta’ Ludwig van Beethoven,

(c)

il-motto “Magħqudin fid-diversità”.

2.

Il-Kumitat jiċċelebra Jum l-Ewropa fid-9 ta’ Mejju u jħeġġeġ lill-membri jagħmlu l-istess.

3.

Il-bandiera għandha tidher fil-bini tal-Kumitat u fl-avvenimenti uffiċjali.

4.

L-innu għandu jindaqq fiċ-ċerimonja tal-ftuħ fil-bidu tal-mandat u f’okkażjonijiet formali oħra, b’mod speċjali għall-akkoljenza tal-Kapijiet ta’ Stat jew Gvern, jew għall-akkoljenza tal-membri l-ġodda wara t-tkabbir.

KAPITOLU 3

IL-BUREAU U L-PRESIDENT

Artikolu 31 – Kompożizzjoni tal-Bureau

Il-Bureau huwa magħmul minn:

(a)

il-President;

(b)

l-ewwel Viċi President;

(c)

Viċi President għal kull Stat Membru;

(d)

26 membru ieħor;

(e)

il-presidenti tal-gruppi politiċi;

Is-siġġijiet fil-Bureau (esklużi s-siġġijiet tal-President, l-ewwel Viċi President u l-presidenti tal-gruppi politiċi se jinqasmu fost id-delegazzjonijiet nazzjonali kif ġej:

3 siġġijiet: il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u l-Polonja;

2 siġġijiet: il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Iżvezja;

siġġu wieħed: l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovenja.

Artikolu 32 – Rappreżentanti tal-membri fil-laqgħat tal-Bureau

1.

Għall-membri tagħha tal-Bureau, bl-eċċezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President, kull delegazzjoni nazzjonali għandha taħtar membru jew sostitut bħala rappreżentant mid-delegazzjoni stess.

2.

Għal kull president tal-grupp politiċi, il-grupp politiku inkwistjoni għandu jaħtar minn fostu membru jew sostitut bħala rappreżentant.

3.

Rappreżentant għandu dritt jipparteċipa fil-laqgħat u jkollu d-dritt li jitkellem u jivvota biss meta jkun qed jissostitwixxi dan il-membru tal-Bureau. Il-prokura tal-vot, li tingħata mill-membru li ma jipparteċipax fil-laqgħa tal-Bureau, għandha tiġi mgħarrfa lis-Segretarju Ġenerali qabel il-laqgħa kkonċernata b’konformità mal-proċedura ta’ notifika meħtieġa.

Artikolu 33 – Regoli tal-elezzjoni

1.

Il-Bureau għandu jiġi elett mill-assemblea plenarja għal sentejn u nofs.

2.

L-elezzjoni għandha ssir taħt il-presidenza tal-President interim bl-istess mod kif previst fl-Artikoli 12 u 13. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jintbagħtu bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali tal-anqas siegħa qabel il-bidu tas-sessjoni plenarja. L-elezzjoni tista’ ssir biss wara li jiġi verifikat il-kworum tal-preżenzi li ssir referenza għalih fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(1).

Artikolu 34 – Elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President

1.

Qabel l-elezzjonijiet għall-postijiet ta’ President u tal-ewwel Viċi President, il-kandidati jistgħu jagħmlu stqarrija qasira quddiem l-assemblea plenarja. Ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istess ammont ta’ ħin għad-diskors, stabbilit mill-President interim.

2.

L-elezzjoni tal-President u dik tal-ewwel Viċi President għandhom isiru separatament. Għandhom jiġu eletti bil-maġġoranza tal-voti mixħuta.

3.

Il-forom validi ta’ vot għandhom ikunu “favur” jew astensjoni. Huma l-voti “favur” biss li jiġu kkunsidrati sabiex tiġi kkalkulata jekk intlaħqitx il-maġġoranza.

4.

Jekk l-ebda kandidat ma jikseb il-maġġoranza fl-ewwel votazzjoni, issir it-tieni votazzjoni li matulha jiġi elett il-kandidat bl-ogħla numru ta’ voti. Fil-każ ta’ voti ndaqs, tittieħed deċiżjoni bix-xorti.

Artikolu 35 – Elezzjoni tal-membri tal-Bureau u tal-membri li jirrappreżentawhom

1.

Tista’ tiġi stabbilita lista komuni tal-kandidati mid-delegazzjonijiet nazzjonali li jippreżentaw kandidat wieħed biss għal kull wieħed mis-siġġijiet merfugħa għalihom fil-Bureau. Din il-lista tista’ tiġi adottata b’votazzjoni waħda jekk tikseb il-maġġoranza tal-voti mixħuta.

F’każijiet fejn ma tiġix adottata lista komuni jew fejn in-numru ta’ kandidati propost għas-siġġijiet ta’ delegazzjoni nazzjonali fil-Bureau jaqbeż in-numru ta’ siġġijiet disponibbli, kull wieħed minn dawn is-siġġijiet għandu jiġi deċiż b’votazzjoni separata; f’dan il-każ, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet dwar l-elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President, b’konformità mal-Artikoli 33 u 34(2) sa (4).

2.

L-istess regoli għandhom japplikaw għall-elezzjoni tar-rappreżentanti tal-membri, li jistgħu jiġu eletti fl-istess ħin bħall-membri tal-Bureau.

3.

Il-presidenti tal-gruppi politiċi eletti fi ħdan kull grupp huma membri ex officio tal-Bureau.

Artikolu 36 – By-election għal siġġu battal tal-Bureau

Il-membri tal-Bureau jew ir-rappreżentanti li ma jibqgħux jagħmlu parti mill-Kumitat jew li jirriżenjaw mill-Bureau, għandhom jiġu sostitwiti għall-bqija tal-mandat b’konformità mal-Artikoli 31 sa 35. Il-by-election għal siġġu battal tal-Bureau jew siġġu ta’ sostitut għandha ssir fl-assemblea plenarja taħt il-presidenza tal-President jew ta’ wieħed mir-rappreżentanti tiegħu skont l-Artikolu 39(3).

Artikolu 37 – Il-funzjonijiet tal-Bureau

Il-kompiti tal-Bureau huma dawn:

(a)

It-tħejjija u t-tressiq quddiem l-assemblea plenarja tal-prijoritajiet politiċi tiegħu fil-bidu tal-mandat, u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni; fi tmiem il-mandat, it-tressiq ta’ rapport dwar l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet politiċi quddiem l-assemblea plenarja;

(b)

L-organizzazzjoni u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-assemblea plenarja u tal-kummissjonijiet;

(c)

It-tfassil u t-tressiq ta’ kodiċi ta’ kondotta quddiem l-assemblea plenarja;

(d)

Ir-responsabbiltà ġenerali għall-kwistjonijiet ta’ natura finanzjarja, organizzattiva u amministrattiva dwar il-membri u s-sostituti, l-organizzazzjoni interna tal-Kumitat u tas-Segretarjat Ġenerali tiegħu, inkluż il-pjan ta’ organizzazzjoni u l-korpi kostitwenti tiegħu;

(e)

Il-Bureau jista’:

jikkostitwixxi gruppi ta’ ħidma magħmula mill-membri tal-Bureau jew minn membri oħra tal-Kumitat, sabiex jagħtuh pariri dwar kwistjonijiet partikolari; dawn il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jkollhom sa tlettax-il membru,

jistieden lil membri oħra tal-Kumitat sabiex jassistu fil-laqgħat tiegħu, minħabba l-kompetenza jew il-kompiti tagħhom, kif ukoll lil persuni minn barra;

(f)

Il-monitoraġġ tas-segwitu tal-Opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet, u tal-valutazzjoni tal-impatt annwali tal-Kumitat, u l-għoti ta’ pariri lill-President dwar l-implimentazzjoni tar-riżultati;

(g)

Ir-reklutaġġ tas-Segretarju Ġenerali u tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra msemmija fl-Artikolu 71;

(h)

It-tressiq quddiem l-assemblea plenarja tal-abbozz ta’ estimi tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat, b’konformità mal-Artikolu 73;

(i)

L-awtorizzazzjoni tal-laqgħat li jsiru barra l-postijiet tax-xogħol tas-soltu;

(j)

It-tfassil ta’ dispożizzjonijiet dwar il-kompożizzjoni u l-metodi ta’ ħidma tal-gruppi ta’ ħidma, tal-kumitati konġunti kostitwiti mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni jew ta’ korpi politiċi oħra li jieħdu sehem fihom il-membri tal-Kumitat.

Il-kumitati konsultattivi konġunti jiġu stabbiliti mar-rappreżentanti lokali u reġjonali tal-pajjiżi applikanti abbażi tad-dispożizzjonijiet previsti fil-ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.

Il-membri tal-kumitati konsultattivi konġunti mill-pajjiżi applikanti jinħatru b’mod formali mill-gvern tagħhom sabiex jirrappreżentaw lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom. Id-deċiżjonijiet fil-kumitati konsultattivi konġunti jittieħdu b’mod konġunt mar-rappreżentanti msieħba, taħt kopresidenza mmexxija mill-Kumitat tar-Reġjuni u l-pajjiż applikant.

Il-kumitati konsultattivi konġunti għandhom jadottaw rapport u rakkomandazzjonijiet iffokati fuq oqsma rilevanti għall-awtoritajiet lokali fil-proċess tat-tkabbir. Jistgħu jiġu indirizzati wkoll rapporti lill-kunsill ta’ assoċjazzjoni.

(k)

It-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-introduzzjoni ta’ rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jekk l-assemblea plenarja ma tkunx tista’ tieħu deċiżjoni fiż-żmien li jingħatalha, wara verifika tal-kworum, kif stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(2), b’maġġoranza tal-voti mixħuta għall-proposta kemm tal-President tal-Kumitat, kif ukoll tal-kummissjoni rilevanti li taġixxi b’konformità mal-Artikoli 57 u 58. Ladarba tiġi adottata din id-deċiżjoni, il-President għandu jippreżenta r-rikors f’isem il-Kumitat u waqt is-sessjoni plenarja jitlob lill-Assemblea tiddeċiedi żżomx ir-rikors. Jekk wara l-verifika tal-kworum preżenti kif stabbilit fl-Artikolu 22(1) l-ewwel sentenza, l-assemblea plenarja tiddeċiedi b’maġġoranza skont l-Artikolu 14(h) kontra r-rikors, il-President jirtira dan.

Artikolu 38 – Konvokazzjoni tal-Bureau, kworum u teħid ta’ deċiżjoni

1.

Il-Bureau jitlaqqa’ mill-President, u d-data tal-laqgħa u l-aġenda jiġu stabbiliti mill-President bi ftehim mal-ewwel Viċi President. Il-Bureau għandu jiltaqa’ minn tal-inqas darba kull tliet xhur, jew mhux aktar tard minn 14-il jum wara r-riċevuta ta’ talba bil-miktub li ssir mingħand tal-inqas kwart mill-membri tiegħu.

2.

Il-kworum tal-Bureau jintlaħaq jekk minn tal-inqas nofs il-membri tiegħu huma preżenti. Il-kworum jiġi verifikat fuq it-talba ta’ membru u bil-kundizzjoni li minn tal-inqas sitt membri jivvutaw favur din it-talba. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi hu kemm hu n-numru ta’ nies preżenti. Jekk jiġi stabbilit li l-kworum ma ntlaħaqx, il-Bureau jista’ jkompli bid-diskussjonijiet iżda l-votazzjoni ssir fil-laqgħa segwenti.

3.

Id-deċiżjonijiet jitteħdu b’maġġoranza ta’ voti mixħuta, ħlief fejn hemm previst mod ieħor f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura. Għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(2) u (6).

4.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 40(4)(b), sabiex jitħejjew id-deċiżjonijiet tal-Bureau, il-President jista’ jagħti r-responsabbiltà lis-Segretarju Ġenerali sabiex iħejji d-dokumenti ta’ diskussjoni u r-rakkomandazzjonijiet għal deċiżjoni fuq kull tema li trid tiġi eżaminata, u dawn jinhemżu mal-abbozz ta’ aġenda.

5.

Id-dokumenti għandhom ikunu disponibbli elettronikament għall-membri minn tal-inqas għaxart ijiem qabel il-ftuħ tal-laqgħa.

L-emendi għad-dokumenti tal-Bureau għandhom jaslu għand is-Segretarju Ġenerali tal-inqas jumejn ta’ xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Bureau, filwaqt li jiġu rispettati l-proċeduri mitluba tat-tressiq, u għandhom ikunu elettronikament disponibbli malli jiġu tradotti. Fejn possibbli, id-dokumenti mħejjija għall-Bureau għandhom jinkludu opzjonijiet diversi għall-Bureau biex jagħżel minnhom u jkunu jistgħu jiġu emendati hekk kif jiġu ppubblikati.

6.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-President jista’ jirrikorri għal proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet oħra li ma jikkonċernawx lill-individwi. Il-proposta ta’ deċiżjoni tinbagħat lill-membri mill-President u jintalbu jibagħtuh bil-miktub, u fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, kwalunkwe oġġezzjoni. Id-deċiżjoni għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni minn tal-inqas sitt membri.

Artikolu 39 – Il-President

1.

Il-ħidma tal-Kumitat għandha titmexxa mill-President.

2.

Il-President jirrappreżenta l-Kumitat u jista’ jiddelega dawn is-setgħat.

3.

Fl-assenza tal-President, l-ewwel Viċi President jirrappreżentah; jekk l-ewwel Viċi President huwa assenti, xi ħadd mill-Viċi Presidenti l-oħra għandu jirrappreżenta l-President.

4.

Is-sigurtà u l-invjolabilità tal-binjiet tal-Kumitat huma r-responsabbiltà tal-President.

Artikolu 40 – Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi

1.

Il-Bureau għandu jistabbilixxi, skont l-Artikolu 37, Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi (CFAA), li tiġi preseduta minn membru tal-Bureau.

2.

Id-dati tal-laqgħat u l-aġendi tagħha għandhom jiġu stabbiliti mill-president bi ftehim mal-ewwel viċi president.

3.

Is-CFAA tista’ taħtar relatur minn fost xi ħadd mill-membri tagħha biex jassisti lill-kummissjoni fit-tħejjija ta’ rapporti għall-Bureau dwar il-kompiti assenjati lilu. Il-membru għandu jirrapporta lill-kummissjoni u lill-Bureau, jekk ikun hemm bżonn u bi qbil mal-president, skont il-kompetenzi tas-suġġetti tiegħu. Il-membru jista’ jressaq ir-rapport bil-miktub jew bil-fomm quddiem is-CFAA.

4.

Is-CFAA għandu jkollha r-responsabbiltajiet li ġejjin:

(a)

Il-konsulenza u l-adozzjoni tal-abbozz ta’ estimi preliminari tad-dħul u l-infiq tal-Kumitat ippreżentat mis-Segretarju Ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 73.

(b)

It-tħejjija tal-abbozzi ta’ dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u ta’ deċiżjonijiet tal-Bureau dwar kwistjonijiet finanzjarji, organizzattivi u amministrattivi, inklużi dawk relatati mal-membri u s-sostituti.

Dawn id-dokumenti flimkien mas-sommarju tad-deċiżjonijiet tas-CFAA għandhom jintbagħtu lill-membri tal-Bureau b’konformità mal-Artikoli 38(4) u 38(5).

(c)

Il-konsulenza dwar kwistjonijiet ta’ importanza li jistgħu jikkompromettu l-ġestjoni tajba tal-approprjazzjonijiet jew jimpedixxu li jintlaħqu l-objettivi previsti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-previżjoni dwar l-użu tal-approprjazzjonijiet, b’mod partikolari billi jiġu vvalutati l-implimentazzjoni tal-baġit attwali, it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet, il-proċeduri relatati mat-tabelli tal-persunal, l-approprjazzjonijiet amministrattivi u l-operazzjonijiet dwar proġetti relatati mal-bini.

5.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-President jista’ jirrikorri għal proċedura bil-miktub għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni. Il-President għandu jibgħat lill-membri d-deċiżjoni proposta u jitlob li jiġu infurmati bil-miktub, fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, dwar kwalunkwe oġġezzjoni li jista’ jkollhom. Id-deċiżjoni għandha titqies li ġiet adottata sakemm ma jaslux oġġezzjonijiet minn tal-inqas tliet membri.

6.

Il-president tas-CFAA jirrappreżenta l-Kumitat fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji tal-Unjoni.

Opinjonijiet, rapporti u riżoluzzjonijiet – Proċedura fil-Bureau

Artikolu 41 – Opinjonijiet – Bażi legali

Il-Kumitat jadotta l-opinjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 307 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

(a)

meta jiġi kkonsultat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni meta t-Trattati jipprevedu dan u fil-każijiet l-oħra kollha, partikolarment dawk li jikkonċernaw il-kooperazzjoni transkonfinali, li fihom waħda minn dawn l-istituzzjonijiet tikkunsidra li jkun adatt;

(b)

fuq l-inizjattiva tiegħu stess fil-każ meta dan iqisu utli jew:

(i)

abbażi ta’ komunikazzjoni, rapport jew proposta leġiżlattiva minn istituzzjoni oħra tal-Unjoni Ewropea li tintbagħat lill-Kumitat għall-informazzjoni, jew abbażi ta’ talba mill-Istat Membru inkarigat mill-Presidenza attwali tal-Kunsill, jew dik li jmiss;

jew

(ii)

kompletament fuq l-inizjattiva tiegħu stess u, skont Artikolu 14, abbażi tal-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat fil-każijiet l-oħra kollha.

(c)

meta, fil-każ li jiġi kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali skont l-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat jikkunsidra li huma involuti interessi speċifiċi reġjonali.

Artikolu 42 – Opinjonijiet u rapporti – Ħatra tal-kummissjonijiet

1.

Il-President għandu jgħaddi dokumenti li jaslu min-naħa tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill, jew tal-Kummissjoni lill-kummissjoni kompetenti, u l-Bureau jiġi mgħarraf matul il-laqgħa segwenti.

2.

Jekk is-suġġett ta’ xi opinjoni jkun fil-kompetenza ta’ aktar minn kummissjoni waħda, il-President għandu, wara konsultazzjoni tal-presidenti tal-kummissjonijiet ikkonċernati, jaħtar kummissjoni ewlenija responsabbli. Għandu jiġi żgurat mis-Segretarju Ġenerali li, qabel il-konsultazzjoni tal-presidenti min-naħa tal-President, issir analiżi bir-reqqa tar-raġunijiet oġġettivi għalfejn id-dokument inkwistjoni jkun jikkonċerna aktar minn kummissjoni waħda. Meta l-kwistjoni tkun b’mod inseparabbli fil-kompetenza ta’ diversi kummissjonijiet, jista’ jiġi propost mill-President li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma li jkun fih numru indaqs ta’ rappreżentanti mill-kummissjonijiet ikkonċernati. Dan il-grupp ta’ ħidma temporanju jista’ jaħtar relatur għall-abbozzar ta’ opinjoni unika jew riżoluzzjoni biex titressaq quddiem is-sessjoni plenarja.

3.

Jekk xi kummissjoni ma taqbilx ma’ xi deċiżjoni meħuda mill-President skont l-Artikolu 42(1) u (2), din tista’, permezz tal-president tagħha, titlob lill-Bureau sabiex jieħu deċiżjoni.

Artikolu 43 – Ħatra ta’ relatur ġenerali

1.

F’każ li l-kummissjoni kkonċernata ma tistax tħejji abbozz ta’ opinjoni sal-iskadenza meħtieġa, il-Bureau jista’ jipproponi li l-assemblea plenarja taħtar relatur ġenerali, li għandu jressaq direttament quddiem l-assemblea plenarja l-abbozz ta’ opinjoni tiegħu.

2.

F’każ li l-iskadenza meħtieġa ma tħallix biżżejjed ħin lill-assemblea plenarja tal-Kumitat sabiex taħtar relatur ġenerali, ir-relatur ġenerali jista’ jinħatar mill-President, u l-assemblea plenarja għandha tkun mgħarrfa matul il-laqgħa li jmiss tagħha.

3.

Ir-relatur ġenerali għandu jkun membru tal-kummissjoni kkonċernata.

4.

Fiż-żewġ każijiet, il-kummissjoni kkonċernata għandha tiltaqa’, fejn ikun possibbli, sabiex isir dibattitu ġenerali esploratorju dwar is-suġġett.

Artikolu 44 – Opinjonijiet fuq inizjattiva proprja

1.

It-talbiet għal tħejjija ta’ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja skont l-Artikolu 41(b)(ii) jistgħu jintbagħtu lill-Bureau minn erbgħa mill-membri tiegħu, minn kummissjoni permezz tal-president tagħha jew minn 32 membru tal-Kumitat. Dawn it-talbiet għandhom jaslu għand il-Bureau, akkumpanjati mir-raġunijiet, flimkien mad-dokumenti l-oħra kollha ta’ diskussjoni skont l-Artikolu 38(4), u fejn ikun possibbli, qabel ma jiġi adottat il-programm ta’ ħidma annwali.

2.

Il-kummissjonijiet għandhom jiddeċiedu dwar l-applikazzjonijiet għal opinjonijiet fuq inizjattiva proprja skont l-Artikolu 41(b)(ii) b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mixħuta. Il-Bureau għandu jiddeċiedi dwar talbiet għal abbozzar ta’ opinjonijiet fuq inizjattiva proprja skont l-Artikolu 41(b)(ii) b’maġġoranza tal-voti mixħuta. L-opinjonijiet għandhom jgħaddu għand il-kummissjoni kompetenti b’konformità mal-Artikolu 42. L-assemblea plenarja tiġi infurmata mill-President dwar id-deċiżjonijiet kollha tal-Bureau relatati mal-approvazzjoni u mal-attribuzzjoni ta’ dawn l-opinjonijiet fuq inizjattiva proprja.

Artikolu 45 – Tressiq tar-riżoluzzjonijiet

1.

Jistgħu jitqiegħdu biss fuq l-aġenda dawk ir-riżoluzzjonijiet li jirreferu għal temi dwar l-oqsma ta’ attività tal-Unjoni Ewropea, li jikkonċernaw tħassib importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u li għandhom natura ta’ attwalità.

2.

Il-proposti ta’ riżoluzzjonijiet jew it-talbiet ta’ tħejjija ta’ riżoluzzjoni għandhom jintbagħtu lill-Kumitat mingħand tal-inqas 32 membru, jew minn xi grupp politiku. Il-proposti jew it-talbiet kollha għandhom jitressqu quddiem il-Bureau bil-miktub u jindikaw l-isem tal-membri jew tal-grupp politiku li jappoġġjawhom. Għandhom jaslu għand is-Segretarju Ġenerali mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol qabel il-ftuħ tal-laqgħa tal-Bureau. Għandhom ikunu disponibbli għall-membri mhux aktar tard minn tlett ijiem qabel il-laqgħa tal-Bureau bil-lingwi kollha. L-abbozzi ta’ emendi jistgħu jintbagħtu b’mod elettroniku malli jkun disponibbli l-abbozz ta’ riżoluzzjoni. F’każ ta’ deċiżjoni pożittiva mill-Bureau, l-abbozzi ta’ emendi jintbagħtu bħala emendi b’mod awtomatiku. F’każ ta’ deċiżjoni negattiva mill-Bureau, l-abbozzi ta’ emendi jitneħħew mis-sistema b’mod awtomatiku.

3.

Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-Kumitat għandu jiddiskuti xi abbozz jew talba għall-abbozzar ta’ riżoluzzjoni jista’:

(a)

idaħħal l-abbozz ta’ riżoluzzjoni fl-abbozz preliminari tal-aġenda tas-sessjoni plenarja b’konformità mal-Artikolu 16(1);

(b)

b’konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 16(6), idaħħal abbozz ta’ riżoluzzjoni fl-aġenda tas-sessjoni plenarja segwenti. L-abbozz jiġi eżaminat matul it-tieni jum tas-sessjoni.

4.

Abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet li huma marbutin ma’ xi avveniment imprevedibbli li jseħħ wara l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 45(2) (riżoluzzjonijiet ta’ urġenza) u li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45(1), jistgħu jitressqu fil-bidu tal-laqgħa tal-Bureau. Jekk il-Bureau jiddeċiedi li l-proposta tikkonċerna l-kompiti ewlenin tal-Kumitat, il-proposta għandha titqies b’konformità mal-Artikolu 45(3)(b). L-emendi għar-riżoluzzjonijiet urġenti jistgħu jitressqu minn kull membru matul is-sessjoni plenarja.

KAPITOLU 4

KONFERENZA TAL-PRESIDENTI

Artikolu 46 – Kompożizzjoni

Il-Konferenza tal-Presidenti għandha tkun magħmula mill-President, l-ewwel Viċi President u l-presidenti tal-gruppi politiċi. Il-presidenti tal-gruppi politiċi jistgħu jiġu rappreżentati minn xi ħadd mill-membri l-oħra tal-grupp tagħhom.

Artikolu 47 – Setgħat

Il-Konferenza tal-Presidenti tiddibatti kwalunkwe mistoqsija li titressaq quddiemha mill-President bil-għan li tħejji u tiffaċilita t-tfittxija ta’ kunsens politiku dwar id-deċiżjonijiet li jkollhom jittieħdu mill-korpi kostitwenti l-oħra tal-Kumitat.

Il-komunikazzjoni mill-President lill-Bureau għandha tinkludi rapport dwar id-diskussjonijiet li jkun saru fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti.

KAPITOLU 5

KUMMISSJONIJIET

Artikolu 48 – Kompożizzjoni u setgħat

1.

Fil-bidu ta’ kull mandat ta’ ħames snin, l-assemblea plenarja tikkostitwixxi kummissjonijiet sabiex iħejju ħidmitha. Għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni u s-setgħat tagħhom fuq proposta mill-Bureau.

2.

Il-kompożizzjoni tal-kummissjonijiet għandha tirrifletti r-rappreżentanza tal-Istati Membri fil-Kumitat.

3.

Il-membri tal-Kumitat għandhom jissieħbu f’mill-inqas kummissjoni waħda iżda f’mhux aktar minn żewġ kummissjonijiet. Jistgħu jsiru eċċezzjonijiet mill-Bureau għall-membri li jappartjenu għal delegazzjonijiet nazzjonali li n-numru ta’ membri tagħhom ikun anqas min-numru ta’ kummissjonijiet.

Artikolu 49 – Il-presidenti u l-viċi presidenti

1.

Kull kummissjoni għandha teleġġi minn fost il-membri tagħha president, l-ewwel viċi president u massimu ta’ żewġ viċi presidenti oħra. Dawn għandhom jiġu eletti għal perjodu ta’ sentejn u nofs.

2.

Fejn in-numru ta’ kandidati jaqbel man-numru ta’ siġġijiet li jridu jimtlew, il-kandidati jistgħu jiġu eletti b’akklamazzjoni. Meta dan mhuwiex il-każ, jew fuq talba ta’ membru minn kull sitt membri tal-kummissjoni, il-kandidati jiġu eletti b’votazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 34(2) sa (4) li jirregolaw il-proċeduri tal-elezzjoni tal-President u tal-ewwel Viċi President tal-Kumitat.

3.

Jekk il-presidenti jew il-viċi presidenti tal-kummissjonijiet itemmu s-sħubija tagħhom fil-Kumitat jew jirriżenjaw mill-post tagħhom ta’ president jew ta’ viċi president ta’ kummissjoni, il-post battal għandu jimtela skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 50 – Il-funzjonijiet tal-kummissjonijiet

1.

B’konformità mal-kompetenzi li jiġu attribwiti lilhom mill-assemblea plenarja skont l-Artikolu 48, il-kummissjonijiet jiddiskutu l-politiki tal-Unjoni. Huma għandhom b’mod partikolari jħejju l-verżjonijiet tal-abbozzi ta’ opinjonijiet, ta’ rapporti u ta’ riżoluzzjonijiet għall-adozzjoni mill-assemblea plenarja.

2.

Il-kummissjonijiet għandhom jiddeċiedu dwar it-tħejjija tal-opinjonijiet skont:

l-Artikolu 41(a);

l-Artikolu 41(b)(i);

l-Artikolu 41(c).

3.

Għandhom iħejju l-programmi annwali tagħhom ta’ ħidma skont il-prijoritajiet politiċi tal-Kumitat u jibagħtuhom lill-Bureau għall-informazzjoni.

Artikolu 51 – Konvokazzjoni tal-kummissjonijiet u l-aġenda

1.

Id-dati u l-aġendi tal-laqgħat ta’ kummissjoni jiġu ddeterminati mill-president tagħha, bi qbil mal-ewwel viċi president.

2.

Il-kummissjonijiet għandhom jitlaqqgħu mill-presidenti tagħhom. L-avviż ta’ laqgħa ordinarja flimkien mal-aġenda għandhom jaslu għand il-membri mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat qabel id-data tal-laqgħa.

3.

Jekk minn tal-inqas kwart mill-membri jagħmlu talba bil-miktub, ikun hemm obbligu għall-president biex tissejjaħ laqgħa straordinarja tal-kummissjoni, li għandha ssir mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara li tintbagħat it-talba. L-aġenda ta’ laqgħa straordinarja għandha titfassal mill-membri li jibagħtu t-talba għal laqgħa bħal din. Għandha tintbagħat lill-membri flimkien mal-avviż ta’ laqgħa.

4.

L-abbozzi kollha ta’ opinjonijiet u d-dokumenti l-oħra tad-diskussjoni li jkollhom bżonn jiġu tradotti għandhom jintbagħtu lis-segretarjat tal-kummissjoni kkonċernata mhux aktar tard minn ħames ġimgħat qabel id-data stabbilita għal-laqgħa. Għandhom ikunu disponibbli għall-membri b’mod elettroniku tal-anqas erbatax-il jum ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa. F’każijiet ta’ eċċezzjoni, id-dati tal-għeluq imsemmija jistgħu jiġu emendati mill-president.

5.

Id-dokumenti għandhom jintbagħtu lis-segretarjat bil-posta elettronika b’konformità mal-format standard adottat mill-Bureau. Ir-rakkomandazzjonijiet politiċi li jinsabu fid-dokument m’għandhomx jaqbżu total ta’ 10 paġni (15 000 karattru) u l-aġġustamenti m’għandhomx ikunu aktar minn 10 % għal raġunijiet lingwistiċi. Però jistgħu jingħataw derogi mill-president tal-kummissjoni f’każijiet ta’ eċċezzjoni, fejn is-suġġett jeħtieġ analiżi aktar profonda.

Artikolu 52 – Attendenza u aċċess għall-pubbliku

1.

Il-membri u s-sostituti kollha li jieħdu sehem fil-laqgħat għandhom jiffirmaw lista ta’ attendenza għal kull jum ta’ laqgħa.

2.

Il-laqgħat tal-kummissjonijiet huma miftuħin għall-pubbliku, sakemm xi kummissjoni ma tiddeċidix mod ieħor fir-rigward tal-laqgħa kollha jew ta’ xi punt speċifiku fuq l-aġenda tagħha.

3.

Ir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, kif ukoll viżitaturi oħrajn, jistgħu jkunu mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-kummissjonijiet u sabiex iwieġbu għall-mistoqsijiet tal-membri.

Artikolu 53 – Skadenza għat-tħejjija tal-opinjonijiet

1.

Il-kummissjonijiet għandhom iressqu l-abbozzi ta’ opinjoni qabel l-iskadenza prevista fil-kalendarju interistituzzjonali. In-numru ta’ laqgħat għall-analiżi ta’ abbozz ta’ opinjoni m’għandux ikun aktar minn tnejn, mingħajr ma tiġi inkluża l-ewwel laqgħa li fiha tiġi organizzata l-ħidma.

2.

F’każijiet ta’ eċċezzjoni, il-Bureau jista’ jawtorizza laqgħat supplimentari sabiex jiġi diskuss abbozz ta’ opinjoni, jew jista’ jġedded l-iskadenza għat-tressiq tal-abbozz.

Artikolu 54 – Kontenut tal-opinjonijiet

1.

Opinjoni tal-Kumitat għandha tippreżenta l-fehmiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar is-suġġett inkwistjoni.

2.

L-opinjonijiet tal-Kumitat dwar proposti għal atti legali f’oqsma li mhumiex fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni għandhom jesprimu fehma dwar il-konformità tal-proposta mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

L-opinjonijiet l-oħra tal-Kumitat jistgħu jirreferu għall-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kull meta dan ikun adatt.

3.

Dawn l-opinjonijiet għandhom ukoll, fejn huwa possibbli, jindirizzaw l-effetti mistennija fil-livell tal-amministrazzjoni u fuq il-finanzi reġjonali u lokali.

4.

L-opinjonijiet tal-Kumitat dwar l-atti leġiżlattivi għandhom jinkludu rakkomandazzjonijiet biex jiġi emendat it-test tal-Kummissjoni Ewropea.

5.

F’każ ta’ bżonn, għandha titħejja nota spjegattiva mir-relatur u m’għandhiex titressaq għall-votazzjoni. Għandha, iżda, taqbel mat-test tal-opinjoni li tressqet għall-votazzjoni.

6.

Abbozz ta’ opinjoni li jipproponi attività ġdida tal-Kumitat b’implikazzjonijiet finanzjarji għandu jkun akkumpanjat minn appendiċi bi stima tal-ispejjeż għal dik l-attività.

Artikolu 55 – Segwitu tal-opinjonijiet, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tal-Kumitat

Matul il-perjodu ta’ wara l-adozzjoni ta’ opinjoni, rapport jew riżoluzzjoni, ir-relatur u/jew il-president tal-kummissjoni li tkun ġiet inkarigata mit-tħejjija tal-abbozz ta’ dokument inkwistjoni għandhom, bl-għajnuna tas-Segretarjat Ġenerali, isegwu l-proċedura li fuqha tkun imsejsa l-konsultazzjoni tal-Kumitat u jwettqu l-attivitajiet adatti kollha biex jippromovu l-pożizzjonijiet tal-Kumitat kif ikunu ġew adottati fl-opinjoni, waqt li jikkunsidraw il-kalendarju istituzzjonali.

Artikolu 56 – Opinjonijiet riveduti

1.

Jekk il-kummissjoni tqis li jkun hemm bżonn, tista’ tfassal abbozz rivedut ta’ opinjoni dwar l-istess suġġett u, fejn ikun possibbli, bl-istess relatur, biex jiġu kkunsidrati u indirizzati l-iżviluppi interistituzzjonali fil-proċedura leġiżlattiva relatata.

2.

Jekk jista’ jkun, il-kummissjoni għandha tiltaqa’ biex tiddiskuti u tadotta l-abbozz ta’ opinjoni li għandu jitressaq quddiem is-sessjoni plenarja li jmiss.

3.

F’każ li l-progress fil-proċedura li fuqha hija msejsa l-konsultazzjoni tal-Kumitat ma jippermettix biżżejjed żmien biex il-kummissjoni tadotta l-abbozz rivedut ta’ opinjoni, il-President tal-Kumitat għandu jiġi infurmat minnufih mill-president ta’ din il-kummissjoni dwar dan sabiex tkun tista’ tintuża l-proċedura ta’ ħatra ta’ relatur ġenerali skont l-Artikolu 43 li għandu jiġi invokat.

Artikolu 57 – Rikors minħabba ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà

1.

Il-President tal-Kumitat jew il-kummissjoni inkarigata mit-tħejjija tal-abbozz ta’ opinjoni jistgħu jipproponu li jitressaq rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà minn att leġiżlattiv li, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kumitat għandu jiġi kkonsultat dwaru qabel ma jiġi adottat.

2.

Il-kummissjoni tieħu deċiżjoni b’maġġoranza tal-voti mixħuta, wara verifika minn qabel li jkun intlaħaq il-kworum ta’ preżenza skont l-Artikolu 63(1). Il-proposta tal-kummissjoni għandha tintbagħat lill-assemblea plenarja għal deċiżjoni b’konformità mal-Artikolu 14(h) jew lill-Bureau fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 37(k). Il-kummissjoni għandha tagħti raġuni għall-proposta tagħha f’rapport dettaljat li jkun jinkludi, jekk meħtieġ, il-bżonn li tittieħed deċiżjoni minnufih fuq il-bażi tal-Artikolu 37(k).

Artikolu 58 – Nuqqas li ssir konsultazzjoni obbligatorja mal-Kumitat

1.

Jekk il-Kumitat tar-Reġjuni ma jiġix ikkonsultat fil-każijiet stabbiliti mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kumitat jew waħda mill-kummissjonijiet jistgħu jipproponu lill-assemblea plenarja b’konformità mal-Artikolu 14(h) jew lill-Bureau fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 37(k), li jitressaq rikors jew talba għal intervent quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.

Il-kummissjoni tieħu deċiżjoni b’maġġoranza tal-voti mixħuta, wara verifika minn qabel li jkun intlaħaq il-kworum ta’ preżenza skont l-Artikolu 63(1). Il-kummissjoni għandha tagħti raġuni għall-proposta tagħha f’rapport dettaljat li jkun jinkludi, jekk meħtieġ, il-bżonn li tittieħed deċiżjoni minnufih fuq il-bażi tal-Artikolu 37(k).

Artikolu 59 – Rapport dwar l-impatt tal-opinjonijiet

Mill-inqas darba f’sena, is-Segretarjat Ġenerali għandu jressaq quddiem l-assemblea plenarja rapport dwar l-impatt tal-opinjonijiet tal-Kumitat fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-kontributi li tgħaddilu kull kummissjoni kompetenti għal dan il-għan, u tal-informazzjoni miġbura mill-istituzzjonijiet ikkonċernati.

Artikolu 60 – Relaturi

1.

Kull kummissjoni, fuq proposta tal-president tagħha, għandha tinnomina relatur jew, f’każijiet b’raġuni adatta, żewġ relaturi minn fost il-membri tagħha jew sostuti b’mandat kif dovut sabiex ifasslu abbozz ta’ opinjoni.

2.

Fil-ħatra tar-relaturi, kull kummissjoni għandha tiżgura allokazzjoni ġusta u bbilanċjata tal-opinjonijiet.

3.

F’każijiet urġenti, tista’ tintuża l-proċedura bil-miktub sabiex jinħatar jew tinħatar relatur mill-president tal-kummissjoni. Il-membri tal-kummissjoni jintalbu mill-president sabiex iressqu, bil-miktub u fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, kwalunkwe oġġezzjoni għall-ħatra tar-relatur propost. F’każ ta’ oġġezzjoni, il-president u l-ewwel viċi-president jiddeċiedu bi qbil komuni.

4.

Jekk il-president jew xi ħadd mill-viċi presidenti ta’ kummissjoni jinħatar bħala relatur, huwa għandu, matul l-analiżi tal-abbozz ta’ opinjoni tiegħu, jgħaddi l-presidenza tal-laqgħa lil xi viċi president ieħor jew lil xi ħadd mill-membri l-oħra preżenti.

5.

Meta xi ħadd mir-relaturi ma jibqax membru jew sostitut tal-Kumitat, għandu jinħatar relatur ieħor tal-istess grupp politiku fi ħdan il-kummissjoni, jekk ikun hemm bżonn billi tintuża l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 3.

Artikolu 61 – Gruppi ta’ ħidma tal-kummissjonijiet

1.

F’ċerti sitwazzjonijiet li jesiġu dan, il-kummissjonijiet jistgħu jwaqqfu, bl-approvazzjoni tal-Bureau, gruppi ta’ ħidma. Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma jistgħu wkoll jiġu minn kummissjoni oħra.

2.

Il-membri ta’ grupp ta’ ħidma li ma jistgħux jattendu laqgħa jistgħu jiġu sostitwiti minn membri jew minn sostitutti tal-grupp politiku tagħhom li jidhru fil-lista ta’ rappreżentanti għal dan il-grupp ta’ ħidma. Meta ma jkunx hemm rappreżentanti fil-lista, il-membri jistgħu jiġu sostitwiti minn kwalunkwe membru jew sostitut ieħor jew oħra mill-grupp politiku tagħhom.

3.

Kull grupp ta’ ħidma jista’ jaħtar president u viċi president minn fost il-membri tiegħu.

4.

Il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jadottaw konklużjonijiet li għandhom jiġu kkomunikati lill-kummissjonijiet tagħhom.

Artikolu 62 – Esperti tar-relaturi

1.

Ir-relaturi kollha jistgħu jiġu megħjuna minn esperti.

2.

L-esperti tar-relaturi u l-esperti mistiedna mill-kummissjoni għandhom id-dritt għar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza.

3.

L-esperti ma jirrappreżentawx il-Kumitat u ma jitkellmux f’ismu.

Artikolu 63 – Kworum

1.

Il-kworum ta’ kummissjoni jintlaħaq meta aktar minn nofs il-membri jkunu preżenti.

2.

Il-kworum jiġi verifikat fuq it-talba ta’ membru u bil-kundizzjoni li minn tal-inqas għaxar membri jivvutaw favur din it-talba. Jekk il-verifika tal-kworum ma tintalabx, il-voti kollha għandhom ikunu validi hu kemm hu n-numru ta’ nies preżenti. Il-laqgħa tal-kummissjoni tista’ titwaqqaf mill-president għal massimu ta’ 10 minuti qabel ma ssir il-verifika tal-kworum. Il-membri li jkunu talbu li jiġi verifikat il-kworum iżda li ma jkunux għadhom preżenti fil-kamra tal-kummissjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala preżenti għall-finijiet tal-għadd tal-kworum. Jekk ikun hemm anqas minn għaxar membri preżenti, jista’ jiġi deċiż mill-president li ma ntlaħaqx il-kworum.

3.

Jekk jitqies li l-kworum ma ntlaħaqx, il-kummissjoni tista’ tipproċedi għall-analiżi tal-punti li jibqa’ fuq l-aġenda u li ma jeħtiġux votazzjoni, waqt li tipposponi għal-laqgħa segwenti d-diskussjonijiet u l-votazzjonijiet fuq il-punti tal-aġenda sospiżi. Id-deċiżjonijiet jew il-voti kollha li jittieħdu matul il-laqgħa qabel il-verifika tal-kworum għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 64 – Emendi

1.

L-emendi għandhom jitressqu qabel it-3 p.m. fid-disa’ jum ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa. F’każijiet eċċezzjonali, id-dati tal-għeluq imsemmija jistgħu jiġu emendati mill-president.

L-emendi ta’ kummissjoni speċifika jistgħu jitressqu biss mill-membri ta’ din il-kummissjoni, jew mill-membri jew sostituti b’mandat kif dovut skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2), kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-opinjoni tagħhom minn kwalunkwe sostitut mhux b’mandat iżda maħtur bħala relatur, jew minn grupp politiku.

Id-dritt li jitressqu l-emendi ta’ kummissjoni jista’ jintuża biss mill-membri ta’ din il-kummissjoni jew minn membri oħra jew ostituti b’mandat kif dovut. Jekk xi ħadd mill-membri jiddelega laqgħa tal-kummissjoni jew parti minnha lil sostitut, membru minnhom biss jista’ jressaq emendi. Jekk xi ħadd mill-membri jressaq xi emendi għal kwalunkwe parti mil-laqgħa tal-kummissjoni, imbagħad is-sostitut ma jistax jagħmel dan wara. Bl-istess mod, jekk is-sostitut jiġi delegat għal kwalunkwe parti tal-laqgħa tal-kummissjoni u jressaq kwalunkwe emenda għal opinjoni – qabel ma l-membru jkun ressaq xi emendi – il-membru ma jkun jista’ jressaq l-ebda emenda għal-laqgħa tal-kummissjoni. L-emendi debitament imressqa qabel ma l-membri jew is-sostituti fi ħdan il-Kumitat ma jibqgħux tali jew qabel ma tingħata jew tiġi rrevokata delega jibqgħu validi.

L-emendi għandhom jingħataw prijorità fil-proċess tat-traduzzjoni u mbagħad jintbagħtu lir-relatur sabiex ikun jista’ jressaq jew tkun tista’ tressaq l-emendi tar-relatur quddiem is-Segretarjat Ġenerali f’format elettroniku mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol qabel id-data tal-laqgħa. L-emendi tar-relatur għandhom ikunu marbuta ma’ emenda jew għadd ta’ emendi li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1. Dawn l-emendi tar-relatur għandhom ikunu disponibbli b’mod elettroniku hekk kif jiġu tradotti u għandha titqassam kopja stampata mill-inqas waqt il-ftuħ tas-sessjoni plenarja.

Jiġu applikati mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1) sa (6).

2.

Il-votazzjoni fuq l-emendi għandha timxi bl-istess ordni tal-punti tal-abbozz ta’ opinjoni li qiegħed jiġi analizzat.

3.

Il-votazzjoni finali ssir fuq it-test sħiħ, sew jekk huwa emendat sew jekk le. Jekk opinjoni ma tiksibx maġġoranza tal-voti mixħuta, il-kummissjoni għandha tiddeċiedi li:

jew terġa’ tressaq l-abbozz ta’ opinjoni għad-dibattitu u għall-adozzjoni, kif emendat mill-emendi adottati fil-kummissjoni, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 53;

jew taħtar relatur ġdid u b’hekk terġa’ tniedi l-proċess tal-abbozzar tal-opinjoni,

jew tabbanduna l-opinjoni.

4.

Meta l-opinjoni tiġi adottata fil-Kummissjoni għandha tintbagħat mill-president tal-kummissjoni lill-President tal-Kumitat.

Artikolu 65 – Deċiżjoni li ma titfassalx opinjoni

1.

Meta l-kummissjoni responsabbli tqis li xi konsultazzjoni li tiġi indirizzata lilha skont l-Artikolu 41(a) m’għandha l-ebda interess reġjonali jew lokali, jew mhijiex ta’ importanza politika, tista’ tiddeċiedi li ma tħejjix opinjoni. L-istituzzjonijiet Ewropej rilevanti jiġu infurmati mis-Segretarju Ġenerali dwar din id-deċiżjoni.

2.

Meta l-kummissjoni responsabbli tqis li konsultazzjoni li tkun ġiet indirizzata lilha skont l-Artikolu 41(a) tkun importanti, iżda li, għal raġunijiet ta’ prijorità u/jew għaliex diġà ġew adottati opinjonijiet rilevanti fil-passat reċenti, ma tkunx meħtieġa opinjoni ġdida, il-kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma toħroġx opinjoni. F’dan il-każ, il-Kumitat jista’ jirrispondi lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea b’rinunzja motivata.

Artikolu 66 – Proċedura bil-miktub

1.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-president ta’ kummissjoni jista’ jirrikorri għal proċedura bil-miktub sabiex tiġi adottata deċiżjoni dwar l-operat tal-kummissjoni kkonċernata.

2.

Il-proposta għal deċiżjoni tintbagħat lill-membri mill-president u jintalbu jibagħtu kwalunkwe oġġezzjoni bil-miktub, fi żmien tlett ijiem ta’ ħidma.

3.

Id-deċiżjoni għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni minn tal-inqas sitt membri.

Artikolu 67 – Dispożizzjonijiet applikabbli għall-kummissjonijiet

Artikolu 12 – Konvokazzjoni tal-ewwel laqgħa

Artikolu 13(2) – Bidu tal-kariga tal-Kumitat u verifika tal-kredenzjali

Artikolu 16(7) – Aġenda tas-sessjoni plenarja

Artikolu 18 – Aċċess għall-pubbliku, mistednin u kelliema mistiedna

Artikolu 21 – Points of order

Artikolu 23 – Votazzjoni

Artikolu 26 – Koerenza tat-test finali

għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kummissjonijiet.

KAPITOLU 6

AMMINISTRAZZJONI TAL-KUMITAT

Artikolu 68 – Segretarjat Ġenerali

1.

Il-Kumitat huwa assistit minn Segretarjat Ġenerali.

2.

Is-Segretarjat Ġenerali għandu jkun immexxi minn Segretarju Ġenerali.

3.

Il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, għandu jorganizza s-Segretarjat Ġenerali b’tali mod li dan tal-aħħar ikun kapaċi li jiżgura t-tħaddim effiċjenti tal-Kumitat u l-korpi kostitwenti tiegħu u jassisti lill-membri tal-Kumitat fil-qadi ta’ dmirijiethom. B’dan il-mod jistabbilixxi s-servizzi li l-amministrazzjoni trid tipprovdi lill-membri, lid-delegazzjonijiet nazzjonali, lill-gruppi politiċi u lill-membri mhux affiljati.

4.

Is-Segretarjat Ġenerali jistabbilixxi l-minuti tal-laqgħat tal-korpi kostitwenti tal-Kumitat.

Artikolu 69 – Segretarju Ġenerali

1.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jkollu r-responsabbiltà amministrattiva li jimplimenta d-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Bureau jew mill-President, b’konformità ma’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura u l-qafas legali applikabbli. Huwa għandu jattendi l-laqgħat tal-Bureau bi rwol konsultattiv u għandu jżomm il-minuti ta’ dawn il-laqgħat. Il-President għandu jiġi megħjun mis-Segretarju Ġenerali fl-iżgurar tas-sigurtà u l-invjolabilità tal-bini tal-Kumitat.

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jaqdi dmirijietu taħt id-direzzjoni tal-President, li jirrappreżenta jew tirrappreżenta l-Bureau. Is-Segretarju Ġenerali għandu jieħu impenn solenni quddiem il-Bureau li jaqdi dmirijietu b’mod kuxjenzjuż u b’imparzjalità assoluta. Ma għandux jirrappreżenta politikament il-Kumitat mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-President. Kull sena s-Segretarju Ġenerali jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Bureau r-rapport annwali dwar l-attivitajiet li jagħti rendikont tal-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu ta’ uffiċjal awtorizzanti b’delega u jippreżenta sinteżi ta’ dan ir-rapport għal diskussjoni eventwali.

Artikolu 70 – Reklutaġġ tas-Segretarju Ġenerali

1.

Il-Bureau għandu jimpjega lis-Segretarju Ġenerali b’deċiżjoni li tittieħed mill-maġġoranza ta’ żewġ terzi, u wara li jiġi verifikat il-kworum tal-preżenzi skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 38(2).

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jiġi reklutat għal ħames snin. Id-dispożizzjonijiet partikolari tal-kuntratt ta’ impjieg għandhom jiġu stabbiliti mill-Bureau, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u d-dispożizzjonijiet relatati tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

Il-mandat tas-Segretarju Ġenerali jista’ jiġi estiż għal perjodu wieħed ieħor biss ta’ mhux aktar minn ħames snin.

F’każ ta’ assenza jew impediment, il-funzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali jiġu eżerċitati minn Direttur maħtur mill-Bureau.

3.

Fil-każ tas-Segretarju Ġenerali, is-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea jikkonferixxu lill-awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg jiġu eżerċitati mill-Bureau.

Artikolu 71 – Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni

1.

Is-setgħat li r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jikkonferixxu lill-awtorità li għandha s-setgħat ta’ ħatra għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:

għall-uffiċjali fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-uffiċjali fil-gruppi ta’ funzjoni AST u AST-SC, mis-Segretarju Ġenerali;

għall-uffiċjali l-oħra, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali.

2.

Is-setgħat li l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea jikkonferixxu lill-awtorità responsabbli sabiex tikkonkludi l-kuntratti ta’ impjieg għandhom jiġu eżerċitati kif ġej:

għall-persunal temporanju fil-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-persunal temporanju tal-gruppi ta’ funzjoni AST u AST-SC, mis-Segretarju Ġenerali;

għal persunal temporanju ieħor, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali;

għall-persunal temporanju fl-uffiċċju privat tal-President jew tal-ewwel Viċi President:

għall-Gradi 5 sa 12 tal-grupp ta’ funzjoni AD u għall-gradi tal-gruppi ta’ funzjoni AST u AST-SC, mis-Segretarju Ġenerali, li jaġixxi fuq proposta tal-President;

għall-gradi l-oħra tal-grupp ta’ funzjoni AD, mill-Bureau, li jaġixxi fuq proposta mill-President.

Il-membri tal-persunal temporanju impjegati fl-uffiċċju privat tal-President jew tal-ewwel Viċi President għandhom jibqgħu ingaġġati sat-tmiem tal-mandat tal-President jew tal-Viċi President.

għall-persunal b’kuntratt, il-konsulenti speċjali u l-persunal lokali, mis-Segretarju Ġenerali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Kondizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea.

3.

Il-Bureau u s-Segretarju Ġenerali jistgħu jiddelegaw is-setgħat mogħtija lilhom skont dan l-Artikolu. Id-deċiżjonijiet ta’ delega għandhom jispeċifikaw l-ambitu tas-setgħat delegati, sal-limiti u l-perjodu ta’ validità tagħhom, waqt li jispeċifikaw ukoll jekk jistgħux jiġu sottodelegati.

Artikolu 72 – Bibien magħluqin

Il-Bureau jiltaqa’ bil-bibien magħluqin meta jieħu deċiżjonijiet li jikkonċernaw persuni li jissemmew fl-Artikoli 70 u 71.

Artikolu 73 – Baġit

1.

Il-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għandha tibgħat lill-Bureau l-abbozzi preliminari ta’ nfiq u dħul tal-Kumitat għas-sena finanzjarja segwenti. Il-Bureau għandu jressaq dan l-abbozz preliminari quddiem l-assemblea plenarja għall-adozzjoni.

Il-President, wara li jikkonsulta lill-Konferenza tal-Presidenti, iressaq quddiem il-Bureau l-linji gwida strateġiċi ġenerali li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi għat-tħejjija tal-baġit għas-sena n+2.

2.

L-assemblea plenarja tadotta l-abbozzi preliminari ta’ nfiq u dħul tal-Kumitat u tibgħathom lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fil-ħin sabiex tiżgura li l-iskadenzi preskritti fir-regolament baġitarju jiġu rispettati.

3.

Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni għall-Affarijiet Finanzjarji u Amministrattivi, il-President tal-Kumitat għandu jesegwixxi jew jagħmel mod li jiġi esegwit ir-rendikont tal-infiq u d-dħul, skont ir-regoli finanzjarji interni adottati mill-Bureau. Dawn il-funzjonijiet jiġu eżerċitati mill-President skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

4.

Skont ir-Regolament Finanzjarju u r-regoli finanzjarji interni, is-setgħat tal-President għall-implimentazzjoni tal-baġit huma delegati lis-Segretarju Ġenerali, li jsir uffiċjal awtorizzanti b’delega mal-ħatra.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

KAPITOLU 1

KOOPERAZZJONI, TRAŻMISSJONI U PUBBLIKAZZJONI

Artikolu 74 – Ftehimiet ta’ kooperazzjoni

Il-Bureau, fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali, jista’ jikkonkludi ftehimiet ta’ kooperazzjoni bil-għan li jiffaċilitaw l-eżerċitar tas-setgħat tal-Kumitat b’rabta mal-applikazzjoni tat-Trattati jew bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni politika tiegħu.

Artikolu 75 – Trażmissjoni u pubblikazzjoni tal-opinjonijiet, tar-rapporti u tar-riżoluzzjonijiet

1.

L-opinjonijiet tal-Kumitat, kif ukoll il-komunikazzjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ proċedura semplifikata skont l-Artikolu 28 jew mad-deċiżjoni li ma titfassalx opinjoni skont l-Artikolu 65, għandhom ikunu indirizzati lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew. Bħalma jiġri fil-każ tar-riżoluzzjonijiet, għandhom jintbagħtu mill-President.

2.

L-opinjonijiet, ir-rapporti u r-riżoluzzjonijiet huma ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU 2

AĊĊESS GĦALL-PUBBLIKU, TRASPARENZA U DIKJARAZZJONI TAL-INTERESSI FINANZJARJI TAL-MEMBRI

Artikolu 76 – Aċċess għad-dokumenti mill-pubbliku

1.

Kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li jkollha l-uffiċju reġistrat tagħha fi Stat Membru għandhom id-dritt għal aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat, b’konformità al-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji, il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Bureau tal-Kumitat. L-aċċess għad-dokumenti tal-Kumitat għandu jingħata, fejn possibbli, bl-istess mod lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi l-oħra.

2.

Il-Kumitat għandu jistabbilixxi reġistru tad-dokumenti tiegħu. Għal dan il-għan, il-Bureau jadotta r-regoli interni dwar l-aċċess u jagħmel lista ta’ dokumenti li huma direttament aċċessibbli.

Artikolu 77 – Dikjarazzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Membri u l-Kodiċi ta’ Kondotta fir-rigward tal-Interessi Finanzjarji u tal-Kunflitti ta’ Interess

Meta jidħlu fil-kariga tagħhom fil-Kumitat, il-membri għandhom jimlew dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom skont il-mudell adottat mill-Bureau, u għandhom iżommuha aġġornata u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku. Fl-eżerċitar tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri għandhom josservaw ukoll il-Kodiċi ta’ Kondotta fir-rigward tal-interessi finanzjarji u l-kunflitti ta’ interess.

KAPITOLU 3

L-UŻU TAL-LINGWI

Artikolu 78 – Sistema lingwistika tal-interpretazzjoni

Sakemm ikun possibbli, jiġu implimentati l-mezzi li jiffaċilitaw it-twettiq tal-prinċipji li ġejjin fir-rigward tas-sistema lingwistika tal-interpretazzjoni:

(a)

Id-dibattiti tal-Kumitat għandhom ikunu disponibbli bil-lingwi uffiċjali, sakemm il-Bureau ma jiddeċidix mod ieħor.

(b)

Il-membri kollha għandhom id-dritt jesprimu ruħhom quddiem is-sessjoni plenarja bil-lingwa uffiċjali li jagħżlu. Kull intervent li jsir b’lingwa uffiċjali jinqaleb simultanjament għal-lingwi uffiċjali l-oħra u għal kwalunkwe lingwa oħra jekk il-Bureau jaħseb li hemm bżonn. Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll għal-lingwi li ngħataw din il-possibbiltà fil-ftehimiet amministrattivi tal-Kumitat ma’ diversi Stati Membri.

(c)

Fil-każ tal-laqgħat tal-Bureau, tal-kummissjonijiet, u tal-gruppi ta’ ħidma, l-interpretazzjoni hija disponibbli mil-lingwi u għal-lingwi li jintużaw mill-membri li jkunu kkonfermaw l-attendenza tagħhom għal-laqgħa kkonċernata.

KAPITOLU 4

OSSERVATURI

Artikolu 79 – Osservaturi

1.

Meta jkun ġie ffirmat Trattat dwar l-adeżjoni ta’ xi Stat mal-Unjoni Ewropea, il-President jista’, wara li jkun inkiseb il-qbil tal-Bureau, jistieden lill-Parlament tal-Istat aderenti biex jaħtar numru ta’ osservaturi li jkun daqs in-numru ta’ siġġijiet futuri fil-Kumitat allokati lil dak l-Istat.

2.

Dawk l-osservaturi għandhom jieħdu sehem bis-sħiħ jew parzjalment fil-proċeduri tal-Kumitat sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat tal-Adeżjoni, u għandu jkollhom id-dritt li jitkellmu fil-korpi kostitwenti tiegħu.

M’għandux ikollhom id-dritt li jivvutaw jew li joħorġu għall-elezzjoni għal pożizzjonijiet fi ħdan il-Parlament. Il-parteċipazzjoni tagħhom m’għandu jkollha l-ebda effett legali fuq il-proċeduri tal-Kumitat.

3.

It-trattament tagħhom għandu jiġi assimilat ma’ dak ta’ membru f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tal-faċilitajiet tal-Kumitat u r-rimborż tal-ispejjeż li jġarrbu fl-attivitajiet tagħhom bħala osservaturi, fil-limiti tar-riżorsi finanzjarji allokati għal-linja baġitarja rilevanti għal dan il-għan.

KAPITOLU 5

ĊIRKOSTANZI EĊĊEZZJONALI

Artikolu 80 – Miżuri straordinarji

1.

Jekk il-Kumitat tar-Reġjuni jiġi ostakolat milli jwettaq dmirijietu u milli jeżerċita l-prerogattivi tiegħu skont it-Trattati minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali u imprevedibbli lil hinn mill-kontroll tiegħu, tista’ tiġi applikata deroga temporanja minn xi regoli tal-Kumitat sabiex il-Kumitat ikun jista’ jkompli jwettaq dawk id-dmirijiet u jeżerċita dawn il-prerogattivi.

Ċirkostanzi bħal dawn għandhom jitqiesu eżistenti meta l-President jasal għall-konklużjoni, abbażi ta’ evidenza affidabbli pprovduta mis-Segretarju Ġenerali, li għal raġunijiet ta’ sigurtà jew sikurezza, jew b’riżultat tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ mezzi tekniċi, huwa impossibbli jew perikoluż, jew ser ikun impossibbli jew perikoluż, għall-Kumitat li jsejjaħ laqgħat jew jiffunzjona skont ir-regoli u l-proċeduri normali tiegħu.

2.

Meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati, il-President jista’ jiddeċiedi, bi qbil mal-Konferenza tal-Presidenti u wara li jkun ikkonsulta, fejn possibbli, lill-presidenti tal-korpi rilevanti, li japplika waħda, jew aktar, mill-miżuri straordinarji li ġejjin:

(a)

kanċellazzjoni jew posponiment ta’ sessjoni plenarja skedata, laqgħa ta’ korp kostitwenti ieħor jew kwalunkwe attività oħra;

(b)

l-organizzazzjoni ta’ sessjoni plenarja, laqgħa ta’ korp kostitwenti ieħor jew kwalunkwe attività oħra skont is-sistema ta’ attendenza mill-bogħod kif stabbilit fl-Artikolu 81;

(c)

miżuri oħra kif adegwat u meħtieġ filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali.

3.

Kwalunkwe miżura straordinarja adottata skont il-paragrafu 2 għandha tkun limitata fiż-żmien, għal perjodu ta’ mhux aktar minn erba’ xhur li jista’ jiġġedded, u fil-kamp ta’ applikazzjoni sa fejn ikun meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi speċifiċi u eċċezzjonali.

Id-deċiżjoni għall-adozzjoni tal-miżuri straordinarji għandha tidħol fis-seħħ mal-pubblikazzjoni tagħha fuq is-sit web tal-Kumitat jew, jekk iċ-ċirkostanzi jimpedixxu tali pubblikazzjoni, bl-aqwa mezzi disponibbli, u għandha tiddikjara r-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Il-membri kollha għandhom jiġu infurmati bid-deċiżjoni mingħajr dewmien.

Il-President għandu jirrevoka kwalunkwe miżuri adottati skont din ir-regola hekk kif iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmijin fil-paragrafu 1 li wasslu għall-adozzjoni tagħhom ma jibqgħux jeżistu.

Artikolu 81 – Sistema ta’ attendenza mill-bogħod

1.

Fejn il-President jiddeċiedi skont l-Artikolu 80(2)(b) li japplika s-sistema ta’ attendenza mill-bogħod, il-Kumitat jista’ jwettaq il-proċedimenti tiegħu mill-bogħod, fost affarijiet oħra, billi jippermetti lill-membri tiegħu jeżerċitaw uħud mid-drittijiet tagħhom b’mezzi elettroniċi.

2.

Is-sistema ta’ attendenza mill-bogħod għandha tiżgura kemm jista’ jkun li l-membri jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom inkluż, b’mod partikolari:

id-dritt li jitkellmu u jisimgħu f’sessjonijiet plenarji u f’laqgħat ta’ korpi kostitwenti oħra, anke skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78;

id-dritt li jixħtu l-voti tagħhom individwalment u li jivverifikaw li l-voti tagħhom jingħaddu.

3.

Meta jieħu d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-President għandu jiddetermina jekk din is-sistema tapplikax biss għas-sessjonijiet plenarji, jew ukoll għal-laqgħat ta’ korpi kostitwenti oħra u għal kwalunkwe attività oħra tal-Kumitat.

4.

Għall-applikazzjoni tar-regoli b’rabta mal-istabbiliment ta’ kworum u dwar il-votazzjoni fil-korpi kostitwenti, il-membri li jkunu qed jipparteċipaw mill-bogħod għandhom jitqiesu daqslikieku jkunu fiżikament preżenti.

Il-President għandu, fejn meħtieġ, jiddetermina l-mod u l-punt sa fejn il-membri jistgħu jaċċessaw il-kamra tal-laqgħat matul l-applikazzjoni tas-sistema ta’ attendenza mill-bogħod, u b’mod partikolari n-numru massimu ta’ membri li jistgħu jkunu fiżikament preżenti.

KAPITOLU 6

REGOLI TA’ PROĊEDURA

Artikolu 82 – Reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura

1.

L-assemblea plenarja għandha tiddeċiedi b’maġġoranza tal-voti mixħuta jekk hemmx ħtieġa li tirrevedi dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, parzjalment jew fl-intier tagħhom. F’nofs kull mandat tal-Kumitat, il-Bureau joħroġ rakkomandazzjoni lill-assemblea plenarja dwar jekk ikunx rakkomandabbli li ssir reviżjoni tar-Regoli ta’ Proċedura.

2.

L-assemblea plenarja taħtar kummissjoni ad hoc li tkun responsabbli għat-tħejjija ta’ rapport u ta’ abbozz ta’ test bħala bażi għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda b’maġġoranza tal-membri tagħha. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 83 – Istruzzjonijiet tal-Bureau

Il-Bureau jista’ jagħti istruzzjonijiet biex tiġi ddeterminata l-proċedura għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura, b’konformità ma’ tali Regoli.

Artikolu 84 – Dħul fis-seħħ tar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


Top