Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1997

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1997 tal-15 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/13075/2021/INIT

    ĠU L 408, 17/11/2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1997/oj

    17.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 408/1


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1997

    tal-15 ta’ Novembru 2021

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi riċevuti minnha għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. Il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta’ dik id-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta assi ta’ negozju jintuża għal finijiet privati ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħhom.

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 (2) awtorizzat lill-Kroazja, sal-31 ta’ Diċembru 2021, li tillimita għal 50 % id-dritt li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq ix-xiri u l-kiri ta’ karozzi tal-passiġġieri speċifikati b’massimu ta’ tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq, inkluż ix-xiri tal-oġġetti u s-servizzi kollha pprovduti b’rabta magħhom, meta dawk il-karozzi ma jintużawx kompletament għal skopijiet ta’ negozju. L-awtorizzazzjoni teħles ukoll lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu mhux marbut man-negozju tagħhom ta’ tali karozzi tal-passiġġieri bħala provvista ta’ servizzi għall-kunsiderazzjoni.

    (3)

    Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-31 ta’ Marzu 2021, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tillimita d-dritt ta’ tnaqqis fir-rigward tan-nefqa marbuta ma’ ċerti karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju (il-“miżura speċjali”).

    (4)

    Il-Kroazja tapplika l-Artikolu 168a(1) tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-VAT fuq in-nefqa relatata ma’ merkanzija ekonomika oħra li tifforma parti mill-assi tan-negozju skont l-Artikolu 168a(2) ta’ dik id-Direttiva. Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 kellha tinkludi referenza għall-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra datata t-22 ta’ April 2021, għarrfet lill-Istati Membri l-oħrajn dwar it-talba li għamlet il-Kroazja. B’ittra datata t-23 ta’ April 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li hija kellha t-tagħrif kollu meqjus minnha bħala meħtieġ sabiex tivvaluta t-talba.

    (6)

    Kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tielet paragrafu tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994, il-Kroazja ppreżentat rapport li jinkludi r-reviżjoni tal-perċentwal stabbilit għal-limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, il-Kroazja kkonfermat li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u għadu xieraq.

    (7)

    Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv kemm tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa minħabba ż-żamma skorretta ta’ rekords, il-Kroazja għandha għalhekk tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali. Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri speċjali jkollha limitu taż-żmien, sal-31 ta’ Diċembru 2024, biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq.

    (8)

    F’każ li l-Kroazja tqis li tkun meħtieġa estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali, jenħtieġ li tissottometti t-talba għal estensjoni akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024.

    (9)

    Il-miżura speċjali se jkollha effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.

    (10)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 hija emendata kif ġej:

    (1)

    It-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud”;

    (2)

    L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    B’deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja hija awtorizzata tillimita għal 50 % d-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq in-nefqa marbuta mal-karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju.”;

    (3)

    L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fiBrussell, il-15 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 320, 17.12.2018, p. 35).


    Top