This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D0954
Council Decision (EU) 2020/954 of 25 June 2020 on the position to be taken on behalf of the European Union within the International Civil Aviation Organization as regards the notification of voluntary participation in the Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation (CORSIA) from 1 January 2021 and the option selected for calculating aeroplane operators’ offsetting requirements during the 2021-2023 period
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 tal-25 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/954 tal-25 ta’ Ġunju 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023
ST/8758/2020/INIT
ĠU L 212, 03/07/2020, p. 14–17
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
3.7.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 212/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/954
tal-25 ta’ Ġunju 2020
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fir-rigward tan-notifika tal-parteċipazzjoni volontarja fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) mill-1 ta’ Jannar 2021 u tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”) daħħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 1947. Hija stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) u għandha l-għan li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali. |
(2) |
L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma Stati kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u membri tal-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta’ osservatur f’ċerti korpi tal-ICAO. |
(3) |
F’Diċembru 2015, il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima adottat il-Ftehim ta’ Pariġi (1). L-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi jinkludu li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm ferm inqas minn 2 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u li jitkomplew l-isforzi biex iż-żieda fit-temperatura tkun limitata għal 1,5 °C ’il fuq mil-livelli preindustrijali. Is-setturi kollha tal-ekonomija jenħtieġ li jikkontribwixxu biex jinkiseb it-tnaqqis fl-emissjonijiet, inkluż is-settur tal-avjazzjoni internazzjonali. |
(4) |
Fl-2016, permezz tar-Riżoluzzjoni tagħha A39-3, id-39 Assemblea tal-ICAO ddeċidiet li timplimenta skema ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq fil-forma ta’ Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA - Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation) biex l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati għal-livelli tagħhom tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-elaborazzjoni u l-adozzjoni ta’ dik l-iskema u d-diversi elementi dettaljati tagħha ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 (2). |
(5) |
Fis-27 ta’ Ġunju 2018, fl-għaxar laqgħa tal-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (l-“Anness 16, il-Volum IV”). |
(6) |
Fl-2017, ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) emenda d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Wieħed mill-għanijiet ta’ dak ir-Regolament kien it-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-CORSIA mill-2021, biex tistabbilixxi rekwiżiti taħt il-liġi tal-Unjoni għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika għall-finijiet tal-CORSIA, u għar-rappurtar u r-rieżami mill-ġdid tal-implimentazzjoni tal-CORSIA. |
(7) |
Ir-regoli li jinsabu fl-Anness 16, il-Volum IV ser isiru vinkolanti f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Chicago u fil-limiti stabbiliti fiha. Dawk ir-regoli ser isiru vinkolanti wkoll għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-ftehimiet internazzjonali eżistenti dwar it-trasport bl-ajru. |
(8) |
Sabiex l-ICAO tqis bis-sħiħ il-qafas legali attwali fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri nnotifikaw differenzi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 (5). Taħt id-Deċiżjoni (UE) 2018/2027, id-Direttiva 2003/87/KE, fl-istat attwali tagħha, tapplika irrispettivament min-nazzjonalità tal-operatur tal-ajruplani u fil-prinċipju tkopri titjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f’ajrudrom li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għalih japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Id-Direttiva 2003/87/KE tapplika mingħajr distinzjoni għal titjiriet fi ħdan u bejn l-Istati Membri u/jew pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea. F’dan l-istadju, dawk il-prinċipji japplikaw kemm għar-rekwiżiti tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (MRV) kif ukoll għar-rekwiżiti ta’ kumpens. |
(9) |
Soġġetti għad-differenzi nnotifikati f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/2027, ir-rekwiżiti tal-MRV li huma stabbiliti fl-Anness 16, il-Volum IV u applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2019 ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 (6) u (UE) 2018/2067 (7) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 (8). Skont dawn ir-Regolamenti, id-data dwar l-emissjonijiet ser tinġabar u tiġi trażmessa lis-Segretarjat tal-ICAO fir-rigward tal-emissjonijiet matul il-fażi pilota. |
(10) |
Skont il-paragrafi 3.1.3 u 3.2.1 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV, l-Istati kontraenti huma meħtieġa jinnotifikaw lill-ICAO bid-deċiżjoni tagħhom li jipparteċipaw volontarjament jew li jwaqqfu l-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA mill-1 ta’ Jannar 2021. L-Istati kontraenti huma meħtieġa ukoll li jinnotifikaw l-ICAO dwar liema għażla għamlu biex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023. Huma huma mitluba jippreżentaw dawk in-notifiki sat-30 ta’ Ġunju 2020. |
(11) |
Isegwi minn dawk id-dispożizzjonijiet, li ċerti effetti legali tal-Anness 16, il-Volum IV, jiddependu fuq il-preżentazzjoni ta’ notifiki rilevanti lill-ICAO u fuq it-termini tagħhom. Għalhekk, l-adozzjoni ta’ pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ tali notifiki taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. |
(12) |
F’dan ir-rigward, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ICAO, filwaqt li jiġu kkunsidrati r-rekwiżiti ta’ notifika skont l-Anness 16, il-Volum IV, b’mod partikolari minħabba li l-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA u l-għażla tal-għażla skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv id-drittijiet u l-obbligi f’qasam kopert mil-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 2003/87/KE u, sa ċertu punt, id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). |
(13) |
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha iddikjaraw (10) ripetutament li huma lesti li jipparteċipaw fil-CORSIA mill-1 ta’ Jannar 2021. |
(14) |
Il-parteċipazzjoni volontarja fil-CORSIA timplika li, skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Anness 16, il-Volum IV, għandha ssir għażla għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplani matul il-perijodu 2021-2023. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li l-kalkoli jiġu bbażati fuq l-emissjonijiet matul l-2021, l-2022 u l-2023, rispettivament. Dik l-għażla x’aktarx li tinvolvi benefiċċju akbar, kemm mil-lat ambjentali kif ukoll għat-trasport internazzjonali, mill-għażla l-oħra disponibbli, jiġifieri li l-kalkoli jiġu bbażati fuq l-emissjonijiet matul l-2020, peress li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali huma mistennija li jkunu ogħla matul l-2021, l-2022 u l-2023 milli matul l-2020 u b’hekk iwasslu għal rekwiżiti ta’ kumpens akbar. Dan jiżgura wkoll kontinwità akbar, meta wieħed iżomm f’moħħu li, għas-snin mill-2024, il-paragrafu 3.2.2 tal-Anness 16, il-Volum IV, jipprovdi bl-istess mod għal kalkolu bbażat fuq is-sena rispettiva. |
(15) |
L-għażla tal-emissjonijiet matul l-2021, l-2022 u l-2023, rispettivament, għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens għall-operaturi tal-ajruplani tapplika matul il-perijodu 2021-2023 għall-operaturi kollha tal-ajruplani li ġew attribwiti lill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-aħħar edizzjoni tad-dokument tal-ICAO “CORSIA Aeroplane Operator to State Attributions” (11). |
(16) |
Il-qafas tad-Direttiva 2003/87/KE bħalissa hija differenti f’ċerti modi mill-Anness 16, il-Volum IV. Taħt l-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni mill-ICAO tal-istrumenti rilevanti, u qabel ma l-CORSIA ssir operazzjonali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li fih għandha tikkunsidra modi kif dawk l-istrumenti jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni permezz ta’ reviżjoni tad-Direttiva 2003/87/KE u li fih għandha teżamina, fost l-oħrajn, l-ambizzjoni u l-integrità ambjentali ġenerali tal-CORSIA, inkluż l-ambizzjoni ġenerali tagħha b’rabta mal-miri skont il-Ftehim ta’ Pariġi, il-livell ta’ parteċipazzjoni, l-infurzabbiltà tagħha, it-trasparenza, il-penali għan-nonkonformità, il-proċessi għall-input pubbliku, il-kwalità tal-krediti ta’ kumpens, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet, ir-reġistri, ir-responsabbiltà kif ukoll ir-regoli dwar l-użu tal-bijofjuwils. Taħt l-Artikolu 28b(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, fejn xieraq, il-Kummissjoni għandha takkumpanja r-rapport bi proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jemendaw, iħassru, jestendu jew jissostitwixxu d-derogi previsti fl-Artikolu 28a ta’ dik id-Direttiva, li huwa b’mod konsistenti mal-impenn għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha tal-Unjoni għall-2030 bil-għan li tiġi ppreservata l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni. |
(17) |
Il-Kummissjoni għadha ma ppreżentatx ir-rapport. Għalhekk hemm ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni tippreżenta r-rapport imsemmi fl-Artikolu 28b(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, flimkien mal-proposta korrispondenti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kemm jista’ jkun malajr u qabel tmiem l-2020. |
(18) |
F’dan il-kuntest, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li d-differenzi attwali u futuri possibbli bejn il-liġi tal-Unjoni u l-Anness 16, il-Volum IV jiġu kkunsidrati b’mod effettiv, bil-għan li jinżamm il-qafas legali tal-Unjoni kif meħtieġ, inkluża l-libertà tal-leġislatur li jiddeċiedi dwar l-iskema futura tal-Unjoni applikabbli għaż-żona kkonċernata. |
(19) |
Għalhekk jenħtieġ li n-notifiki rilevanti għall-ICAO jinkludu referenza għad-differenza nnotifikata f’konformità mad-Deċiżjoni (UE) 2018/2027, li tapplika għall-kwistjonijiet koperti mill-parteċipazzjoni volontarja. Peress li tali differenza, sa fejn għadha rilevanti, tikkonċerna biss l-attribuzzjoni tal-kompetenza tal-Istati vis-à-vis l-operaturi differenti, in-notifiki rilevanti lill-ICAO jenħtieġ li jirriżervaw ukoll il-possibbiltà li jiġu nnotifikati differenzi addizzjonali. |
(20) |
Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni fil-ICAO jenħtieġ li jiġu espressi minn kull Stat Membru tal-Unjoni li huwa membru tal-ICAO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fir-rigward tan-notifika lill-ICAO fir-rigward tal-parteċipazzjoni volontarja tal-Istati Membri fl-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) minn Jannar 2021 għandha tkun is-segwenti: kull Stat Membru li huwa membru tal-ICAO għandu jinnotifika lill-ICAO t-test segwenti, sat-30 ta’ Ġunju 2020:
“Skont il-paragrafu 3.1.3 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO dwar il-parteċipazzjoni volontarja tiegħu fil-CORSIA mill-1 ta’ Jannar 2021.”.
2. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan l-ICAO fir-rigward tan-notifika lill-ICAO fir-rigward tal-għażla magħmula għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kumpens tal-operaturi tal-ajruplan matul il-perijodu 2021-2023 għandha tkun is-segwenti: kull Stat Membru li huwa membru tal-ICAO għandu jinnotifika lill-ICAO t-test segwenti, sat-30 ta’ Ġunju 2020:
“Skont il-paragrafu 3.2.1 tal-Kapitolu 3 tal-Parti II u l-Appendiċi 1 tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali: Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA), [Stat Membru] jinnotifika lill-ICAO li għall-iskop tal-kalkolu tal-ħtiġiet ta’ kumpens tal-operatur ta’ ajruplan matul il-perijodu 2021-2023 l-għażla magħmula hija OE = l-emissjonijiet ta’ CO2 tal-operatur tal-ajruplan koperti minn 3.1 fis-sena partikolari y.”.
3. In-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu akkumpanjati mit-test segwenti:
“Din in-notifika hija mingħajr preġudizzju għad-differenzi, skont l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, mid-dispożizzjonijiet tal-Anness 16, il-Volum IV għall-Konvenzjoni ta’ Chicago.”.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa minn kull Stat Membru tal-Unjoni li huwa membru tal-ICAO.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
A. METELKO-ZGOMBIĆ
(1) ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta’ Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta’ miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32).
(3) Ir-Regolament (UE) 2017/2392 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE biex jitkomplew il-limitazzjonijiet attwali tal-kamp ta’ applikazzjoni fl-attivitajiet tal-avjazzjoni u ssir il-preparazzjoni biex tiġi implimentata miżura globali bbażata fuq is-suq mill-2021 (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 7).
(4) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) (ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25).
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 1).
(7) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2067 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-verifika tad-data u l-akkreditament tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 334, 31.12.2018, p. 94).
(8) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1603 tat-18 ta’ Lulju 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-miżuri adottati mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ miżura globali bbażata fuq is-suq (ĠU L 250, 30.9.2019, p. 10).
(9) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
(10) Eż. “Dikjarazzjoni ta’ Bratislava”, ICAO A39- WP/414 (https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12029-2016-INIT/en/pdf) u ICAO A40- WP/102 (https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10227-2019-REV-1/en/pdf).
(11) https://www.icao.int/environmental-protection/CORSIA/Pages/CCR.aspx