Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D0924

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/924 tat-22 ta' Ġunju 2018 li tabroga d-Deċiżjoni 2009/414/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fi Franza

    ST/9758/2018/INIT

    ĠU L 164, 29/06/2018, p. 44–45 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2018/924/oj

    29.6.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 164/44


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/924

    tat-22 ta' Ġunju 2018

    li tabroga d-Deċiżjoni 2009/414/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fi Franza

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-27 ta' April 2009, wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni 2009/414/KE (1), f'konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fi Franza. Il-Kunsill innota li d-defiċit pubbliku nnotifikat għall-2008 kien ta' 3,2 % tal-PDG, u għalhekk aktar mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG. Id-dejn gross pubbliku, li kien ilu aktar mill-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 60 % tal-PDG mill-2003, kien ippjanat li jilħaq 66,7 % tal-PDG fl-2008.

    (2)

    Fl-istess data, f'konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 (2), il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ħareġ rakkomandazzjoni lil Franza bl-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2012. Il-Kunsill iffissa wkoll is-27 ta' Ottubru 2009 bħala d-data ta' skadenza għal azzjoni effettiva.

    (3)

    Fit-2 ta' Diċembru 2009, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjoni ġdida lil Franza, abbażi tal-Artikolu 126(7) tat-Trattat, li estendiet l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2013. Il-Kunsill qies li Franza kienet ħadet azzjoni effettiva, iżda li kienu ġraw avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi pubbliċi..

    (4)

    Fil-21 ta' Ġunju 2013, abbażi tal-Artikolu 126(7) tat-Trattat, il-Kunsill indirizza rakkomandazzjoni ġdida lil Franza, li estendiet l-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2015. Il-Kunsill ikkunsidra li l-evidenza disponibbli ma kinitx tippermetti konklużjoni li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva, iżda li kienu ġraw avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi sfavorevoli kbar għall-finanzi pubbliċi.

    (5)

    Fl-10 ta' Marzu 2015, il-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat, ħareġ rakkomandazzjoni ġdida lil Franza bil-ħsieb li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sal-2017. Il-Kunsill stabbilixxa id-data ta' skadenza tal-10 ta' Ġunju 2015 sa meta Franza kellha tirrapporta fid-dettall dwar l-azzjoni li tittieħed.

    (6)

    Fl-1 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miri tad-defiċit nominali għal Franza kienu mistennija li jintlaħqu kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016, filwaqt li l-isforz fiskali previst, skont il-parametri kollha, kien projettat li jkun inqas minn dawk rakkomandati fl-2015 u fl-2016. Għaldaqstant, skont il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-azzjoni effettiva, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċedura kellha tiġi sospiża.

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta' defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-data għall-implimentazzjoni tal-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw id-data dwar id-defiċit u d-dejn pubbliċi kif ukoll varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta' April u qabel l-1 ta' Ottubru, f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 (3).

    (8)

    Il-Kunsill jieħu deċiżjoni biex jabroga deċiżjoni dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv abbażi tad-data notifikata. Barra minn hekk, jenħtieġ li tali deċiżjoni tiġi abrogata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit ma jkunx ser jaqbeż il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG tul il-perjodu ta' previżjoni.

    (9)

    Id-data pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, wara n-notifika ta' April 2018 minn Franza, il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 u l-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni tiġġustifika l-konklużjonijiet li ġejjin:

    Wara li laħaq it-3,4 % tal-PDG fl-2016, id-defiċit pubbliku tnaqqas għal 2,6 % tal-PDG fl-2017. Meta mqabbel mal-miri baġitarji tal-2017, it-tnaqqis tad-defiċit f'dik is-sena kien prinċipalment dovut għal żieda importanti fid-dħul fiskali (0,7 % tal-PDG), b'mod partikolari l-VAT u t-taxxi korporattivi.

    Il-Programm ta' Stabbiltà għall-perjodu 2018-2022, ippreżentat mill-Gvern Franċiż fil-25 ta' April 2018, jippjana li d-defiċit pubbliku jinżel għal 2,3 % tal-PDG fl-2018 u jiżdied xi ftit għal 2,4 % tal-PDG fl-2019. Il-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni tipprojetta defiċit ta' 2,3 % tal-PDG fl-2018 u 2,8 % tal-PDG fl-2019, u għalhekk taħt il-valur referenzjarju tat-Trattat ta' 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' previżjoni.

    Il-bilanċ strutturali, il huwa l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħrajn, ittejjeb b'0,5 % tal-PDG fl-2017. It-titjib akkumulat fil-bilanċ strutturali mill-2015 kien jammonta għal 0,7 % tal-PDG.

    Id-dejn gross pubbliku żdied għal 97,0 % tal-PDG fl-2017, minn 96,6 % tal-PDG fl-2016, prinċipalment minħabba aġġustamenti bejn il-fondi u l-flussi li żiedu d-dejn, peress li d-defiċit primarju u l-pagamenti tal-imgħax ġew sostanzjalment paċuti bl-impatt tat-tkabbir reali u tal-inflazzjoni li naqqsu d-dejn. Il-previżjoni tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni tipprojetta tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn għal 96,4 % fl-2018 u 96,0 % fl-2019 prinċipalment minħabba tkabbir nominali għoli li jkun superjuri għall-iżbilanċi primarji u l-pagamenti tal-imgħax.

    (10)

    F'konformità mal-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv għandha tiġi abrogata meta d-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat, fil-fehma tal-Kunsill, ikun ġie kkoreġut.

    (11)

    Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fi Franza ġie kkoreġut u għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/414/KE tiġi abrogata.

    (12)

    Mill-2018, is-sena ta' wara dik li fiha saret il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, Franza hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u jenħtieġ li timxi lejn l-objettiv fuq terminu medju tagħha b'pass xieraq, inkluż billi tirrispetta l-parametru referenzjarju tan-nefqa, u li tikkonforma mal-kriterju tad-dejn skont l-Artikolu 2(1a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Minn valutazzjoni globali jirriżulta li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fi Franza ġiet ikkoreġuta.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2009/414/KE hija b'dan abrogata.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta' Ġunju 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. GORANOV


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/414/KE tas-27 ta' April 2009 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fi Franza (ĠU L 135, 30.5.2009, p. 19).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).


    Top