Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D1346

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1346 tas-17 ta' Lulju 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus rigward il-kawża ta' konformità ACCC/C/2008/32

    ĠU L 186, 19/07/2017, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1346/oj

    19.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 186/15


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/1346

    tas-17 ta' Lulju 2017

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus rigward il-kawża ta' konformità ACCC/C/2008/32

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta' Frar 2005, il-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (1) (“il-Konvenzjoni ta' Aarhus”) ġiet approvata, f'isem il-Komunità Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE (2).

    (2)

    L-Unjoni implimentat l-obbligi tal-Konvenzjoni ta' Aarhus fir-rigward tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tagħha, notevolment permezz tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    (3)

    Skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, il-Kumitat ta' Konformità tal-Konvenzjoni ta' Aarhus (“il-Kumitat”) ġie stabbilit, li għandu l-kompetenza li jeżamina l-konformità tal-Partijiet mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

    (4)

    Fis-17 ta' Marzu 2017, l-Unjoni rċeviet il-konklużjonijiet fil-kawża ACCC/C/2008/32 rigward l-aċċess għall-ġustizzja fil-livell tal-Unjoni (“il-Konklużjonijiet”). Fil-paragrafu 123 tal-konklużjonijiet, il-Kumitat iddikjara li “il-Parti kkonċernata tonqos milli tikkonforma mal-Artikolu 9, il-paragrafi 3 u 4, tal-Konvenzjoni fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja mill-membri tal-pubbliku minħabba li la r-Regolament ta' Aarhus u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma timplimenta jew tikkonforma mal-obbligi previsti f'dawk il-paragrafi.”

    (5)

    Il-korpi tal-Konvenzjoni ta' Aarhus ġew mgħarrfa bid-Dikjarazzjoni li l-Unjoni għamlet mal-firma u fejn tenniet waqt l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Aarhus li “[f]il-kuntest istituzzjonali u ġuridiku tal-Komunità […] l-istituzzjonijiet Komunitarji ser japplikaw il-Konvenzjoni fi ħdan il-qafas tar-regoli eżistenti u futuri tagħhom dwar l-aċċess għad-dokumenti u regoli rilevanti oħra tal-liġi Komunitarja fil-qasam kopert mill-Konvenzjoni.”

    (6)

    Waħda mill-konklużjonijiet fil-kawża ACCC/C/2008/32, jiġifieri li l-Unjoni tonqos milli tikkonforma mal-paragrafi (3) u (4) tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, ġiet inkorporata fl-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f, li ser tiġi ppreżentata fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus li ser issir f'Settembru 2017 f'Budva, il-Montenegro.

    (7)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tesplora modi u mezzi biex tikkonforma mal-Konvenzjoni ta' Aarhus b'mod li jkun kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-ordni ġuridiku tal-UE u mas-sistema tagħha ta' stħarriġ ġudizzjarju.

    (8)

    Fid-dawl tas-separazzjoni tal-poteri fl-Unjoni, il-Kunsill ma jistax jagħti struzzjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”) rigward l-attivitajiet ġudizzjarji tagħha. Għaldaqstant, ir-rakkomandazzjonijiet fl-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f relatati mal-Qorti tal-Ġustizzja u mal-ġurisprudenza tagħha ma jistgħux jiġu aċċettati.

    (9)

    L-Unjoni tkompli tappoġġa b'mod sħiħ l-objettivi importanti tal-Konvenzjoni ta' Aarhus.

    (10)

    Jenħtieġ li l-Unjoni tiddetermina l-pożizzjoni li għandha tittieħed fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus fir-rigward tal-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fis-sitt sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta' Aarhus fir-rigward tal-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f dwar il-konformità tal-Unjoni mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta' Aarhus għandha tkun li taċċetta l-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f, soġġett:

    għat-tħassir tal-aħħar parti tal-paragrafu 6 tal-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f u s-sostituzzjoni ta' “tapprova” bi “tieħu nota ta'”, sabiex il-paragrafu mbagħad jiġi jaqra kif ġej: “Tieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kumitat ta' Konformità fir-rigward tal-komunikazzjoni ACCC/C/2008/32 (parti II) li l-Parti kkonċernata tonqos milli tikkonforma mal-Artikolu 9, il-paragrafi 3 u 4, tal-Konvenzjoni.”;

    għaż-żieda tal-kliem “tikkunsidra” wara l-kliem “Tirrakkomanda lill-Parti kkonċernata” fl-intestatura tal-paragrafu 7 tal-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f, li mbagħad ikun jaqra kif ġej: “Tirrakkomanda li l-Parti kkonċernata tikkunsidra li:”

    għat-tħassir tal-kliem “lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea” mill-punt (i) tal-paragrafu 7(b) tal-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f; u

    għat-tħassir tal-punt (c) tal-paragrafu 7 tal-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f.

    2.   Emendi żgħar oħra f'konformità mal-approċċ ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jiġu maqbula waqt il-koordinazzjoni fuq il-post u fid-dawl ta' negozjati possibbli dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni VI/8f.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2017.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. TAMM


    (1)  ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta' Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (ĠU L 124, 17.5.2005, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13).


    Top