Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0883

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2016/883 tal-31 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' regoli għal miżuri ta' sigurtà attwali, stati ta' allert u ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi fil-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni

    C/2016/3341

    ĠU L 146, 03/06/2016, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/883/oj

    3.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 146/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE, Euratom) 2016/883

    tal-31 ta' Mejju 2016

    dwar l-implimentazzjoni ta' regoli għal miżuri ta' sigurtà attwali, stati ta' allert u ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi fil-Kummissjoni skont l-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 21 tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-objettiv tar-regoli ta' implimentazzjoni għal miżuri ta' sigurtà attwali, stati ta' allert u ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi huwa li jipprovdu livelli xierqa ta' protezzjoni għall-integrità fiżika ta' persuni, bini jew assi oħra b'mod proporzjonat mar-riskji identifikati, filwaqt li jiżguraw sigurtà effiċjenti u f'waqtha.

    (2)

    Is-sistema ta' allert ta' sigurtà tal-Kummissjoni introdotta permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/65/KE (2) jeħtieġ li tiġi riveduta u simplifikata biex din issir iktar flessibbli u effettiva bħala rispons għal theddid għas-sigurtà.

    (3)

    L-istabbiliment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) bħala korp funzjonalment awtonomu tal-Unjoni jeħtieġ emenda tar-regoli attwali dwar l-istati ta' allert dwar id-dmir ta' diliġenza lejn il-persunal tal-Kummissjoni. Is-SEAE huwa responsabbli mis-sigurtà u s-sikurezza ta' binjiet tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u tal-persunal li jaħdem hemm.

    (4)

    Din id-Deċiżjoni hija soġġetta għal deċiżjoni ta' għoti ta' setgħa tal-Kummissjoni favur il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għal kwistjonijiet ta' sigurtà, f'konformità sħiħa mar-regoli ta' proċedura interni kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.

    (5)

    Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/65/KE għandha titħassar,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    KAPITOLU 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Definizzjoni

    Minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443, tapplika d-definizzjoni li ġejja:

     

    “stat ta' allert” tfisser sett ta' miżuri ta' sigurtà maħsuba biex jipprovdu livell speċifiku ta' protezzjoni tal-integrità fiżika ta' persuni, bini jew assi oħrajn fil-Kummissjoni b'mod proporzjonat mat-theddid għas-sigurtà.

    Artikolu 2

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri ta' stat ta' allert f'konformità mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 b'antiċipazzjoni ta' jew rispons għal theddidiet u inċidenti li jaffettwaw is-sigurtà fil-Kummissjoni u miżuri meħtieġa għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi.

    2.   Sistema ta' sigurtà li tinkludi miżuri ta' sigurtà attwali u tliet stati ta' allert tapplika fil-bini tal-Kummissjoni. Il-miżuri ta' sigurtà attwali u l-istati ta' allert jiġu identifikati permezz ta' kodiċi ta' kulur: ABJAD jikkorrispondi għall-miżuri ta' sigurtà attwali; ISFAR, ORANĠJO u AĦMAR jikkorrispondu għaż-żieda fil-livelli ta' theddid.

    3.   Din id-Deċiżjoni tapplika għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni u fis-siti kollha tal-Kummissjoni li jinsabu ġewwa u barra mill-Unjoni Ewropea soġġetti għal responsabbiltajiet msemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 3

    Il-livelli ta' stat ta' allert

    1.   Meta ma tkun identifikata l-ebda theddida jew inċident partikolari li jaffettwaw l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħra mill-Kummissjoni, japplikaw il-miżuri attwali ta' sigurtà ABJAD. Dawn jintużaw fuq bażi ta' kuljum u huma mfassla biex jiżguraw livell xieraq ta' sigurtà.

    2.   Meta jsir theddid jew inċident li jaffettwa l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħrajn li jista' jkollu effett negattiv fuq il-Kummissjoni jew il-funzjonament tagħha, japplika l-istat ta' allert ISFAR.

    3.   Meta jsir theddid li jaffettwa l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħra mmirati speċifikament lejn il-Kummissjoni jew il-funzjonament tagħha, anki jekk ma tiġi identifikata l-ebda mira jew ħin tal-attakk, japplika l-istat ta' allert ORANĠJO.

    4.   Meta jsir theddid ta' attakk imminenti li jaffettwa l-integrità ta' persuni, bini jew assi oħra mmirati speċifikament lejn il-Kummissjoni jew il-funzjonament tagħha, japplika l-istat ta' allert AĦMAR.

    Artikolu 4

    Responsabilitajiet

    1.   Il-Membru tal-Kummissjoni responsabbli mis-sigurtà:

    (a)

    jiddeċiedi f'konsultazzjoni ma' istituzzjonijiet Ewropej u entitajiet Ewropej rilevanti oħra dwar it-tibdil fil-livell tal-istat ta' allert;

    (b)

    jiddeċiedi fuq parir mingħand id-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, liema miżuri speċifiċi tal-istati ta' allert għandhom jiġu implimentati fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tas-sigurtà u liema miżuri addizzjonali jeħtieġ li jittieħdu;

    (c)

    jinforma lill-President u lill-Membri l-oħra tal-Kummissjoni b'kull deċiżjoni li tittieħed skont dan l-Artikolu.

    2.   Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà:

    (a)

    ikun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fil-bini tal-Kummissjoni li jinsabu fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

    (b)

    jiżgura kollegament estern kif stabbilit fl-Artikolu 18(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443 f'każ ta' theddid jew inċidenti li jaffettwaw l-integrità fiżika tal-persuni, bini jew assi oħra tal-Kummissjoni;

    (c)

    f'każ ta' urġenza jieħu d-deċiżjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, (a) u (b). Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà, malajr kemm jista' jkun wara li jittieħdu dawn il-miżuri, jinforma lill-Membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-Kwistjonijiet ta' Sigurtà dwar il-miżuri u r-raġunijiet għalihom;

    (d)

    jimmonitorja kontinwament it-theddidiet u r-riskji għas-sigurtà.

    3.   Id-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fl-uffiċċji kollha tiegħu li jinsabu f'pajjiżi terzi.

    4.   Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fir-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u r-Rappreżentanzi Reġjonali.

    5.   Id-Direttorat Ġenerali għaċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka, ikun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni skont il-bini taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

    6.   Id-Direttorati Ġenerali elenkati hawn fuq jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali ta' sigurtà f'każ ta' emerġenza f'konformità ma' din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jiġi mgħarraf b'dawn il-miżuri mingħajr dewmien.

    Artikolu 5

    Miżuri

    1.   Id-Direttorat Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà jieħu u jimplimenta l-miżuri ta' sigurtà skont id-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Lista mhux eżawrjenti ta' miżuri li titħejja u tiġi implimentata mid-Direttorat Ġenerali għar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà.

    2.   Il-miżuri ta' stat ta' allert ikunu strettament konformi mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443. Il-livelli ta' stat ta' allert jiġu definiti f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi kompetenti ta' istituzzjonijiet Ewropej oħra u entitajiet Ewropej oħra rilevanti u mal-Istati Membri li jospitaw il-binjiet tal-Kummissjoni.

    3.   Il-livelli ta' stat ta' allert ikunu espressi f'żoni pubbliċi permezz ta' sistema ta' sinjalazzjoni b'kodiċi ta' kuluri u l-kulur ivarja skont il-livell tal-istat ta' allert.

    4.   Miżuri ta' sigurtà “ABJAD” jiġu stipulati f'avviż ta' sigurtà skont l-Artikolu 21(2) tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/443.

    KAPITOLU 2

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI U MIXXELLANJI

    Artikolu 6

    Trasparenza

    Din id-Deċiżjoni tinġieb għall-attenzjoni tal-persunal tal-Kummissjoni u tal-individwi kollha li tapplika għalihom.

    Artikolu 7

    Tħassir

    Titħassar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/65/KE.

    Artikolu 8

    Id-dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni,

    F'isem il-President,

    Kristalina GEORGIEVA

    Viċi President


    (1)  ĠU L 72,17.3.2015, p. 41.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/65/KE tal-15 ta' Diċembru 2006 li tistabbilixxi l-miżuri ta' sigurtà attwali u l-istati ta' allert u li temenda r-Regoli ta' Proċedura tagħha dwar il-proċeduri operattivi għall-ġestjoni ta' sitwazzjonijiet ta' kriżi (ĠU L 32, 6.2.2007, p. 144).


    Top