Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0949

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/949 tad-19 ta' Ġunju 2015 li japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 156, 20/06/2015, p. 2–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 17/07/2017

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/949/oj

    20.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/2


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/949

    tad-19 ta' Ġunju 2015

    li japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa fuq ċertu ikel minn ċerti pajjiżi terzi għall-preżenza ta' ċerti mikotossini

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistipula l-livelli massimi permessi ta' okratossina A u ta' aflatossini fl-ikel. Il-prodotti tal-ikel biss li jikkonformaw mal-livell massimu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

    (2)

    Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li l-Istati Membri huma obbligati li jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali jitwettqu b'mod regolari, abbażi ta' riskju u bi frekwenza xierqa sabiex jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament, li huma fost l-oħrajn il-prevenzjoni, l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tar-riskji għall-bnedmin u għall-annimali sa livelli aċċettabbli.

    (3)

    L-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 jistipula li jistgħu jiġu approvati kontrolli speċifiċi ta' qabel l-esportazzjoni, imwettqa minn pajjiż terz fuq l-ikel u l-għalf qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi vverifikat li l-prodotti esportati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Unjoni.

    (4)

    Din l-approvazzjoni tista' tingħata biss lil pajjiż terz jekk verifika tal-Unjoni Ewropea tkun uriet li l-ikel jew l-għalf esportat lejn l-Unjoni Ewropea jkun jissodisfa r-rekwiżiti tal-Unjoni jew rekwiżiti ekwivalenti u li l-kontrolli mwettqa fil-pajjiż terz qabel il-bgħit jitqiesu effettivi u effiċjenti biżżejjed biex jissostitwixxu jew inaqqsu l-kontrolli tad-dokumenti, tal-identità u dawk fiżiċi stipulati fil-liġi tal-UE.

    (5)

    F'April tal-2005, l-Istati Uniti tal-Amerka (minn hawn 'il quddiem imsejħin “l-Istati Uniti”) ressqu applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiksbu approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti fuq il-kontaminazzjoni tal-karawett mill-aflatossini, intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    (6)

    Wara verifika li wettaq l-Uffiċċju Alimentari u Veterinarju (FVO) tal-Kummissjoni, l-approvazzjoni ta' dawk il-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni li jimmiraw għall-iżgurar tal-konformità mal-livelli massimi ta' aflatossini stipulati fil-liġi tal-Unjoni ngħatat bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/47/KE (3).

    (7)

    Fit-8 ta' Ottubru 2007, il-Kanada ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni biex tikseb approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Kanada fuq il-kontaminazzjoni mill-okratossina A fil-qamħ (komuni u durum) u fid-dqiq tal-qamħ maħsuba għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea.

    (8)

    Il-Kummissjoni vvalutat fid-dettall it-tagħrif ipprovdut mill-Kummissjoni Kanadiża għall-Qamħ, li hija l-awtorità kompetenti tal-Kanada li taħt ir-responsabbiltà tagħha jitwettqu l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni, u kienet tal-fehma li l-garanziji mogħtija huma sodisfaċenti sabiex taċċetta l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni fuq il-qamħ u fuq ċerti prodotti li ġejjin minnu għall-preżenza tal-okratossina A. Għalhekk, l-approvazzjoni ta' dawk il-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni li jimmiraw għall-iżgurar tal-konformità mal-livelli massimi ta' okratossina A stipulati fil-liġi tal-Unjoni ngħatat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2011 (4).

    (9)

    Fil-21 ta' Novembru 2012, l-Istati Uniti ressqu applikazzjoni lill-Kummissjoni biex jiksbu approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerka fuq il-kontaminazzjoni tal-lewż mill-aflatossini, intiż għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

    (10)

    Wara verifika mwettqa mill-FVO tal-Kummissjoni u wara li evalwat fid-dettall it-tagħrif addizzjonali mogħti mill-Istati Uniti, il-Kummissjoni tqis li l-garanziji mogħtija huma sodisfaċenti u jiġġustifikaw l-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni. Għalhekk, jixraq li tingħata l-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa li jimmiraw għall-iżgurar tal-konformità mal-livelli massimi ta' aflatossini stipulati fil-liġi tal-Unjoni.

    (11)

    Jixraq li l-approvazzjonijiet kollha tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni li jitwettqu minn ċerti pajjiżi terzi fir-rigward tal-preżenza ta' mikotossini fl-ikel ikunu f'Regolament wieħed sabiex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni u sabiex jiġi żgurat approċċ uniformi. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2008/47/KE u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2011 għandhom jiġu sostitwiti u r-regoli li hemm f'dawk l-atti għandhom jiġu amalgamati ma' dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni. Madankollu, ġew introdotti xi bidliet żgħar sabiex id-dispożizzjonijiet jiġu allinjati fir-rigward tal-frekwenza tal-kontrolli u sabiex id-dispożizzjonijiet jiġu aġġornati biex jirriflettu l-bidliet fil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM).

    (12)

    F'konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jeħtieġ li l-Istati Membri jaġġustaw il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi fuq l-importazzjonijiet mar-riskju assoċjat ma' kategoriji differenti tal-ikel filwaqt li jqisu, fost affarijiet oħra, il-garanziji mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ta' oriġini tal-ikel inkwistjoni. Il-kontrolli sistematiċi ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz, f'konformità mal-approvazzjoni tal-Unjoni skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, jipprovdu livell sodisfaċenti ta' garanziji b'rabta mal-kontaminazzjoni mill-mikotossini u għalhekk jippermettu lill-Istati Membri jnaqqsu l-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi mwettqa fuq dawn il-prodotti bażiċi.

    (13)

    Il-frekwenza baxxa ta' kontroll stabbilita fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tiġi segwita mill-Istati Membri li jimportaw bosta kunsinni tal-oġġetti tal-ikel ikkonċernati. L-Istati Membri li jimportaw biss numru limitat ta' kunsinni tal-oġġetti tal-ikel ikkonċernati għandhom jiżguraw frekwenza baxxa ta' kontrolli, mingħajr ma jkunu jistgħu jikkonformaw mal-frekwenza stabbilita tal-kontrolli.

    (14)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-approvazzjoni tal-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni

    1.   Il-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-Kummissjoni Kanadiża għall-Qamħ, bħala awtorità kompetenti, fir-rigward tal-okratossina A fil-qamħ u fid-dqiq tal-qamħ imniżżla fl-Anness I u prodotti fit-territorju tal-Kanada huma approvati.

    2.   Il-kontrolli li ġejjin ta' qabel l-esportazzjoni, mwettqa qabel l-esportazzjoni lejn l-Unjoni mid-Dipartiment tal-Agrikoltura tal-Istati Uniti (USDA), bħala awtorità kompetenti, huma approvati:

    (a)

    il-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni fir-rigward tal-aflatossini fil-karawett imniżżla fl-Anness I u prodotti fuq it-territorju tal-Istati Uniti;

    (b)

    il-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni fir-rigward tal-aflatossini fil-lewż imniżżla fl-Anness I u prodotti fit-territorju tal-Istati Uniti.

    Artikolu 2

    Id-dokumenti ta' akkumpanjament u l-identifikazzjoni tal-kunsinni

    1.   Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata minn:

    (a)

    rapport li jkun fih ir-riżultati tat-teħid ta' kampjuni u tal-analiżi mwettqa f'konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 (5), jew b'rekwiżiti ekwivalenti, minn laboratorju approvat għal dak il-għan mill-awtorità kompetenti;

    (b)

    ċertifikat skont il-mudell stabbilit fl-Anness II, li jkun imtela, ġie vverifikat u ġie ffirmat minn rappreżentant tal-awtorità kompetenti; iċ-ċertifikat ikun validu għal erba' xhur mid-data tal-ħruġ.

    2.   Kull kunsinna ta' prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandu jkollha kodiċi ta' identifikazzjoni li għandu jerġa' jitniżżel fuq ir-rapport u fuq iċ-ċertifikat, imsemmija fil-paragrafu 1. Kull basket individwali, jew forma oħra ta' imballaġġar, jew imballaġġar li jgħaqqad diversi entitajiet individwali f'imballaġġ wieħed, tal-kunsinna għandu jiġi identifikat bl-istess kodiċi.

    Artikolu 3

    Il-qsim tal-kunsinni

    Jekk kunsinna tinqasam, il-kopji taċ-ċertifikat previsti fl-Artikolu 2(1)(b) u ċċertifikati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ il-qsim, għandhom jakkumpanjaw kull parti tal-kunsinna maqsuma sakemm tiġi rilaxxata għaċ-ċirkolazzjoni libera.

    Artikolu 4

    Il-kontrolli uffiċjali

    F'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(2) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004, il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi mwettqa mill-Istati Membri fuq il-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 u ppreżentati f'konformità mal-Artikolu 2 għandha titnaqqas għall-perċentwali massimu tal-għadd ta' kunsinni ppreżentati kif previst fl-Anness I.

    Artikolu 5

    It-tħassir

    Id-Deċiżjoni 2008/47/KE u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 844/2011 huma b'dan imħassra.

    Ir-referenzi għad-Deċiżjoni u għar-Regolament ta' Implimentazzjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Id-dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Ġunju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/47/KE tal-20 ta' Diċembru 2007 li tapprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Istati Uniti tal-Amerka fuq il-karawett u l-prodotti li ġejjin minnu għal dik li hija preżenza ta' aflatossini (ĠU L 11, 15.1.2008, p. 12).

    (4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 844/2011 tat-23 ta' Awwissu 2011 li japprova l-kontrolli ta' qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-Kanada fuq il-qamħ u fuq id-dqiq tal-qamħ għall-preżenza tal-okratossina A (ĠU L 218, 24.8.2011, p. 4).

    (5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 tat-23 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi l-metodi tat-teħid ta' kampjuni u l-metodi ta' analiżi għall-kontroll uffiċjali tal-livelli ta' mikotossini fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12).


    ANNESS I

    Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 u l-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi msemmija fl-Artikolu 4:

    L-ikel

    Il-kodiċi tan-NM (Nomenklatura Magħquda)

    Is-sottodiviżjoni tat-TARIC (Tariffa Integrata tal-Komunità Ewropea)

    Il-pajjiż tal-oriġini

    Il-mikotossina

    Il-frekwenza tal-kontrolli fiżiċi (%) waqt l-importazzjoni

    Qamħ

    1001

     

    Il-Kanada

    Okratossina A

    < 1

    Dqiq tal-qamħ

    1101 00

    Karawett, bil-qoxra

    1202 41 00

     

    L-Istati Uniti tal-Amerka

    Aflatossini

    < 1

    Karawett, bla qoxra

    1202 42 00

    Karawett, ippreparat jew ippreservat b'xi mod ieħor

    2008 11 91 ; 2008 11 96 ; 2008 11 98

    Lewż, bil-qoxra

    0802 11

     

    L-Istati Uniti tal-Amerka

    Aflatossini

    < 1

    Lewż, bla qoxra

    0802 12

    ANNESS II

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Image

    Test ta 'immaġni

    Top