Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0090

    Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 257, 28/08/2014, p. 146–185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 11/08/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/90/oj

    28.8.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 257/146


    DIRETTIVA 2014/90/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta’ Lulju 2014

    dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l Artikolu 100(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    Id-dimensjoni globali tat-tbaħħir titlob li l-Unjoni tapplika u tagħti appoġġ għall-qafas regolatorju internazzjonali dwar is-sikurezza marittima. Il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar is-sikurezza marittima jeħtieġu li l-Istati tal-bandiera jiżguraw li t-tagħmir li jkun qed jinġarr abbord il-vapuri jkun konformi ma’ ċerti rekwiżiti ta’ sikurezza fir-rigward tad-disinn, il-kostruzzjoni u l-prestazzjoni, u biex joħorġu ċ-ċertifikati rilevanti. Għal dak il-għan, ġew żviluppati standards dettaljati tal-prestazzjoni u tal-ittestjar għal ċerti tipi ta’ tagħmir tal-baħar mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u mill-korpi ta’ standardizzazzjoni internazzjonali u Ewropej.

    (2)

    L-istrumenti internazzjonali jħallu marġini sinifikanti ta’ diskrezzjoni għall-amministrazzjonijiet tal-bandiera. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, dan iwassal għal livelli ta’ sikurezza li jvarjaw għall-prodotti li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu ċċertifikaw bħala konformi ma’ dawk il-konvenzjonijiet u standards; b’riżultat ta’ dan, il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern jiġi affettwat minħabba li jsir diffiċli għall-Istati Membri biex jaċċettaw tagħmir iċċertifikat fi Stat Membru ieħor biex jiġi installat abbord vapuri li jtajru l-bnadar tagħhom mingħajr aktar verifiki.

    (3)

    L-armonizzazzjoni mill-Unjoni ssolvi dawn il-problemi. Għalhekk, id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (3) stabbilixxiet regoli komuni biex telimina d-differenzi fl-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali permezz ta’ sett ta’ rekwiżiti identifikati b’mod ċar u proċeduri uniformi ta’ ċertifikazzjoni.

    (4)

    Hemm diversi strumenti oħra tal-liġi tal-Unjoni li jistabbilixxu rekwiżiti u kondizzjonijiet, fost oħrajn sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija fis-suq intern jew għal raġunijiet ambjentali, għal ċerti prodotti li huma simili fin-natura għal tagħmir li jintuża abbord il-vapuri, iżda li ma jilħqux l-istandards internazzjonali – li jistgħu jvarjaw sostanzjalment mil-leġislazzjoni interna tal-Unjoni u li huma f’evoluzzjoni kostanti. Għalhekk, dawk il-prodotti ma jistgħux jiġu ċċertifikati mill-Istati Membri. It-tagħmir li għandu jiġi installat abbord il-vapuri tal-UE f’konformità mal-istandards internazzjonali tas-sikurezza għandu għalhekk jiġi rregolat esklużivament minn din id-Direttiva, li għandha f’kull każ titqies bħala l-lex specialis; barra minn hekk, għandha tiġi stabbilita marka speċifika li tindika li t-tagħmir li jkollu dik il-marka jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-konvenzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali rilevanti li jkunu daħlufis-seħħ.

    (5)

    Minbarra li jistabbilixxu standards ta’ prestazzjoni u ttestjar iddettaljati għat-tagħmir tal-baħar, l-istrumenti internazzjonali kultant jagħtu lok għal miżuri li jiddevjaw mir-rekwiżiti preskrittivi iżda li, taħt ċerti kondizzjonijiet, huma xierqa biex jissodisfaw l-intenzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti. Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS), 1974, tippermetti li d-disinn u l-arranġamenti alternattivi jkunu jistgħu jiġu applikati minn Stati Membri individwali li jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess.

    (6)

    L-esperjenza fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/98/KE wriet li jeħtieġ li jittieħdu miżuri addizzjonali għat-titjib tal-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni u infurzar ta’ dik id-Direttiva u għas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju filwaqt li jkun garantit li r-rekwiżiti tal-OMI qed jiġu applikati u implimentati b’mod armonizzat fl-Unjoni Ewropea kollha.

    (7)

    Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti biex it-tagħmir tal-baħar jilħaq l-istandards tas-sikurezza stabbiliti fl-istrumenti internazzjonali applikabbli, inklużi l-istandards ta’ ttestjar rilevanti, sabiex ikun żgurat li t-tagħmir li jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti jkun jista’ jiċċirkola mingħajr xkiel fi ħdan is-suq intern u jiġi installat abbord il-vapuri li jtajru l-bandiera ta’ kwalunkwe Stat Membru.

    (8)

    Sabiex ikun hemm kompetizzjoni ġusta fl-iżvilupp tat-tagħmir tal-baħar, għandu jsir kull sforz biex jiġi promoss l-użu ta’ standards miftuħin sabiex isiru disponibbli b’xejn jew bi ħlas nominali, u jkun permissibbli li kulħadd jikkoppjahom, iqassamhom u jużahom bla ħlas jew bi ħlas nominali.

    (9)

    Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi prinċipji komuni u dispożizzjonijiet ta’ referenza maħsubin biex japplikaw għal-leġislazzjoni settorjali kollha biex tiġi pprovduta bażi koerenti għar-reviżjoni jew it-tfassil mill-ġdid ta’ dik il-leġislazzjoni. Dik id-Deċiżjoni tikkostitwixxi qafas ġenerali ta’ natura orizzontali għal leġislazzjoni futura ta’ armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u test ta’ referenza għal-leġislazzjoni eżistenti. Dak il-qafas ġenerali jipprovdi soluzzjonijiet xierqa għall-problemi identifikati fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/98/KE. Jeħtieġ għalhekk li d-definizzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ta’ referenza tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE jiġu inkorporati f’din id-Direttiva billi jsiru l-adattamenti li huma meħtieġa mill-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tat-tagħmir tal-baħar.

    (10)

    Bil-għan li l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jingħataw mezzi addizzjonali speċifiċi li jiffaċilitaw il-kompitu tagħhom, fil-mument opportun it-tikketta elettronika tista’ tissupplimenta jew tissostitwixxi l-marka tat-tmun.

    (11)

    Ir-responsabbiltajiet tal-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu stabbiliti b’mod li huwa proporzjonat u mhux diskriminatorju għal dawk l-operaturi ekonomiċi li jkunu stabbiliti fl-Unjoni, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-fatt li proporzjon sinifikanti tat-tagħmir tal-baħar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva qatt ma jista’ jiġi importat u jitqassam fit-territorju tal-Istati Membri.

    (12)

    Peress li t-tagħmir tal-baħar jiġi installat abbord il-vapuri waqt il-kostruzzjoni jew it-tiswija tagħhom madwar id-dinja kollha, is-sorveljanza tas-suq issir partikolarment diffiċli u ma tistax tiġi appoġġata b’mod effettiv mill-kontrolli fuq il-fruntiera. Għalhekk, l-obbligi rispettivi tal-Istati Membri u tal-atturi ekonomiċi ġewwa l-Unjoni għandhom ikunu speċifikati b’mod ċar. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tagħmir konformi biss jiġi installat abbord vapuri li jtajru l-bnadar tagħhom u li dan l-obbligu jiġi rrispettat permezz tal-ħruġ, l-approvazzjoni jew it-tiġdid taċ-ċertifikati ta’ tali vapuri mill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera taħt il-konvenzjonijiet internazzjonali, kif ukoll permezz tal-arranġamenti nazzjonali għas-sorveljanza tas-suq stabbiliti f’konformità mal-qafas tal-Unjoni ta’ sorveljanza tas-suq stabbilit fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). L-Istati Membri għandhom ikunu appoġġati fit-twettiq ta’ dawn l-obbligi mis-sistemi ta’ informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni, in-notifika u l-monitoraġġ tal-korpi awtorizzati li jwettqu kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni marbuta mat-tagħmir tal-baħar approvat, l-applikazzjonijiet irtirati jew miċħuda, u n-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir.

    (13)

    L-ewwel nett, it-twaħħil tal-marka tat-tmun mat-tagħmir tal-baħar mill-manifattur jew, fejn ikun rilevanti, l-importatur għandu jkun il-garanzija skont l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva li t-tagħmir huwa konformi u jista’ jitqiegħed fuq is-suq bil-għan li jiġi installat abbord vapur tal-UE.Minn hemm ‘il quddiem, ċerti dispożizzjonijiet għall-kontinwazzjoni u l-applikabbiltà sikuri tal-marka tat-tmun wara li tkun twaħħlet u għar-rilaxx effettiv tal-kompitu tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq. Il-manifattur jew, fejn ikun rilevanti, l-importatur jew id-distributur, għandu jkun obbligat jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni sħiħa u vera fir-rigward tat-tagħmir li jkun għamillu marka tat-tmun biex jiġi żgurat li t-tagħmir tal-baħar jibqa’ sikur. Il-manifattur għandu jkun obbligat jikkoopera mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq inkluż dwar standards li fuqhom immanifattura u ċċertifika t-tagħmir, u għandu jeżerċita wkoll diliġenza dovuta fir-rigward ta’ tagħmir tal-baħar li jqiegħed fis-suq. F’dan ir-rigward, manifattur li jinsab barra l-Unjoni għandu jaħtar rappreżentant awtorizzat sabiex jiżgura l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

    (14)

    Il-konformità mal-istandards internazzjonali ta’ ttestjar tista’ tintwera bl-aħjar mod permezz ta’ proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità bħal dawk stipulati fid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. Madankollu, il-manifatturi għandu jkollhom disponibbli biss dawk il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali.

    (15)

    Sabiex tkun żgurata proċedura ġusta u effiċjenti waqt l-analiżi ta’ nuqqas ta’ konformità ssuspettata, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jieħdu l-miżuri kollha li jwasslu għal evalwazzjoni eżawrjenti u oġġettiva tar-riskji; jekk il-Kummissjoni tkun sodisfatta li din il-kondizzjoni ntlaħqet, ma għandhiex tkun obbligata li tirrepeti dik l-evalwazzjoni meta tirrieżamina l-miżuri restrittivi adottati mill-Istati Membri rigward tagħmir mhux konformi.

    (16)

    Meta l-Kummissjoni tkun qed twettaq id-doveri investigattivi tagħha fir-rigward tal-korpi nnotifikati, hija għandha żżomm lill-Istati Membri infurmati u għandha tikkoopera magħhom kemm jista’ jkun, waqt li tikkunsidra b’mod debitu r-rwol indipendenti tagħha.

    (17)

    Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza ta’ Stat Membru jkunu tal-fehma li t-tagħmir tal-baħar kopert b’din id-Direttiva jista’ jkun ta’ riskju għas-sikurezza marittima, għas-saħħa jew għall-ambjent, dawn għandhom iwettqu evalwazzjonijiet jew testijiet b’rabta mat-tagħmir ikkonċernat. F’każ li jinstab riskju, l-Istat Membru għandu jitlob lill-operatur ekonomiku kkonċernat biex jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa, jew saħansitra jirtira jew jieħu lura t-tagħmir ikkonċernat.

    (18)

    L-użu ta’ tagħmir tal-baħar li ma jkollux il-marka tat-tmun għandu jkun permess f’ċirkostanzi eċċezzjonali, speċjalment meta ma jkunx possibbli li vapur jikseb tagħmir li għandu l-marka tat-tmun f’port jew installazzjoni barra l-Unjoni jew meta t-tagħmir li għandu l-marka tat-tmun ma jkunx disponibbli fis-suq.

    (19)

    Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kisba tal-objettivi ta’ din id-Direttiva ma tiġix ostakolata min-nuqqas ta’ standards internazzjonali jew minn nuqqasijiet jew anomaliji serji fl-istandards eżistenti, inklużi l-istandards ta’ ttestjar għal biċċa tagħmir tal-baħar speċifikali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jeħtieġ ukoll li jiġu identifikati l-biċċiet tagħmir tal-baħar speċifiċi li jistgħu jibbenefikaw mit-tikkettjar elettroniku. Barra minn hekk jeħtieġ li jinżamm aġġornat element mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, jiġifieri r-referenzi għall-istandards kif imsemmi fl-Anness III, meta jsiru disponibbli standards ġodda. Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha għalhekk tkun iddelegata lill-ummissjoni fir-rigward tal-adozzjoni, b’ċerti kondizzjonijiet u fuq bażi temporanja, ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati u standards ta’ ttestjar u sabiex jiġu emendati dawk ir-referenzi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (20)

    Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva, għandu jkun hemm implimentazzjoni uniformi tal-istrumenti internazzjonali fis-suq intern. Għalhekk jeħtieġ, għal kull parti tat-tagħmir tal-baħar li għalih tkun meħtieġa l-approvazzjoni tal-Istat tal-bandiera skont il-konvenzjonijiet internazzjonali, li jiġu identifikati b’mod ċar u f’waqtu r-rekwiżiti ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni kif ukoll l-istandards ta’ ttestjar assoċjati stipulati fl-istrumenti internazzjonali għal dak it-tagħmir, u biex jiġu adottati kriterji u proċeduri komuni, inklużi skedi ta’ żmien, għall-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti u l-istandards mill-korpi nnotifikati, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi, inkluż kwalunkwe operatur responsabbli għat-tqegħid tat-tagħmir abbord vapur tal-UE. Jeħtieġ ukoll li jiġi żgurat li l-kisba tal-objettivi ta’ din id-Direttiva ma tiġix ostakolata minn nuqqasijiet fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ ttestjar applikabbli jew f’każijiet fejn l-OMI ma tkunx ipproduċiet standards xierqa għat-tagħmir tal-baħar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    (21)

    L-istrumenti internazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-istandards tal-ittestjar, għandhom japplikaw awtomatikament fil-verżjoni aġġornata tagħhom. Sabiex jittaffa r-riskju li l-introduzzjoni ta’ standards ta’ ttestjar ġodda fil-leġislazzjoni tal-Unjoni tikkawża diffikultajiet sproporzjonati għall-flotta tal-Unjoni u għall-operaturi ekonomiċi, mill-perspettiva ta’ ċarezza u ċertezza legali, id-dħul fis-seħħ ta’ tali standards ġodda ta’ ttestjar m’għandux ikun awtomatiku iżda, pjuttost, għandu jiġi indikat b’mod espliċitu mill-Kummissjoni.

    (22)

    Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (23)

    Sabiex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni armonizzata, rapida u sempliċi ta’ din id-Direttiva, l-atti ta’ implimentazzjoni adottati skont din id-Direttiva għandhom jieħdu l-għamla ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni.

    (24)

    F’konformità mal-prattika stabbilita, il-kumitat imsemmi f’din id-Direttiva jista’ jkollu rwol utli fl-analiżi ta’ kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li jitqajmu mill-president tiegħu jew minn rappreżentant ta’ Stat Membru f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tiegħu.

    (25)

    Meta kwistjonijiet relatati ma’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-implimentazzjoni jew il-ksur tagħha, ikunu qed jiġu eżaminati, pereżempju fi grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu, f’konformità mal-prattika eżistenti, jirċievi informazzjoni u dokumentazzjoni sħiħa u, fejn opportun, stedina biex jattendi il-laqgħat.

    (26)

    Il-Kummissjoni hija assistita mill-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fl- implimentazzjoni effettiva ta’ atti legalment vinkolanti rilevanti tal-Unjoni u fit-twettiq tal-kompiti li jinsabu fih u li huma fdati f’idejn il-Kummissjoni.

    (27)

    L-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi kollha għandhom jagħmlu kull sforz possibbli biex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni bil-miktub f’konformità mal-prattika internazzjonali, bil-ħsieb li jinstabu mezzi ta’ komunikazzjoni komuni.

    (28)

    Ladarba l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tas-sikurezza fuq il-baħar u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar permezz tal-applikazzjoni uniformi tal-istrumenti internazzjonali rilevanti relatati mat-tagħmir li għandu jiġi installat abbord il-vapuri, u li jkun żgurat il-moviment liberu ta’ tagħmir bħal dan fl-Unjoni, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minħabba l-iskala tal-azzjoni, jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (29)

    Il-miżuri li għandhom jiġu adottati jirrappreżentaw modifika kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 96/98/KE u għalhekk, fl-interess taċ-ċarezza, dik id-Direttiva għandha titħassar u tiġi sostitwita b’din id-Direttiva,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU 1

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Għan

    L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li titjieb is-sikurezza fuq il-baħar u li jiġi evitat it-tniġġis tal-baħar permezz tal-applikazzjoni uniformi tal-istrumenti internazzjonali rilevanti relatati mat-tagħmir tal-baħar li jiġi installat abbord vapuri tal-UE, u li jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tagħmir bħal dan fl-Unjoni.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “tagħmir tal-baħar” tfisser tagħmir li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva f’konformità mal-Artikolu 3;

    (2)

    “vapur tal-UE” tfisser vapur li jtajjar bandiera ta’ Stat Membru u li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali;

    (3)

    “konvenzjonijiet internazzjonali” tfisser il-konvenzjonijiet li ġejjin, flimkien mal-protokolli u l-kodiċijiet ta’ applikazzjoni obbligatorja tagħhom, adottati taħt il-patroċinju tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), li jkunu daħlu fis-seħħ u li jistabbilixxu rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni mill-Istat tal-bandiera ta’ tagħmir li jiġi installat abbord vapuri:

    il-Konvenzjoni tal-1972 fuq ir-Regolamenti Internazzjonali għal Prevenzjoni ta’ Kolliżjonijiet fuq il-Baħar (Colreg),

    il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (Marpol) tal-1973,

    il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (Solas) tal-1974;

    (4)

    “standards tal-ittestjar” tfisser l-istandards ta’ ttestjar għat-tagħmir tal-baħar stabbiliti minn:

    l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO),

    l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO),

    il-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC),

    il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN),

    il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec),

    l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU),

    l-Istitut Ewropew tal-Istandards tat-Telekomunikazzjoni (ETSI),

    il-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 8 u l-Artikolu 27(6) ta’ din id-Direttiva,

    l-awtoritajiet regolatorji rikonoxxuti fil-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku li tagħhom l-Unjoni hija parti;

    (5)

    “strumenti internazzjonali” tfisser il-konvenzjonijiet internazzjonali, flimkien mar-riżoluzzjonijiet u ċ-ċirkolarijiet tal-OMI li jagħtu effett lil dawk il-konvenzjonijiet fil-verżjoni aġġornata tagħhom, u l-istandards tal-ittestjar;

    (6)

    “marka tat-tmun” tfisser is-simbolu msemmi fl-Artikolu 9 u stabbilit fl-Anness I jew, kif xieraq, it-tikketta elettronika imsemmija fl-Artikolu 11;

    (7)

    “korp innotifikat” tfisser organizzazzjoni magħżula mill-amministrazzjoni nazzjonali kompetenti ta’ xi Stat Membru f’konformità mal-Artikolu 17;

    (8)

    “magħmul disponibbli fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta’ tagħmir tal-baħar fis-suq tal-Unjoni matul attività kummerċjali, sew jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas;

    (9)

    “tqegħid fis-suq” tfisser l-ewwel darba li tagħmir tal-baħar ikun disponibbli fis-suq tal-Unjoni;

    (10)

    “manifattur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura t-tagħmir tal-baħar, jew li tqabbad lil min jiddisinja jew jimmanifattura t-tagħmir tal-baħar, u li tikkummerċjalizza dak it-tagħmir taħt isimha jew il-marka kummerċjali tagħha;

    (11)

    “rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tkun irċeviet mandat bil-miktub mingħand il-manifattur sabiex taġixxi f’ismu fir-rigward ta’ kompiti speċifiċi;

    (12)

    “importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni, li tqiegħed tagħmir tal-baħar minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

    (13)

    “distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, li mhijiex il-manifattur jew l-importatur, u li tagħmel it-tagħmir tal-baħar disponibbli fis-suq;

    (14)

    “operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur;

    (15)

    “akkreditazzjoni” tfisser akkreditazzjoni kif definita fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

    (16)

    “korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni” tfisser korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni kif definit fil-punt 11 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

    (17)

    “valutazzjoni tal-konformità“ tfisser il-proċess imwettaq mill-korpi nnotifikati, f’konformità mal-Artikolu 15, li juri jekk it-tagħmir tal-baħar huwiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva;

    (18)

    “korp tal-valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet ta’ valutazzjoni tal- konformità inkluż il-kalibrar, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni;

    (19)

    “sejħa lura” tfisser kwalunkwe miżura mmirata biex tikseb ir-ritorn ta’ tagħmir tal-baħar, li diġà jkun ġie installat abbord vapuri tal-UE jew inxtara bl-intenzjoni li jiġi installat abbord vapuri tal-UE;

    (20)

    “irtirar” tfisser kwalunkwe miżura mmirata li tipprevjeni li tagħmir tal-baħar fil-katina tal-provvista jsir disponibbli fis-suq;

    (21)

    “dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE” tfisser dikjarazzjoni maħruġa mill-manifattur f’konformità mal-Artikolu 16;

    (22)

    “prodott” tfisser parti tat-tagħmir tal-baħar.

    Artikolu 3

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal tagħmir li jiġi installat abbord vapur tal-UE jew li għandu jiġi installat abbord tiegħu u li għalih hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera mill-istrumenti internazzjonali, irrispettivament minn jekk il-vapur ikunx jinsab fl-Unjoni fil-mument meta jiġi installat it-tagħmir.

    2.   Minkejja l-fatt li t-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ wkoll jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ strumenti tal-liġi tal-Unjoni minbarra din id-Direttiva, dak it-tagħmir għandu, għall-iskop stipulat fl-Artikolu 1, ikun soġġett biss għal din id-Direttiva.

    Artikolu 4

    Rekwiżiti għat-tagħmir tal-baħar

    1.   It-tagħmir tal-baħar li jiġi installat abbord vapur tal-UE fid-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(1) jew warajha għandu jissodisfa r-rekwiżiti ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni tal-istrumenti internazzjonali kif applikabbli fil-mument meta dak it-tagħmir jiġi installat abbord.

    2.   Il-konformità tat-tagħmir tal-baħar mar-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintwera biss f’konformità mal-istandards ta’ ttestjar u permezz tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 15.

    3.   L-istrumenti internazzjonali għandhom japplikaw, mingħajr preġudizzju għall-proċedura ta’ kontroll ta’ konformità stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

    4.   Ir-rekwiżiti u l-istandards imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu implimentati b’mod uniformi, f’konformità mal-Artikolu 35(2).

    Artikolu 5

    Applikazzjoni

    1.   Meta l-Istati Membri joħorġu, japprovaw jew iġeddu ċ-ċertifikati tal-vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom kif meħtieġ mill-konvenzjonijiet internazzjonali, huma għandhom jiżguraw li t-tagħmir tal-baħar abbord dawk il-vapuri jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li tagħmir tal-baħar abbord vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom jikkonforma mar-rekwiżiti fl-istrumenti internazzjonali li huma applikabbli għat-tagħmir li diġà ġie installat abbord. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tiżgura l-applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-miżuri, f’konformità mal-Artikolu 35(3).

    Artikolu 6

    Funzjonament tas-suq intern

    L-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq jew l-installazzjoni abbord vapur tal-UE ta’ tagħmir tal-baħar li jikkonforma ma’ din id-Direttiva, u lanqas jirrifjutaw li joħorġu ċ-ċertifikati relatati magħhom għall-vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom, jew li jġeddu dawn iċ-ċertifikati.

    Artikolu 7

    Trasferiment ta’ vapur għall-bandiera ta’ Stat Membru

    1.   Fil-każ ta’ vapur mhux tal-UE li jkun ser jiġi ttrasferit għall-bandiera ta’ Stat Membru, matul it-trasferiment, dak il-vapur għandu jkun soġġett għall-ispezzjoni mill-Istat Membru li qed jirċivih biex jivverifika li l-kondizzjoni attwali tat-tagħmir tal-baħar tiegħu tikkorrispondi maċ-ċertifikati ta’ sikurezza tiegħu u jew li t-tagħmir jikkonforma ma’ din id-Direttiva u għandu l-marka tat-tmun jew inkella huwa ekwivalenti, għas-sodisfazzjon tal-amministrazzjoni ta’ dak l-Istat Membru, għal tagħmir tal-baħar iċċertifikat f’konformità ma’ din id-Direttiva mit-18 ta' Settembru 2016.

    2.   F’każijiet fejn ma tkunx tista’ tiġi stabbilita d-data tal-installazzjoni abbord tat-tagħmir tal-baħar, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw ir-rekwiżiti sodisfaċenti ta’ ekwivalenza, b’kont meħud tal-istrumenti internazzjonali rilevanti.

    3.   Kemm-il darba t-tagħmir ma jkollux il-marka tat-tmun jew l-amministrazzjoni ma tqishiex bħala ekwivalenti, dan għandu jinbidel.

    4.   Għat-tagħmir tal-baħar li jitqies bħala ekwivalenti skont dan l-Artikolu għandu jinħareġ ċertifikat mill-Istat Membru li għandu jinżamm dejjem mat-tagħmir. Dak iċ-ċertifikat għandu jagħti l-permess tal-Istat Membru tal-bandiera biex it-tagħmir jinżamm abbord il-vapur u jimponi kwalunkwe restrizzjoni jew jippreskrivi kwalunkwe dispożizzjoni marbuta mal-użu tat-tagħmir.

    Artikolu 8

    Standards għat-tagħmir tal-baħar

    1.   Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (9), kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), l-Unjoni għandha ssegwi l-iżvilupp mill-OMI u minn korpi ta’ standardizzazzjoni ta’ standards internazzjonali xierqa, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ ttestjar dettaljati, għal tagħmir tal-baħar li l-użu jew l-installazzjoni tiegħu abbord il-vapuri titqies meħtieġa għat-titjib tas-sikurezza marittima u l-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar. Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ ta’ dan l-iżvilupp fuq bażi regolari.

    2.   Fin-nuqqas ta’ standard internazzjonali għal biċċa tagħmir tal-baħar speċifika, f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn dan ikun iġġustifikat kif jistħoqq minn analiżi xierqa u sabiex titneħħa theddida serja u inaċċettabbli għas-sikurezza marittima, għas-saħħa jew għall-ambjent u b’kont meħud ta’ kwalunkwe ħidma li tkun għaddejja fil-livell tal-OMI, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 37, speċifikazzjonijiet tekniċi u standards ta’ ttestjar armonizzati għal dik il-biċċa tagħmir tal-baħar speċifika.

    Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet mal-esperti, inklużi l-esperti tal-Istati Membri, matul it-tħejjija ta’ dawn l-atti delegati.

    Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ ttestjar għandhom japplikaw fuq bażi temporanja sa meta l-OMI tadotta standard għal dik il-biċċa tagħmir tal-baħar speċifika.

    3.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn dan ikun iġġustifikat kif jistħoqq minn analiżi xierqa u jekk meħtieġ sabiex titneħħa theddida inaċċettabbli identifikata għas-sikurezza marittima, għas-saħħa jew għall-ambjent minħabba dgħufija jew anomalija serja fl-istandard eżistenti għal biċċa tagħmir tal-baħar speċifika indikata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(2) jew (3) u b’kont meħud ta’ kwalunkwe ħidma li tkun għaddejja fil-livell tal-OMI, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 37, speċifikazzjonijiet tekniċi u standards ta’ ttestjar armonizzati għal dik il-biċċa tagħmir tal-baħar speċifika, sa fejn dan ikun meħtieġ bħala rimedju għal dgħufija jew anomalija serja biss.

    Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet mal-esperti, inklużi l-esperti tal-Istati Membri, matul it-tħejjija ta’ dawn l-atti delegati.

    Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards ta’ ttestjar għandhom japplikaw fuq bażi temporanja sa meta l-OMI tkun analizzat l-istandard applikabbli għal dik il-parti speċifika tat-tagħmir tal-baħar.

    4.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u l-istandards adottati f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu aċċessibbli mingħajr ħlas mill-Kummissjoni.

    KAPITOLU 2

    IL-MARKA TAT-TMUN

    Artikolu 9

    Il-marka tat-tmun

    1.   It-tagħmir tal-baħar li l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva tkun ntweriet f’konformità mal-proċeduri rilevanti tal-valutazzjoni tal-konformità, għandu jkollu marka tat-tmun imwaħħla miegħu.

    2.   Il-marka tat-tmun ma għandha titwaħħal mal-ebda prodott ieħor.

    3.   Il-forma tal-marka tat-tmun li għandha tintuża għandha tkun kif stipulat fl-Anness I.

    4.   L-użu tal-marka tat-tmun għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-paragrafu 1 u 3 sa 6 tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, fejn kwalunkwe referenza għall-immarkar CE għandha tinftiehem bħala referenza għall-marka tat-tmun.

    Artikolu 10

    Regoli u kondizzjonijiet għat-twaħħil tal-marka tat-tmun

    1.   Il-marka tat-tmun għandha titwaħħal fuq il-prodott jew fuq it-tikketta bid-data tiegħu b’mod li tkun tidher, tkun tista’ tinqara u ma titħassarx u, fejn ikun rilevanti, tiġi inkorporata fis-software tiegħu. Fejn dan mhuwiex possibbli jew ma jkunx jaqbel li jsir minħabba n-natura tal-prodott, il-marka tat-tmun għandha titwaħħal mal-imballaġġ u mad-dokumenti li jakkumpanjawh.

    2.   Il-marka tat-tmun għandha titwaħħal fl-aħħar tal-fażi ta’ produzzjoni.

    3.   Il-marka tat-tmun għandha tkun segwita bin-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat, fejn dak il-korp ikun involut fil-fażi ta’ kontroll tal-produzzjoni, u bis-sena li fiha titwaħħal il-marka.

    4.   In-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat għandu jitwaħħal mill-korp innifsu jew, fuq struzzjonijiet tiegħu, mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur.

    Artikolu 11

    Tikketta elettronika

    1.   Sabiex tiġi ffaċilitata s-sorveljanza fis-suq u tiġi evitata l-falsifikazzjoni ta’ biċċiet tagħmir tal-baħar speċifiċi li jissemmew fil-paragrafu 3, il-manifatturi jistgħu jużaw forma xierqa u affidabbli ta’ tikketta elettronika minflok il-marka tat-tmun, jew flimkien marka tat-tmunmagħha. F’dan il-każ, l-Artikoli 9 u 10 għandhom japplikaw, kif xieraq, mutatis mutandis.

    2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-benefiċċji mqabbla mal-ispejjeż fir-rigward tal-użu tat-tikketta elettronika bħala suppliment għall-marka tat-tmun jew sostituzzjoni tagħha.

    3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 37, sabiex tidentifika l-biċċiet tagħmir tal-baħar speċifiċi li jistgħu jibbenefikaw mit-tikkettjar elettroniku. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet mal-esperti, inklużi l-esperti tal-Istati Membri, matul it-tħejjija ta’ dawn l-atti delegati.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi, fl-għamla ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2), kriterji tekniċi xierqa rigward id-disinn, il-prestazzjoni, it-twaħħil u l-użu tat-tikketti elettroniċi.

    5.   Għat-tagħmir identifikat f’konformità mal-paragrafu 3, fi żmien tliet snin wara d-data tal-adozzjoni tal-kriterji tekniċi xierqa msemmija fil-paragrafu 4, il-marka tat-tmun tista’ tkun issupplimentata b’forma xierqa u affidabbli ta’ tikketta elettronika.

    6.   Għat-tagħmir identifikat f’konformità mal-paragrafu 3, fi żmien ħames snin wara d-data tal-adozzjoni tal-kriterji tekniċi xierqa msemmija fil-paragrafu 4, il-marka tat-tmun tista’ tkun issostitwita b’forma xierqa u affidabbli ta’ tikketta elettronika.

    KAPITOLU 3

    OBBLIGI TAL-OPERATURI EKONOMIĊI

    Artikolu 12

    Obbligi tal-manifatturi

    1.   Permezz tat-twaħħil tal-marka tat-tmun, il-manifatturi għandhom jieħdu r-responsabbiltà li jiggarantixxu li t-tagħmir tal-baħar li fuqu titwaħħal il-marka tat-tmun ikun ġie ddisinjat u mmanifatturat f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tekniċi implimentati f’konformità mal-Artikolu 35(2) u għandhom jassumu l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 9 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   Il-manifatturi għandhom iħejju d-dokumentazzjoni teknika meħtieġa u jagħmlu arranġamenti biex il-proċedura applikabbli tal-valutazzjoni tal-konformità titwettaq.

    3.   Fejn il-konformità tat-tagħmir tal-baħar mar-rekwiżiti applikabbli tkun intweriet bil-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE skont l-Artikolu 16 u jwaħħlu l-marka tat-tmun f’konformità mal-Artikoli 9 u 10.

    4.   Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 16 għal mill-inqas għaxar snin wara t-twaħħil tal-marka tat-tmun u fl-ebda każ għal perijodu inqas mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    5.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkunu ġew stabbiliti proċeduri biex il-produzzjoni tas-serje tibqa’ konformi. Għandhom jiġu kkunsidrati l-bidliet fid-disinn jew il-karatteristiċi tat-tagħmir tal-baħar u l-bidliet fir-rekwiżiti fl-istrumenti internazzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, li abbażi tagħhom it-tagħmir tal-baħar jiġi ddikjarat bħala konformi. Fejn meħtieġ f’konformità mal-Anness II, il-manifatturi għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex il-valutazzjoni ġdida tal-konformità titwettaq.

    6.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikollhom numru tat-tip, tal-partita jew tas-serje jew kwalunkwe element ieħor biex ikunu jistgħu jiġu identifikati, jew, jekk dan ma jkunx possibbli minħabba d-daqs jew in-natura tal-prodott, li l-informazzjoni meħtieġa tingħata fuq l-imballaġġ jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott, jew it-tnejn, kif ikun xieraq.

    7.   Il-manifatturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew il-marka kummerċjali rreġistrata tagħhom u l-indirizz fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati fuq il-prodott jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott, jew it-tnejn, kif ikun xieraq. L-indirizz għandu jindika punt uniku fejn jista’ jiġi kkuntattjat il-manifattur.

    8.   Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-prodott ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet u l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-installazzjoni sikura abbord u l-użu sikur tal-prodott, inklużi limitazzjonijiet għall-użu, jekk ikun hemm, li jinftiehmu faċilment mill-utenti, flimkien ma’ kull dokumentazzjoni oħra meħtieġa mill-istrumenti jew l-istandards ta’ ttestjar internazzjonali.

    9.   Il-manifatturi li jqisu jew ikollhom raġuni biex jemmnu li prodott li jkunu waħħlulu marka tat-tmun mhuwiex konformi mar-rekwiżiti applikabbli ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni u mal-istandards ta’ ttestjar implimentati f’konformità mal-Artikoli 35(2) u (3), għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott isir konformi, biex jirtirawh jew isejħu lura l-prodott, jekk dan ikun xieraq. Barra minn hekk, fejn il-prodott jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri, billi jagħtu d-dettalji, b’mod partikulari, dwar in-nuqqas ta’ konformità u dwar kwalunkwe miżura korrettiva meħuda.

    10.   Il-manifatturi għandhom, fuq talba bir-raġunijiet minn awtorità kompetenti, jipprovduha minnufih bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità tal-prodott, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità jew li tkun aċċettabbli għaliha, u jagħtu aċċess għall-bini tagħhom lil dik l-awtorità għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq f’konformità mal-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 u jipprovdu kampjuni jew aċċess għall-kampjuni f’konformità mal-Artikolu 25(4) ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba mingħandha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-prodotti li jkunu qiegħdu fis-suq.

    Artikolu 13

    Rappreżentanti awtorizzati

    1.   Manifattur li ma jkunx jinsab fit-territorju ta’ mill-inqas Stat Membru wieħed għandu, permezz ta’ mandat bil-miktub, jaħtar rappreżentant awtorizzat għall-Unjoni u għandu jindika fil-mandat l-isem tar-rappreżentant awtorizzat u l-indirizz li fih ikun jista’ jiġi kkuntattjat.

    2.   It-twettiq tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 12(1) u t-tfassil tad-dokumentazzjoni teknika ma għandhomx jiffurmaw parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

    3.   Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jirċievi mingħand il-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti li r-rappreżentant awtorizzat tal-inqas jagħmel dan li ġej:

    (a)

    iżomm id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għal mill-inqas għaxar snin wara t-twaħħil tal-marka tat-tmun u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat;

    (b)

    fuq talba bir-raġunijiet minn awtorità kompetenti, jipprovdi lil dik l-awtorità bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-prodott;

    (c)

    jikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti, fuq talba tagħhom, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati riskji ppreżentati minn prodotti koperti mill-mandat tiegħu.

    Artikolu 14

    Operaturi ekonomiċi oħrajn

    1.   L-importaturi għandhom jindikaw isimhom, l-isem kummerċjali reġistrat jew il-marka kummerċjali reġistrata tagħhom u l-indirizz fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati fuq il-prodott jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-ippakkjar tiegħu jew f’dokument li jakkumpanja l-prodott jew it-tnejn li huma, kif ikun xieraq.

    2.   L-importaturi u d-distributuri għandhom, fuq talba bir-raġunijiet minn awtorità kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa biex juru l-konformità tal-prodott, b’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità jew tkun aċċettabbli għaliha. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dik l-awtorità, fuq talba mingħandha, fir-rigward ta’ kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-prodotti li jkunu qiegħdu fis-suq.

    3.   Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta’ din id-Direttiva u għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifattur skont l-Artikolu 12, fejn iqiegħed it-tagħmir tal-baħar fis-suq jew abbord vapur tal-UE f’ismu jew bil-marka kummerċjali tiegħu, jew jimmodifika tagħmir tal-baħar li diġà jkun imqiegħed fis-suq b’mod li tista’ tiġi affettwata l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli.

    4.   Għal perijodu ta’ mill-inqas għaxar snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, l-operaturi ekonomiċi għandhom, fuq talba, jidentifikaw dawn li ġejjin lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq:

    (a)

    kwalunkwe operatur ekonomiku li jkun fornihom bi prodott;

    (b)

    kwalunkwe operatur ekonomiku li huma jkunu fornew bi prodott.

    KAPITOLU 4

    VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ U NOTIFIKA TAL-KORPI TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

    Artikolu 15

    Proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità

    1.   Il-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness II.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jagħmel arranġamenti biex titwettaq valutazzjoni tal-konformità, permezz ta’ korp innotifikat, għal xi biċċa tagħmir tal-baħar speċifika, billi tintuża waħda mill-għażliet ipprovduti permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2), minn fost waħda mill-proċeduri li ġejjin:

    (a)

    fejn jintuża l-eżami tat-tip EC (il-modulu B), qabel ma jitqiegħed fis-suq, it-tagħmir tal-baħar kollu għandu jkun soġġett għal:

    il-garanzija tal-kwalità tal-prodott (il-modulu D); jew

    il-garanzija tal-kwalità tal-prodott (il-modulu E); jew

    il-verifika tal-prodott (il-modulu F);

    (b)

    fejn is-settijiet ta’ tagħmir tal-baħar jiġu prodotti individwalment jew fi kwantitajiet żgħar u mhux f’sensiela jew f’massa, il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità tista’ tkun il-verifika tal-unità EC (il-modulu G).

    3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni disponibbli għal dak il-għan, iżżomm lista aġġornata ta’ tagħmir tal-baħar approvat u applikazzjonijiet irtirati jew miċħuda u għandha tagħmilha disponibbli lill-partijiet interessati.

    Artikolu 16

    Dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE

    1.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiddikjara li ntwera li r-rekwiżiti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 4 ġew issodisfatti.

    2.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha ssegwi l-istruttura tal-mudell li jinsab fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE. Din għandha tinkludi l-elementi speċifikati fil-moduli rilevanti stabbiliti fl-Anness II għal din id-Direttiva u għandha tinżamm aġġornata.

    3.   Bit-tfassil tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE, il-manifattur għandu jieħu r-responsabbiltà u jassumi l-obbligi msemmija fl-Artikolu 12(1).

    4.   Meta t-tagħmir tal-baħar jiġi installat abbord vapur tal-UE, il-vapur għandu jingħata kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE li tkopri t-tagħmir ikkonċernat, u din għandha tinżamm abbord sakemm it-tagħmir imsemmi jitneħħa mill-vapur. Din għandha tiġi tradotta mill-manifattur fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru tal-bandiera, inkluż mill-inqas lingwa użata komunement mis-settur tat-trasport marittimu.

    5.   Kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE għandha tiġi pprovduta lill-korp innotifikat jew lill-korpi li jkunu wettqu l-proċeduri rilevanti tal-valutazzjoni tal-konformità.

    Artikolu 17

    Notifika lill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità

    1.   L-Istati Membri għandhom, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni disponibbli mill-Kummissjoni għal dak il-għan, jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-korpi awtorizzati li jwettqu kompiti ta’ valutazzjoni tal-konformità skont din id-Direttiva.

    2.   Il-korpi nnotifikati għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness III.

    Artikolu 18

    Awtoritajiet notifikanti

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità notifikanti li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u twettaq il-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ tal-korpi nnotifikati, inkluża l-konformità mal-Artikolu 20.

    2.   Il-korpi nnotifikati għandhom jiġu mmonitorjati tal-inqas kull sentejn. Il-Kummissjoni tista’ tagħżel li tipparteċipa bħala osservatur f’dan l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ.

    3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmijin fil-paragrafu 1 jitwettqu minn korp nazzjonali tal-akkreditament.

    4.   Fejn l-awtorità notifikanti tiddelega jew b’mod ieħor tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmijin fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità ġuridika u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V. Barra minn hekk, tali korp għandu jkollu stabbiliti arranġamenti biex ikopri r-responsabbiltà li tirriżulta mill-attivitajiet tiegħu.

    5.   L-awtorità notifikanti għandha tieħu r-responsabbiltà kollha għall-kompiti mwettqin mill-korp imsemmi fil-paragrafu 4.

    6.   L-awtorità notifikanti għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness V.

    Artikolu 19

    Obbligu ta’ informazzjoni għall-awtoritajiet notifikanti

    1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u dwar il-monitoraġġ ta’ korpi bħal dawn, kif ukoll dwar kull tibdil li jsirilhom.

    2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni għal dik il-fini, tqiegħed dik l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    Artikolu 20

    Sussidjarji ta’ korpi nnotifikati u sottokuntrattar minn korpi nnotifikati

    1.   Fejn korp innotifikat jagħti kompiti speċifiċi marbutin mal-valutazzjoni tal-konformità b’sottokuntratt jew iqabbad sussidjarju, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarju josserva r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III u għandu jinforma lill-awtorità notifikanti skont il-każ.

    2.   Il-korpi nnotifikati għandhom jieħdu responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa mis-sottokuntratturi jew mis-sussidjarji ikun fejn ikun li dawn ikunu stabbiliti.

    3.   L-attivitajiet jistgħu jingħataw b’sottokuntratt jew jitwettqu minn sussidjarju biss bi ftehim mal-klijent.

    4.   Il-korp innotifikat għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtorità notifikanti d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarju u tal-ħidma li tkun saret minn tali sottokuntrattur jew sussidjarju skont din id-Direttiva.

    Artikolu 21

    Tibdil fin-notifiki

    1.   Fejn awtorità notifikanti taċċerta ruħha jew tkun informata li korp innotifikat ma jkunx għadu jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III, jew li jkun qed jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu taħt din id-Direttiva, l-awtorità notifikanti għandha tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika kif xieraq, skont kemm ikun gravi n-nuqqas fir-rigward ta’ dawk ir-rekwiżiti jew tal-obbligi li jridu jiġu ssodisfatti. Permezz tas-sistema ta’ informazzjoni magħmula disponibbli għal dik il-fini mill-Kummissjoni, hija għandha tinforma immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

    2.   Fil-każ li tiġi limitata, sospiża jew irtirata n-notifika, jew fejn il-korp innotifikat ma jkunx għadu attiv, l-Istat Membru notifikanti għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta’ dak il-korp jiġu pproċessati minn korp innotifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità notifikanti u għall-awtorità ta’ sorveljanza tas-suq li jkunu responsabbli, fuq talba mingħandhom.

    Artikolu 22

    Kontestar tal-kompetenza ta’ korpi nnotifikati

    1.   Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha jew li tinġieb għall-attenzjoni tagħha, dwar il-kompetenza ta’ korp innotifikat jew l-issoktar tal-osservanza minn korp innotifikat tar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa jkun soġġett.

    2.   L-Istat Membru notifikanti għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, bl-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew iż-żamma tal-kompetenza tal-korp ikkonċernat.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tiġi ttrattata b’mod kunfidenzjali.

    4.   Fejn il-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp innotifikat ma jissodisfax, jew ma jkunx għadu jissodisfa, ir-rekwiżiti għan-notifika tiegħu, hija għandha mingħajr dewmien tgħarraf lill-Istat Membru notifikanti b’dan u titolbu jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa mingħajr dewmien, inkluża d-denotifikazzjoni, jekk ikun meħtieġ.

    Artikolu 23

    Obbligi operazzjonali tal-korpi nnotifikati

    1.   Il-korpi nnotifikati għandhom iwettqu l-valutazzjonijiet tal-konformità jew jagħmlu arranġamenti biex dawn jitwettqu minn ħaddieħor f’konformità mal-proċeduri previsti fl-Artikolu 15.

    2.   Fejn korp innotifikat ikun tal-fehma li l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 12 ma jkunux ġew sodisfatti mill-manifattur, dan għandu jirrikjedi li l-manifattur jieħu l-miżuri korrettivi xierqa mingħajr dewmien u ma għandux joħroġ ċertifikat ta’ konformità.

    3.   Fejn, matul il-monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ konformità, korp innotifikat ikun tal-fehma li prodott ma jkunx għadu jikkonforma, huwa għandu jeħtieġ li l-manifattur jieħu miżuri korrettivi xierqa mingħajr dewmien u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċertifikat fejn meħtieġ. Fejn ma jittieħdux miżuri korrettivi jew fejn dawn ma jkollhomx l-effett meħtieġ, il-korp innotifikat għandu jillimita, jissospendi jew jirtira ċ-ċertifikat, skont il-każ.

    Artikolu 24

    Obbligu tal-korpi nnotifikati li jipprovdu informazzjoni

    1.   Il-korpi nnotifikati għandhom jinfurmaw lill-awtorità notifikanti dwar dan li ġej:

    (a)

    kwalunkwe ċaħda, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta’ ċertifikat ta’ konformità;

    (b)

    kwalunkwe ċirkostanza li taffettwa l-ambitu tan-notifika u l-kondizzjonijiet għaliha;

    (c)

    kwalunkwe talba għal informazzjoni li huma jkunu rċevew minn awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq rigward attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità;

    (d)

    fuq talba, l-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità li twettqu fl-ambitu tan-notifika tagħhom u kull attività oħra li twettqet, inklużi attivitajiet transkonfinali u sottokuntrattar.

    2.   Il-korpi nnotifikati għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fuq talba, bl-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet marbuta mar-riżultati negattivi u pożittivi tal-valutazzjoni tal-konformità. Il-korpi nnotifikati għandhom jipprovdu lill-korpi nnotifikati l-oħra li jkunu qed iwettqu l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità li jkopru l-istess prodotti, b’informazzjoni dwar riżultati negattivi u, fuq talba, dawk pożittivi tal-valutazzjoni tal-konformità.

    KAPITOLU 5

    SORVELJANZA TAS-SUQ TAL-UNJONI, KONTROLL TA’ PRODOTTI, DISPOŻIZZJONIJIET TA’ SALVAGWARDJA

    Artikolu 25

    Qafas ta’ sorveljanza tas-suq tal-UE

    1.   Fir-rigward tat-tagħmir tal-baħar, l-Istati Membri għandhom iwettqu sorveljanza tas-suq, f’konformità mal-qafas ta’ sorveljanza tas-suq tal-UE stipulat fil-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, soġġett għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

    2.   L-infrastrutturi u l-programmi nazzjonali ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jikkunsidraw il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur tat-tagħmir tal-baħar, inklużi d-diversi proċeduri mwettqin bħala parti mill-valutazzjoni tal-konformità, u partikolarment ir-responsabbiltajiet mogħtija lill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera mill-konvenzjonijiet internazzjonali.

    3.   Is-sorveljanza tas-suq tista’ tinkludi kontrolli dokumentarji kif ukoll kontrolli tat-tagħmir tal-baħar li jkollu l-marka tat-tmun kemm jekk ġie installat abbord il-vapuri kif ukoll jekk le. Il-kontrolli tat-tagħmir tal-baħar li diġà ġie installat abbord għandhom ikunu limitati għal eżami li jkun jista’ jitwettaq filwaqt li t-tagħmir ikkonċernat jibqa’ kompletament funzjonali abbord.

    4.   Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru, kif definit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008, ikollhom il-ħsieb li jwettqu kontrolli ta’ kampjuni, huma jistgħu jitolbu lill-manifattur biex jagħmel il-kampjuni meħtieġa disponibbli, meta jkun raġonevoli u prattikabbli biex dan isir, jew biex jagħti aċċess fil-post għall-kampjuni, bl-ispejjeż jiġġarrbu mill-manifattur.

    Artikolu 26

    Proċedura dwar kif għandu jiġi ttrattat it-tagħmir tal-baħar li jippreżenta riskju f’livell nazzjonali

    1.   Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru ikollhom raġuni biżżejjed li jemmnu li tagħmir tal-baħar kopert minn din id-Direttiva jippreżenta riskju għas-sikurezza marittima, għas-saħħa jew għall-ambjent, huma għandhom iwettqu evalwazzjoni b’rabta mat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat li tkun tkopri r-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq.

    Fejn, matul dik l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ikunu tal-fehma li t-tagħmir tal-baħar ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jesiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri korrettivi kollha xierqa biex it-tagħmir tal-baħar jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti, biex it-tagħmir tal-baħar jiġi rtirat mis-suq jew biex jissejjaħ lura f’tali żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu huma.

    L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinformaw lill-entità nnotifikata rilevanti, kif meħtieġ.

    L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    2.   Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta’ konformità ma jkunx limitat għat-territorju nazzjonali jew għall-vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq, bir-riżultati tal-evalwazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1 u bl-azzjonijiet li huma rrikjedew li jieħu l-operatur ekonomiku.

    3.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi xierqa kollha fir-rigward tal-prodotti kollha kkonċernati li huwa jkun għamel disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha jew, skont il-każ, installa jew ikkunsinja biex jiġi installat abbord vapuri tal-UE.

    4.   Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perijodu ta’ żmien preskritt mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, jew b’mod ieħor jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu tagħmir tal-baħar milli jkun disponibbli fis-swieq nazzjonali tagħhom jew jiġi installat abbord vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom jew biex il-prodott jiġi rtirat minn dak is-suq jew biex jissejjaħ lura.

    L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.

    5.   L-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq imsemmija fil-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tal-baħar li mhuwiex konformi, l-oriġini tal-prodott, it-tip tan-nuqqas ta’ konformità allegata u r-riskju involut, it-tip u t-tul ta’ żmien tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu u l-argumenti ppreżentati mill-operatur ekonomiku kkonċernat. B’mod partikolari, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta’ konformità huwiex minħabba:

    (a)

    nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir tal-baħar mar-rekwiżiti applikabbli ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni kif stabbilit skont l-Artikolu 4;

    (b)

    nuqqas ta’ konformità mal-istandards ta’ ttestjar imsemmija fl-Artikolu 4 matul il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità;

    (c)

    nuqqasijiet f’dawk l-istandards ta’ ttestjar.

    6.   Stati Membri oħra apparti l-Istat Membru li jkun beda l-proċedura għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull miżura adottata u dwar kull informazzjoni addizzjonali għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta man-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, u, f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil mal-miżura nazzjonali nnotifikata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

    7.   Fejn, fi żmien erba’ xhur minn meta tasal l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq, kif imsemmi fil-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ miżura proviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun iġġustifikata.

    8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri restrittivi xierqa fir-rigward tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, bħal m’hu l-irtirar tal-prodott mis-suq tagħhom, mingħajr dewmien.

    Artikolu 27

    Proċedura ta’ salvagwardja tal-UE

    1.   Fejn, wara li tkun tlestiet il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(3) u (4), isiru oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn Stat Membru, jew fejn il-Kummissjoni tqis li miżura nazzjonali tista’ tmur kontra l-leġislazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tikkonsulta mal-Istati Membri u mal-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali rilevanti. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżura nazzjonali rilevanti hijiex iġġustifikata jew le.

    2.   Għall-fini tal-paragrafu 1, fejn il-Kummissjoni tkun sodisfatta li l-proċedura segwita fl-adozzjoni tal-miżura nazzjonali hija xierqa għal evalwazzjoni eżawrjenti u oġġettiva tar-riskju u li l-miżura nazzjonali mal-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008, hi tista’ tillimita ruħha li teżamina l-adegwatezza u l-proporzjonalità tal-miżura nazzjonali rilevanti b’rabta ma’ dan ir-riskju.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti.

    4.   Jekk il-miżura nazzjonali rilevanti titqies iġġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li t-tagħmir tal-baħar li ma jkunx konformi jiġi rtirat mis-suq tagħhom, u fejn meħtieġ, jissejjaħ lura. Huma għandhom għaldaqstant jinfurmaw lill-Kummissjoni.

    5.   Jekk il-miżura nazzjonali rilevanti titqies li mhix ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtiraha.

    6.   Fejn in-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir tal-baħar ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards ta’ ttestjar imsemmija fl-Artikolu 4, il-Kummissjoni tista’, bil-għan li tissodisfa l-objettiv ta’ din id-Direttiva, tikkonferma, temenda jew tħassar miżura ta’ salvagwardja nazzjonali permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li, permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 37, tadotta rekwiżiti termporanji u standards ta’ ttestjar armonizzati għal dik il-biċċa tagħmir tal-baħar speċifika. Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 8(3) għandhom għaldaqstant japplikaw. Dawn ir-rekwiżiti u l-istandards ta’ ttestjar għandhom ikun aċċessibbli mingħajr ħlas mill-Kummissjoni.

    7.   Fejn l-istandard ta’ ttestjar ikkonċernat huwa standard Ewropew, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-korp jew lill-korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej rilevanti u għandha tressaq il-kwistjoni quddiem il-kumitat stabbilit mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE. Dak il-kumitat għandu jikkonsulta mal-korp jew korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej rilevanti u jagħti l-opinjoni tiegħu mingħajr dewmien.

    Artikolu 28

    Prodotti konformi li jippreżentaw riskju għas-sikurezza marittima, għas-saħħa jew għall-ambjent

    1.   Fejn, wara li jkun wettaq evalwazzjoni skont l-Artikolu 26(1), Stat Membru jkun tal-fehma li t-tagħmir tal-baħar li hu konformi ma’ din id-Direttiva xorta jippreżenta riskju għas-sikurezza marittima, għas-saħħa jew għall-ambjent, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku kkonċernat jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li t-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, meta jitqiegħed fis-suq, ma jibqax jippreżenta dak ir-riskju, jew jirtira t-tagħmir tal-baħar mis-suq jew isejħu lura fi żmien perijodu ta’ żmien raġonevoli li jkun jaqbel mat-tip tar-riskju, skont kif jistabbilixxi l-Istat Membru.

    2.   L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tal-prodotti kollha kkonċernati li huwa jkun għamel disponibbli fis-suq tal-Unjoni jew li jkun qiegħed abbord vapuri tal-UE.

    3.   L-Istat Membru għandu jgħarraf minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-informazzjoni pprovduta għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, b’mod partikolari d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, l-oriġini u l-katina ta’ provvista tat-tagħmir tal-baħar, it-tip ta’ riskju involut u t-tip u t-tul ta’ żmien tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu.

    4.   Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżura hijiex iġġustifikata jew le, u għandha fejn ikun meħtieġ, tipproponi miżuri adegwati. L-Artikolu 27(2) għandu japplika mutatis mutandis għal dan il-għan.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti.

    Artikolu 29

    Nuqqas ta’ konformità formali

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26, meta Stat Membru jsib waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti ma jkomplix bin-nuqqas ikkonċernat fir-rigward tal-konformità:

    (a)

    il-marka tat-tmun marka tat-tmuntkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10;

    (b)

    il-marka tat-tmun ma tkunx twaħħlet;

    (c)

    ma tkunx tfasslet id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE;

    (d)

    id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE ma tkunx tfasslet b’mod korrett;

    (e)

    id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;

    (f)

    id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE ma tkunx intbagħtet lill-vapur.

    2.   Fejn in-nuqqas ta’ konformità msemmi fil-paragrafu 1 jippersisti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirrestrinġi jew jipprojbixxi d-disponibbiltà fis-suq tat-tagħmir tal-baħar jew jiżgura li dan jissejjaħ lura jew jiġi rtirat mis-suq.

    Artikolu 30

    Eżenzjonijiet ibbażati fuq l-innovazzjoni teknika

    1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali ta’ innovazzjoni teknika, l-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera tista’ tippermetti li tagħmir tal-baħar li mhuwiex konformi mal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità jiġi installat abbord vapur tal-UE jekk jiġi stabbilit permezz ta’ prova jew xi mod ieħor għas-sodisfazzjon tal-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera li dan it-tagħmir jissodisfa l-objettivi ta’ din id-Direttiva.

    2.   Il-proċeduri tal-provi ma għandhom bl-ebda mod jiddiskriminaw bejn tagħmir tal-baħar prodott fl-Istat Membru tal-bandiera u tagħmir tal-baħar prodott fi Stati oħrajn.

    3.   It-tagħmir tal-baħar kopert b’dan l-Artikolu għandu jingħata ċertifikat mill-Istat Membru tal-bandiera li għandu jinżamm dejjem flimkien mat-tagħmir u li jagħti l-permess tal-Istat Membru tal-bandiera biex it-tagħmir jiġi installat abbord il-vapur u jimponi kwalunkwe restrizzjoni jew jipprevedi kwalunkwe dispożizzjoni marbuta mal-użu tat-tagħmir.

    4.   Fejn Stat Membru jippermetti li tagħmir tal-baħar kopert b’dan l-Artikolu jiġi installat abbord vapur tal-UE, dak l-Istat Membru għandu minnufih jikkomunika l-karatteristiċi tiegħu flimkien mar-rapporti tal-provi, tal-valutazzjonijiet u tal-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità kollha rilevanti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

    5.   Fi żmien 12-il xahar minn meta tasal il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4, il-Kummissjoni, jekk tqis li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew sodisfatti, tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jirtira l-permess mogħti sa data ta’ skadenza speċifikata. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha taġixxi permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

    6.   Fejn vapur b’tagħmir tal-baħar abbord kopert mill-paragrafu 1 jiġi trasferit lejn xi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-bandiera riċeventi jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa, li jistgħu jinkludu testijiet u wirjiet prattiċi, biex jiżgura li t-tagħmir huwa tal-inqas effettiv daqs tagħmir li jkun konformi mal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità.

    Artikolu 31

    Eżenzjonijiet għall-ittestjar jew l-evalwazzjoni

    Amministrazzjoni ta’ Stat tal-bandiera tista’ tippermetti li tagħmir tal-baħar li ma jkunx konformi mal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità jew li mhux kopert mill-Artikolu 30 jitqiegħed abbord vapur tal-UE għal raġunijiet ta’ ttestjar jew evalwazzjoni, jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    it-tagħmir tal-baħar għandu jingħata ċertifikat mill-Istat Membru tal-bandiera li għandu jinżamm dejjem mat-tagħmir u li jkun jiddikjara l-permess ta’ dak l-Istat Membru biex it-tagħmir jitqiegħed abbord il-vapur tal-UE, jimponi r-restrizzjonijiet kollha meħtieġa u jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra xierqa fir-rigward tal-użu tat-tagħmir ikkonċernat;

    (b)

    il-permess għandu jkun limitat għall-perijodu kkunsidrat mill-Istat tal-bandiera bħala meħtieġ biex jiġi kkompletat l-ittestjar, li għandu jkun l-iqsar possibbli;

    (c)

    it-tagħmir tal-baħar ma għandux jiġi fdat minflok tagħmir li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u ma għandux jissostitwixxi tagħmir bħal dan, li għandu jibqa’ abbord il-vapur tal-UE fi stat funzjonali u lest għall-użu immedjat.

    Artikolu 32

    Eżenzjonijiet f’ċirkostanzi eċċezzjonali

    1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, li għandhom ikunu ġġustifikati kif xieraq għall-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, meta jkun meħtieġ li tagħmir tal-baħar jinbidel f’port barra l-Unjoni fejn ma jkunx prattiku f’termini ta’ żmien raġonevoli, dewmien u spejjeż biex jitqiegħed abbord tagħmir li għandu l-marka tat-tmun, jista’ jitqiegħed tagħmir tal-baħar ieħor abbord soġġett għall-paragrafi 2 sa 4.

    2.   It-tagħmir tal-baħar li jiġi installat abbord għandu jkun akkumpanjat minn dokumentazzjoni maħruġa minn Stat Membru tal-OMI li huwa parti għall-konvenzjonijiet rilevanti, li jiċċertifika l-konformità tar-rekwiżiti rilevanti tal-OMI.

    3.   L-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera għandha tiġi mgħarrfa minnufih bin-natura u l-karatteristiċi ta’ tagħmir tal-baħar ieħor bħal dan.

    4.   L-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera għandha, mal-ewwel opportunità, tiżgura li t-tagħmir tal-baħar imsemmi fil-paragrafu 1, flimkien mad-dokumentazzjoni tal-ittestjar, jikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti tal-istrumenti internazzjonali u ta’ din id-Direttiva.

    5.   Fejn ikun intwera li tagħmir tal-baħar speċifiku li għandu l-marka tat-tmun ma jkunx disponibbli fis-suq, l-Istat Membru tal-bandiera jista’ jawtorizza li tagħmir tal-baħar ieħor jiġi installat abbord soġġett għall -paragrafi 6 sa 8.

    6.   It-tagħmir tal-baħar awtorizzat għandu jikkonforma, kemm jista’ jkun, mar-rekwiżiti u l-istandards ta’ ttestjar imsemmija fl-Artikolu 4.

    7.   It-tagħmir tal-baħar li jiġi installat abbord għandu jkun akkumpanjat minn ċertifikat interim ta’ approvazzjoni maħruġ mill-Istat Membru tal-bandiera jew minn Stat Membru ieħor, u jindika dan li ġej:

    (a)

    it-tagħmir bil-marka tat-tmun li t-tagħmir iċċertifikat hu maħsub li jissostitwixxi;

    (b)

    iċ-ċirkostanzi eżatti li skonthom inħareġ iċ-ċertifikat ta’ approvazzjoni, u b’mod partikolari n-nuqqas ta’ disponibbiltà fis-suq ta’ tagħmir li għandu l-marka tat-tmun;

    (c)

    il-ħtiġijiet ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni eżatti li skonthom ġie approvat it-tagħmir mill-Istat Membru taċ-ċertifikazzjoni;

    (d)

    l-istandards ta’ ttestjar applikati, jekk ikun hemm, fil-proċeduri ta’ approvazzjoni rilevanti.

    8.   L-Istat Membru li joħroġ iċ-ċertifikat interim ta’ approvazzjoni għandu jinforma lill-Kummissjoni minnufih. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-kondizzjonijiet tal-paragrafi 6 u 7 ma jkunux ġew issodisfatti, jista’ jkun meħtieġ li Stat Membru jirrevoka dak iċ-ċertifikat jew jieħu miżuri oħrajn xierqa permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

    KAPITOLU 6

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 33

    Skambju ta’ esperjenza

    Il-Kummissjoni għandha tipprevedi li jiġi organizzati skambji ta’ esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri li jkunu responsabbli għall-politika dwar in-notifika, b’mod speċjali dwar is-sorveljanza tas-suq.

    Artikolu 34

    Koordinazzjoni ta’ korpi nnotifikati

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu stabbiliti koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi nnotifikati u li dawn isiru kif xieraq f’forma ta’ grupp settorjali ta’ korpi nnotifikati.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korpi nnotifikati minnhom jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp settorjali, b’mod dirett jew permezz ta’ rappreżentanti nnominati.

    Artikolu 35

    Miżuri ta’ implimentazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom, permezz tas-sistema ta’ informazzjoni magħmula disponibbli mill-Kummissjoni għal dik il-fini, jinnotifikaw l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tfassal, taġġorna perjodikament u tippubblika lista ta’ dawk l-awtoritajiet.

    2.   Għal kull oġġett ta’ tagħmir tal-baħar li għalih hija meħtieġa l-approvazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera mill-konvenzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni għandha tindika, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, ir-rekwiżiti ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni rispettivi u l-istandards ta’ ttestjar previsti fl-istrumenti internazzjonali. Meta tadotta dawk l-atti, il-Kummissjoni għandha tindika b’mod ċar id-dati minn meta dawk ir-rekwiżiti u standards ta’ ttestjar għandhom japplikaw, inkluż id-dati għat-tqegħid fis-suq u l-installazzjoni abbord, f’konformità mal-istrumenti internazzjonali, u b’kont meħud tal-iskadenzi għall-bini tal-vapuri. Il-Kummissjoni tista’ tispeċifika wkoll il-kriterji komuni u l-proċeduri dettaljati għall-applikazzjoni tagħhom.

    3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tindika r-rekwiżiti ta’ disinn, kostruzzjoni u prestazzjoni rispettivi li jkunu għadhom kemm ġew stipulati fl-istrumenti internazzjonali u li japplikaw għat-tagħmir li diġà ġie installat abbord sabiex jiżguraw li t-tagħmir li jkun qed jiġi installat abbord vapuri tal-UE jikkonforma mal-istrumenti internazzjonali.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm bażi ta’ data li jkun fiha tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    il-lista u d-dettalji essenzjali taċ-ċertifikati ta’ konformità li jinħarġu skont din id-Direttiva, kif ipprovduti mill-korpi nnotifikati;

    (b)

    il-lista u d-dettalji essenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta’ konformità li jinħarġu skont din id-Direttiva, kif ipprovduti mill-manifatturi;

    (c)

    lista aġġornata tal-istrumenti internazzjonali applikabbli, u tar-rekwiżiti u l-istandards ta’ ttestjar applikabbli bis-saħħa tal-Artikolu 4(4);

    (d)

    il-lista u t-test sħiħ tal-kriterji u l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2;

    (e)

    ir-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet għat-tikketti elettroniċi msemmija fl-Artikolu 11, fejn applikabbli;

    (f)

    kwalunkwe informazzjoni oħra li tkun utli bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni korretta ta’ din id-Direttiva mill-Istati Membri, il-korpi nnotifikati u l-operaturi ekonomiċi.

    Dik il-bażi tad-data għandha ssir aċċessibbli għall-Istati Membri. Għandha tkun ukoll disponibbli għall-pubbliku għal finijiet ta’ informazzjoni biss.

    5.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati fl-għamla ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 38(2).

    Artikolu 36

    Emendi

    Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 37 sabiex jiġu aġġornati r-referenzi għal standards, kif imsemmi fl-Anness III, meta standards ġodda jsiru disponibbli.

    Artikolu 37

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 8, 11, 27 u 36 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mis-17 ta’ Settembru 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perijodi ta’ żmien b’tul identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jopponu tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 8, 11, 27 u 36 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    5.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 8, 11, 27 u 36 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma ssir l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu nfurmaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perijodu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 38

    Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS), stabbilit permezz tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 39

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mit-18 ta’ Settembru 2016, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

    Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mit-18 ta’ Settembru 2016.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 40

    Tħassir

    1.   Id-Direttiva 96/98/KE għandha titħassar b’effett mit-18 ta’ Settembru 2016.

    2.   Ir-rekwiżiti u l-istandards ta’ ttestjar għat-tagħmir tal-baħar applikabbli fit-18 ta’ Settembru 2016 skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali adottati mill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 96/98/KE għandhom jibqgħu japplikaw sad-dħul fis-seħħ tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2).

    3.   Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

    Artikolu 41

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 42

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    S. GOZI


    (1)  ĠU C 161, 6.6.2013, p. 93.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014.

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu (ĠU L 46,17.2.1997, p. 25).

    (4)  Id-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82).

    (5)  Ir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (7)  Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti (COSS) (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1).

    (9)  Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

    (10)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12).


    ANNESS I

    MARKA TAT-TMUN

    Il-marka tal-konformità għandha tieħu l-għamla li ġejja:

    Image

    Jekk il-marka tat-tmun tiċċekken jew titkabbar, għandhom jiġu rrispettati l-proporzjonijiet mogħtija fit-tpinġija gradwata.

    Id-diversi komponenti tal-marka tat-tmun għandu jkollhom sostanzjalment l-istess dimensjoni vertikali, li ma tistax tkun inqas minn 5 mm.

    Tagħmir żgħir jista’ jiġi eżentat minn dik id-dimensjoni minima.


    ANNESS II

    PROĊEDURI TA’ VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ

    I.   MODULU B: L-EŻAMI TAT-TIP KE

    1.

    L-eżami tat-tip KE huwa dik il-parti ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li fiha korp innotifikat jeżamina d-disinn tekniku ta’ tagħmir tal-baħar u jivverifika u jixhed li d-disinn tekniku tat-tagħmir tal-baħar jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti.

    2.

    L-eżami tat-tip KE jista’ jsir b’wieħed mill-modi li ġejjin.

    l-eżami ta’ kampjun, rappreżentattiv tal-produzzjoni prevista, tal-prodott komplut (tip tal-produzzjoni);

    il-valutazzjoni tal-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tal-baħar permezz tal-eżami tad-dokumentazzjoni teknika u tal-evidenza ta’ sostenn, imsemmija fil-punt 3, flimkien mal-eżami tal-kampjuni, rappreżentattivi tal-produzzjoni prevista, ta’ parti waħda kritika jew aktar tal-prodott (kombinazzjoni tat-tip tal-produzzjoni u tat-tip tad-disinn).

    3.

    Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-eżami tat-tip KE lil korp notifikat wieħed tal-għażla tiegħu.

    L-applikazzjoni għandha tinkludi:

    l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

    dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma tkun ġiet ippreżentata lill-ebda korp ieħor innotifikat;

    id-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tat-tagħmir tal-baħar mar-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, u għandha tinkludi analiżi u valutazzjoni adegwati tar-riskju/i. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u għandha tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn, il-manifattura u t-tħaddim tat-tagħmir tal-baħar. Id-dokumentazzjoni teknika għandu jkollha, kull fejn applikabbli, tal-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    deskrizzjoni ġenerali tat-tagħmir tal-baħar;

    (b)

    disinn kunċettwali u disinji tal-manifattura kif ukoll skemi ta’ komponenti, sottomontaturi, ċirkwiti, eċċ.;

    (c)

    deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa għall-fehim tal-imsemmija disinji u skemi u għat-tħaddim tat-tagħmir tal-baħar;

    (d)

    lista tar-rekwiżiti u l-istandards ta’ ttestjar li huma applikabbli għat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat f’konformità ma’ din id-Direttiva, flimkien ma’ deskrizzjoni tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti dawk ir-rekwiżiti;

    (e)

    riżultati ta’ kalkoli ta’ disinji magħmula, eżamijiet imwettqa, eċċ.; u

    (f)

    rapporti tat-testijiet;

    il-kampjuni rappreżentattivi tal-produzzjoni prevista. Il-korp innotifikat jista’ jitlob aktar kampjuni jekk ikun meħtieġ biex jitwettaq il-programm tat-testijiet;

    l-evidenza ta’ sostenn għall-adegwatezza tas-soluzzjoni tad-disinn tekniku. Din l-evidenza ta’ sostenn għandha ssemmi kwalunkwe dokument li jkun intuża. L-evidenza ta’ sostenn għandha tinkludi, fejn meħtieġ, ir-riżultati ta’ testijiet imwettqin mil-laboratorju adatt tal-manifattur, jew minn laboratorju tal-ittestjar ieħor f’isem il-manifattur u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    4.

    Il-korp innotifikat għandu:

    Għat-tagħmir tal-baħar:

    4.1.

    jeżamina d-dokumentazzjoni teknika u l-evidenza ta’ sostenn biex jevalwa l-adegwatezza tad-disinn tekniku tat-tagħmir tal-baħar;

    Għall-kampjun(i):

    4.2.

    jivverifika li l-kampjun(i) ġie(ġew) manifatturat(i) f’konformità mad-dokumentazzjoni teknika, u jidentifika l-elementi li ġew imfassla f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-rekwiżiti u l-istandards ta’ ttestjar rilevanti, kif ukoll l-elementi li ġew imfassla mingħajr l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk l-istandards;

    4.3.

    iwettaq eżamijiet u testijiet xierqa, jew iqabbad lil min iwettaqhom, f’konformità ma’ din id-Direttiva;

    4.4.

    jiftiehem mal-manifattur dwar post fejn ikunu ser jitwettqu l-eżamijiet u t-testijiet.

    5.

    Il-korp innotifikat għandu jfassal rapport ta’ evalwazzjoni li jirreġistra l-attivitajiet imwettqa f’konformità mal-punt 4 u r-riżultati tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu fil-konfront tal-awtoritajiet notifikanti, il-korp innotifikat għandu joħroġ il-kontenut ta’ dak ir-rapport, kollu jew parti minnu, biss bi ftehim mal-manifattur.

    6.

    Fejn it-tip jissodisfa r-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali speċifiċi li japplikaw għat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat ta’ eżami tat-tip KE lill-manifattur. Iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-eżami, il-kondizzjonijiet (jekk ikun hemm) għall-validità tiegħu u d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Iċ-ċertifikat jista’ jkollu anness wieħed jew iżjed mehmużin.

    Iċ-ċertifikat u l-annessi tiegħu għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha biex il-konformità tal-prodotti manifatturati mat-tip eżaminat tkun tista’ tiġi evalwata u biex ikun hemm lok għal kontroll intern.

    Fejn it-tip ma jissodisfax ir-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali, il-korp innotifikat għandu jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta’ eżami tat-tip KE u għandu jinforma lill-applikant kif adatt, filwaqt li jagħti raġunijiet dettaljati għar-rifjut tiegħu.

    7.

    Jekk it-tip approvat ma jkunx għadu konformi mar-rekwiżiti applikabbli, il-korp innotifikat għandu jiddetermina jekk huwiex meħtieġ aktar ittestjar jew proċedura ġdida ta’ valutazzjoni tal-konformità.

    Il-manifattur għandu jinforma lill-korp innotifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika relatata maċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE, bil-modifiki kollha għat-tip approvat li jistgħu jaffettwaw il-konformità tat-tagħmir tal-baħar mar-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali rilevanti jew mal-kondizzjonijiet għall-validità taċ-ċertifikat. Tali modifiki għandhom jeħtieġu l-approvazzjoni addizzjonali fil-forma ta’ żieda għaċ-ċertifikat oriġinali tal-eżami tat-tip KE.

    8.

    Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-awtoritajiet notifikanti tiegħu dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip KE u/jew kwalunkwe żieda għalihom, li jkun ħareġ jew irtira, u perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, il-lista taċ-ċertifikati u/jew kwalunkwe żieda għalihom li ġew miċħuda, sospiżi jew b’xi mod ieħor limitati.

    Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-korpi nnotifikati l-oħra dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip KE u/jew kwalunkwe żidiet fihom li jkun irrifjuta, irtira, issospenda jew illimita b’mod ieħor, u, fuq talba, dwar iċ-ċertifikati u/jew iż-żidiet fihom li jkun ħareġ.

    Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-korpi nnotifikati l-oħra jistgħu, fuq talba, jiksbu kopja taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip KE u/jew iż-żidiet fihom. Wara li ssir talba, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiksbu kopja tad-dokumentazzjoni teknika u r-riżultati tal-eżamijiet li jkun wettaq il-korp innotifikat. Il-korp innotifikat għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE, tal-annessi u taż-żidiet tiegħu, kif ukoll tal-fajl tekniku, inkluża d-dokumentazzjoni ppreżentata mill-manifattur, sal-iskadenza tal-validità taċ-ċertifikat.

    9.

    Il-manifattur għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE, tal-annessi u taż-żidiet tiegħu, flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    10.

    Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jista’ jippreżenta l-applikazzjoni msemmija fil-punt 3 u jissodisfa l-obbligi msemmija fil-punti 7 u 9, dment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

    II.   MODULU D: KONFORMITÀ MAT-TIP ABBAŻI TAL-GARANZIJA TA’ KWALITÀ TAL-PROĊESS TA’ PRODUZZJONI

    1.   Il-konformità mat-tip abbażi tal-garanzija tal-kwalità tal-proċess ta’ produzzjoni hija l-parti tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 5, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tal-baħar ikkonċernat ikun f’konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jissodisfa r-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali applikabbli għalih.

    2.   Manifattura

    Il-manifattur għandu jopera sistema ta’ kwalità approvata għall-produzzjoni, għall-ispezzjoni tal-prodott finali u għall-ittestjar tal-prodotti kkonċernati kif speċifikat fil-punt 3, u għandu jkun soġġett għal sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4.

    3.   Sistema ta’ kwalità

    3.1.

    Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sistema ta’ kwalità tiegħu ma’ korp innotifikat tal-għażla tiegħu, għat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    L-applikazzjoni għandha tinkludi:

    l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu ukoll;

    dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp innotifikat ieħor;

    l-informazzjoni kollha rilevanti għall-kategorija tat-tagħmir tal-baħar maħsuba;

    id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta’ kwalità;

    id-dokumentazzjoni teknika tat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE.

    3.2.

    Is-sistema ta’ kwalità għandha tiżgura li l-prodotti kollha huma konformi mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali applikabbli għalihom.

    L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jiġu dokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ politiki, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, tal-pjani, tal-manwali u tar-rekords ta’ kwalità.

    Għandha tinkludi, partikolarment, deskrizzjoni adegwata ta’:

    l-għanijiet tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-prodott;

    il-manifattura, it-tekniki ta’ kontroll tal-kwalità u tal-garanzija tal-kwalità, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi korrispondenti, li ser jintużaw;

    l-eżamijiet u t-testijiet li ser isiru qabel, waqt u wara l-manifattura, u l-frekwenza li biha ser isiru;

    ir-rekords ta’ kwalità, bħar-rapporti ta’ spezzjonijiet u d-data dwar it-testijiet, id-data dwar il-kalibrar, ir-rapporti dwar il-kwalifiki fir-rigward tal-persunal ikkonċernat, eċċ.; u

    il-mezzi ta’ monitoraġġ tal-kisba tal-kwalità meħtieġa tal-prodott u t-tħaddim effettiv tas-sistema ta’ kwalità.

    3.3.

    Il-korp innotifikat għandu jivvaluta s-sistema ta’ kwalità sabiex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2.

    Flimkien mal-esperjenza f’sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, it-tim ta’ awditjar għandu jkollu mill-inqas membru wieħed b’esperjenza fl-evalwazzjoni fil-qasam tat-tagħmir tal-baħar rilevanti u fit-teknoloġija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, u għarfien tar-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali. L-awditu għandu jinkludi żjara ta’ valutazzjoni fis-sede tal-manifattur. It-tim tal-awditjar għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-ħames inċiż tal-punt 3.1 sabiex jivverifika l-abbiltà tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti rilevanti tal-istrumenti internazzjonali u biex iwettaq l-eżamijiet meħtieġa sabiex jiżgura l-konformità tal-prodott ma’ dawk ir-rekwiżiti.

    Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-manifattur. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-awditu u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

    3.4.

    Il-manifattur għandu jimpenja ruħu biex jissodisfa l-obbligi li ġejjin mis-sistema ta’ kwalità kif approvata u biex iżommha hekk sabiex tibqa’ adegwata u effikaċi.

    3.5.

    Il-manifattur għandu jżomm lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalità mgħarraf dwar kwalunkwe bidla maħsuba fis-sistema tal-kwalità.

    Il-korp innotifikat għandu jevalwa kwalunkwe bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema ta’ kwalità modifikata hijiex ser tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2 jew jekk ikunx hemm bżonn li ssir valutazzjoni mill-ġdid.

    Huwa għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

    4.   Sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat

    4.1.

    L-għan tas-sorveljanza huwa li tiżgura li l-manifattur iwettaq kif xieraq l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema ta’ kwalità approvata.

    4.2.

    Il-manifattur għandu, għal finijiet ta’ valutazzjoni, jippermetti l-aċċess lill-korp innotifikat għas-siti tal-manifattura, tal-ispezzjoni, tal-ittestjar u tal-ħażna u għandu jagħtih l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa, b’mod partikolari:

    id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità;

    ir-rekords tal-kwalità, bħar-rapporti ta’ spezzjoni u d-data dwar it-testijiet, id-data dwar il-kalibrar, ir-rapporti fir-rigward tal-kwalifiki tal-persunal konċernat, eċċ.

    4.3.

    Il-korp innotifikat għandu jwettaq awditi perjodiċi sabiex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi lill-manifattur b’ rapport tal-awditu.

    4.4.

    Barra minn hekk, il-korp innotifikat jista’ jagħmel żjarat mhux mistennija lill-manifattur, ħlief fejn, taħt il-liġi nazzjonali, u għal raġunijiet ta’ difiża jew sigurtà, ċerti restrizzjonijiet japplikaw għal tali żjarat. Waqt tali żjarat il-korp innotifikat, jekk ikun meħtieġ, jista’ jwettaq testijiet fuq il-prodott, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika li s-sistema ta’ kwalità qed taħdem sewwa. Il-korp innotifikat għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk ikunu twettqu xi testijiet, b’rapport tat-testijiet.

    5.   Il-marka tal-konformità u d-dikjarazzjoni tal-konformità

    5.1.

    Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka tat-tmun imsemmija fl-Artikolu 9, u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 3.1, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, ma’ kull prodott individwali li jkun f’konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali.

    5.2.

    Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub għal kull mudell ta’ prodott u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal perijodu ta’ mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tidentifika l-mudell tat-tagħmir tal-baħar li għalih tkun tfasslet.

    Jekk tintalab, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità lill-awtoritajiet rilevanti.

    6.   Il-manifattur għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat:

    id-dokumentazzjoni msemmija fil-punt 3.1;

    il-bidla msemmija fil-punt 3.5, kif approvata;

    id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp innotifikat imsemmija fil-punt 3.5, 4.3 u 4.4.

    7.   Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-awtoritajiet notifikanti tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità maħruġa jew irtirati, u, perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, il-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistemi ta’ kwalità li jkunu ġew irrifjutati, sospiżi jew b’xi mod ieħor limitati.

    Kull korp innotifikat għandu jinforma lil korpi nnotifikati oħrajn dwar l-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità li jkun irrifjuta, issospenda, irtira jew inkella llimita, u, jekk jintalab jagħmel dan, jinformahom bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta’ kwalità li jkun ħareġ.

    8.   Rappreżentant awtorizzat

    L-obbligi tal-manifattur stipulati fil-punti 3.1, 3.5, 5 u 6 jistgħu jiġu ssodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

    III.   IL-MODULU E: KONFORMITÀ MAT-TIP ABBAŻI TAL-GARANZIJA TAL-KWALITÀ TAL-PRODOTT

    1.   Il-konformità mat-tip, abbażi tal-garanzija tal-kwalità tal-prodott, hija dik il-parti tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 5, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li t-tagħmir tal-baħar ikkonċernat ikun f’konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jissodisfa r-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali applikabbli għalih.

    2.   Manifattura

    Il-manifattur għandu jopera sistema approvata ta’ kwalità, għall-ispezzjoni tal-prodott finali u għall-ittestjar tal-prodotti kkonċernati kif speċifikat fil-punt 3 u għandu jkun suġġett għal sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4.

    3.   Sistema ta’ kwalità

    3.1.

    Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sistema ta’ kwalità tiegħu ma’ korp innotifikat tal-għażla tiegħu, għat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    L-applikazzjoni għandha tinkludi:

    l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mir-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

    dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġiet ippreżentata lill-ebda korp innotifikat ieħor;

    l-informazzjoni kollha rilevanti għall-kategorija tat-tagħmir tal-baħar maħsuba;

    id-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sistema ta’ kwalità; u

    id-dokumentazzjoni teknika tat-tip approvat u kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE.

    3.2.

    Is-sistema ta’ kwalità għandha tiżgura l-konformità tal-prodotti mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u mar-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali.

    L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jiġu dokumentati b’mod sistematiku u ordnat fil-forma ta’ politiki, proċeduri u struzzjonijiet bil-miktub. Id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, tal-pjani, tal-manwali u tar-rekords ta’ kwalità.

    Għandha tinkludi, partikolarment, deskrizzjoni adegwata ta’:

    l-għanijiet tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-maniġment fir-rigward tal-kwalità tal-prodott;

    l-eżamijiet u t-testijiet li għandhom jiġu mwettqa wara l-manifattura;

    ir-rekords ta’ kwalità, bħar-rapporti ta’ spezzjonijiet u d-data dwar it-testijiet, id-data dwar il-kalibrar, ir-rapporti dwar il-kwalifiki fir-rigward tal-persunal konċernat, eċċ;,

    il-mezz ta’ kif għandha tiġi mmonitorjata l-operazzjoni effettiva tas-sistema ta’ kwalità.

    3.3.

    Il-korp innotifikat għandu jivvaluta s-sistema ta’ kwalità sabiex jiddetermina jekk tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2.

    Flimkien mal-esperjenza f’sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità, it-tim ta’ awditjar għandu jkollu mill-inqas membru wieħed b’esperjenza fl-evalwazzjoni fil-qasam tat-tagħmir tal-baħar rilevanti u fit-teknoloġija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat, u għarfien tar-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali. L-awditu għandu jinkludi żjara ta’ valutazzjoni fis-sede tal-manifattur. It-tim ta’ awditjar għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-ħames inċiż tal-punt 3.1 sabiex jivverifika l-abbiltà tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti rilevanti tal-istrumenti internazzjonali u biex iwettaq l-eżamijiet neċessarji sabiex jiżgura l-konformità tal-prodott ma’ dawk ir-rekwiżiti.

    Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-manifattur. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-awditu u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

    3.4.

    Il-manifattur għandu jimpenja ruħu biex jissodisfa l-obbligi li ġejjin mis-sistema ta’ kwalità kif approvata u biex iżommha hekk sabiex tibqa’ adegwata u effikaċi.

    3.5.

    Il-manifattur għandu jżomm lill-korp innotifikat li jkun approva s-sistema tal-kwalità mgħarraf dwar kwalunkwe bidla maħsuba fis-sistema tal-kwalità.

    Il-korp innotifikat għandu jevalwa kwalunkwe bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema ta’ kwalità modifikata hijiex ser tkompli tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3.2 jew jekk ikunx hemm bżonn li ssir valutazzjoni mill-ġdid.

    Huwa għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

    4.   Sorveljanza taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat

    4.1.

    L-għan tas-sorveljanza huwa li tiżgura li l-manifattur iwettaq kif xieraq l-obbligi li jirriżultaw mis-sistema ta’ kwalità approvata.

    4.2.

    Il-manifattur għandu, għal finijiet ta’ valutazzjoni, jippermetti l-aċċess lill-korp innotifikat għas-siti tal-manifattura, tal-ispezzjoni, tal-ittestjar u tal-ħażna, u għandu jagħtih l-informazzjoni kollha rilevanti meħtieġa, b’mod partikolari:

    id-dokumentazzjoni tas-sistema ta’ kwalità;

    ir-rekords tal-kwalità, bħar-rapporti ta’ spezzjoni u d-data dwar it-testijiet, id-data dwar il-kalibrar, ir-rapporti fir-rigward tal-kwalifiki tal-persunal konċernat, eċċ.

    4.3.

    Il-korp innotifikat għandu jwettaq awditi perjodiċi sabiex jiżgura li l-manifattur iżomm u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport tal-awditu.

    4.4.

    Barra minn hekk, il-korp innotifikat jista’ jagħmel żjarat mhux mistennija lill-manifattur, ħlief fejn, taħt il-liġi nazzjonali, u għal raġunijiet ta’ difiża jew sigurtà, ċerti restrizzjonijiet japplikaw għal tali żjarat. Waqt tali żjarat il-korp innotifikat, jekk ikun meħtieġ, jista’ jwettaq testijiet fuq il-prodott, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika li s-sistema ta’ kwalità qed taħdem sewwa. Il-korp innotifikat għandu jipprovdi lill-manifattur b’rapport taż-żjara u, jekk ikunu twettqu xi testijiet, b’rapport tat-testijiet.

    5.   Il-marka tal-konformità u d-dikjarazzjoni tal-konformità

    5.1.

    Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka tat-tmun imsemmija fl-Artikolu 9 u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 3.1, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, ma’ kull prodott individwali li jkun f’konformità mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali.

    5.2.

    Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub għal kull mudell ta’ prodott u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal perijodu ta’ mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tidentifika l-mudell tat-tagħmir tal-baħar li għalih tkun tfasslet.

    Jekk tintalab, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità lill-awtoritajiet rilevanti.

    6.   Il-manifattur għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat:

    id-dokumentazzjoni msemmija fil-punt 3.1;

    il-bidla msemmija fil-punt 3.5, kif approvata;

    id-deċiżjonijiet u r-rapporti mill-korp innotifikat imsemmija fil-punt 3.5, 4.3 u 4.4.

    7.   Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-awtoritajiet notifikanti tiegħu bl-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità maħruġa jew irtirati, u, perjodikament jew jekk jintalab jagħmel dan, għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet notifikanti tiegħu, il-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistemi ta’ kwalità li jkunu ġew irrifjutati, sospiżi jew b’xi mod ieħor limitati.

    Kull korp innotifikat għandu jinforma lill-korpi nnotifikati l-oħrajn dwar l-approvazzjonijiet tas-sistema ta’ kwalità li jkun irrifjuta, issospenda, irtira jew inkella llimita, u, jekk jintalab jagħmel dan, jinformahom bl-approvazzjonijiet tas-sistemi ta’ kwalità li jkun ħareġ.

    8.   Rappreżentant awtorizzat

    L-obbligi tal-manifattur stipulati fil-punti 3.1, 3.5, 5 u 6 jistgħu jiġu ssodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sakemm dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

    IV.   MODULU F: KONFORMITÀ MAT-TIP ABBAŻI TAL-VERIFIKA TAL-PRODOTT

    1.   Il-konformità mat-tip, abbażi tal-verifika tal-prodott hija l-parti tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 5.1 u 6, u jiżgura, u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu li l-prodotti kkonċernati, li ġew soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-punt 3, huma konformi mat-tip kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali applikabbli għalihom.

    2.   Manifattura

    Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex il-proċess tal-manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tal-prodotti manifatturati mat-tip approvat, kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE, u mar-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali applikabbli għalihom.

    3.   Verifika

    Il-korp innotifikat magħżul mill-manifattur għandu jwettaq l-eżamijiet u t-testijiet xierqa biex jivverifika l-konformità tal-prodotti mat-tip approvat kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u mar-rekwiżiti xierqa tal-istrumenti internazzjonali.

    L-eżamijiet u t-testijiet biex tkun ikkontrollata l-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti xierqa għandhom jitwettqu, skont kif jagħżel il-manifattur, jew permezz tal-eżami u l-ittestjar ta’ kull prodott kif speċifikat fil-punt 4, jew bl-eżami u l-ittestjar tal-prodotti fuq bażi ta’ statistika, kif speċifikat fil-punt 5.

    4.   Il-verifika tal-konformità bl-eżami u bl-ittestjar ta’ kull prodott

    4.1.

    Il-prodotti kollha għandhom jiġu eżaminati u ttestjati individwalment f’konformità ma’ din id-Direttiva, sabiex tiġi vverifikata l-konformità mat-tip approvat deskritt f’ċertifikat ta’ eżami tat-tip KE u mar-rekwiżiti xierqa tal-istrumenti internazzjonali.

    4.2.

    Il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat tal-konformità fir-rigward tal-eżamijiet u tat-testijiet magħmula, u għandu jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu ma’ kull prodott approvat, jew iqabbad lil min iwaħħlu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    Il-manifattur għandu jżomm iċ-ċertifikati ta’ konformità disponibbli għal spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    5.   Il-verifika tal-istatistika tal-konformità

    5.1.

    Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex il-proċess tal-manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw l-omoġeneità ta’ kull lott prodott, u għandu jippreżenta l-prodotti tiegħu għall-verifika fil-forma ta’ lottijiet omoġenji.

    5.2.

    Għandu jittieħed kampjun aleatorju minn kull lott. Il-prodotti kollha f’kampjun għandhom jiġu eżaminati u ttestjati individwalment f’konformità ma’ din id-Direttiva, sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali u biex jiġi ddeterminat jekk il-lott jiġix aċċettat jew irrifjutat.

    5.3.

    Jekk lott jiġi aċċettat, il-prodotti kollha tal-lott għandhom jitqiesu approvati, ħlief dawk il-prodotti mill-kampjun li jkun instab li ma jissodisfawx it-testijiet.

    Il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat tal-konformità fir-rigward tal-eżamijiet u tat-testijiet magħmula, u għandu jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu ma’ kull prodott approvat, jew iqabbad lil min iwaħħlu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    Il-manifattur għandu jżomm iċ-ċertifikati ta’ konformità disponibbli għal spezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    5.4.

    Jekk lott jiġi rrifjutat, il-korp innotifikat jew l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri adegwati biex ma tħallix li dak il-lott jitqiegħed fuq is-suq. Fil-każ ta’ rifjut frekwenti tal-lottijiet il-korp innotifikat jista’ jissospendi l-verifika tal-istatistika u jieħu miżuri xierqa.

    6.   Il-marka tal-konformità u d-dikjarazzjoni tal-konformità

    6.1.

    Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka tat-tmun imsemmija fl-Artikolu 9 u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 3, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, ma’ kull prodott individwali li jkun f’konformità mat-tip approvat kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE u li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali.

    6.2.

    Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub għal kull mudell ta’ prodott u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal perijodu ta’ mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat. Id-dikjarazzjoni ta’ konformità għandha tidentifika l-mudell tat-tagħmir tal-baħar li għalih tkun tfasslet.

    Jekk tintalab, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità lill-awtoritajiet rilevanti.

    7.   Jekk il-korp innotifikat jaqbel u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-manifattur jista’ jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tal-korp innotifikat mal-prodotti matul il-proċess tal-manifattura.

    8.   Rappreżentant awtorizzat

    L-obbligi tal-manifattur jistgħu jitwettqu mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat. Rappreżentant awtorizzat ma jistax jissodisfa l-obbligi tal-manifattur li huma stabbiliti fil-punti 2 u 5.1.

    V.   IL-MODULU G: KONFORMITÀ ABBAŻI TAL-VERIFIKA TAL-UNITÀ

    1.   Il-konformità abbażi tal-verifika tal-unità hija l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, li permezz tagħha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3 u 5, u jiżgura u jiddikjara fuq responsabbiltà unika tiegħu li l-prodott ikkonċernat, li kien soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-punt 4, huwa f’konformità mar-rekwiżiti tal-istrumenti internazzjonali applikabbli għalih.

    2.   Dokumentazzjoni teknika

    Il-manifattur għandu jfassal id-dokumentazzjoni teknika u jagħmilha disponibbli għall-korp innotifikat imsemmi fil-punt 4. Id-dokumentazzjoni għandha tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti rilevanti, u għandha tinkludi analiżi u valutazzjoni adegwati tar-riskju/i. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika r-rekwiżiti applikabbli u għandha tkopri, sa fejn ikun rilevanti għall-valutazzjoni, id-disinn u l-manifattura tal-prodott u kif jaħdem. Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi, fejn applikabbli, tal-inqas l-elementi li ġejjin:

    deskrizzjoni ġenerali tal-prodott;

    disinn kunċettwali u disinji tal-manifattura kif ukoll skemi ta’ komponenti, sottomontaturi, ċirkwiti, eċċ.;

    deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet neċessarji biex wieħed jifhem id-disinji u l-iskemi msemmija u kif jaħdem il-prodott;

    lista tar-rekwiżiti u l-istandards ta’ ttestjar li huma applikabbli għat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat f’konformità ma’ din id-Direttiva, flimkien ma’ deskrizzjoni tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu sodisfatti dawkir-rekwiżiti;

    ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinji li saru, l-eżamijiet imwettqa; u

    rapporti tat-testijiet.

    Il-manifattur għandu jżomm id-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    3.   Manifattura

    Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex il-proċess ta’ manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tal-prodott manifatturat mar-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali.

    4.   Verifika

    Korp innotifikat magħżul mill-manifattur għandu jwettaq l-eżamijiet u t-testijiet xierqa f’konformità ma’ din id-Direttiva, biex tiġi vverifikata l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali.

    Il-korp innotifikat għandu joħroġ ċertifikat tal-konformità fir-rigward tal-eżamijiet u tat-testijiet li jkunu saru u għandu jwaħħal in-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu mal-prodott approvat, jew iqabbad lil min iwaħħlu, taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    Il-manifattur għandu jżomm iċ-ċertifikati ta’ konformità disponibbli għal spezzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat.

    5.   Il-marka tal-konformità u d-dikjarazzjoni tal-konformità

    5.1.

    Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka tat-tmun imsemmija fl-Artikolu 9 u, taħt ir-responsabbiltà tal-korp innotifikat imsemmi fil-punt 4, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma’ kull prodott li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali.

    5.2.

    Il-manifattur għandu jfassal dikjarazzjoni tal-konformità bil-miktub u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal mill-inqas 10 snin wara li tkun twaħħlet il-marka tat-tmun fuq l-aħħar prodott manifatturat u fl-ebda każ għal perijodu iqsar mill-ħajja mistennija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat. Id-dikjarazzjoni tal-konformità għandha tidentifika l-prodott li tkun tfasslet għalih.

    Jekk tintalab, għandha tiġi pprovduta kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità lill-awtoritajiet rilevanti.

    6.   Rappreżentant awtorizzat

    L-obbligi tal-manifattur stipulati fil-punti 2 u 5, jistgħu jiġu sodisfatti mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu, dment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.


    ANNESS III

    REKWIŻITI LI GĦANDHOM JIĠU SODISFATTI MILL-KORPI TAL-VALUTAZZJONI TAL-KONFORMITÀ SABIEX ISIRU KORPI NNOTIFIATI

    1.

    Għall-finijiet tan-notifika, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 2 sa 11.

    2.

    Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali u għandu jkollu personalità ġuridika.

    3.

    Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp ta' parti terza indipendenti mill-organizzazzjoni jew mit-tagħmir tal-baħar li jivvaluta.

    4.

    Il-korp li jagħmel parti minn xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-provvista, l-assemblaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni tat-tagħmir tal-baħar li huwa jivvaluta, jista', bil-kondizzjoni li jintwerew kemm l-indipendenza tiegħu kif ukoll in-nuqqas ta' kwalunkwe konflitt ta' interess, jitqies bħala korp tal-valutazzjoni tal-konformità.

    5.

    Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità, l-ogħla livell ta' ġestjoni tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak li jwettaq il-manutenzjoni tat-tagħmir tal-baħar li jiġi vvalutat, u lanqas ma għandhom ikunu r-rappreżentant awtorizzat ta' xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tal-prodotti vvalutati li jinħtieġu għall-operazzjonijiet tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta' tali prodotti għal għanijiet personali.

    6.

    Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità, l-ogħla livell ta' ġestjoni tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti tal-valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta' dak it-tagħmir tal-baħar, jew jirrappreżentaw lill-partijiet involuti f'dawk l-attivitajiet. Huma ma għandhom jieħdu sehem f'ebda attività li tista' tkun f'konflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu nnotifikati. Dan għandu japplika b'mod partikolari għas-servizzi ta' konsulenza.

    7.

    Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-sottokuntratturi tagħhom ma jaffettwawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħhom ta' valutazzjoni tal-konformità.

    8.

    Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta' integrità professjonali u kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u inċitament, partikolarment ta' natura finanzjarja, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta' persuni jew gruppi ta' persuni b'interess fir-riżultati ta' dawk l-attivitajiet.

    9.

    Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha tal-valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz ta' din id-Direttiva u li fir-rigward tagħhom ikun ġie notifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess tal-valutazzjoni tal-konformità jew f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    10.

    F'kull żmien u għal kull proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità u għal kull tip, kategorija jew subkategorija tat-tagħmir tal-baħar li fir-rigward tiegħu jkun ġie nnotifikat, il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu:

    (a)

    il-persunal meħtieġ b'konoxxenza teknika u esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità;

    (b)

    id-deskrizzjonijiet tal-proċeduri li f'konformità magħhom tiġi mwettqa l-valutazzjoni tal-konformità, li jiżguraw it-trasparenza ta' dawk il-proċeduri u l-possibbiltà li jiġu riprodotti. Dan għandu jkollu fis-seħħ politiki u proċeduri adatti li jiddistingwu bejn il-kompiti li jwettaq bħala korp innotifikat u attivitajiet oħra;

    (c)

    il-proċeduri meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet li jikkunsidraw b'mod dovut id-daqs tal-intrapriża, is-settur li fih topera, l-istruttura tagħha, il-grad ta' kumplessità tat-teknoloġija tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat u n-natura ta' massa jew ta' serje tal-proċess ta' produzzjoni.

    11.

    Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbutin mal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità b'mod xieraq u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet meħtieġa.

    12.

    Il-persunal responsabbli biex iwettaq l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

    (a)

    taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha ta' valutazzjoni tal-konformità li fir-rigward tagħhom ikun ġie nnotifikat il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità;

    (b)

    għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonjiet li jwettaq u awtorità adegwata sabiex iwettaq dawk il-valutazzjonijiet;

    (c)

    għarfien u intendiment xierqa tar-rekwiżiti applikabbli u tal-istandards ta' ttestjar u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni u tar-regolamenti li jimplimentaw dik il-leġislazzjoni;

    (d)

    il-kapaċità meħtieġa biex jifformula ċ-ċertifikati, ir-reġistrazzjonijiet u r-rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.

    13.

    Għandha tkun iggarantita l-imparzjalità tal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-ogħla livell ta' ġestjoni tagħhom u tal-persunal tal-valutazzjoni tagħhom.

    14.

    Ir-rimunerazzjoni tal-ogħla livell ta' ġestjoni u tal-persunal ta' valutazzjoni ta' korp tal-valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi min-numru ta' valutazzjonijiet li jkunu saru jew mir-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet.

    15.

    Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jipprovdu għal polza ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà sakemm l-Istat ma jiħux ir-responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali, jew sakemm l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.

    16.

    Il-persunal ta' korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba fit-twettiq tal-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva jew skont kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li permezz tagħha ssir effettiva, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom jitwettqu l-attivitajiet tal-korp. Id-drittijiet ta' proprjetà għandhom ikunu protetti.

    17.

    Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal tagħhom tal-valutazzjoni jkun mgħarraf bl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni rilevanti u l-attivitajiet tal-grupp ta' koordinazzjoni tal-korp innotifikat stabbilit skont din id-Direttiva, u għandhom japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tal-ħidma ta' dak il-grupp.

    18.

    Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard EN ISO/IEC 17065:2012.

    19.

    Il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-laboratorji tal-ittestjar li jintużaw għal finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-istandard EN ISO/IEC 17025:2005.


    ANNESS IV

    PROĊEDURA TAN-NOTIFIKA

    1.   Applikazzjoni għan-notifika

    1.1.

    Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jippreżenta applikazzjoni għal notifika lill-awtorità notifikanti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.

    1.2.

    Dik l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew il-moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u t-tagħmir tal-baħar li għalih dak il-korp jiddikjara li huwa kompetenti, kif ukoll b’ċertifikat ta’ akkreditazzjoni, jekk ikun hemm, maħruġ minn korp nazzjonali tal-akkreditazzjoni li jafferma li l-korp tal-valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

    1.3.

    Jekk il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità kkonċernat ma jistax jipprovdi ċertifikat ta’ akkreditazzjoni, dan għandu jipprovdi lill-awtorità notifikanti bl-evidenza dokumentata kollha meħtieġa għall-verifika, ir-rikonoxximent u l-monitoraġġ regolari tal-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

    2.   Proċedura tan-notifika

    2.1.

    L-awtoritajiet notifikanti jistgħu jinnotifikaw biss lill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

    2.2.

    Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b’mezz elettroniku ta’ notifika żviluppat u ġestit mill-Kummissjoni.

    2.3.

    In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha dwar l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità u tat-tagħmir tal-baħar ikkonċernat u tal-affermazzjoni rilevanti tal-kompetenza.

    2.4.

    Meta notifika ma tkunx ibbażata fuq ċertifikat ta’ akkreditazzjoni kif imsemmi fit-taqsima 1, l-awtorità notifikanti għandha tipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’evidenza dokumentata li tafferma l-kompetenza tal-korp tal-valutazzjoni tal-konformità kif ukoll l-arranġamenti li saru biex ikun żgurat li dak il-korp ikun immonitorjat b’mod regolari u jkompli jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

    2.5.

    Il-korp ikkonċernat jista’ jwettaq l-attivitajiet ta’ korp innotifikat biss jekk ma jkunux tqajmu oġġezzjonijiet mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri l-oħra fi żmien ġimagħtejn min-notifika fejn jintuża ċertifikat ta’ akkreditament jew fi żmien xahrejn wara li tkun saret notifika fil-każ li ma jintużax l-akkreditament.

    2.6.

    Huwa biss korp imsemmi fil-punt 2.5 li għandu jitqies bħala korp innotifikat għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

    2.7.

    Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom ikunu nnotifikati jekk ikun hemm tibdil sussegwenti rilevanti fin-notifika.

    3.   In-numri ta’ identifikazzjoni u l-listi ta’ korpi nnotifikati

    3.1.

    Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta’ identifikazzjoni lil korp innotifikat.

    3.2.

    Hija għandha tassenja numru wieħed bħal dan anki fejn il-korp innotifikat ikun rikonoxxut bħala nnotifikat skont diversi atti leġislattivi tal-Unjoni.

    3.3.

    Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli pubblikament il-lista tal-korpi nnotifikati skont id-Direttiva, inklużi n-numri ta’ identifikazzjoni li kienu allokati lilhom u l-attivitajiet li għalihom ikunu ġew notifikati.

    3.4.

    Il-Kummissjoni għandha tiżgura li din il-lista tinżamm aġġornata.


    ANNESS V

    REKWIŻITI LI GĦANDHOM JIĠU SODISFATTI MILL-AWTORITAJIET NOTIFIKANTI

    1.

    L-awtorità notifikanti għandha tiġi stabbilita b’mod li ma jkunx hemm konflitti ta’ interess mal-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità.

    2.

    L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata u operata b’mod li jkunu salvagwardjati l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha.

    3.

    L-awtorità notifikanti għandha tkun organizzata b’tali mod li kull deċiżjoni relatata man-notifika ta’ korp tal-valutazzjoni tal-konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu għamlu l-valutazzjoni.

    4.

    L-awtorità notifikanti ma għandha toffri jew tipprovdi, fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva, l-ebda attività li titwettaq minn korpi tal-valutazzjoni tal-konformità jew servizz ta’ konsulenza.

    5.

    L-awtorità notifikanti għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tikseb.

    6.

    L-awtorità notifikanti għandu jkollha numru suffiċjenti ta’ persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha biex il-kompiti tagħha jitwettqu b’mod adatt.


    Top