EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0505

2014/505/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta' Lulju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja

ĠU L 224, 30/07/2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/505/oj

Related international agreement

30.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 224/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta' Lulju 2014

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja

(2014/505/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak u Kattegat (“Ftehim tal-1966”) bejn id-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja ġie ffirmat fid-19 ta' Diċembru 1966 u daħal fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu 1967.

(2)

Il-Ftehim tal-1966 ippermetta aċċess reċiproku bejn id-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja biex jistadu fiż-żona sa erba' mili nawtiċi mil-linji bażi rispettivi tagħhom fi Skagerrak u Kattegat. Dan stabbilixxa wkoll li, għall-finijiet ta' tali sajd, iż-żona inkwistjoni titqies li tikkostitwixxi ibħra miftuħa u li għalhekk il-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera applikat fi kwistjonijiet bħal dawk tal-kontroll.

(3)

Permezz tal-adeżjoni tad-Danimarka u l-Isvezja mal-Unjoni fl-1973 u l-1995 rispettivament, l-Unjoni saret responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Ftehim tal-1966 f'isem dawk iż-żewġ Stati Membri.

(4)

Fid-29 ta' Lulju 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tan-Norveġja nnotifika lid-Danimarka, id-depożitarju tal-Ftehim tal-1966, li huma xtaqu jitterminaw il-Ftehim tal-1966 permezz ta' denunzja formali f'konformità ma' dak il-Ftehim u konsegwentement, il-Ftehim tal-1966 skada fis-7 ta' Awwissu 2012.

(5)

Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni, Ftehim ġdid mar-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak u Kattegat.

(6)

B'riżultat ta' dawn in-negozjati, fl-24 ta' Ottubru 2013 ġie inizjalat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja (il-“Ftehim”).

(7)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat.

(8)

Sabiex ikun hemm garanzija tal-kontinwazzjoni ta' aċċess għall-bastimenti tal-Unjoni għall-attivitajiet tas-sajd, il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja sa sentejn mid-data tal-firma tiegħu, sa meta jidħol fis-seħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, tan-Norveġja u tal-Isvezja huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja sa sentejn mid-data tal-iffirmar tiegħu (1), sa meta jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Id-data tal-iffirmar tal-Ftehim tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top