Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1289

    Regolament (UE) Nru 1289/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    ĠU L 347, 20/12/2013, p. 74–80 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/12/2018; Imħassar b' 32018R1806

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1289/oj

    20.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 347/74


    REGOLAMENT (UE) Nru 1289/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-11 ta' Diċembru 2013

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Il-mekkaniżmu ta' reċiproċità li għandu jiġi implimentat jekk pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2) japplika ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed jeħtieġ li jiġi adattat fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar bażijiet legali sekondarji. Barra minn hekk,dak il-mekkaniżmu jeħtieġ li jiġi adattat biex jipprovdi rispons mill-Unjoni bħala att ta’ solidarjetà, jekk pajjiżi terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 japplika ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed.

    (2)

    Wara li jkunu rċevew notifika minn Stat Membru li pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 japplika ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, l-Istati Membri kollha għandhom jirreaġixxu b’mod kollettiv, u b’hekk jipprovdu rispons mill-Unjoni għal sitwazzjoni li taffettwa lill-Unjoni fl-intier tagħha u li tagħmel iċ-ċittadini tagħha soġġetti għal trattament differenti.

    (3)

    Reċiproċità sħiħa tal-viżi hi objettiv li l-Unjoni għandha ssegwi b’mod proattiv fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi terzi, u b’hekk tikkontribwixxi biex jittejbu l-kredibbiltà u l-konsistenza tal-politika esterna tal-Unjoni.

    (4)

    Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi mekkaniżmu ta' sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal pajjiż terz li jkun elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 ("il-mekkaniżmu ta' sospensjoni") f' sitwazzjoni ta’ emerġenza, fejn ikun hemm bżonn li jingħata rispons b'mod urġenti sabiex jiġu solvuti d-diffikultajiet li jkun qed jiffaċċja għall-anqas Stat Membru wieħed, u li jieħu inkonsiderazzjoni l-impatt ġenerali li tħalli din is-sitwazzjoni ta' emerġenza fuq l-Unjoni kollha.

    (5)

    Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni, żieda sostanzjali u f'daqqa tindika żieda li teċċedi l-limitu ta' 50 %. Tista' tindika wkoll żieda iktar baxxa jekk il-Kummissjoni tqis li hu applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru konċernat.

    (6)

    Għall-finijiet tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni, rata baxxa ta' rikonoxximent tindika rata ta' rikonoxximent tal-applikazzjonijiet tal-asil ta' madwar 3 jew 4 %. Din tista' tindika wkoll rata ogħla ta' rikonoxximent jekk il-Kummissjoni tqis li hi applikabbli fil-każ partikolari notifikat mill-Istat Membru konċernat.

    (7)

    Hu meħtieġ li jiġi evitat u miġġieled kwalunke abbuż li jirriżulta mill-eżenżjoni tal-ħtieġa tal-viża għall-żjarat ta' soġġorn qasir għaċ-ċittadini ta' pajjiż terz fejn huma joħolqu theddida għall-ordni pubbliku (ordre public) u s-sigurtà interna tal-Istat Membru konċernat.

    (8)

    Dan ir-Regolament għandu jipprovdi bażi legali għall-ħtieġa tal-viża jew għall-eżenzjoni minn dik il-ħtieġa għal detenturi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin minn ċerti entitajiet rikonoxxuti mill-Istat Membru konċernat bħala soġġetti tal-liġi internazzjonali li mhumiex organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali.

    (9)

    Peress li r-regoli applikabbli għar-refuġjati u l-persuni mingħajr stat introdotti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1932/2006 (3), ma japplikawx għal tali persuni meta dawn ikunu joqogħdu fir-Renju Unit jew l-Irlanda, hu neċessarju li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni li tikkonċerna l-ħtieġa tal-viża għal ċerti refuġjati u persuni mingħajr stat li joqogħdu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda. Dan ir-Regolament għandu jħalli lill-Istati Membri fil-libertà li jiddeċiedu dwar l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal dik il-kategorija ta’ persuni skont l-obbligi internazzjonali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw tali deċiżjonijiet lill-Kummissjoni.

    (10)

    Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal- ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Komunità Ewropea qabel id-dħul fis-seħħ ta' dak ir-Regolament li jimplikaw il-ħtieġa ta’ deroga mir-regoli komuni tal-viża, filwaqt li titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    (11)

    Sabiex jiġi żgurat l-involviment adegwat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-tieni fażi tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità, minħabba n-natura politika sensittiva tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-implikazzjonijiet orizzontali tagħha għall-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati ta' Schengen u l-Unjoni nnifisha, b'mod partikolari għar-relazzjonijiet esterni tagħhom u għall-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen, is-setgħa biex jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward ta' ċerti elementi tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità. L-għoti ta' tali setgħa lill-Kummissjoni jqis il-ħtieġa għal diskussjoni politika dwar il-politika tal-Unjoni rigward il-viżi fiż-żona Schengen. Dan jirrifletti wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata trasparenza adegwata u ċertezza legali fl-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiż terz ikkonċernat, b'mod partikolari permezz tal-emenda temporanja korrispondenti tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ddelegati, għandha tiżgura trasmissjoni simultanja, f’waqtha u adatta tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (12)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tal-mekkaniżmu ta' sospensjoni u ta' ċerti dispożizzjonijiet tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità u b'mod partikolari sabiex ikun jista' jittieħed kont adegwat tal-fatturi rilevanti kollha u l-implikazzjonijiet possibbli tal-applikazzjoni ta' dawk il-mekkaniżmi, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom ikunu konferiti fuq il-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għandhom ikunu soġġetti għal sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża fil-qafas tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità, u tad-durata korrispondenti ta' dik is-sospensjoni, kif ukoll is-setgħat biex jimplimentaw il-mekkaniżmu ta' sospensjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Il-proċedura ta' eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta' tali atti ta' implimentazzjoni.

    (13)

    Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

    (14)

    Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7) li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt (B), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

    (15)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt (B), tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

    (16)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (11); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (17)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li mhijiex qed tipparteċipa fih l-Irlanda, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (12); l-Irlanda għalhekk m'hijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu u m'hijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (18)

    Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa b'dan emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "4.   Fejn pajjiż terz elenkat fl-Anness II japplika ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta’ għall-anqas Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

    (a)

    fi żmien 30 jum mill-implimentazzjoni mill-pajjiż terz tal-ħtieġa tal-viża jew, f’każijiet fejn jinżamm il-ħtieġa tal-viża eżistenti fi 9 ta' Jannar 2014, fi żmien 30 jum minn dik id-data, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika b'dan lill-Parlamet Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-miktub.

    Dik in-notifika:

    (i)

    għandha tispeċifika d-data ta’ implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati;

    (ii)

    għandha tinkludi spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li l-Istat Membru kkonċernat ħa bil-ħsieb li jiżgura l-ivvjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat u għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti kollha.

    L-informazzjoni dwar dik in-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, inkluża l-informazzjoni dwar id-data tal-implimentazzjoni tal-ħtieġa tal-viża u t-tipi ta' dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi kkonċernati.

    Jekk il-pajjiż terz jiddeċiedi li jneħħi l-ħtieġa tal-viża qabel l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, in-notifika m'għandhiex issir jew inkella għandha titneħħa u l-informazzjoni m'għandhiex tiġi ppubblikata;

    (b)

    il-Kummissjoni għandha, immedjatament wara d-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u f'konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz kkonċernat, b'mod partikolari fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid jew introdott l-ivvjaġġar mingħajr viża u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mingħajr dewmien b'dawk il-passi;

    (c)

    jekk fi żmien 90 jum mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u minkejja l-passi kollha meħudin skont il-punt (b), il-pajjiż terz ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, l-Istat) Membrukkonċernat jista' jitlob lill-Kummissjoni tissospendi l-eżenzjoni mil-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta' ċittadini ta' dak il-pajjiż terz. Meta Stat Membru jagħmel tali talba, huwa għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwarha;

    (d)

    Il-Kummissjoni għandha, meta tqis passi ulterjuri skont il-punt (e), (f) jew (h), tieħu kont tal-eżitu tal-miżuri meħudin mill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jiġi żgurat vjaġġar mingħajr viża mal-pajjiż terz ikkonċernat, il-passi meħudin skont il-punt (b) u l-konsegwenzi tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat;

    (e)

    jekk il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a) u sussegwentement f'intervalli li ma jaqbżux sitt xhur f'perijodu totali li ma jistax jestendi lil hinn mid-data li fiha l-att iddelegat imsemmi fil-punt (f) jidħol fis-seħħ jew jiġi oġġezzjonat:

    (i)

    tadotta, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat jew fuq inizjattiva tagħha stess, att ta' implimentazzjoni li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċerti kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta' mhux aktar minn sitt xhur. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiddetermina data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha ssir b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri. Meta tadotta atti ta' implimentazzjoni sussegwenti, il-Kummissjoni tista' testendi l-perijodu ta' dik is-sospensjoni b'aktar perijodi ta' mhux aktar minn sitt xhur u tista' timmodifika l-kategoriji ta' ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat li għalihom l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża.

    Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2). Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodi ta' sospensjoni l-kategoriji kollha ta' ċittadini tal-pajjiż terz imsemmi fl–att ta' implimentazzjoni għandhom ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri; jew

    (ii)

    tippreżenta lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 4a(1) rapport li jevalwa s-sitwazzjoni u li jsemmi r-raġunijiet għaliex hija ddeċidiet li ma tissospendix l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża u tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

    F'dak ir-rapport għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, bħal dawk imsemmijin fil-punt (d). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jista' jkollhom diskussjoni politika abbażi ta' dak ir-rapport;

    (f)

    Jekk fi żmien 24 xahar mid-data tal-pubblikazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-punt (a), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat skont l-Artikolu 4b li jissospendi l-applikazzjoni tal-Anness II għal perijodu ta' 12-il xahar għaċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz. L-att iddelegat għandu jiddetermina data, fi żmien 90 jum mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li fiha s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Anness II għandha ssir b'kont meħud tar-riżorsi disponibbli fil-konsulati tal-Istati Membri u għandu jemenda l-Anness II kif meħtieġ. Dik l-emenda għandha ssir billi ħdejn l-isem tal-pajjiż terz ikkonċernat tiddaħħal nota f'qiegħ il-paġna li tindika li l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża hija sospiża rigward dak il-pajjiż terz u li tispeċifika l-perijodu ta' dik is-sospensjoni.

    Mid-data meta s-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Anness II għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat tidħol fis-seħħ jew meta oġġezzjoni għall-att iddelegat tiġi espressa skont l-Artikolu 4b(5), kwalunkwe att ta' implimentazzjoni adottat skont il-punt (e) fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz għandu jiskadi.

    Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġislattiva kif imsemmi fil-punt (h), il-perijodu ta' sospensjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt għandu jiġi estiż b'sitt xhur. In-nota ta' qiegħ il-paġna li hemm referenza għaliha f'dak is-subparagrafu għandha tiġi emendata kif xieraq.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodi ta' dik is-sospensjoni ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-att iddelegat għandhom ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri;

    (g)

    kwalunkwe notifika sussegwenti magħmula minn Stat Membru ieħor skont il-punt (a) dwar l-istess pajjiż terz matul il-perijodu ta' applikazzjoni tal-miżuri adottati skont il-punt (e) jew (f) fir-rigward ta' dak il-pajjiż terz għandha tiġi amalgamata fil-proċeduri li għaddejjin mingħajr ma jittawlu l-iskadenzi jew il-perijodi stipulati f'dawk il-punti;

    (h)

    jekk fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tal-att iddelegat imsemmi fil-punt (f), il-pajjiż terz ikkonċernat ma jkunx neħħa l-ħtieġa tal-viża, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I;

    (i)

    il-proċeduri msemmijin fil-punti (e), (f) u (h) m'għandhomx jaffettwaw id-dritt tal-Kummissjoni li tippreżenta fi kwalunkwe ħin proposta leġislattiva li temenda dan ir-Regolament sabiex tiġi trasferita r-referenza għall-pajjiż terz mill-Anness II għall-Anness I;

    (j)

    fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ineħħi l-ħtieġa tal-viża, l-Istat Membru kkonċernat għandu minnufih jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'dan. In-notifika għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Kwalunkwe att ta' implimentazzjoni jew iddelegat adottat skont il-punt (e) jew (f) dwar il-pajjiż terz ikkonċernat għandu jiskadi sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt. Fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ikun introduċa ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' żewġ Stati Membri jew aktar, l-att ta' implimentazzjoni jew iddelegat li jikkonċerna lil dak il-pajjiż terz għandu jiskadi sebat ijiem wara l-pubblikazzjoni tan-notifika dwar l-aħħar Stat Membru kkonċernat li ċ-ċittadini tiegħu kienu soġġetti għall-ħtieġa tal-viża minn dak il-pajjiż terz. In-nota ta' qiegħ il-paġna msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt (f) għandha titħassar meta jiskadi l-att iddelegat ikkonċernat. L-informazzjoni dwar dik l-iskadenza għandha tiġi ppubblikata mingħajr dewmien mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Fejn il-pajjiż terz ikkonċernat ineħħi l-ħtieġa tal-viża mingħajr ma l-Istat Membru kkonċernat jinnotifikah skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, il-Kummissjoni għandha fuq inizjattiva tagħha stess tipproċedi mingħajr dewmien bil-pubblikazzjoni msemmija f'dak is-subparagrafu u t-tieni subparagrafu ta' dan il-punt għandu japplika.";

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa mħassar.

    (2)

    LArtikoli li ġejjin huma mdaħħla:

    "Artikolu 1a

    1.   B'deroga mill-Artikolu 1(2), l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II, għandha tiġi sospiża temporanjament f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, bħala l-aħħar alternattiva, skont dan l-Artikolu.

    2.   Stat Membru jista' jinnotifika lill-Kummissjoni jekk jiġi kkonfrontat, fuq perijodu ta' sitt xhur, meta mqabbel mal-istess perijodu fis-sena preċedenti jew mal-aħħar sitt xhur qabel l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' pajjiż terz elenkat fl-Anness II, b'waħda jew iżjed miċ-ċirkostanza li ġejja li jwasslu għal sitwazzjoni ta' emerġenza li hu ma jkunx jista' jirremedja waħdu, jiġifieri żieda sostanzjali u f'daqqa fl-għadd ta':

    (a)

    ċittadini ta' dak il-pajjiż terz li jinsabu li jkunu qed joqogħdu fit-territorju tal-Istat Membru mingħajr id-dritt għal dan,

    (b)

    applikazzjonijiet għal asil miċ-ċittadini ta' dak il-pajjiż terz li għalih ir-rata ta' rikonoxximent hija baxxa, meta żieda bħal din qiegħda twassal għal pressjonijiet speċifiċi fuq is-sistema tal-asil tal-Istat Membru;

    (c)

    applikazzjonijiet għar-riammissjoni rrifjutati, sottomessi mill-Istat Membru lil dak il-pajjiż terz għaċ-ċittadini tiegħu stess.

    Il-paragun mal-perijodu ta' sitt xhur qabel l-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun applikabbli biss matul perijodu ta' seba' snin mid-data tal-implimentazzjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini ta' dak il-pajjiż terz.

    In-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssemmi r-raġunijiet li fuqha hija bbażata u għandha tinkludi data u statistika rilevanti kif ukoll spjegazzjoni dettaljata tal-miżuri preliminari li jkun ħa l-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li jirrimedja s-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill minnufih dwar tali notifika.

    3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina kwalunkwe notifika magħmula skont il-paragrafu 2, b'kont meħud ta':

    (a)

    jekk xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil- paragrafu 2 tkunx preżenti;

    (b)

    l-għadd ta' Stati Membri affettwati minn xi waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 2;

    (c)

    l-impatt globali taż-żidiet imsemmijin fil-paragrafu 2 fuq is-sitwazzjoni migratorja fl-Unjoni kif tkun tidher mid-data pprovduta mill-Istati Membri;

    (d)

    ir-rapporti mħejjija mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jew l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), jekk iċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan fil-każ speċifiku nnotifikat;

    (e)

    il-kwistjoni ġenerali tal-ordni pubbliku u s-sigurtà interna, f'konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat.

    Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-eżami tagħha.

    4.   Meta l-Kummissjoni, abbażi ta l-eżami msemmi fil-paragrafu 3, u b'kont meħud tal-konsegwenzi ta' sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha mal-pajjiż terz ikkonċernat, filwaqt li taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib ma' dak il-pajjiż terz biex jinstabu soluzzjonijiet alternattivi fit-tul, tiddeċiedi li hija meħtieġa azzjoni, hija għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 2, tadotta att ta' implimentazzjoni li temporanjament jissospendi l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għal perijodu ta' sitt xhur. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2). L-att ta' implimentazzjoni għandu jiddetermina d-data li fiha għandha tidħol fis-seħħ is-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża.

    Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4, matul il-perijodi ta' dik is-sospensjoni ċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat mill-att ta' implimentazzjoni għandhom ikunu obbligati li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

    5.   Qabel tmiem il-perijodu ta’ validità tal-att ta' implimetazzjoni adottat skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġislattiva għall-emendar ta' dan ir-Regolament sabiex ir-referenza għall-pajjiż terz ikkonċernat tiġi trasferita mill-Anness II għall-Anness I.

    6.   Fejn il-Kummissjoni tkun ippreżentat proposta leġislattiva skont il-paragrafu 5, hi tista’ testendi l-validità tal-att ta' implimetazzjoni adottat skont il-paragrafu 4 b'perijodu li ma jaqbiżx 12-il xahar. Id-deċiżjoni biex tiġi estiża l-validità tal-att ta' implimetazzjoni għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 4a(2).

    Artikolu 1b

    Sa 10 ta' Jannar 2018, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta l-effettività tal-mekkaniżmu ta' reċiproċità previst fl-Artikolu 1(4) u l-mekkaniżmu ta' sospensjoni previst fl-Artikolu 1a u għandha, jekk meħtieġ, tippreżenta proposta leġislattiva għall-emendar ta' dan ir-Regolament.Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaġixxu fuq tali proposta permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja.";

    (3)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    "1.   Stat Membru jista’ jipprevedi eċċezzjonijiet mill-ħtieġa tal-viża previst mill-Artikolu 1(1) jew mill-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża kif previst mill-Artikolu 1(2), f'dak li jirrigwarda:

    (a)

    id-detenturi ta' passaporti diplomatiċi, ta' passaporti ta’ servizz/passaporti uffiċjali jew ta' passaporti speċjali;

    (b)

    il-membri tal-ekwipaġġ ta’ titjiriet ċivili u tat-tbaħħir fit-twettiq ta' dmirijiethom;

    (c)

    il-membri tal-ekwipaġġ tat-tbaħħir ċivili, meta jmorru fuq l-art, li jkollhom dokument ta' identità ta’ baħħara maħruġ skont il-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol Nru 108 tat-13 ta' Mejju 1958 jew Nru 185 tas-16 ta' Ġunju 2003 jew il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali tad-9 ta' April 1965;

    (d)

    l-ekwipaġġ u l-membri tal-missjonijiet ta' emerġenza jew ta' riskju fil-każ ta' diżastru jew inċident;

    (e)

    l-ekwipaġġ ċivili ta' vapuri li jbaħħru f'ibħra interni internazzjonali;

    (f)

    id-detenturi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin minn organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali li tagħhom huwa membru għall-anqas Stat Membru wieħed jew minn entitajiet oħra rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala suġġetti tad-dritt internazzjonali, għall- uffiċjali ta' dawk l-organizzazzjonijiet jew entitajiet.";

    (b)

    fil-paragrafu 2 il-punt li ġej huwa miżjud:

    "(d)

    mingħajr preġudizzju għa-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Ftehim Ewropew dwar it-Tneħħija tal-Viżi għar-Refuġjati ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta’April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni mingħajr stat u persuni oħra li m'għandhom ċittadinanza tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fir-Renju Unit jew fl-Irlanda u li huma detenturi ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ mir-Renju Unit jew l-Irlanda, li huwa rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.";

    (4)

    L-Artikoli li ġejjin huma mdaħħla:

    "Artikolu 4a

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Meta l-Kumitat ma jagħtix opinjoni, il-Kummissjoni m'għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu jkun applikabbli t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 4b

    1.   Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija konferita fuq il-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti ddelegati msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) għandha tkun konferita fuq il-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin minn 9 ta' Jannar 2014. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport rigward id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża taċitament għal perijodi ta’ tul ta' żmien identiku, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel tmiem kull perijodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 1(4) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Hekk kif tadotta l-att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwaru.

    5.   Att iddelegat adottat skont il-punt (f) tal-Artikolu 1(4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perijodu ta’ erba' xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    (*)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-16 ta Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jikkonċernaw mekkaniżmi għal kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13)."."

    Artikolu 2

    L-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 kif emendat b'dan ir-Regolament, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, għandhom japplikaw ukoll għal pajjiżi terzi li fir-rigward taċ-ċittadini tagħhom l-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża ġiet introdotta qabel 9 ta' Jannar 2014.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    V. LEŠKEVIČIUS


    (1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 (għadha mhix ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2013.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23).

    (4)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (6)  Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999, dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (8)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (10)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


    Top