Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0354

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/354/PESK tat- 3 ta’ Lulju 2013 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

    ĠU L 185, 04/07/2013, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/354/oj

    4.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 185/12


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/354/PESK

    tat-3 ta’ Lulju 2013

    dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 28, l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-14 ta' Novembru 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/797/PESK dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (1) (EUPOL COPPS) għal perijodu ta' tliet snin. Il-fażi operattiva tal-EUPOL COPPS bdiet fl-1 ta' Jannar 2006.

    (2)

    Fis-17 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/784/PESK (2) dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani (EUPOL COPPS), li kompliet l-EUPOL COPPS mill-1 Jannar 2011. Id-Deċiżjoni 2010/784/PESK tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2013.

    (3)

    Fis-7 ta' Ġunju 2013 il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) irrakkomanda li l-Missjoni tiġi estiża għal perijodu addizzjonali ta' 12-il xahar sat-30 ta' Ġunju 2014.

    (4)

    Il-kapaċità tal-għassa għandha tiġi attivata għall-Missjoni.

    (5)

    L-EUPOL COPPS ser titwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Missjoni

    1.   Il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea għat-Territorji Palestinjani, minn hawn ‘il quddiem imsejħa EUPOL COPPS, stabbilita bl-Azzjoni Konġunta 2005/797/PESK, ser titkompla mill-1 ta’ Lulju 2013.

    2.   L-EUPOL COPPS għandha topera skont id-dikjarazzjoni tal-missjoni kif stabbilit fl-Artikolu 2.

    Artikolu 2

    Dikjarazzjoni tal-Missjoni

    L-għan tal-EUPOL COPPS huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ arranġamenti tal-pulizija sostenibbli u effettivi taħt il-proprjetà Palestinjana skont l-aħjar standards internazzjonali, f’kooperazzjoni mal-programmi għall-bini tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll sforzi internazzjonali oħra fil-kuntest usa’ tas-Settur ta’ Sigurtà inkluż ir-Riforma tal-Ġustizzja Kriminali.

    Għal dan l-għan l-EUPOL COPPS għandha:

    (a)

    tassisti lill-Pulizija Ċivili Palestinjana (PCP) fl-implimentazzjoni tal-Programm ta' Żvilupp tal-Pulizija billi tagħti konsulenza u tiggwida mill-qrib lill-PCP, u b'mod speċifiku uffiċċjali għolja fil-livell tad-Distrett, il-Kwartieri-Ġenerali u l-Ministeri;

    (b)

    tikkoordina u tiffaċilita l-assistenza tal-Unjoni u l-Istati Membri, u fejn mitluba, assistenza internazzjonali għall-PCP;

    (c)

    tagħti konsulenza dwar elementi tal-Ġustizzja Kriminali relatati mal-pulizija;

    (d)

    jkollha unità ta’ proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti. Il-Missjoni għandha, kif meħtieġ, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u l-Istati terzi taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-Missjoni u b'appoġġ tal-objettivi tagħha.

    B'rabta mal-kompiti msemmijin hawn fuq, l-EUPOL COPPS għandu jkollha l-kapaċità li takkwista servizzi u provvisti, li tidħol f'kuntratti u arranġamenti amministrattivi, li timpjega persunal, li jkollha kontijiet bankarji, li takkwista u tiddisponi minn assi u li tirrilaxxa r-responsabbiltajiet, u li tkun parti għall-proċedimenti legali.

    Article 3

    Reviżjoni

    Proċess ta' reviżjoni ta' kull sitt xhur, skont il-kriterji ta' valutazzjoni stabbiliti fil-Kunċett tal-Operat (CONOPS) u l-Pjan tal-Operat (OPLAN) u li jieħu kont tal-iżviluppi fil-post, ser iservi biex isiru aġġustamenti kif meħtieġa fid-daqs u l-kamp ta' applikazzjoni tal-EUPOL COPPS.

    Artikolu 4

    Linja ta' kmand u struttura

    1.   L-EUPOL COPPS għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżijiet.

    2.   L-EUPOL COPPS għandha tkun strutturata f'konformità mad-dokument tal-ippjanar tagħha.

    Artikolu 5

    Kmandat tal-Operazzjoni Ċivili

    1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL COPPS.

    2.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), għandu jeżerċita kmand u kontroll tal-EUPOL COPPS fil-livell strateġiku.

    3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jassigura, fir-rigward tat-tmexxija tal-operazzjonijiet, l-implimentazzjoni kif suppost u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż permezz tal-ħruġ ta’ istruzzjonijiet fil-livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

    4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tar-RGħ.

    5.   Il-persunal sekondat kollu għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat li ssekondah f'konformità mar-regoli nazzjonali, tal-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE). Dawk l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    6.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu jkollu responsabbiltà ġenerali sabiex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza tal-Unjoni jiġi attwat korrettament.

    7.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

    Artikolu 6

    Kap tal-Missjoni

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jassumi responsabbilità u jeżerċita kmand u kontroll tal-Missjoni fil-post u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun rappreżentant tal-Missjoni. Il-Kap tal-Missjoni jista' jiddelega kompiti ta’ ġestjoni fi kwistjonijiet ta' persunal u finanzjarji lil membri tal-persunal tal-Missjoni, taħt ir-responsabbiltà ġenerali tiegħu/tagħha.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif assenjati mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, ir-riżorsi u l-informazzjoni li jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Missjoni.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jagħti istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-Missjoni, għat-tmexxija effettiva tal-EUPOL COPPS fil-post tal-operazzjoni, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, billi jimxi fuq l-istruzzjonijiet fil-livell strateġiku tal-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, is-setgħat dixxiplinarji għandhom jiġu eżerċitati mill-awtoritajiet nazzjonali, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE.

    6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUPOL COPPS fiż-żona tal-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

    7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif meħtieġ, ma' atturi oħra tal-Unjoni fuq il-post. Il-Kap tal-Missjoni għandu, mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE għall-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani b'konsultazzjoni mal-Kapijiet tad-Delegazzjoni tal-Unjoni rilevanti.

    Artikolu 7

    Persunal tal-EUPOL COPPS

    1.   Il-kwantità u l-kompetenzi tal-persunal tal-EUPOL COPPS għandhom ikunu konsistenti mal-istqarrija tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 2 u l-istruttura stabbilita fl-Artikolu 4.

    2.   Il-persunal tal-EUPOL COPPS għandu jikkonsisti primarjament minn persunal issekondat mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE. Kull Stat Membru, istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE għandu jerfa’ l-ispejjeż ta’ kwalunkwe persunal sekondat minnha, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-iskjerament, is-salarji, il-kopertura medika u l-allowances, minbarra allowances ta’ kuljum applikabbli, kif ukoll allowances għat-tbatija u għar-riskju.

    3.   L-EUPOL COPPS tista' wkoll tirrekluta persunal internazzjonali jew lokali fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma jkunux jistgħu jiġu provduti minn persunal issekondat mill-Istati Membri, istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE.

    4.   Il-kundizzjonijiet tal-impjieg u d-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali għandhom jiġu stabbiliti fil-kuntratti li għandhom jiġu konklużi bejn l-EUPOL COPPS u l-membri tal-persunal ikkonċernat.

    5.   Stati Terzi jistgħu wkoll, kif meħtieġ, jissekondaw persunal għall-missjoni. Kull Stat terz li jissekonda, għandu jġorr l-ispejjeż relatati mal-persunal kollu sekondat minnu, inkluż salarji, kopertura medika, allowances, assigurazzjoni ta' riskju għoli u spejjeż tal-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni.

    Artikolu 8

    Status tal-persunal tal-EUPOL COPPS

    1.   Meta meħtieġ, l-istatus tal-persunal tal-EUPOL COPPS, inkluż, fejn adatt, il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-EUPOL COPPS, għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE u f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    2.   L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE li jissekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli li jwieġbu għal kwalunkwe talba marbuta mal-issekondar, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal. L-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew is-SEAE għandhom ikunu responsabbli mill-istituzzjoni ta' kwalunkwe azzjoni kontra l-persuna ssekondata.

    Artikolu 9

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat sabiex jinħatar Kap tal-Missjoni, fuq proposta mir-RGħ, u sabiex jiġu emendati il-CONOPS u l-OPLAN. Din għandha tinkludi wkoll is-setgħat li jittieħdu deċiżjonijiet sussegwenti rigward il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat tad-deċiżjoni fir-rigward tal-objettivi u t-terminazzjoni tal-Missjoni għandhom jibqgħu f'idejn il-Kunsill.

    2.   Il-KPS għandu jirraporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    3.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom.

    Artikolu 10

    Parteċipazzjoni ta' Stati terzi

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni u l-qafas instituzzjonali uniku tagħha, l-Istati Terzi jistgħu jiġu mistiedna biex jikkontribwixxu għall-EUPOL COPPS sakemm iħallsu l-ispejjeż biex jibgħatu l-persunal sekondat minnhom, inkluż is-salarji, il-kopertura medika, l-allowances, l-assigurazzjoni kontra r-riskji kbar, u l-ispejjeż għall-ivvjaġġar lejn u miż-żona tal-missjoni, u jikkontribwixxu għall-ispejjeż ta’ kuljum tal-EUPOL COPPS, kif xieraq.

    2.   L-Istati terzi li jikkontribwixxu għall-EUPOL COPPS għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fil-ġestjoni ta' kuljum tal-missjoni bħall-Istati Membri.

    3.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribuzzjonijiet proposti u sabiex jistabbilixxi Kumitat ta' Kontributuri.

    4.   L-arranġamenti dettaljati dwar il-parteċipazzjoni ta' Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta' ftehim konkluż f'konformità mal-Artikolu 37 TUE u arranġamenti tekniċi addizzjonali kif meħtieġ. Fejn l-Unjoni u Stat terz jikkonkludu ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan l-Istat terz fl-operazzjonijiet tal-Unjoni ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUPOL COPPS.

    Artikolu 11

    Sigurtà

    1.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili għandu, f'konformità mal-Artikolu 5, jidderiġi lill-Kap tal-Missjoni fl-ippjanar ta' miżuri tas-sigurtà, u għandu jiżgura l-implimentazzjoni korretta u effettiva tagħhom mill-EUPOL COPPS.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà tal-EUPOL COPPS u sabiex jiżgura konformità mar-rekwiżiti minimi ta' sigurtà applikabbli għall-EUPOL COPPS, f'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-TUE, u l-istrumenti ta' sostenn tiegħu.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Għoli tas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib mas-SEAE.

    4.   Il-persunal tal-EUPOL COPPS għandu jingħata taħriġ obbligatorju ta' sigurtà qabel ma jibda dmirijietu, f'konformità mal-OPLAN. Għandu wkoll jingħatalu taħriġ regolari ta’ aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura l-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta' Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE (3).

    Artikolu 12

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa marbuta mal-EUPOL COPPS għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2013 sat-30 ta' Ġunju 2014 għandu jkun EUR 9 570 000.

    2.   In-nefqa kollha għandha tiġi amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

    3.   Iċ-ċittadini ta’ Stati terzi parteċipanti u ta’ pajjiżi ġirien għandhom ikunu permessi li jressqu offerti għall-kuntratti. Soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kap tal-Missjoni jista' jikkonkludi arranġamenti tekniċi ma' Stati Membri, ma' Stati terzi parteċipanti, u ma' atturi internazzjonali oħrajn fir-rigward tal-provvista ta' tagħmir, servizzi u uffiċċji lill-EUPOL COPPS.

    4.   L-EUPOL COPPS għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, l-EUPOL COPPS għandha tiffirma kuntratt mal-Kummissjoni.

    5.   EUPOL COPPS għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe talba u obbligu li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-mandat li jibda mill-1 ta' Lulju 2013, bl-eċċezzjoni ta' kwalunkwe talba relatata mal-imġiba ħażina serja mill-Kap tal-Missjoni, li għaliha għandu/għandha jkollu/jkollha responsabbiltà.

    6.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġijiet operattivi tal-EUPOL COPPS, inklużi l-kompatibbiltà tat-tagħmir u l-interoperabbiltà tal-iskwadri tagħha.

    7.   In-nefqa għandha tkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 13

    Rilaxx ta' informazzjoni

    1.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, kif adatt u f'konformità mal-ħtiġijiet tal-Missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell ‧RESTREINT UE‧ ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE.

    2.   Fil-każ ta' ħtieġa operattiva speċifika u immedjata, ir-RGħ għandu wkoll ikun awtorizzat jirrilaxxa lill-awtoritajiet lokali kwalunkwe informazzjoni u dokument ikklassifikat tal-UE sal-livell ‧RESTREINT UE‧ ġġenerati għall-finijiet tal-Missjoni, f'konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. L-arranġamenti bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitfasslu għal dan il-għan.

    3.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni u lill-awtoritajiet lokali, kwalunkwe dokument mhux ikklassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-EUPOL COPPS u li jkun kopert bl-obbligu ta' segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (4).

    4.   Ir-RGħ jista' jiddelega s-setgħat imsemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 3, kif ukoll il-kapaċità li jikkonkludi l-arranġamenti msemmijin fil-paragrafu 2 lil persuni li jinsabu taħt l-awtorità tar-RGħ, lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u/jew lill-Kap tal-Missjoni.

    Artikolu 14

    Għassa

    Il-Kapaċità tal-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL COPPS.

    Artikolu 15

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Hija għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2013.

    Hija għandha tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2014.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. LINKEVIČIUS


    (1)  ĠU L 300, 17.11.2005, p. 65. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 13).

    (2)  ĠU L 335, 18.12.2010, p. 60.

    (3)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

    (4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


    Top