EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0370

2012/370/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 22 ta’ Ġunju 2012 li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/422/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Bulgarija

ĠU L 179, 11/07/2012, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/370/oj

11.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 179/19


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ġunju 2012

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/422/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fil-Bulgarija

(2012/370/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-13 ta' Lulju 2010, permezz tad-Deċiżjoni 2010/422/UE (1), konsegwentement għal proposta mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat, il-Kunsill iddeċieda li fil-Bulgarija kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li d-defiċit pubbliku laħaq it-3,9 % tal-PDG fl-2009, u b’hekk ogħla mit-3% tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat, filwaqt li d-dejn gross tal-gvern ġenerali kien ta’ 14,8 % tal-PDG, li huwa ferm taħt is-60 % tal-valur ta' referenza tal-PDG skont it-Trattat (2).

(2)

Fit-13 ta' Lulju 2010, f’konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (3), il-Kunsill, fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, għamel rakkomandazzjoni indirizzata lill-Bulgarija bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2011. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dejta dwar defiċit u dejn tal-gvern u dwar fatturi varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (4).

(4)

Meta jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni fuq il-bażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk il-previżjonijiet tal-Kummissjoni jindikaw li d-defiċit mhux se jaqbeż il-limitu ta' 3 % tal-PDG tul taż-żmien previst (5).

(5)

Fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifka mill-Bulgarija qabel l-1 ta’ April 2012 u fuq il-bażi tal-previżjonijiet tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

Il-miri baġitarji b’mod konsistenti qabżu l-previżjonijiet fil-perjodu wara s-sena tad-defiċit eċċessiv. Id-defiċit tal-gvern ġenerali ġie mnaqqas għal 3,1 % tal-PDG fl-2010 u tnaqqas iżjed għal 2,1% tal-PDG fl-2011, meta mqabbel mal-miri stabbiliti inizjalment ta’ 3,8% u 2,5% rispettivament. Il-korrezzjoni tad-defiċit seħħet l-aktar bis-saħħa ta’ kontroll strett tat-tkabbir fl-infiq, anke permezz tal-iffriżar tal-pagi u tal-pensjonijiet tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika, bir-riżultat li l-proporzjon tan-nefqa mal-PDG waqa’ b’5.5 punti perċentwali bejn l-2009 u l-2011. Il-Programm ta’ Konverġenza 2012 jipproġetta li d-defiċit ikompli jonqos għal 1,6% tal-PDG fl-2012 u għal 1,3% tal-PDG fl-2013. Fil-previżjonijiet tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni, id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa pproġettat li jitjieb għal 1,9% tal-PDG fl-2012 u għal 1,7% tal-PDG fl-2013, bis-sostenn ta’ iffriżar kontinwat tal-pagi fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll ta’ titjib ċikliku fl-introjti.

Il-previżjonijiet tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġettaw bilanċ aġġustat ċiklikament wara tnaqqis ta’ miżuri ta’ darba biss u miżuri temporanji, ta’ 0,7 % fl-2012 u ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2013, abbażi ta’ preżunzjoni ta’ ebda bidla fil-politika. Sadanittant, fl-2012 u fl-2013, ir-rata tat-tkabbir tan-nefqa tal-gvern wara tnaqqis tal-miżuri diskrezzjonali tal-introjti hija prevista li tibqa’ taħt il-valur referenzjali tar-rata tat-tkabbir potenzjali tal-PDG fuq terminu ta’ żmien medju, kif speċifikat fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (6).

Il-previżjonijiet tar-rebbiegħa 2012 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipproġettaw li d-dejn gross tal-gvern ġenerali jiżdied moderatament minn 16,3 % tal-PDG fl-2011 għal 18,5 % tal-PDG fl-2013. Din il-previżjoni tad-dejn ma tinkludix l-emissjoni possibbli ta’ strumenti ta’ dejn estern fl-2012 għall-iskop ta’ pre-finanzjament tal-ħlas lura ta’ bonds iddenominati bl-euro ta’ madwar 2 % tal-PDG f'Jannar 2013. Bl-istess mod, l-aħħar programm ta' konverġenza jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn għandu jiżdied sa 18,4 % sal-2013.

(6)

F’konformità mal-Artikolu 126(12) tat-Trattat, deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru konċernat.

(7)

Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fil-Bulgarija ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/422/UE għandha għalhekk tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fil-Bulgarija ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/422/UE hija b’dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-22 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

V. SHIARLY


(1)  ĠU L 199, 31.7.2010, p. 26.

(2)  Id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-2009 sussegwentament ġew riveduti u attwalment qegħdin 4,3 % tal-PDG u 14,6 % tal-PDG rispettivament.

(3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(4)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(5)  Skont il-“Specifications on the implementation of the Stability and Growth Pact and Guidelines on the format and content of Stability and Convergence Programmes”, kif miftiehma mill-Kunsill fl-24 ta' Jannar 2012. Ara: http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf

(6)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.


Top