Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0119

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/119/PESK tal- 21 ta’ Frar 2011 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

    ĠU L 47, 22/02/2011, p. 18–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/119(1)/oj

    22.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 47/18


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/119/PESK

    tal-21 ta’ Frar 2011

    li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (1)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28, 31(2) u 33 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fl-4 ta’ Frar 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO (2) u l-Azzjoni Konġunta 2008/123/PESK (3) li taħtar lis-Sur Pieter FEITH bħala Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo.

    (2)

    Fil-11 ta’ Awwissu 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/446/PESK (4) li testendi l-mandat tar-RSUE sat-28 ta’ Frar 2011.

    (3)

    Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż sat-30 ta’ April 2011.

    (4)

    Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-ksib tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif imniżżel fl-Artikolu 21 tat-Trattat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2010/446/PESK hija b’dan emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

    Il-mandat tas-Sur Pieter FEITH bħala r-RSUE fil-Kosovo huwa b’dan estiż sat-30 ta’ April 2011.”.

    (2)

    L-Artikolu 5(1) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2010 sat-30 ta’ April 2011 għandu jkun ta’ EUR 1 230 000.”.

    (3)

    L-Artikolu 6 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim

    1.   Għandu jiġi assenjat persunal iddedikat biex jassisti lir-RSUE jimplimenta l-mandat tiegħu u biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-Unjoni fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-kostituzzjoni tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

    2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jistgħu jipproponu l-issekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, l-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni jew is-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b’kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.

    3.   Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibgħatu, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.”.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  Skont ir-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

    (2)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.

    (3)  ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.

    (4)  ĠU L 211, 12.8.2010, p. 36.


    Top