This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0805
Council Implementing Regulation (EU) No 805/2010 of 13 September 2010 re-imposing a definitive anti-dumping duty on imports of ironing boards originating in the People’s Republic of China, manufactured by Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd, Foshan
Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 805/2010 tat- 13 ta’ Settembru 2010 li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, manifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan
Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 805/2010 tat- 13 ta’ Settembru 2010 li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, manifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan
ĠU L 242, 15/09/2010, p. 1–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 23/07/2013
15.9.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 242/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 805/2010
tat-13 ta’ Settembru 2010
li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, manifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,
Billi:
A. PROĊEDURA
(1) |
Skont ir-Regolament (KE) Nru 452/2007 (2) (“ir-Regolament ikkontestat”), il-Kunsill impona dazji definittivi tal-anti-dumping li jvarjaw minn 9,9 % għal 38,1 % fuq l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b’wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tisserraħ il-ħadida, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) u l-Ukrajna. |
(2) |
Fit-12 ta’ Ġunju 2007, produttur esportatur Ċiniż li kkopera, jiġifieri Foshan Shunde Yongjian Housewares u Hardware Co. Ltd. (“Foshan Shunde”), ressaq rikors fil-Qorti Ġenerali (“il-Qorti ta’ Prim’Istanza” qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona) fejn talab għal revoka tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 sa fejn jikkonċerna lill-appellant (3). |
(3) |
Fid-29 ta’ Jannar 2008, il-Qorti Ġenerali rriġettat ir-rikors ta’ Foshan Shunde. |
(4) |
Fit-3 ta’ April 2008, Foshan Shunde ressaq appell lill-Qorti tal-Ġustizzja fejn talab lill-Qorti biex twarrab is-sentenza tal-Qorti Ġenerali u talab għal revoka tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 sa fejn jikkonċerna lill-appellant. |
(5) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2009, l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha fil-każ C-141/08 P (“is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”), warrbet is-sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Jannar 2008. Bis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li d-drittijiet ta’ Foshan Shunde li jiddifendi ruħu kienu milquta negattivament mill-ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja rrevokat ir-Regolament ikkontestat minħabba li jimponi dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni tat-twavel għall-mogħdija mmanifatturati minn Foshan Shunde. |
(6) |
Il-Qorti Ġenerali, fil-każ T-2/95 (4) (“il-każ IPS”), għarfet li, fil-kawżi fejn proċedura tikkonsisti f’diversi fażijiet amministrattivi, ir-revoka ta’ waħda minn dawn il-fażijiet ma tannullax il-proċedura kollha. Il-proċedura kontra d-dumping hi eżempju ta’ proċedura li tikkonsisti f’diversi stadji. Konsegwentement, ir-revoka tar-Regolament ikkontestat fil-konfront ta’ parti waħda ma timplikax ir-revoka tal-proċedura sħiħa qabel l-adozzjoni ta’ dak ir-Regolament. Barra minn dan, skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009. Dan jimplika wkoll il-possibbiltà li jiġu rimedjati l-aspetti tar-Regolament ikkontestat li wasslu għar-revoka tiegħu, filwaqt li jitħallew kif inhuma dawk il-partijiet mhux ikkontestati u li mhumiex afftettwati mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — kif ġie deċiż fil-kawża C-458/98 P (5) (“il-kawża ta’ appell IPS”). Għandu jitqies li apparti l-konklużjoni ta’ ksur tal-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet l-oħra kollha fir-Regolament ikkontestat jibqgħu validi b’mod awtomatiku sal-punt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma laqgħet l-ebda talba li saret f’dan is-sens. |
(7) |
Wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 2009, ġie ppubblikat avviż (6) dwar il-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni tal-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija li joriġinaw, fost l-oħrajn, mill-RPĊ. Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat għall-ambitu tal-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sa fejn tirrigwarda lil Foshan Shunde. |
(8) |
Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment bil-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi u lill-utenti li taf li huma kkonċernati, lir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi u lill-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jgħarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom u li jitolbu li jinstemgħu fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż. |
(9) |
Il-partijiet kollha li għamlu din it-talba fil-limitu msemmi hawn fuq u li wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw l-opportunità li jagħmlu dan. |
(10) |
Ġew riċevuti rappreżentazzjonijiet minn żewġ produtturi esportaturi fl-RPĊ (waħda minnhom mill-parti kkonċernata direttament, jiġifieri Foshan Shunde), mill-industrija tal-Unjoni u minn żewġ importaturi mhux relatati. |
(11) |
Il-partijiet kollha kkonċernati ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien hemm ħsieb li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi tal-anti-dumping fuq Foshan Shunde. Ingħataw perjodu ta’ żmien li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara l-espożizzjoni tal-fatti. Ġew ikkunsidrati l-kummenti tal-partijiet, u, fejn xieraq, is-sejbiet ġew modifikati f’dan is-sens. |
B. L-IMPLIMENTAZZJONI TAS-SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
1. Kumment preliminari
(12) |
Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li r-raġuni għaliex ġie rrevokat ir-Regolament ikkontestat kienet li l-Kummissjoni bagħtet il-proposta tagħha għall-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv lill-Kunsill qabel l-iskadenza mandatorja ta’ 10 ijiem stabbilita mill-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku għar-riċezzjoni tal-kummenti wara li jkun intbagħat dokument definittiv ta’ informazzjoni lill-partijiet interessati. |
2. Il-kummenti tal-partijiet interessati
(13) |
Il-produttur Foshan Shunde argumenta li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma teħtieġ ebda miżura ta’ implimentazzjoni. Skont il-kumpanija, il-ftuħ mill-ġdid huwa illegali għaliex ma hemm ebda dispożizzjoni speċifika fir-Regolament bażiku li tippermetti approċċ bħal dan u minħabba li tali ftuħ mill-ġdid ikun f’kunflitt mal-iskadenza statutorja ta’ 15-il xahar għat-tlestija ta’ investigazzjoni stabbilita bl-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku u mal-iskadenza ta’ 18-il xahar stabbilita bl-Artikolu 5.10 tal-Ftehim dwar l-anti-dumping tad-WTO. Il-produttur Foshan Shunde sostna li l-kawża tal-IPS ma setgħetx isservi ta’ preċedent minħabba li kienet ibbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2423/88 tal-11 ta’ Lulju 1988 dwar il-ħarsien mill-importazzjoni ddampjata jew issussidjata minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (7) (“ir-Regolament bażiku antik”), li taħtu ma kinux għadhom bdew japplikaw l-iskadenzi mandatorji. Il-produttur Foshan Shunde argumenta wkoll li jekk il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bl-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan għandu jsir abbażi tad-dokument definittiv ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni datat l-20 ta’ Frar 2007, fejn il-parti kienet attribwita Trattament Ekonomiku tas-Suq (“TES”) u ma nstab ebda dumping għal din il-kumpanija u mhux abbażi tad-dokument definittiv ta’ xandir ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, fejn il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet provviżorji tagħha għal Foshan Shunde, fejn ma kellux jingħata t-TES u fejn il-marġini ta’ dumping kien ta’ 18,1 %. |
(14) |
Il-produttur esportatur Ċiniż l-ieħor, Zheijiang Harmonic Hardware Products Co. Ltd. (“Zheijiang Harmonic”), ressaq għadd ta’ argumenti li essenzjalment kienu identiċi għal dawk imressqa minn Foshan Shunde, jiġifieri li ma teżisti ebda bażi legali għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċediment, u li ebda impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazju tal-anti-dumping ma hi legalment possibbli wara l-limiti ta’ żmien stipulati mir-Regolament bażiku u mill-ftehim dwar l-anti-dumping tad-WTO. Qed jiġi argumentat ukoll li l-għoti mill-ġdid ta’ espożizzjoni rivdeuta tal-fatti u l-għoti ta’ perjodu ta’ żmien għal tweġiba skont ma jistipula l-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku ma jistax jikkoreġi l-vjolazzjoni tad-drittijiet ta’ Zheijiang Harmonic biex jiddifendi ruħu, u lanqas l-impożizzjoni illegali tad-dazji. Il-produttur esportatur finalment ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx timponi mill-ġdid miżuri tal-anti-dumping abbażi tal-informazzjoni marbuta mal-2005, perjodu li jmur aktar minn erba’ snin qabel it-tnedija tal-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni, minħabba li dan ma jikkonformax mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn dan, Zheijang Harmonic argumenta li l-Kummissjoni ma setgħetx tiftaħ il-każ mill-ġdid minħabba li din kienet tilfet l-oġġettività u l-imparzjalità ladarba r-Regolament ikkontestat propost mill-Kummissjoni kien revokat parzjalment mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
(15) |
Iż-żewġ importaturi/produtturi mhux relatati tal-Unjoni ma ressqu ebda informazzjoni u dejta dwar il-merti legali tal-investigazzjoni mill-ġdid iżda għażlu li jenfasizzaw ir-rwol tagħhom bħala partijiet interessati fis-suq tat-twavel għall-mogħdija tal-UE. Wieħed minnhom ġibed ukoll l-attenzjoni għar-riperkussjonijiet fuq in-negozju tagħhom tar-revoka mill-Qorti tal-Ġustizzja u tal-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni sussegwenti. |
(16) |
L-Industrija tal-Unjoni argumentat li l-produtturi tal-UE għandhom iħallsu l-prezz għall-irregolarità identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li sfaw mingħajr ebda protezzjoni mill-importazzjoni li nstabet li kienet iddampjata u kkawżat dannu. L-Industrija tal-Unjoni pproponiet li l-proċedura tkompli mill-istadju meta seħħet l-irregolarità min-naħa tal-Kummissjoni, jiġifieri fiż-żmien meta l-kumpanija Ċiniża kellha tressaq il-kummenti tagħha dwar id-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, meta kellha tittieħed deċiżjoni dwar il-kummenti tal-parti u tintbagħat lill-Kunsill proposta ġdida limitata għas-sitwazzjoni ta’ Foshan Shunde, bil-għan li jerġa’ jiddaħħal id-dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni tat-twavel għall-mogħdija prodotti minn Foshan Shunde. L-industrija tal-Unjoni lmentat ukoll li fl-imgħoddi kien ġie adottat approċċ simili (jiġifieri fis-sentenzi fil-kawża tal-IPS, il-kawża tal-appell tal-IPS, u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 235/2004 (8) adottat wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ C-76/00 P Petrotub SA and Republica SA v il-Kunsill). Barra minn dan, skont din il-parti, il-limitu ta’ żmien ta’ 15-il xahar tar-Regolament bażiku ma japplikax għall-emenda ta’ Regolament li jimponi dazji tal-anti-dumping sabiex jimplimenta sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
3. Analiżi tal-kummenti
(17) |
Ta’ min iżomm f’moħħu li l-Qorti tal-Ġustizzja irrifjutat l-argumenti sostanzjali kollha ta’ Foshan Shunde li jirreferu għall-merti tal-każ. Għaldaqstant, l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni hu ffukat fuq il-korrezzjoni tal-parti tal-proċedura amministrattiva fejn tkun seħħet l-irregolarità fl-investigazzjoni inizjali. |
(18) |
Id-dikjarazzjoni li l-introduzzjoni tal-iskadenzi (jiġifieri 15-il xahar u 18-il xahar rispettivament) biex jiġu konklużi l-investigazzjonijiet tal-anti-dumping ma tippermettix lill-Kummissjoni ssegwi l-approċċ li hu l-bażi tal-kawża tal-IPS instabet bla bażi. Qed jitqies li din l-iskadenza mhijiex rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, skadenza bħal din tirregola biss it-tlestija tal-investigazzjoni oriġinali minn dakinhar tat-tnedija sa dakinhar li tittieħed azzjoni definittiva, u ma tikkonċerna ebda azzjoni sussegwenti li kapaċi jkollha tittieħed, ngħidu aħna, b’riżultat ta’ reviżjoni ġudizzjarja. Barra minn hekk, huwa nnutat li kull interpretazzjoni oħra għandha tfisser li azzjoni legali li tirnexxi u li titressaq mill-industrija tal-Unjoni tkun mingħajr effett prattiku għal dik il-parti jekk ikun aċċettat li l-iskadenza tal-limitu taż-żmien għall-konklużjoni tal-investigazzjoni oriġinali ma tippermettix l-implimentazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan ma jkunx qed jikkonforma mal-prinċipju li l-partijiet kollha għandu jkollhom il-possibbiltà ta’ reviżjoni ġudizzjarja effettiva. |
(19) |
Ta’ min jiftakar ukoll li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tagħha fil-każijiet konġunti T-163/94 u T-165/94 (9) sostniet li lanqas l-iskadenza flessibbli applikabbli skont ir-Regolament bażiku l-antik ma setgħet tittawwal iktar mil-limiti raġonevoli, u sabet li investigazzjoni li taqbeż it-tliet (3) snin hija waħda twila wisq. Dan jikkuntrasta mal-kawża tal-IPS fejn l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja seħħet seba’ snin wara t-tnedija tal-investigazzjoni oriġinali u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tinkludi ebda indikazzjoni li l-iskadenzi kienu ppreżentaw problema. |
(20) |
Għaldaqstant, huwa konkluż li l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku japplika għat-tnedija tal-proċedimenti u l-konklużjoni tal-investigazzjoni mibdija skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku biss, u mhux għall-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ investigazzjoni bil-għan li tiġi implimentata sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. |
(21) |
Din il-konklużjoni tikkonforma mal-approċċ adottat għall-implimentazzjoni tar-rapporti tal-bordijiet tad-WTO u tas-sentenzi tal-Korp tal-Appell fejn hu aċċettat li l-istituzzjonijiet jistgħu jemendaw nuqqasijiet f’regolament li jimponi dazji tal-anti-dumping sabiex dan jikkonforma mar-rapporti tal-korpi għal soluzzjoni għat-tilwim, inkluż f’każijiet li jikkonċernaw l-Unjoni (10). F’każijiet bħal dawn kien jinħass il-bżonn li jiġu adottati proċeduri speċjali biex jiġu implimentati rapporti tal-bordijiet tad-WTO u tas-sentenzi tal-Korp tal-Appell minħabba n-nuqqas ta’ applikabbiltà diretta ta’ dawn ir-rapporti fl-ordni legali tal-UE, u dan b’kuntrast mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma applikabbli direttament. |
(22) |
Dwar l-argumenti li tressqu dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, huwa nnotat li ma seta’ jiġi stabbilit ebda ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku minħabba li l-Kummissjoni ma fetħitx proċediment ġdid iżda reġgħet fetħet l-investigazzjoni oriġinali biex tiġi implimentata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
(23) |
Dwar l-argument li Foshan Shunde għandu jirċievi d-dokument ta’ informazzjoni tal-20 ta’ Frar 2007 u mhux id-dokument ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, hu nnotat li b’konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha tikkoreġi l-irregolarità fil-proċedura. Din l-irregolarità amministrattiva ġrat biss meta Foshan Shunde ngħata inqas minn 10 ijiem biex jikkummenta dwar id-dokument ta’ informazzjoni rivedut. Għaldaqstant, il-validità tal-istadji preċedenti tal-investigazzjoni oriġinali ma kinitx affettwata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u allura ma teħtiġx li tiġi riveduta fil-kuntest tal-ftuħ mill-ġdid parzjali ta’ bħalissa. |
4. Konklużjoni
(24) |
Wara li tqiesu l-kummenti magħmula mill-partijiet u l-analiżi tagħhom, ġie konkluż li l-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu l-għamla li jintbagħat mill-ġdid lil Foshan Shunde u l-partijiet l-oħrajn kollha interessati d-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007 li abbażi tiegħu kien ġie propost li jiġi impost mill-ġdid dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija manifatturati minn Foshan Shunde mir-Regolament ikkontestat. |
(25) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li l-Kummissjoni għandha tagħti lil Foshan Shunde u l-partijiet l-oħrajn kollha interessati żmien biżżejjed biex iwasslu kummenti dwar id-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007, u mbagħad tevalwa kummenti bħal dawn sabiex tistabbilixxi jekk, abbażi tal-fatti marbuta mal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali, għandhiex tagħmel proposta lill-Kunsill biex jimponi mill-ġdid id-dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni tat-twavel għall-mogħdija mmanifatturati minn Foshan Shunde. |
C. ESPOŻIZZJONI TAL-FATTI
(26) |
Il-partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-konsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tkun implimentata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
(27) |
Il-partijiet interessati kollha ngħataw opportunità biex jikkummentaw (bl-applikazzjoni tal-10 ijiem żmien preskritt fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament bażiku). Fejn kien f’loku, il-kummenti tagħhom tqiesu u ttieħdu f’kunsiderazzjoni iżda dawn ma kinux ta’ natura li jbiddlu l-konklużjonijiet. |
(28) |
Foshan Shunde u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha rċevew id-dokument definittiv ta’ xandir ta’ informazzjoni rivedut datat it-23 ta’ Marzu 2007 li abbażi tiegħu kien propost li jkun impost mill-ġdid id-dazju tal-anti-dumping fuq l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija minn Foshan Shunde, abbażi tal-fatti marbuta mal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali. |
(29) |
Foshan Shunde u l-partijiet interessati l-oħrajn kollha ngħataw opportunità biex jikkummentaw fuq dan id-dokument definittiv ta’ informazzjoni rivedut. Tqiesu l-argumenti mressqa oralment u bil-miktub, u fejn kien il-każ ittieħed kont tagħhom. Fid-dawl tal-kummenti li saru, jista’ jkun osservat dan li ġej. L-azzjoni meħuda f’dan ir-Regolament hija bbażata fuq il-fatt li fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie enfasizzat li l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat b’mod li jobbliga lill-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill miżuri definittivi li jkomplu jirrepetu żball valutattiv magħmul fil-valutazzjoni oriġinali tal-kriterji sostantivi ta’ dik id-dispożizzjoni (11). Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dan il-kumment b’relazzjoni ma’ żball għad-detriment tal-applikant f’dak il-każ, huwa ċar li din l-interpretazzjoni trid tiġi applikata fuq kull naħa, hekk li lanqas m’għandu jibqa’ jirrepeti ruħu żball għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. Kif intqal fid-dokument finali ta’ informazzjoni rivedut tat-23 ta’ Marzu 2007 u fid-dokument speċifiku ta’ informazzjoni rivedut tal-istess data, u f’ittri preċedenti mill-Kummissjoni lill-applikant li fuqhom huma bbażati dawk id-dokumenti, Foshan Shunde m’għandux jingħata t-TES minħabba li l-prassi tiegħu ta’ kontabbiltà kellha bosta nuqqasijiet u għaldaqstant ma kinitx tikkonforma mal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà. Din il-vjolazzjoni tat-tieni kriterju fl-Artikolu 2(7) ma tistax tiġi rimedjata bl-istatistika li hemm referenza għaliha fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 12 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-approċċ li kien tqies oriġinarjament fid-dokument finali ta’ informazzjoni tal-20 ta’ Frar 2007, għaldaqstant, għandu jiġi kkwalifikat bħala żball li jrid jiġi kkorreġut. Fl-interess tal-ħarsien tal-industrija tal-Unjoni mid-dumping, id-dazju tal-anti-dumping li jirriżulta fuq l-applikant għandu jkun impost mill-ġdid mill-aktar fis. |
(30) |
Wara l-iżvelar tal-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li ssir rakkomandazzjoni għall-impożizzjoni mill-ġdid ta’ dazji definittivi anti-dumping, produttur esportatur Ċiniż wieħed ippropona impenn għall-prezz skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku. Madankollu, din l-offerta ta’ impenn naqset milli tipprovdi xi rimedju għall-problemi diġà msemmija fil-premessa 68 tar-Regolament ikkontestat, jiġifieri l-ħtieġa li jiġu stabbiliti prezzijiet tal-importazzjoni sinifikanti minimi għal kull wieħed mill-għadd imdaqqsa ta’ tipi ta’ prodott li jistgħu jiġu sorveljati sewwa mill-Kummissjoni mingħajr riskju serju ta’ ksur. Barra minn dan, l-offerta ta’ impenn għall-prezz jew issuġġeriet prezz minimu wieħed medju li jkopri biss tip wieħed ta’ prodott esportat lejn l-Unjoni, jew għadd ta’ prezzijiet tal-importazzjoni minimi għal darb’oħra bbażati fuq il-prezzijiet medji differenzjati għal kumbinazzjonijiet ta’ ċerti prodotti. Aktar minn hekk, il-kumbinazzjonijiet kollha proposti għal prezz tal-importazzjoni minimu kien ferm aktar baxx mill-ogħla prezzijiet tal-esportazzjoni stabbiliti. Abbażi ta’ li ntqal hawn fuq, il-konklużjoni kienet li dan l-impenn mhux prattiku u għalhekk ma jistax jiġi aċċettat. Il-parti ġiet infurmata b’dan u ngħatat l-opportunità li tikkummenta. Madankollu, il-kummenti tagħha ma biddlux il-konklużjoni ta’ hawn fuq. |
D. DEWMIEN TAL-MIŻURI
(31) |
Din il-proċedura ma jaffettwax id-data li fiha se jiskadu l-miżuri imposti mir-Regolament ikkontestat skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. B’dan huwa impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta’ twavel għall-mogħdija, bis-saqajn jew mingħajrhom, b’wiċċ jew le minn fejn joħroġ il-fwar u/jew is-sħana u/jew l-arja, inkluż it-twavel għall-kmiem, u partijiet essenzjali minnhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ, u fejn tisserraħ il-ħadida, u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3924 90 00, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 (il-kodiċi TARIC 3924900010, 4421909810, 7323939010, 7323999110, 7323999910, 8516797010 u 8516900051) u li huma mmanifatturati minn Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware Co. Ltd., Foshan (il-kodiċi addizzjonali TARIC A785).
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv li tapplika għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, eskluż id-dazju, se tkun 18,1 %.
3. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2010.
Għall-Kunsill
Il-President
S. VANACKERE
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.
(3) Il-Każ T-206/07 Foshan Shunde Yongjian Housewares and Hardware v il-Kunsill.
(4) Il-Każ T-2/95 Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [1998] ECR II-3939.
(5) Il-Każ C-458/98 P Industrie des poudres sphériques (IPS) v il-Kunsill [2000] ECR I-08147.
(6) ĠU C 308, 18.12.2009, p. 44.
(8) ĠU L 40, 12.2.2004, p. 11.
(9) Każijiet konġunti T-163/94 u 165/94 NTN Corporation u Koyo Seiko Co. Ltd v il-Kunsill [1995] ECR II-01381.
(10) Id-Dazji Anti-dumping tal-Komunitajiet Ewropej fuq l-Importazzjoni ta’ Cotton-Tyle Bed Linen mill-Indja: Rikors għall-Artikolu 21.5 tad-DSU mill-Indja WT/DS141/AB/RW (8 ta’ April 2003), paragrafi 82-86.; Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 tat-23 ta’ Lulju 2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp għall-Ftehim fuq Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq anti-dumping u anti-sussidji (ĠU L 201, 26.7.2001, p. 10); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 436/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1784/2000 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jirregola l-ġbir definittiv tad-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta’ ċerti aċċessorji ta’ tubi jew pajpijiet tal-ħadid fondut malleabbli li jkunu ġejjin mill-Brażil, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajlandja (ĠU L 72, 11.3.2004, p. 15) wara Rapporti adottati mill-Korp għar-Riżoluzzjoni tad-Disputi tad-WTO.
(11) Paragrafu 111 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.