Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008H0399

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ l- 14 ta’ Mejju 2008 dwar l-aġġornament 2008 tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

ĠU L 139, 29/05/2008, p. 57–75 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2008/399/oj

29.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 139/57


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

ta’ l-14 ta’ Mejju 2008

dwar l-aġġornament 2008 tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

(2008/399/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 128(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkommandazzjoni mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew fit-13 u fl-14 ta’ Marzu 2008,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi,

Billi:

(1)

Il-Kunsill adotta f’Lulju 2005 Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità (2005 sa 2008) (1) u Deċiżjoni dwar Linji Gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri (2), li flimkien jiffurmaw il-“Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi fil-programmi nazzjonali ta’ riforma (minn hawn ’il quddiem imsejħa “PNR”) tagħhom.

(2)

L-Istati Membri ppreżentaw l-PNR tagħhom sa Ottubru 2005, li l-Kummissjoni evalwat u rrapportat dwarhom fil-kontribut tagħha lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 ħa nota ta’ dawn id-dokumenti u identifika erba’ oqsma ta’ prijorità (ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u l-innovazzjoni, l-ambjent kummerċjali, l-opportunitajiet ta’ impjieg u l-politika integrata dwar l-enerġija) fejn huwa ftiehem dwar għadd limitat ta’ azzjonijiet speċifiċi, li ħeġġeġ lill-Istati Membri jlestu qabel tmiem l-2007.

(4)

Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006, l-Istati Membri ppreżentaw rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma (rapporti dwar l-implimentazzjoni). Dawn ir-rapporti dwar l-implimentazzjoni ġew analizzati mill-Kummissjoni, li ppreżentat is-sejbiet tagħha fir-Rapport Annwali dwar il-Progress ta’ l-2007.

(5)

Abbażi ta’ din l-analiżi, fl-2007 nħarġu lill-Istati Membri għadd ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż. Sabiex titwettaq l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi b’mod koerenti u integrat, dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew adottati fi strument uniku, fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2007/209/KE tas-27 ta’ Marzu 2007 dwar l-aġġornament 2007 tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u l-Komunità u dwar l-implimentazzjoni tal-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri (3). Din l-istrateġija rriflettiet l-istruttura integrata tal-PNR u r-Rapporti dwar l-Implimentazzjoni, kif ukoll il-konsistenza meħtieġa bejn il-linji gwida dwar l-impjiegi u l-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta’ l-Artikolu 99(2), kif sottolinjat fl-Artikolu 128(2) tat-Trattat.

(6)

Il-Kummissjoni analizzat ir-reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet kif ippreżentati fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 ta’ l-Istati Membri, u ppreżentat l-analiżi tagħha ta’ din ir-reazzjoni fir-Rapport Strateġiku. Abbażi ta’ din l-analiżi, u filwaqt li jiġi rikonoxxut li hemm bżonn taż-żmien biex jiġu implimentati r-riformi strutturali, dan id-dokument jipprovdi proposta biex jinżammu sostanzjalment dawn ir-rakkomandazzjonijiet u jiġu rfinati fid-dawl tal-progress magħmul mill-adozzjoni tagħhom fir-rebbiegħa ta’ l-2007.

(7)

Sabiex l-Istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi tiġi implimentata bis-sħiħ, din ir-rakkomandazzjoni għandu jkun fiha wkoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Istati Membri li jagħmlu parti miż-żona ta’ l-ewro.

(8)

Sabiex tissaħħaħ il-koordinazjoni tar-riformi u jittejjeb il-proċess ta’ sorveljanza multilaterali fil-Kunsill, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu azzjonijiet dettaljati u konkreti li jindirizzaw ir-reazzjonijiet ta’ politika speċifiċi tagħhom għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż u “punti ta’ rilevanza” fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom u r-rapporti annwali sussegwenti dwar l-implimentazzjoni, u barra minn hekk il-Kummissjoni għandha tipprovdi sisien aktar analitiku għar-rakkomandazzjonijiet proposti.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni fuq il-linji stabbiliti fl-Anness u jirrapportaw dwar is-segwitu tagħhom fil-programmi li jmiss tagħhom fil-qafas ta’ l-istrateġija mġedda ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi.

Magħmula fi Brussell, 14 ta’ Mejju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 28.

(2)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(3)  ĠU L 92, 3.4.2007, p. 23.


ANNESS

BELĠJU

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tal-Belġju u tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Belġju għamel progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Il-Belġju wera xi progress fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri xi reazzjoni ta’ politika għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, iżda għad hi meħtieġa aktar riforma. Kien hemm xi reazzjoni dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi murija mir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tal-Belġju huma l-politika għat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet u r-riżultati promettenti tas-sistema għall-gwida u l-monitoraġġ tal-persuni qiegħda.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Belgju fejn l-isfidi li jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma t-tnaqqis tal-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol filwaqt li tissaħħaħ il-konsolidazzjoni fiskali u t-titjib tal-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol. Fuq dan l-isfond huwa rakkomandat li l-Belġju:

jkompi l-isforzi tiegħu biex ikompli jonqos il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol lejn il-medja tal-pajjiżi ġirien, speċjalment billi titnaqqas ir-rata fiskali fuq ħaddiema b’inqas ħiliet, filwaqt li tissaħħaħ il-konsolidazzjoni fiskali;

isaħħaħ il-miżuri ta’ politika biex titjieb il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol tiegħu permezz ta’ strateġija komprensiva, skond approċċ integrat ibbażat fuq il-flessigurtà, biex titjieb il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali u tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja.

6.

Barra minn hekk, ikun importanti li l-Belġju jiffoka fuq l-isfidi li ġejjin: li jimplimenta bis-sħiħ l-istrateġija li timmira li tiżgura s-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inklużi l-limitazzjoni ta’ l-infiq, l-eċċedenzi fiskali, u tnaqqis persistenti tad-dejn tal-gvern; jieħu b’mod urġenti aktar miżuri biex titjieb il-kompetizzjoni fis-swieq tal-gass u ta’ l-elettriku, inkluż permezz ta’ regolaturi independenti u effettivi u miżuri addizzjonali rigward l-operaturi ta’ trasmissjoni u distribuzzjoni; li jiżdied b’mod sostanzjali l-impenn tiegħu biex jistimula r-R&Ż u l-innovazzjoni b’mod partikolari billi jżid kemm il-livell kif ukoll l-impatt tal-finanzjament pubbliku u jiżviluppa taħlita koordinata ta’ politika fuq il-livelli kollha; ikompli l-implimentazzjoni tal-miżuri biex iżid ir-rata ta’ l-impjiegi għall-ħaddiema akbar fl-età u għall-gruppi vulnerabbli, jagħmel monitoraġġ ta’ l-impatt tagħhom u, jekk meħtieġ, jieħu aktar miżuri ta’ attivazzjoni.

IL-BULGARIJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Bulgarija ta’ l-2007 u tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

B’mod ġenerali, il-Programm Nazzjoni ta’ Riforma jiffoka fuq l-isfidi t-tajba, iżda f’xi oqsma jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri aktar konkreti, b’mod partikolari rigward it-tisħiħ ulterjuri tal-kapaċità amministrattiva kif ukoll it-tnaqqis b’mod urġenti u sinifikattiv tal-burokrazija biex l-ambjent kummerċjali jsir aktar dinamiku u kompetittiv. Minħabba l-iżbilanċi ekonomiċi dejjem akbar, huwa partikolarment importanti li l-Bulgarija taċċelera l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha sabiex toħloq l-kondizzjonijiet meħtieġa għat-tkabbir u l-impjiegi sostenibbli għall-perijodu medju u fit-tul.

3.

Il-punti sodi tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jinkludu analiżi preċiża tal-problemi u l-istabbiliment tajjeb ta’ prijoritajiet u sekwenza għar-riformi kif ukoll parteċipazzjoni politika qawwija. Ġew adottati dispożizzjonijiet importanti għall-monitoraġġ strett tal-progress fl-ogħla livell politiku, li għandhom ikunu għodda effettiva biex tiġi żgurata implimentazzjoni rapida u effettiva tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma huwa barra minn hekk sostnut minn politika fiskali stretta li toffri bażi soda biex jiġu aċċellerati r-riformi strutturali meħtieġa biex jiġi żgurat it-tkabbir fil-perijodu fit-tul.

4.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Bulgaru fejn jeħtieġ li l-isfidi jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità u l-impatti baġitarji tal-miżuri u d-dettalji dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ ta’ evalwazzjoni għandhom jiġu definiti b’mod ċar huma: il-kapaċità amministrattiva; l-iżbilanċi makroekonomiċi; il-burokrazija; u l-funzjonament tas-suq tax-xogħol. Fuq dan l-isfond, huwa rakkomandat li l-Bulgarija:

issaħħaħ aktar, b’mod urġenti, il-kapaċità amministrattiva b’mod partikolari billi tiffoka fuq funzjonijiet ewlenin tal-gvern, inklużi l-awtoritajiet regolatroji u l-ġudikatura;

trażżan iż-żieda fid-defiċit tal-kont kurrenti u l-pressjonijiet ta’ l-inflazzjoni, b’mod partikolari permezz ta’ politika fiskali stretta, ittejjeb il-kwalità ta’ l-infiq pubbliku u tippromwovi l-moderazzjoni tal-pagi u stabbiliment flessibbli tal-pagi li jżomm l-iżviluppi tal-pagi skond iż-żieda fil-produttività;

tadotta miżuri ġodda u timplementahom malajr biex tnaqqas b’mod sostanzjali l-burokrazija u d-dewmien proċedurali biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali (b’mod partikolari għall-SMEs u jiġu ffaċilitati l-bidu tan-negozji), li tkun ukoll ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

tiżdied il-kwalità tal-forniment tax-xogħol u r-rata ta’ l-impjiegi billi ttejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-politika attvia tas-suq tax-xogħol u twettaq aktar riformi tas-sistema edukattiva biex jiżdiedu l-ħiliet għal livelli li jikkorrispondu aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola.

5.

Barra minn hekk, ikun importanti matul il-perjodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma li l-Bulgarija tiffoka fuq: li tieħu aktar miżuri biex tiżgura s-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riskji potenzjali f’termini ta’ adegwatezza u sostenibbiltà tal-pensjonijiet; li tiżgura l-pre-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għal kompetizzjoni qawwija fl-industriji tan-netwerk; li tiġi elaborata politika integrata għar-R&Ż u l-innovazzjoni mmirata b’mod partikolari għar-riforma tas-sistema pubblika ta’ R&Ż, jiġi mċaqlaq is-sostenn pubbliku għar-R&Ż bbażati fuq mira ġenerali ta’ intensità ta’ R&Ż għall-2010 lejn finanzjament aktar kompetittiv iffukat fuq prijoritajiet ewlenija; li jiġi ttrattat xogħol mhux iddikjarat billi tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali li jitwettqu spezzjonijiet u jiġi żgurat l-infurzar legali; li titlesta l-istrateġija ta’ ta’ tagħlim tul il-ħajja u tiżdied il-parteċipazzjoni.

REPUBBLIKA ĊEKA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tar-Repubblika Ċeka u ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Ir-Repubblika Ċeka għamlet xi progress fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Ir-Repubblika Ċeka għamlet xi progress fl-ilħuq ta’ l-impenji speċifiċi miftiehma fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri xi reazzjoni ta’ politika għar-rakkomadazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm xi reazzjoni ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali li jeħtieġu attenzjoni, kif identifikat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill.

4.

Fost il-punti sodi murija fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Repubblika Ċeka ta’ l-2007 hemm l-istrateġija koerenti sabiex jittejjeb il-qafas regolatorju għall-intrapriżi, ir-riformi biex ix-xogħol jiġi mħallas aktar, tal-kurrikuli għall-edukazzjoni primarja u sekondarja, biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, u l-adozzjoni ta’ l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Repubblika Ċeka fejn l-isfidi jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma s-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi fil-kuntest ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ, it-twettiq ta’ l-impenji għall-infiq pubbliku fir-R&Ż u biex tiżdied aktar l-effettività tagħha, it-titjib tal-flessigurtà fis-suq tax-xogħol, it-titjib ta’ l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żieda fil-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li r-Repubblika Ċeka:

bil-ħsieb li ttejjeb is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, timplimenta l-programm ta’ riforma mħabbar tas-sistema tal-pensjonijiet mingħajr dewmien, timplimenta r-riformi fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u tkompli bir-riformi importanti mħabbra;

issaħħaħ l-isforzi biex ittejjeb il-kollaborazzjoni fost in-negozji, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet pubbliċi tar-R&Ż u tipprovdi r-riżorsi umani meħtieġa għar-R&Ż, filwaqt li żżid l-effettività u l-ammont ta’ l-investiment pubbliku fir-R&Ż sabiex jintlaħqu l-miri tar-R&Ż għall-infiq;

fi ħdan strateġija integrata ta’ flessigurtà, timmodernizza aktar il-protezzjoni ta’ l-impjiegi, inkluża l-leġislazzjoni, ittejjeb l-effiċjenza u l-ekwità ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ, speċjalment ir-responsività tagħha għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, tipprovdi inċentivi biex isir investiment fit-taħriġ, b’mod partikolari għall-ħaddiema akbar fl-età u dawk b’inqas ħiliet, u żżid id-diversifikazzjoni tal-provvista ta’ l-edukazzjoni terzjarja.

6.

Barra minn hekk, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma r-Repubblika Ċeka tiffoka fuq l-isfidi li ġejjin: ittejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali; tħaffef il-progress fil-qasam ta’ l-ICT, inkluż billi timplimenta u tagħmel monitoraġġ ta’ ambjent legali bil-poteri kollha għall-e-gvern; ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-kumpanniji innovattivi, b’mod partikolari billi jiġi żviluppat aktar is-suq tal-kapital tar-riskju; iżżid il-kopertura ta’ l-edukazzjoni għall-imprenditorija; tintegra aħjar lill-gruppi żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol; tnaqqas id-disparitajiet reġjonali; tirrikonċilja l-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja; tittratta d-differenza bejn is-sessi fil-pagi; u timplimenta l-istrateġija għat-tixjieħ attiv.

DANIMARKA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tad-Danimarka, u ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Id-Danimarka qed tagħmel progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Id-Danimarka wriet progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri rispons ta’ politika tajjeb dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu aktar attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi murija mir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tad-Danimarka huwa l-approċċ komprensiv u integrat għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tar-riformi, fi ħdan qafas biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali għall-perijodu fit-tul, flimkien mal-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet interessati.

5.

Ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma d-Danimarka tiffoka fuq l-isfidi li ġejjin: li tkompli timplimenta miżuri dwar l-interkonnessjoni ta’ l-enerġija sabiex jitjieb il-funzjonament tas-swieq ta’ l-elettriku u tal-gass; li jiżdiedu tul il-perijodu medju l-provvista tax-xogħol u s-sigħat maħduma, inklużi aktar inizjattivi rigward ix-xogħol u passi oħra għall-integrazzjoni tal-ħaddiema akbar fl-età, l-immigranti u d-dixxendenti tagħhom fis-suq tax-xogħol; li ssaħħaħ, b’mod kost-effettiv, il-miżuri għat-titjib ta’ l-edukazzjoni primarja u dik sekondarja u biex jiżdied in-numru ta’ studenti li jispiċċaw l-edukazzjoni sekondarja ogħla jew dik terzjarja, jekk l-inizjattivi attwali ma jkunux biżżejjed biex jinkisbu l-miri ambizzjużi li ġew stabbiliti.

ĠERMANJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tal-Ġermanja, ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Ġermanja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007 u progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri li kien hemm xi reazzjoni ta’ politika għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm reazzjoni tajba fil-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, u reazzjoni aktar limitata dwar il-kompetizzjoni fis-servizzi u dwar l-ittrattar tal-qgħad strutturali. Kien hemm xi reazzjoni dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi murija fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tal-Ġermanja hemm: il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi; it-tisħiħ tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ livell għoli; il-progress fl-ittrattar tal-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; u l-approċċ determinat biex jiżdiedu l-faċilitajiet għall-kura tat-tfal.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Ġermanja fejn jeħtieġ li jiġu ttrattati l-isfidi bl-ogħla prijorità huma: l-kompetizzjoni fis-servizzi u l-qgħad strutturali. Fuq dan l-isfond huwa rakkomandat li l-Ġermanja:

ittejjeb il-qafas għall-kompetizzjoni fis-servizzi, notevolment billi tkompli tillaxka r-regoli restrittivi fis-snajja u l-professjonijiet regolati, ittejjeb il-proċeduri għall-akkwist pubbliku u tirregola b’mod effettiv is-settur tas-servizzi bl-ingross ta’ aċċess b’veloċità għolja;

tittratta l-qgħad strutturali billi żżomm mar-riformi deskritti fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Għandu jsir iffukar fuq l-integrazzjoni ta’ dawk b’inqas ħiliet fis-suq tax-xogħol, permezz ta’ approċċ ta’ flessigurtà li jgħaqqad flimkien l-aċċess aħjar għall-kwalifiki ma’ aktar riformi tat-taxxi u tal-benefiċċji u servizzi ta’ l-impjiegi aktar effettivi għall-benefiċjarji qiegħda ta’ l-appoġġ għad-dħul bażiku.

6.

Barra minn hekk, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Ġermanja tiffoka fuq l-isfidi li ġejjin: tiżgura s-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi billi tagħmel mon li l-konsolidazzjoni fiskali miksuba tkun irreversibbli, inkluż fir-reviżjoni li għaddejja ta’ l-istituzzjonijiet baġitarji fis-sistema federali, u billi twettaq monitoraġġ bir-reqqa ta’ l-impatt tar-riforma tal-kura tas-saħħa biex tillimita ż-żieda fl-infiq u ssaħħaħ l-effiċjenza fis-settur tas-saħħa; ittejjeb il-qafas għall-kompetizzjoni fis-settur ferrovjarju, u tejjeb aktar il-kompetizzjoni fin-netwerks tal-gass u ta’ l-elettriku, fejn din għadha insuffiċjenti minħabba l-konċentrazzjoni għolja; tkompli aktar l-istabbiliment ta’ punt waqfa waħda u t-titjib taż-żminijiet meħtieġa għall-bidu ta’ negozju; u fil-kuntest tal-miżuri ppjanati għall-promozzjoni tat-tagħlim tul il-ħajja, issaħħaħ it-taħriġ vokazzjonali kontinwu.

ESTONJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 ta’ l-Estonja, ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

L-Estonja qed tagħmel progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007. L-Estonja wriet progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri xi reazzjoni ta’ politika dwar l-oqsma identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Kien hemm xi reazzjoni ta’ politika dwar il-politika tal-kompetizzjoni, il-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol u l-politika dwar l-edukazzjoni. Ir-reazzjoni l-aktar sostanzjali kienet dwar il-politika dwar R&Ż u l-Innovazzjoni. L-Estonja ma mxietx ’il quddiem b’mod sinifikanti fil-modernizzazzjoni tal-liġi dwar l-impjiegi.

4.

Fost il-punti sodi murija fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Estonja huma: l-istabbiliment ta’ strateġija ambizzjuża, għall-perijodu fit-tul, sistematika u ġdida dwar ir-R&Ż u l-Innovazzjoni; il-miżuri biex jiġi ffaċilitat il-bidu ta’ negozju u l-finanzjament ta’ SMEs innovattivi; żieda qawwija fir-rata ta’ l-impjiegi u l-miżuri biex titjieb il-kwalità ta’ l-edukazzjoni ogħla u dik vokazzjonali.

5.

L-oqsma ta’ politika fir-Rapport Nazzjoni ta’ Riforma ta’ l-Estonja fejn l-isfidi li jridu jiġu ffaċċjati bl-ogħla prijorità huma: il-qasam ta’ l-impjiegi fejn il-progress fil-modernizzazzjoni tal-liġi dwar l-impjiegi kien limitat.

6.

Ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Estjonja tiffoka fuq l-isfidi li ġejjin: ittejjeb l-istabbiltà makro-ekonomika u tillimita l-inflazzjoni permezz ta’ riformi strutturali adegwati u politika fiskali determinati; issaħħaħ l-isforzi biex tiżgura li r-riżultati tar-riċerka u l-iżvilupp huma tradotti f’servizzi jew prodotti innovattivi; tħeġġeġ il-kooperazzjoni eqreb bejn l-universitajiet u l-intrapriżi; tniedi l-programm il-ġdid dwar l-immunità u klemenza u ssaħħaħ l-infurzar tal-kompetizzjoni; issaħħaħ il-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol, u żżid il-provvista ta’ xogħol tas-sengħa billi timplimenta strateġija komprensiva ta’ tagħlim tul il-ħajja li tirrispondi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; tnaqqas ir-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol permezz ta’ progress b’urġenza lejn l-modernizzazzjoni tal-liġi dwar l-impjiegi u billi tippromwovi forom flessibbli ta’ xogħol.

IRLANDA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 ta’ l-Irlanda, ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

L-Irlanda qed tagħmel progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007. L-Irlanda wriet progress tajjeb fit-twettieq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ azzjoni prijoritarja.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri rispons ta’ politika tajjeb dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu aktar attenzjoni. Filwaqt li r-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ma jindirizzax b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa lill-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, is-sustanza tinkludi l-iżviluppi reċenti f’dan ir-rigward.

4.

Fost il-punti sodi tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Irlandiż u l-implimentazzjoni tiegħu hemm l-istrateġija nazzjonali komprensiva u koerenti. Id-dokument jenfasizza wkoll l-utilità tal-proċess ta’ Liżbona permezz tar-rwol tiegħu fl-iffokar fuq il-prijoritizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi, u l-enfasizzar tar-rwol ċentrali tiegħu fl-indirizzar ta’ l-isfidi u l-opportunitajiet assoċjati mal-globalizzazjoni.

5.

Tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma ser ikun importanti għall-Irlanda li tiffoka fuq l-isfidi li ġejjin għall-futur: li tħaffef il-progress fil-formulazzjoni ta’ miżuri konkreti biex għar-riforma ta’ l-arranġamenti dwar il-pensjonijiet; li taċċelera l-progress fiż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż billi tagħmel aktar progress fl-istabbiliment ta’ infrastruttura komprensiva għall-kura tat-tfal; li tiżviluppa aktar il-qafas ta’ politika għas-suq tax-xogħol u l-integrazzjoni soċjali tal-migranti u li tingħata attenzjoni partikolari lill-appoġġ għal ħaddiema akbar fl-età u dawk b’anqas ħiliet; u l-izviluppi fis-settur ta’ l-akkomodazzjoni, li jaffettwaw it-tkabbir għall-perijodu qasir u medju, għandhom jiġu monitorjati mill-qrib.

GREĊJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Greċja ta’ l-2007, ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Greċja għamlet progress kostanti fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007. Il-Greċja wriet xi progress fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri li kien hemm xi reazzjoni ta’ politika għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm xi reazzjoni dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ma jsemmix b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, għalkemm hija stabbilita rabta ċara fit-tabella ta’ rappurtar li jakkumpanjah.

4.

Fost il-punti sodi murija fir-Rapport ta’ Implimentazzjoni ta’ l-2007 Grieg hemm: progress tajjeb li sar għall-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, il-promozzjoni ta’ l-impjiegi tan-nisa, l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tas-suq intern, u t-titjib fl-ambjent tan-negozju. Hemm sinjali promettenti ta’ progress biex tiġi ffissata skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tar-riformi tal-pensjonijiet imfassla biex itejbu s-sostenibbiltà fiskali għall-perijodu fit-tul.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-Greċja fejn l-isfidi jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: is-sostenibbiltà fiskali għall-perijodu fit-tul, l-implimentazzjoni ta’ l-aġenda ta’ riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika, il-konsolidazzjoni tal-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol, l-ittrattar ta’ rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, l-ittrattar tax-xogħol mhux iddikjarat u l-aċċelerazzjoni tar-riformi fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja. F’dan l-isfond huwa rakkomandat li l-Greċja:

tkompli taħdem għall-konsolidazzjoni fiskali u t-tnaqqis tad-dejn, u tipproċedi malajr bl-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet, bil-ħsieb li ttejjeb is-sostenibbiltà fiskali għall-perijodu fit-tul;

timplimenta r-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika tagħha, billi tibni fuq kapaċitajiet regolatorji, ta’ kontroll u ta’ infurzar effettivi, bl-immodernizzar tal-politika dwar ir-riżorsi umani; u permezz ta’ l-użu effettiv tal-Fondi Strutturali;

skond approċċ integrat ta’ flessigurtà, timmodernizza l-protezzjoni ta’ l-impjiegi inkluża l-leġislazzjoni sabiex tkopri l-forom kollha ta’ l-arranġamenti kuntrattwali, tnaqqas aktar l-oneru tat-taxxa fuq ix-xogħol, issaħħaħ il-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol u tittrasforma x-xogħol mhux iddikjarat f’impjiegi formali;

taċċelera l-implimentazzjoni tar-riformi dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, sabiex ittejjeb il-kwalità u r-responsività għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżżid il-parteċipazzjoni u tippermetti tranżizzjoni mingħajr xkiel lejn l-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ.

6.

Barra minn hekk, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma il-Greċja tiffoka fuq l-isfidi li ġejjin: twettaq sforzi ulterjuri biex tnaqqas il-pressjonijiet ta’ l-inflazzjoni u tindirizza l-kawżi tad-defiċit tal-kont kurrenti; taċċelera l-isforzi biex tiġi stabbilita strateġija għar-riċerka u l-innovazzjoni u żżid l-investiment fir-R&Ż; ittejjeb aktar it-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tas-suq intern; tħaffef il-progress lejn l-ilħuq tal-miri ta’ politika dwar l-SMEs stabbiliti mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006; issaħħaħ il-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi professjonali; tħares l-ambjent billi tagħti prijorità lill-ġestjoni effettiva ta’ l-iskart solidu u ta’ l-ilma u tillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; tħeġġeġ parteċipazzjoni akbar min-nisa fl-impjiegi; tnaqqas it-tluq kmieni mill-iskejjel u timplimenta strateġija koerenti għat-tixjieħ attiv.

SPANJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 ta’ Spanja u ta’ l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa l-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Spanja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Spanja wriet progress tajjeb fl-ilħuq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fi tlieta mill-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri reazzjoni ta’ politika tajba għar-rakkomadazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm xi reazzjoni dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi murija fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 ta’ Spanja huma: tnaqqis aktar malajr milli kien immirat tad-dejn tal-gvern; progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ R&Ż u innovazzjoni u fl-objettiv tar-rata ta’ impjieg, b’mod partikolari għall-impjiegi tan-nisa.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Spanjol fejn issa l-isfidi jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: it-titjib tal-kompetizzjoni fis-swieq ta’ l-elettriku u aktar titjib fl-edukazzjoni. F’dan l-isfond huwa rakkomandat li Spanja:

tieħu aktar miżuri biex iżżid il-kompetizzjoni fis-settur ta’ l-enerġija, b’mod partikolari billi tkompli l-eliminazzjoni tat-tariffi kollha sabiex tiżgura li m’hemm ebda distorżjoni tal-prezzijiet u ttejjeb il-kapaċità ta’ interkonnessjoni transkonfini sabiex tiżgura s-sigurtà tal-provvista;

tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi fl-edukazzjoni, ukoll fuq livell reġjonali, biex tnaqqas it-tluq kmieni mill-iskejjel.

6.

Barra minn hekk, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Spanja tiffoka fuq l-isfidi li ġejjin: li twettaq sforzi ulterjuri biex tnaqqas il-pressjonijiet ta’ l-inflazzjoni, tindirizza l-kawżi tad-defiċit tal-kont kurrenti u tagħmel monitoraġġ ta’ l-iżviluppi fis-suq ta’ l-akkomodazzjoni; li żżid il-kompetizzjoni fis-servizzi professjonali u s-swieqi tal-bejgħ bl-imnut; li timplimenta l-programm ta’ regolamentazzjoni aħjar u ttejjeb, fejn meħtieġ, il-qafas regolatorju; li tiżviluppa aktar miżuri ambjentali, b’mod partikolari biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2; li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex timmodernizza aktar il-politika dwar il-protezzjoni ta’ l-impjiegi, sabiex trawwem il-flessigurtà fis-suq tax-xogħol kontra s-segmentazzjoni u għall-promozzjoni ta’ l-attrattiva tax-xogħol part-time; li żżid il-produttività billi tgħolli l-livelli tal-ħiliet u l-innovazzjoni; li tkompli l-isforzi attwali għall-integrazzjoni ta’ l-immigranti fis-suq tax-xogħol; li żżid aktar l-aċċess għall-kura tat-tfal; u li timplimenta r-riformi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa sabiex ittejjeb is-sostenibbiltà fiskali għall-perijodu fit-tul.

FRANZA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ Franza ta’ l-2007 u l-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Franza għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007. Il-pass ta’ riforma ġie aċċellerat min-nofs l-2007. Franza wriet ukoll xi progress fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri li ttieħdu xi miżuri ta’ l-ewwel minn Franza b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa lil Franza mill-Kunsill iżda r-rekwiżiti ta’ riforma li baqa’ jibqgħu mill-aktar importanti. F’oqsma oħrajn identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu l-attenzjoni, ġew adottati għadd ta’ miżuri, partikolarment inbdiet riforma importanti fir-rigward ta’ l-istimolu ta’ l-intraprenditorija u l-appoġġ għal negozji żgħar. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni madankollu ma jindirizzax b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi murija fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Franċiż ta’ l-2007 huma: Riformi tar-R&Ż u l-innovazzjoni, ir-riżultati konkreti ta’ miżuri fil-qasam ta’ l-ICT, il-prijorità mogħtija lill-politika industrijali (pôle de compétitivité), ir-riforma mmirat li tagħti aktar awtonomija lill-universitajiet u s-sett komprensiv ta’ miżuri mħabbra, biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ tibdil fil-leġislazzjoni.

5.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jippreżenta strateġija notevolment modifikata fejn l-impjiegi għandhom ikunu fattur tal-politika ekonomika li timmira lejn it-tkabbir aħjar. Filwaqt li ġie adottat it-tieni stadju tar-riforma ta’ l-Att Galland, l-implimentazzjoni sħiħa u l-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda jibqgħu meħtieġa biex tiġi żgurata kompetizzjoni effettiva fis-swieq tas-servizzi. Huwa important li Franza ssaħħaħ l-isforzi baġitarji tagħha biex fl-istess ħin timplimenta strateġija ta’ riforma miftiehma u tikkonsolida aktar il-finanzi pubbliċi. Huma meħtieġa miżuri ulterjuri sinjifikanti jew sostnuti biex tinkiseb il-konsolidazzjoni baġitarja, tiżdied il-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks u titjieb il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol. F’dan l-isfond, huwa rrakkomandat li Franza:

tiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, b’kont meħud tax-xjuħija tal-popolazzjoni, bit-tisħiħ tal-pass tal-konsolidazzjoni baġitarja u t-tnaqqis tad-dejn, u - jekk jippermettu l-kondizzjonijiet ċikliki – timmira li jintlaħqu l-objettivi għall-perijodu medju (MTO) sa l-2010. In-negozjati dwar is-sistemi tal-pensjonijiet ippjanata għall-2008 ser ikollhom jibnu fuq il-kisbiet importanti li saru wara l-introduzzjoni tar-riforma ta’ l-2003.

ittejjeb il-qafas għall-kompetizzjoni fis-setturi tal-gass u ta’ l-elettriku u tieħu aktar miżuri biex tissaħħaħ il-kompetizzjoni fis-settur tat-trasport ferrovjarju bejn il-kompetituri u l-operatur tradizzjonali.

fi ħdan approċċ integrat tal-flessigurtà, ittejjeb it-tagħlim tul il-ħajja u timmodernizza l-protezzjoni ta’ l-impjiegi, sabiex notevolment tiġġieled is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol fost it-tipi ta’ kuntratt, u tagħmilha aktar faċli li wieħed jaqleb bejn il-kuntratti b’terminu fiss u l-kuntratti permanenti.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Franza tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: issaħħaħ aktar il-kompetizzjoni fin-negozji u l-professjonijiet irregolati, ittejjeb aktar il-linji ta’ politika dwar ir-regolamentazzjoni aħjar billi tinkludi valutazzjonijiet ta’ l-impatt; tkompli żżid il-provvista tax-xogħol u li x-xogħol jagħti l-frott.

L-ITALJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Taljan ta’ l-2007 u l-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

L-Italja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Kien hemm xi reazzjoni fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri xi reazzjoni ta’ politika għar-rakkomadazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Minħabba l-iskala ta’ l-isfida, huma meħtieġa aktar riformi sinifikanti. Kien hemm xi rispons ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu l-attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi murija mir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Taljan ta’ l-2007 huma l-passi inizjali biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali, miżuri biex tittejjeb il-kompetizzjoni fis-servizzi professjonali u dawk finanzjarji u fid-distribuzzjoni bl-imnut, it-titjib reċenti fin-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ l-UE; u l-azzjonijiet ta’ gvern elettroniku biex jiġi mmodernizzat is-settur pubbliku.

5.

L-oqsma ta’ politika fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Taljan fejn l-isfidi jeħtieġ jiġu ffaċċjati bl-ogħla prijorità huma: is-sostenibbiltà fiskali, fejn hemm bżonn li jsiru l-isforzi u l-proċess tar-riforma tal-pensjonijiet jeħtieġ li jiġi implimentat b’mod sħiħ u fejn xieraq jitlesta; kompetizzjoni mtejba fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi u titkompla l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi mħabbra; titkompla l-ġlieda kontra d-disparitajiet reġjonali fil-qasam ta’ l-impjiegi; u t-titjib ta’ l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li l-Italja:

taħdem b’mod rigoruż fuq il-konsolidazzjoni fiskali, b’mod partikolari billi tillimita t-tkabbir fl-infiq primarju attwali, u timplimenta b’mod sħiħ u fejn xieraq tlesti l-proċess tar-riforma tal-pensjonijiet bl-għan li ttejjeb is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi;

tkompli l-progress li sar biex titjieb il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi u titkompla b’mod vigoruż l-imlimentazzjoni tar-riformi mħabbra;

ittejjeb il-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol ta’ l-edukazzjoni, tippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja, tittratta aktar ix-xogħol mhux dikjarat u tiżgura l-operat effiċjenti tas-servizzi ta’ l-impjiegi, f’approċċ tal-flessigurtà, u bl-għan li tnaqqas id-disparitajiet reġjonali.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-medda tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Italja tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: jiżdiedu l-investiment u l-effiċjenza fir-R&Ż, fejn minkejja l-iżviluppi ta’ politika pożittivi, hemm bżonn ta’ aktar sforzi biex tintlaħaq il-mira ta’ l-2010 u tittejjeb l-effiċjenza ta’ l-infiq pubbliku; jissaħħu l-isforzi biex jintlaħqu l-miri tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-gassijiet serra; tittejjeb il-kwalità tar-regolamentazzjoni billi tiġi msaħħa u implimentata b’mod sħiħ is-sistema tal-valutazzjoni ta’ l-impatt, b’mod partikolari għall-SMEs; jiġu implimentati l-pjanijiet biex tittejjeb l-infrastruttura speċjalment għall-kontribut tagħha f’Reġjuni tan-Nofsinhar; ikompli jiżdied il-forniment tal-kura tat-tfal u l-kura ta’ l-anzjani bl-għan li tiġi rrikonċiljata l-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja u titrawwem il-parteċipazzjoni min-nisa fis-suq tax-xogħol; u timplimenta strateġija attiva konsistenti dwar ix-xjuħija biex jiżdiedu l-impjiegi tal-ħaddiema akbar fl-età, u bl-għan li tittejjeb l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

ĊIPRU

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni għal Ċipru ta’ l-2007 u l-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Ċipru għamel progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tul il-perijodu 2005-2007. Ċipru għamel progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji speċifiċi miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-oqsma ta’ prijorità.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri reazzjoni ta’ politika tajba għar-rakkomadazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Bl-għan li tinkiseb is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi kien hemm reazzjoni inizzjali sodisfaċenti fir-riforma tas-sistema tal-kura tas-saħħa iżda reazzjoni limitata dwar ir-riforma tal-pensjonijiet. Barra minn hekk, kien hemm xi reazzjoni għat-titjib tat-tagħlim tul il-ħajja iżda reazzjoni limitata għar-riforma tas-sistema ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Kien hemm xi rispons ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu l-attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni hemm il-progress fil-qasam tal-konsolidazzjoni fiskali, fit-tnaqqis kemm tad-defiċit kif ukoll tad-dejn; politika ġdida biex tiġi żviluppata sistema komprensiva tar-riċerka u l-innovazzjoni; u ż-żamma ta’ ħidma ġenerali tajba ta’ l-impjiegi appoġġjata minn firxa wiesgħa ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Ċiprijott fejn il-punti ta’ dgħufija jeħtieġ jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: li jkun indirizzat l-infiq relatat max-xjuħija; l-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali tat-Tagħlim tul il-Ħajja 2007-13 adottata reċentement u ż-żieda fit-taħriġ u fl-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ. F’dan l-isfond, huwa rrakkomandat li Ċipru:

jieħu passi biex jimplimenta r-riformi tas-sistemi tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa u jistabbilixxi skeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni tagħhom bl-għan li titjieb is-sostenibbiltà fiskali;

itejjeb it-tagħlim tul il-ħajja, u jżid aktar l-opportunitajiet ta’ l-impjiegi u t-taħriġ għaż-żgħażagħ bl-implimentazzjoni ta’ l-Istrateġija Nazzjonali tat-Tagħlim tul il-Ħajja adottata reċentement u bl-implimentazzjoni tar-riformi tas-sistema vokazzjonali, edukattivi, ta’ taħriġ u ta’ l-apprendistat, inkluża l-Iskema Moderna Ġdida ta’ l-Apprendistat.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Ċipru jkompli b’miżuri biex: itejjeb il-kompetizzjoni fil-qasam tas-servizzi professjonali; jistimola aktar ir-R&Ż fis-settur privat; u jindirizza d-disparità kbira ħafna fil-pagi bejn is-sessi.

LATVJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Latvja ta’ l-2007 u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Latvja għamlet xi progress fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007 u xi progress fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri li kien hemm xi progress bħala reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm reazzjoni mħallta dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2007 bħala li jeħtieġu l-attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi murija fir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni hemm: l-ewwel passi pożittivi fil-qasam ta’ l-għarfien u l-innovazzjoni; il-progress miksub dwar ċerti kwistjonijiet dwar l-SME u l-intraprenditorija; ir-rwol imsaħħaħ ta’ l-Awtorità tal-Kompetizzjoni fis-sorveljanza tas-suq; u aktar miżuri biex tiġi promossa l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-użu tar-riżorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli. Il-Latvja implimentat ukoll sett ta’ miżuri li appoġġaw b’suċċess il-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Latvjan fejn il-punti ta’ dgħufija jeħtieġ jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: aktar miżuri konkreti biex tiġi żgurata l-istabbiltà makroekonomika quddiem pressjonijiet ikkaġunati minn produzzjoni li qed tikber; aktar żvilupp ta’ l-istrateġija R&Ż għat-titjib fil-prijoritizzazzjoni u jiżdied l-involviment tas-settur privat; u miżuri aktar b’saħħithom biex tiżdied il-provvista tax-xogħol u jissaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema. F’dan l-isfond, huwa rrakkomandat li l-Latvja:

twettaq politika fiskali aktar ristrettiva, b’prioritizzazzjoni bir-reqqa ta’ l-infiq u l-iżviluppi fil-pagi li huma skond il-produttività, sabiex tikkontribwixxi biex jiġu korretti l-pressjonijiet ikkaġunati minn produzzjoni li qed tikber u jitnaqqas ir-riskju ta’ l-instabbiltà makroekonomika;

tagħmel progress aktar mgħaġġel fl-implimentazzjoni tar-riformi tal-politika dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex tilħaq il-miri ambizzjużi stabbiliti. Dan jikkonċerna speċjalment il-linji ta’ politika għall-istimolu ta’ sħubiji bejn l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-edukazzjoni u n-negozji;

fi ħdan strateġija integrata tal-flessigurtà, tintensifika l-isforzi biex iżżid il-provvista tax-xogħol u l-produttività billi ttejjeb l-attivazzjoni u l-mobbiltà reġjonali u, ittejjeb ir-responsività tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, billi timplimenta sistema tat-tagħlim tul il-ħajja.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Latvja tiffoka fuq: li ttejjeb aktar l-ambjent regolatorju, b’mod partikolari permezz ta’ politika espliċita aħjar dwar ir-regolamentazzjoni; twettaq linji ta’ politika attivi għas-suq tax-xogħol u ttejjeb l-aċċess għall-kura tat-tfal.

LITWANJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Litwanja ta’ l-2007 u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Litwanja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha matul l-2005-2007. Il-Litwanja wriet ukoll xi progress fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri reazzjoni limitata għall-politika għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm xi reazzjoni għall-politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu l-attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Litwanja ta’ l-2007 hemm: l-approvazzjoni ta’ oqsma prioritarji għall-iżvilupp tar-R&Ż u l-adozzjoni tal-Liġi dwar it-Taħriġ Vokazzjonali.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Litwan fejn l-isfidi jeħtieġ jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma miżuri implimentattivi: li tiżdied u titjieb l-effiċjenza ta’ l-investiment fir-R&Ż u l-appoġġ għall-innovazzjoni; li tiżdied il-mobbiltà interna tax-xogħol, tiġi promossa l-parteċipazzjoni adulta fit-tagħlim tul il-ħajja, speċjalment fost il-ħaddiema akbar fl-età, u li jiġu rriformati s-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tiġi żgurata l-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li l-Litwanja:

taċċellera l-implimentazzjoni tar-riforma strutturali tas-sistema tagħha tar-R&Ż u l-innovazzjoni sabiex iżżid l-effiċjenza ta’ l-infiq pubbliku u toħloq kondizzjonijiet favorevoli għal investimenti privati akbar f’dan il-qasam, inkluż għall-innovazzjoni fis-setturi tradizzjonali u ta’ teknoloġija baxxa;

tintensifika l-isforzi biex tiżdied il-provvista tax-xogħol tas-sengħa billi: ittejjeb il-mobbiltà reġjonali, tirriforma s-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ biex tiżgura l-kwalità u r-rilevanza tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u timplimenta l-istrateġija riveduta tat-tagħlim tul il-ħajja b’fokus speċjali fuq il-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema akbar fl-età.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Litwanja tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: ittejjeb l-istabbiltà makro-ekonomika u tillimita l-inflazzjoni; iżżid l-investiment barrani dirett; ittejjeb l-effiċjenza ta’ l-ambjent regolatorju b’attenzjoni partikolari ffokata fuq is-simplifikazzjoni tal-leġislazzjoni; ittejjeb l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; tespandi l-edukazzjoni ta’ l-intraprenditorija; iżżid id-disponibbiltà tal-kura tat-tfal; u ssaħħaħ is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.

LUSSEMBURGU

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Lussemburgu ta’ l-2007 u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Lussemburgu għamlet progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Il-Lussemburgu wera xi progress fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri reazzjoni ta’ politika mħallta dwar l-oqsma identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu l-attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Lussemburgu ta’ l-2007 hemm: investimenti biex l-ekonomija tiġi integrata fil-kuntest internazzjonali, sforzi biex tiġi żviluppata politika estensiva ta’ simplifikazzjoni ffokata fuq il-ħtiġijiet tan-negozju, l-iżvilupp ta’ l-infrastrutturi tal-kura tat-tfal, ir-riforma tat-taħriġ professjonali, u l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ impjiegi.

5.

Ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Lussemburgu jiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: jaċċellera l-implimentazzjoni ta’ miżuri mmirati li jżidu ir-rata ta’ l-impjiegi ta’ ħaddiema akbar fl-età, b’mod partikolari permezz ta’ riforma sabiex jiġi skoraġġat l-irtirar kmieni mix-xogħol; jieħu aktar miżuri biex jitnaqqas in-numru ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola, u jitneħħew l-ostakoli artifiċjali bejn tipi differenti ta’ edukazzjoni; jiġi mmonitorjat mill-qrib l-impatt ta’ miżuri adottati reċentament biex jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ; u sabiex jitwassal ambjent ekonomiku aktar attraenti, hemm ħtieġa ta’ appoġġ akbar biex jitwasslu swieq aktar kompetittivi, titjieb it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE, u jiġu appoġġati l-SMEs. Huwa importanti wkoll li l-Lussemburgu jieħu passi għar-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet tiegħu, bil-ħsieb li tiġi assigurata s-sostenibbiltà tiegħu għall-perijodu fit-tul tiegħu.

UNGERIJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Ungeriż ta’ l-2007 u il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

L-Ungerija għamlet progress limitat fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha matul l-2005-2007. L-Ungerija wriet xi progess fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri reazzjoni ta’ politika mħallta għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm xi reazzjoni ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu aktar attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni 2007 hemm: titjib sod fil-konsolidazzjoni fiskali, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ diversi passi ta’ riforma strutturali, it-tqassir taż-żmien għat-twaqqif tan-negozji u l-isforzi biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, l-introduzzjoni ta’ aktar inċentivi biex wieħed jaħdem u jibqa’ fis-suq tax-xogħol u t-trasformazzjoni tax-xogħol mhux dikjarat f’impjiegi formali.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Ungeriż fejn l-isfidi jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: it-tkomplija tal-konsolidazzjoni fiskali u li jiġi kkoreġut id-defiċit kif ippjanat, aktar titjib tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, titjib tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġjati, tnaqqas id-disparitajiet reġjonali persistenti fl-impjiegi u tirriforma s-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. F’dan l-isfond, huwa rrakkomandat li l-Ungerija:

tkompli timplimenta l-miżuri meħtieġa biex tiżgura tnaqqis durabbli tad-defiċit tal-gvern u tal-proporzjon tad-dejn pubbliku, b’dipendenza akbar fuq in-naħa ta’ l-infiq, inkluż permezz ta’ l-istabbiliment ta’ regoli fiskali aktar dettaljati u komprensivi;

tkompli tirriforma is-sistemi ta’ l-amministrazzjoni pubblika, tal-kura tas-saħħa, tal-pensjonijiet u ta’ l-edukazzjoni bl-għan li tiżgura sostenibbiltà fiskali għall-perijodu fit-tul u ttejjeb l-effiċjenza ekonomika. Dan għandu jinkludi passi biex tillimita aktar l-irtirar kmieni mix-xogħol, tnaqqas l-għadd tar-riċevituri ġodda tal-pensjonijiet tad-diżabbiltà u tirristruttura aktar il-kura tas-saħħa;

issaħħaħ il-linji ta’ politika attiva dwar is-suq tax-xogħol biex ittejjeb is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta’ gruppi żvantaġġjati; u tnaqqis ta’ differenzi reġjonali persistenti fl-impjieg;

tiżgura l-aċċess għall-edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, tgħolli l-livelli tal-ħiliet, u żżid ir-rispons tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Ungerija tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin għall-futur: tkompli tirriforma s-sistema tar-riċerka pubblika, iżżid l-effikaċja ta’ l-infiq pubbliku tar-R&Ż u ttejjeb il-rabtiet bejn ir-R&Ż pubbliċi u dawk privati; tnaqqas u tagħti direzzjoni ġdida lill-għajnuna mill-istat; ittejjeb l-ambjent regolatorju billi tnaqqas aktar il-piż amministrattiv u tissimplifika l-leġislazzjoni; tintroduċi aktar inċentivi għax-xogħol u tibqa’ fis-suq tax-xogħol; tiżgura rikonċiljazzjoni aħjar tal-ħajja tax-xogħol u dik privata; tlesti l-istabbiliment ta’ sistema integrata ta’ l-impjiegi u tas-servizzi soċjali; tibdil tax-xogħol mhux dikjarat f’impjieg formali; u l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija għat-tagħlim tul il-ħajja.

MALTA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Malti ta’ l-2007 u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Malta għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007. Malta wriet progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri reazzjoni ta’ politika limitata għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm ukoll reazzjoni ta’ politika limitata dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi tal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali Malti u l-implimentazzjoni tiegħu huma il-governanza tiegħu u l-progress miksub fil-konsolidazzjoni fiskali kif ukoll il-progress biex jissaħħaħ l-ambjent kummerċjali, il-liberalizzazzjoni ta’ ċerti swieq (eż., il-portijiet), ir-riforma ta’ l-edukazzjoni u ż-żieda fl-użu ta’ l-ICT.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma fejn il-punti ta’ dgħufija jeħtieġ jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma l-politika tal-kompetizzjoni u l-problemi fis-suq tax-xogħol. F’dan l-isfond, huwa rrakkomandat li Malta:

issaħħaħ il-kompetizzjoni, b’mod partikolari billi tnaqqas l-għajnuna mill-istat u tagħthom direzzjoni mill-ġdid lejn objettivi orizzontali kif ukoll billi ssaħħaħ l-awtorità tal-kompetizzjoni u tagħmel aktar passi biex tiftaħ is-servizzi professjonali;

iżżid l-isforzi biex tiġbed aktar nies fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari nisa u ħaddiema akbar fl-età; iżżomm l-isforzi biex tittratta x-xogħol mhux iddikjarat u tieħu aktar azzjoni dwar is-sistema tal-benefiċċji biex ix-xogħol iddikjarat ikun aktar attraenti.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Malta tiffoka fuq: tkompli timplimenta u ssaħħaħ miżuri dwar ir-riforma tal-kura tas-saħħa; tkompli ttejjeb l-ambjent regolatorju billi tkompli tissimplifika l-leġislazzjoni, billi tintroduċi valutazzjonijiet sistematiċi ta’ l-impatt u one stop shops effettivi biex jiġu stabbiliti n-negozji; tiddiversifika s-sorsi ta’ l-enerġija tagħha, inkluż li ttejjeb l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-enerġija rinovabbli, u tikkunsidra l-possibbiltà li Malta tiġi magħquda man-netwerks ta’ l-enerġija ta’ l-Ewropa; tkompli l-isforzi biex iżżid il-kisbiet edukattivi u tnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola.

OLANDA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 Olandiż u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

L-Olanda għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007. L-Olanda wriet reazzjoni tajba biex twettaq l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri xi reazzjoni ta’ politika dwar ir-rakkomandazzjoni adottata mill-Kunsill u l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni, għalkemm l-isfida dwar ir-R&Ż tibqa’ sinifikanti. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti ta’ saħħa tar-Rapport ta’ Implimentazzjoni u l-implimentazzjoni tiegħu huma: l-isforzi għat-tnaqqis tal-piż amminstrattiv u tiġi mtejba l-klima tan-negozji; il-pjanijiet ambizzjużi fil-qasam ta’ l-enerġija u l-bidla fil-klima; u l-inċentivi biex jiġi mtejjeb l-forniment tal-kura tat-tfal.

5.

Il-qasam ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Olandiż fejn l-isfidi jeħtieġ jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huwa li ttejjeb il-provvista tax-xogħol. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li l-Olanda:

tieħu iktar miżuri biex ittejjeb il-provvista tax-xogħol tan-nies, il-ħaddiema akbar fl-età u l-gruppi żvantaġġati bil-ħsieb jiżdiedu s-sigħat ġenerali maħdumin fl-ekonomija;

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Olanda tiffoka fuq l-isfida li ġejja: iżżid l-isforzi mmirati biex jiżdied l-infiq mis-settur privat fir-R&Ż billi tiżgura koeżjoni miżjuda permezz ta’ l-istrutturi ġodda ta’ politika tal-governanza introdotti reċentement u billi timplimenta strateġija koerenti għar-R&Ż u l-innovazzjoni li tindirizza l-interazzjoni bejn ir-R&Ż privati u r-riċerka pubblika kif ukoll l-investiment barrani fir-R&Ż.

AWSTRIJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 Awstrijak u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

L-Awstrija għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tul il-perijodu 2005-2007. L-Awstrija wriet progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri reazzjoni ta’ politika limitata għar-rakkomandazzjoni dwar l-impjiegi adottata mill-Kunsill. Kien hemm xi reazzjoni dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Awstrijakk ta’ l-2007 hemm: prattika tajba biex tagħti spinta lill-innovazzjoni, bħall-kupun ta’ l-innovazzjoni; baġits akbar għar-R&Ż skond il-mira ta’ 3 %; il-ħolqien ta’ fond għall-klima u l-enerġija; l-implimentazzjoni b’suċċess u aktar żvilupp tal-mudell tal-flessigurtà tagħha.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Awstrijakk fejn l-isfidi issa jeħtieġ jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: iżżid il-provvista tax-xogħol ta’ ħaddiema akbar fl-età u ttejjeb il-ħiliet u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ żvantaġġjati. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li l-Awstrija:

tkompli ttejjeb l-inċentivi għall-ħaddiema akbar fl-età biex dawn ikomplu jaħdmu billi timplimenta strateġija komprensiva inkluż it-taħriġ imtejjeb relatat max-xogħol, l-adattament tal-kondizzjonijiet tax-xogħol u li jkunu aktar stretti l-kondizzjonijiet għall-irtirar aktar kmieni mix-xogħol; u ttejjeb l-eżiti ta’ l-edukazzjoni għaż-żgħażagħ vulnerabbli.

6.

Barra minn dan, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Awstrija tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: issaħħaħ l-aġġustament fiskali sabiex tikseb baġit ibbilanċjat qabel l-2010; iżżid il-kompetizzjoni fis-servizzi, b’mod partikolari fis-servizzi professjonali; issaħħaħ l-edukazzjoni ta’ l-intraprenditorija; l-identifikazzjoni ta’ aktar linji ta’ politika u miżuri ta’ tnaqqis ta’ l-emissjonijiet; tittratta s-segregazzjoni tas-sessi fis-suq tax-xogħol, inkluż billi tkompli ttejjeb id-disponibbiltà tal-kura tat-tfal.

POLONJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Polonja ta’ l-2007 u l-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Polonja għamlet progress limitat fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007 u wriet progress limitat fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri rispons ta’ politika mħallat għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm xi rispons ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu l-attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tal-Polonja ta’ l-2007 hemm: l-attenzjoni li ngħatat biex tiġi żviluppata l-intraprenditorija; il-passi biex jitnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol; il-prijorità u l-finanzjament allokat għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol; u l-konnessjoni qawwija tal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali mal-finanzjament ta’ l-UE.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Pollakk fejn l-isfidi issa jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: impenn akbar biex tiġi indirizzata s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; azzjonijiet vigorużi biex tittejjeb ir-regolamentazzjoni u jiġi promoss il-ftuħ tas-swieq f’industriji tan-netwerks; implimentazzjoni tar-riformi tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż); miżuri ulterjuri biex tiġi implimentata r-rata baxxa ta’ l-impjiegi ta’ ħaddiema aktar anzjani; iffokar aħjar tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli; u l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li l-Polonja:

issaħħaħ il-konsolidazzjoni fiskali u tissupplimenta l-“ankra” tad-defiċit nominali tal-baġit ta’ l-istat (limitu tad-defiċit) b’aktar mekkaniżmi biex iżżid il-kontroll fuq l-infiq;

ittejjeb il-qafas għall-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerk, inklużi s-swieq ta’ l-enerġija, inter alia permezz ta’ reviżjoni tar-rwol tar-regolaturi;

tkompli r-riforma tas-settur tar-riċerka pubblika bl-għan li tingħata spinta lir-R&Ż u l-innovazzjoni, u timplimenta l-qafas għar-R&Ż fis-settur privat;

bl-għan li tiżviluppa strateġija integrata tal-flessigurtà, iżżid il-livell u l-effiċjenza tal-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għal persuni aktar anzjani u gruppi vulnerabbli għall-faqar, tirrevedi sistemi tal-benefiċċji sabiex iżżid l-inċentiva għax-xogħol, timplimenta l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja, u timmodernizza s-sistemi tat-taħriġ u l-edukazzjoni fid-dawl tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

6.

Barra minn hekk, abbażi tal-progress li sar, ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Polonja tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: ittejjeb l-infrastruttura tat-trasport; tħaffef il-proċess tar-reġistrazzjoni tan-negozji; tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tal-programmi ta’ l-e-government; u ttejjeb it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-suq intern; u żżid il-proviżjoni tal-kura tat-tfal bil-ħsieb li tiġi rrikonċiljata l-ħajja tax-xogħol ma’ dik tal-familja.

PORTUGALL

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Portugiż ta’ l-2007 u l-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Portugall għamel progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tiegħu tul il-perijodu 2005-2007. Il-Portugall wera progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri rispons ta’ politika tajba għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Kien hemm ukoll xi rispons ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Xi punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Portugiż ta’ l-2007 huma: il-progress miksub fil-korrezzjoni ta’ l-iżbilanċi fiskali u l-promozzjoni tar-riformi sostenibbli ta’ l-amministrazzjoni pubblika, dwar ir-riforma tal-pensjonijiet u tal-kura tas-saħħa, progress biex jinfetaħ il-potenzjal tan-negozji u l-implimentazzjoni tal-Pjan Teknoloġiku.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall fejn l-isfidi jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: il-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi, filwaqt li titjieb aktar il-kwalità u s-sostenibbiltà tagħhom, u l-mira ta’ l-infiq pubbliku lejn iż-żieda fil-potenzjal tat-tkabbir tal-Portugall; titjieb l-effiċjenza tas-sistema edukattiva b’mod partikolari billi jitjiebu l-livelli tar-riżultati u t-tnaqqis ta’ tluq kmieni mill-iskola; il-modernizzazzjoni tal-protezzjoni ta’ l-impjiegi biex tiġi llimitata s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li l-Portugall:

fil-kuntest tal-konsolidazzjoni fiskali li għaddejja u r-riforma ta’ l-amministrazzjoni pubblika, jimmira l-infiq pubbliku lejn użi li jappoġġjaw aktar it-tkabbir ekonomiku potenzjali, filwaqt li jżomm kontroll sod ta’ l-infiq in ġenerali;

ikompli l-isforzi biex titjieb l-effiċjenza tas-sistema edukattiva, b’mod partikolari billi jtejjeb il-livelli tar-riżultati taż-żgħar u jnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola abbażi tar-riżultati miksubin, u billi jiżviluppa sistema ta’ taħriġ vokazzjonali li hija rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u bbażata fuq il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki;

ikompli bl-isforzi biex jimmodernizza l-protezzjoni ta’ l-impjiegi, inkluża l-leġiżlazzjoni biex jitnaqqsu l-livelli għoljin ta’ segmentazzjoni tas-suq, fl-istrateġija tal-flessigurtà.

6.

Barra minn dan, ser ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Portugall jiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin għall-futur: inaqqas id-defiċit tal-kont kurrenti b’mod sostnut; ikompli jtejjeb is-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi; ikompli l-implimentazzjoni tal-Pjan Teknoloġiku, jikkonsolida r-rabtiet bejn ir-riċerka, l-edukazzjoni ogħla u l-industrija, u jinvolvi aktar lis-settur privat; ikompli l-liberalizzazzjoni tas-settur ta’ l-enerġija u jiżgura l-kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi finanzjarji; ikompli jimplimenta programm regolatorju aħjar u b’mod partikolari jsaħħaħ is-sistema tal-valutazzjoni ta’ l-impatt; inaqqas id-defiċit fit-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-UE fil-liġi nazzjonali; ikompli jimplimenta miżuri b’mod sħiħ biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra; u jkompli jindirizza l-fatturi li jimminaw il-koeżjoni soċjali.

RUMANIJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Rumanija ta’ l-2007 u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Ġeneralment, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma jiffoka fuq l-isfidi tajbin. Madankollu, f’xi oqsma kritiċi, bħat-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u t-tijib ta’ l-ambjent kummerċjali, il-programm huwa nieqes mill-ambizzjoni. F’oqsma oħrajn, l-informazzjoni dwar il-kontenut tal-miżuri, l-iskedi ta’ żmien tagħhom u l-appoġġ baġitarju hija xi kultant nieqsa, li jagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat jekk il-miżuri humiex ser jagħtu soluzzjonijiet għall-problemi u l-isfidi identifikati.

3.

Il-punti sodi tal-programm jinkludu inizjattivi mmirati lejn qafas ta’ l-infiq għall-perijodu medju, it-tnaqqis ta’ spejjeż fix-xogħol li mhuwiex f’pagi u r-riforma ta’ strutturi tar-riċerka.

4.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Rumen fejn jeħtieġ li jiġu ttrattati sfidi bl-ogħla prijorità huma: it-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, l-indirizzar ta’ produzzjoni li qed tikber b’rata mgħaġġla wisq u t-titjib ta’ l-ippjanar tal-baġit kif ukoll il-kwalità ta’ l-infiq; it-tnaqqis tal-burokrazija u l-attivazzjoni tal-provvista tax-xogħol u ż-żieda tal-livelli tal-ħiliet. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li r-Rumanija:

issaħħaħ b’mod urġenti l-kapaċità amministrattiva fil-livell kemm ċentrali kif ukoll lokali tal-gvern billi tibni kapaċità effettiva regolatorja, tal-kontroll u ta’ l-infurzar;

tevita l-politika fiskali pro-ċiklika biex tillimita d-defiċit tal-kont kurrenti li qed jibker u l-pressjonijiet ta’ l-inflazzjoni, iżżomm l-iżviluppi tal-pagi skond it-tkabbir tal-produttività u ttejjeb l-ippjanar u l-eżekuzzjoni baġitarju kif ukoll il-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi tirrevedi l-kompożizzjoni ta’ l-infiq pubbliku billi tnaqqas u tiddirezzjona mill-ġdid l-għajnuna ta’ l-istat għal objettivi orizzontali.

tieħu miżuri rapidi biex jitnaqqsu b’mod sostanzjali l-proċeduri amministrattivi u d-dewmien amministrattiv biex jinkisbu l-awtorizzazzjonijiet bħala parti minn politika koerenti dwar regolamentazzjoni aħjar biex jittejjeb l-ambjent kummerċjali, li tkun ukoll ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

timplimenta strateġija integrata biex iżżid l-impjiegi, ir-rati ta’ l-attività u l-livelli ta’ produttività, speċjalment billi taċċellera r-riformi tas-sistema edukattiva biex tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, billi jitnaqqas it-tluq kmieni mill-iskola, billi tiżdied b’mod sinifikanti l-parteċipazzjoni adulta fl-edukazzjoni u t-taħriġ; u billi l-biedja tas-sussistenza/semi-sussistenza tiġi ttrasformata f’impjiegi sostenibbli.

5.

Barra minn dan, ser ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma r-Rumanija tiffoka fuq: li tieħu aktar miżuri biex tiżgura s-sostenibbiltà għall-perijodu fit-tul tal-finanzi pubbliċi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riskji potenzjali f’termini ta’ adegwatezza u sostenibbiltà tal-pensjonijiet; li tirrinforza miżuri biex tiġi ttrattata s-segmentazzjoni tal-bażi tar-riċerka filwaqt li tiżgura li ż-żidiet ippjanati fil-finanzjament tar-riċerka pubblika jagħtu ritorn effettiv billi timplimenta vigorożament l-istrateġija nazzjonali tar-R&Ż u l-innovazzjoni u billi timmonitorja regolarment ir-riżultati tagħha; li tkompli strateġija aktar integrata għall-iżvilupp ta’ l-infrastuttura u t-tnedija ta’ l-ICT; li tintensifika l-isforzi biex tittratta x-xogħol mhux iddikjarat; li ttejjeb l-effettività u l-ambitu ġeografiku tas-servizzi ta’ l-impjiegi pubbliċi, b’mod partikolari biex tassisti lill-gruppi vulnerabbli.

SLOVENJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 tas-Slovenja, u tal-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Is-Slovenja għamlet progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Is-Slovenja wriet ukoll xi progress fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri xi rispons ta’ politika għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kunsill. Kien hemm ukoll xi rispons ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati fil-konklużjonijiet tal-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ma jsemmix b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro, għalkemm hija stabbilita rabta ċara fit-tabella ta’ rappurtar li jakkumpanjah.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni 2007 hemm: progress fil-konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi; l-involviment ta’ l-imsieħba soċjali fl-abbozzar tar-riformi ewlenin kollha tas-suq tax-xogħol; sforzi biex tissaħħaħ ir-rabta bejn is-sistemi ta’ l-edukazzjoni u l-boroż ta’ studju u l-ekonomija; it-taqsir taż-żmenijiet għall-istabbiliment tan-negozji u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv. Id-dħul tas-Slovenja fiż-żona ta’ l-euro hija l-kisba ċentrali fil-qasam makro.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma fejn l-isfidi issa jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: riforma ulterjuri tal-pensjonijiet u implimentazzjoni effettiva ta’ l-istrateġija attiva tat-tixjiħ; attenzjoni addizzjonali għal suq tax-xogħol aktar flessibbli kkombinat ma’ strateġija personalizzata aktar effettiva fl-implimentazzjoni tal-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li s-Slovenja:

tieħu passi ulterjuri biex issaħħaħ ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet u tippromwovi tixjiħ attiv, bil-ħsieb li tiżdied ir-rata ta’ l-impjieg tal-ħaddiema ikbar fl-età u tittejjeb is-sostenibbiltà fit-tul.

fi ħdan strateġija integrata tal-flessigurtà u abbażi ta’ riformi reċenti, tippromwovi arranġamenti kuntrattwali flessibbli biex tegħleb is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol li l-aktar jaffettwa ż-żgħażagħ u ttejjeb l-effettività tas-servizzi ta’ l-impjiegi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni bi prospetti baxxi ta’ l-impjieg.

6.

Barra minn dan, ser ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma s-Slovenja tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: li tintensifika l-implimentazzjoni u, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta’ strateġija nazzjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni; ukoll bil-ħsieb li tiġi kkontrollata l-inflazzjoni, ittejjeb il-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi, b’enfasi partikolari fuq l-imnut, is-servizzi finanzjarji, ċerti utilitajiet u s-servizzi professjonali; ittejjeb l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija, b’mod partikolari dwar l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-miri ta’ Kyoto mhux milħuqa; timplimenta l-pjanijiet ambizzjużi biex tissaħħaħ ir-rabta bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol.

SLOVAKKJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Slovakk ta’ l-2007 u ta’ l-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Is-Slovakkja għamlet xi progress fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Kien hemm rispons limitat fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri rispons ta’ politika mħallat għar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill. Jinħtieġu aktar riformi biex jiżdied l-infiq fir-R&Ż u fl-edukazzjoni, jiġu implimentati strateġiji fil-qasam mikro-ekonomiku, biex jiġi ttrattat il-qgħad fit-tul u biex titlesta r-riforma ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ. Kien hemm rispons mħallat dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu l-attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi murija mir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni Slovakk ta’ l-2007 hemm: it-tnaqqis previst tad-defiċit tal-finanzi pubbliċi għal anqas minn 3 % tal-PDG fl-2007; l-adozzjoni ta’ numru ta’ dokumenti ta’ strateġija fil-qasam tar-R&Ż u l-innovazzjoni, l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-enerġija rinnovabbli; l-implimentazzjoni parzjali ta’ skema waqfa-waħda għall-kumpaniji ġodda; ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi; l-adozzjoni ta’ l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja; u sforzi biex tiġi riveduta l-politika attiva dwar is-suq tax-xogħol biex tikkonforma aktar ma’ l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol.

5.

L-oqsma politiċi fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma Slovakk fejn l-isfidi jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: iż-żieda ta’ l-infiq għall-edukazzjoni, ir-R&Ż u l-innovazzjoni, it-titjib ta’ l-ambjent regolatorju, l-ittrattar tal-qgħad fit-tul, it-tlestija tar-reviżjoni tas-sistema ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ u ż-żieda tal-kwalità tagħha skond il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. F’dan l-isfond, huwa rrakkomandat li s-Slovakkja:

timplimenta kif xieraq strateġija koerenti dwar ir-R&Ż u l-innovazzjoni b’fokus partikolari fuq ir-riforma istituzzjonali tas-settur tar-riċerka pubbliku u t-titjib sostanzjali tal-kooperazzjoni bejn in-negozju u r-riċerka filwaqt li talloka mill-ġdid riżorsi għar-R&Ż u l-innovazzjoni u l-edukazzjoni;

ittejjeb l-ambjent regolatorju, b’mod partikolari billi timplimenta strateġija komprensiva għal regolazzjoni aħjar li tkopri kemm l-evalwazzjoni ta’ l-impatt kif ukoll is-semplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

fi ħdan strateġija integrata tal-flessigurtà, tiżgura l-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija tat-tagħlim tul il-ħajja li tindirizza l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, tlesti r-riforma ta’ l-edukazzjoni primarja, sekondarja u terzjarja biex ittejjeb il-livelli tal-kwalifiki u tal-ħiliet, u ssaħħaħ l-aċċess għall-impjiegi, b’mod partikolari għal persuni qiegħda għal perijodu twil u l-gruppi vulnerabbli.

6.

Barra minn hekk, ser ikun importanti matul il-perijodu tal-Programm ta’ Riforma Nazzjonali li s-Slovakkja tiffoka fuq: li tiżviluppa aktar il-politika dwar l-ICT, speċjalment għall-infrastruttura tal-broadband; l-implimentazzjoni sħiħa ta’ l-iskema waqfa waħda għal kumpaniji ġodda; tintroduċi l-edukazzjoni ta’ l-intraprenditorija; iżżid il-kompetizzjoni fil-provvista ta’ l-enerġija; tindirizza d-differenzi bejn is-sessi fil-pagi u fl-impjiegi; tiżviluppa strateġija attiva dwar it-tixjiħ; u toħloq opportuntajiet ta’ impjiegi għaż-żgħażagħ.

FINLANDJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-2007 għall-Finlandja, u tal-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Il-Finlandja għamlet progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Intwera progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri xi rispons ta’ politika dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni. Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni jindirizza wkoll b’mod speċifiku r-rakkomandazzjonijiet maħruġa għall-pajjiżi taż-żona ta’ l-euro.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni 2007 hemm ir-riformi li għaddejjin biex tkompli titjieb il-ħidma tas-sistema nazzjonali ta’ l-innovazzjoni u ż-żieda osservata fir-rata ta’ l-impjiegi ta’ ħaddiema aktar anzjani.

5.

Ser ikun importanti li tul il-perijodu tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma l-Finlandja tiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin: tkompli r-riformi biex titjieb il-kompetizzjoni u l-produttività f’ċerti servizzi, u toħloq il-lieva meħtieġa biex jitnaqqsu l-livelli għoljin tal-prezzijiet; timplimenta l-miżuri mħabbra biex tilħaq il-mira tagħha ta’ Kyoto; tkompli r-riformi biex tindirizza l-problemi fis-suq tax-xogħol, b’għan partikolari li tittratta l-qgħad għoli strutturali, speċjalment il-qgħad ta’ ħaddiema b’inqas ħiliet, inklużi ż-żgħażagħ, u b’kont meħud tal-kontribut li tista’ tagħmel il-migrazzjoni ekonomika.

ŻVEZJA

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Iżvezja ta’ l-2007, u tal-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

L-Iżvezja għamlet progress tajjeb ħafna fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. L-Iżvezja wriet ukoll progress tajjeb ħafna fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri rispons ta’ politika tajjeb dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu aktar attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Iżvezja ta’ l-2007 hemm: il-pjan ta’ azzjoni għas-semplifikazzjoni regolatorja u l-impenn biex titjieb is-sistema tal-valutazzjoni ta’ l-impatt; il-progress fiż-żieda tal-provvista tax-xogħol u t-tnaqqis tal-qgħad; l-użu sostenibbli ta’ l-enerġija; u l-progress li sar fiż-żieda ta’ l-investiment fir-R&Ż.

5.

Ser ikun importanti li l-Iżvezja tieħu aktar miżuri regolatorji biex iżżid il-kompetizzjoni, b’mod partikolari fis-servizzi; u li tiffoka fuq l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ l-impatt tar-riformi riċenti biex jiżdiedu l-inċentivi għax-xogħol, tittratta l-qgħad fost iż-żgħażagħ, iżżid ir-rata ta’ l-impjiegi fost l-immigranti u terġa’ tintegra lil persuni fl-iskemi relatati mal-mard.

RENJU UNIT

1.

Fid-dawl tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Renju Unit ta’ l-2007 u tal-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Ir-Renju Unit għamel progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tul il-perijodu 2005-2007. Ir-Renju Unit wera progress tajjeb fit-twettiq ta’ l-impenji miftiehma mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2006 fl-erba’ oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni.

3.

Ir-Rapport dwar l-Implimentazzjoni juri rispons ta’ politika tajjeb għar-rakkomandazzjoni maħruġa mill-Kunsill. Kien hemm ukoll rispons ta’ politika tajjeb dwar l-oqsma addizzjonali identifikati mill-Kunsill bħala li jeħtieġu attenzjoni.

4.

Fost il-punti sodi tar-Rapport dwar l-Implimentazzjoni tar-Renju Unit ta’ l-2007 hemm: il-pjanijiet biex jiġi provdut approċċ integrat għall-impjiegi u l-ħiliet, ċaqliq lejn il-ħolqien ta’ ambjent regolatorju iżjed favorevoli għal-kummerċ, u l-pjanijiet li jħarsu ‘l quddiem dwar il-politika ta’ l-enerġija.

5.

L-oqsma ta’ politika fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Renju Unit fejn l-isfidi jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma t-titjib tal-livelli tal-ħiliet sabiex tiżdied il-produttività u jitnaqqsu l-iżvantaġġi fis-suq tax-xogħol. F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li r-Renju Unit:

jimplimenta l-pjanijiet riċenti biex itejjeb sostanzjalment il-livelli tal-ħiliet u jistabbilixxi strateġija integrata għall-impjiegi u l-ħiliet sabiex itejjeb il-produttività u jżid l-opportunitajiet għal dawk żvantaġġjati.

6.

Barra minn dan, ser ikun importanti għar-Renju Unit li jiffoka fuq dawn l-isfidi li ġejjin għall-futur: iżid progressivament il-provvista tad-djar sabiex jilħaq il-pressjonijiet tat-talbiet għall-perijodu medju; jiżgura l-progress fil-mira ta’ l-intensità tar-Renju Unit dwar ir-R&Ż permezz ta’ implimentazzjoni sħiħa tar-reviżjoni riċenti tal-politika dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni, b’mod partikolari billi jqis aktar il-ħtiġiet speċifiċi tas-settur tas-servizzi.

STATI MEMBRI TAŻ-ŻONA TA’ L-EURO

1.

Fid-dawl tar-Rapporti dwar l-Implimentazzjoni ta’ l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro ta’ l-2007, u tal-valutazzjoni li għamlet il-Kummissjoni dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali ewlenin u abbażi tal-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi, huma xierqa dawn il-konklużjonijiet li ġejjin:

2.

Abbażi tar-Rapporti dwar l-Implimentazzjoni tagħhom, l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro għamlu ċerti progress fl-implimentazzjoni ta’ miżuri politiċi li jtejbu l-funzjonament taż-żona ta’ l-euro.

3.

Huma meħtieġa aktar riformi sinifikanti biex jintlaħqu r-rakkomandazzjonijiet mikro-ekonomiċi u ta’ l-impjiegi. Il-progress irreġistrat fl-2007 dwar il-qasam makro-ekonomiku jrid jiġi sostnut.

4.

Fost il-punti sodi murija mir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni ta’ l-2007 ta’ l-Istati Membri fiż-żona ta’ l-euro hemm: l-aġġustament baġitarju fl-2007, l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni biex iħaddnu l-integrazzjoni tas-suq finanzjarju, u sistemi tan-negozjar tal-pagi li jwasslu għal aktar flessibbiltà tal-pagi f’ċerti Stati Membri.

5.

L-oqsma ta’ politika fiż-żona ta’ l-euro fejn l-isfidi issa jridu jiġu ttrattati bl-ogħla prijorità huma: is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u l-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir; il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti, speċjalment fis-servizzi, l-integrazzjoni finanzjarja u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji bl-imnut, sabiex jiġi ffaċilitat l-aġġustament u prezzijiet aktar flessibbli; l-iżviluppi għal paga adegwata fil-livell aggregat, settorjali, reġjonali u professjonali f’konformità ma’ l-iżviluppi ta’ produttività sabiex tiġi żgurata l-kompetittività; flessigurtà fis-swieq tax-xogħol skond il-prinċipji komuni miftiehma; u mobbiltà akbar tal-ħaddiema sabiex jitrawwem l-aġġustament tas-suq tax-xogħol.

6.

F’dan l-isfond huwa rrakkomandat li l-pajjiżi ta’ l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro flimkien mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tagħhom:

ikomplu jsegwu l-konsolidazzjoni baġitarja għall-objettivi għall-perijodu medju skond il-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir, u b’hekk jisħqu li jiksbu aġġustament strutturali annwali ta’ mill-inqas 0.5 % tal-PGD bħala punt ta’ referenza. F’April 2007 l-Eurogroup qabel li, “filwaqt li jieħdu vantaġġ mill-kondizzjonijiet ċikliċi favorevoli, il-maġġoranza tal-membri taż-żona euro għanhom jiksbu l-objettivi tagħhom għall-perijodu medju fl-2008 jew l-2009 u kollha kemm huma għandhom jimmiraw għal sa mhux aktar tard mill-2010.” Għandhom jinżammu pożizzjonijiet baġitarji fejn il-perijodi medji ntlaħqu;

itejbu l-kwalità tal-finanzi pubbliċi billi jirrevedu l-infiq pubbliku u t-taxxi u billi jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika, bl-intenzjoni li jżidu l-produttività u l-innovazzjoni, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u s-sostenibbiltà fiskali;

jimplimentaw effettivament miżuri li jtejbu l-kompetizzjoni, speċjalment fis-servizzi, u jżidu l-miżuri li jippromwovu l-integrazzjoni sħiħa tas-swieq finanzjarji u l-kompetizzjoni fis-servizzi finanzjarji bl-imnut, filwaqt li jsaħħu arranġamenti ta’ stabbiltà u konverġenza superviżorja;

itejbu l-flessibbiltà u s-sigurtà fis-swieq tax-xogħol inter alia bl-implimentazzjoni ta’ prinċipji ta’ “flessigurtà” mfassla skond iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru u totalment kompatibbli ma’ baġits pubbliċi sodi u finanzjarjament sostenibbli, b’allinjament aħjar ta’ żviluppi ta’ produttività u pagi sabiex jissaħħu t-tkabbir u l-kompettittività, u jattwaw miżuri li jippromwovu l-mobbiltà tax-xogħol bejn il-fruntieri u bejn l-impjiegi.

7.

Biex jiġu massimizzati s-sinerġiji tal-politika, li huma aktar b’saħħithom f’unjoni monetarja, u tissaħħaħ l-appartenenza politika tar-riformi, l-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro għandhom ikomplu jsaħħu il-koordinazzjoni tal-politika fil-kuntest tal-Grupp ta’ l-Euro u f’fora internazzjonali, u ftehim eżistenti għar-rappreżentazzjoni esterna taż-żona ta’ l-euro għandhom jiġu implimentati b’mod sħiħ. Dan jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jiġu indirizzati b’suċċess sfidi ta’ politika fi ħdan iż-żona ta’ l-euro u fl-ekonomija globali. L-orjentazzjonijiet ta’ l-Eurogroup ta’ Berlin ta’ April 2007 dwar il-finanzi pubbliċi huma pass milqugħ f’dan ir-rigward. L-Istati Membri taż-żona ta’ l-euro huma mistiedna jieħdu kont ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-linji politiċi nazzjonali tagħhom. L-Eurogroup ser jirrevedi regolarment l-implimentazzjoni tagħhom.


Top