This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62022TJ0209
Judgment of the General Court (Ninth Chamber, Extended Composition) of 17 July 2024.#Shahla Makhlouf v Council of the European Union.#Common foreign and security policy – Restrictive measures taken in view of the situation in Syria – Freezing of funds and economic resources – Restriction on entry into the territory of the Member States – List of persons, entities and bodies subject to the freezing of funds and economic resources or subject to restrictions on entry into the territory of the Member States – Inclusion and maintenance of the applicant’s name on the list – Heir of a person already subject to restrictive measures – Rights of the defence – Error of assessment – Non-contractual liability.#Case T-209/22.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024.
Shahla Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjoni fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali.
Kawża T-209/22.
Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tas-17 ta’ Lulju 2024.
Shahla Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjoni fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali.
Kawża T-209/22.
ECLI identifier: ECLI:EU:T:2024:498
Edizzjoni Provviżorja
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)
17 ta’ Lulju 2024 (*)
“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja – Iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Restrizzjoni fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Lista ta’ persuni, ta’ entitajiet u ta’ organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi jew li huma suġġetti għal restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-lista – Eredi ta’ persuna diġà suġġetta għal miżuri restrittivi – Drittijiet tad-difiża – Żball ta’ evalwazzjoni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”
Fil-Kawża T‑209/22,
Shahla Makhlouf, residenti f’Fairfax, Virginia (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Karouni u E. Assogba, avukati,
rikorrenti,
vs
Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Limonet u V. Piessevaux, bħala aġenti,
konvenut,
IL‑QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),
komposta minn L. Truchot, President, H. Kanninen, R. Frendo (Relatriċi), M. Sampol Pucurull u T. Perišin, Imħallfin,
Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti, Shahla Makhlouf, titlob, minn naħa, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/242 tal‑21 ta’ Frar 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2022, L 40, p. 26), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/237 tal‑21 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2022, L 40, p. 6) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti inizjali”), u, it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035 tal‑25 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2023, L 139, p. 49), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027 tal‑25 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2023, L 139, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ żamma”), sa fejn dawn l-atti jikkonċernawha (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti kkontestati”), u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-Artikolu 268 TFUE, kumpens għad-dannu li ġarrbet minħabba l-adozzjoni tal-atti kkontestati.
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża u fatti sussegwenti għall‑preżentata tar‑rikors
2 Ir-rikorrenti hija waħda mit-tfal bniet ta’ Mohammed Makhlouf, negozjant ta’ nazzjonalità Sirjana.
3 Din il-kawża tidħol fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati, b’effett mis-sena 2011, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kontra s-Sirja u kontra l-persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti eżerċitata kontra l-popolazzjoni ċivili Sirjana.
4 Fid‑9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 11), “[li tikkundanna] bil-qawwa r-repressjoni vjolenti […] ta’ protesti paċifiċi f’lokalitajiet differenti madwar is-Sirja”. Huwa stabbilixxa, b’mod partikolari, restrizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea kif ukoll iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni u entitajiet “responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja”. Peress li qies li kienet meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/273, il-Kunsill adotta wkoll ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 tad‑9 ta’ Mejju 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU 2011, L 121, p. 1).
5 L-ismijiet tal-persuni “responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja” kif ukoll dawk tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi u tal-entitajiet assoċjati magħhom issemmew fl-Anness tad-Deċiżjoni 2011/273 u fl-Anness II tar-Regolament Nru 442/2011.
6 Fl‑1 ta’ Awwissu 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/488/PESK li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/273 (ĠU 2011, L 199, p. 74), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 755/2011 li jimplimenta r-Regolament Nru 442/2011 (ĠU 2011, L 199, p. 33), sabiex jinkludi, b’mod partikolari, l-isem ta’ Mohammed Makhlouf fl-annessi rispettivi li jelenkaw il-persuni u l-entitajiet suġġetti għall-miżuri restrittivi (ara l-punt 5 iktar ’il fuq).
7 Fit‑18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU 2012, L 16, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 294, p. 59 u fil-ĠU 2018, L 190, p. 20), u, fil‑31 ta’ Mejju 2013, id-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14, rettifika fil-ĠU 2018, L 190, p. 20) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti bażiċi”), b’mod partikolari, sabiex jimponi miżuri restrittivi fuq il-persuni li jibbenefikaw mill-politiki mħaddna mir-reġim Sirjan jew li jappoġġjawh u l-persuni assoċjati magħhom. L-ismijiet ta’ dawn tal-aħħar issa jinsabu fl-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012 u fl-Anness tad-Deċiżjoni 2013/255 (iktar ’il quddiem il-“listi kontenzjużi”).
8 Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fis-Sirja, kif jirriżulta mill-premessa 5 tagħha, il-Kunsill, fit‑12 ta’ Ottubru 2015, adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/1836 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2015, L 266, p. 75, rettifika fil-ĠU 2016, L 336, p. 42), u r-Regolament (UE) 2015/1828 li jemenda r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2015, L 266, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti tal‑2015”).
9 F’dan ir-rigward, peress li qies li l-miżuri restrittivi adottati inizjalment permezz tad-Deċiżjoni 2011/273 ma kinux ippermettew li tintemm ir-repressjoni vjolenti eżerċitata mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni ċivili, il-Kunsill iddeċieda, kif jirriżulta mill-premessa 5 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “li [kien] meħtieġ li jżomm u jiżgura l-effikaċja tal-miżuri restrittivi stabbiliti, billi jkompli jiżviluppahom waqt li jissokta bl-approċċ immirat u differenzjat tiegħu u jqis il-kundizzjonijiet umanitarji tal-popolazzjoni Sirjana” filwaqt li qies li “ċerti kategoriji ta’ persuni u entitajiet [kienu] ta’ rilevanza partikolari għall-effikaċja ta’ dawn il-miżuri restrittivi, minħabba l-kuntest speċifiku dominanti fis-Sirja”.
10 Konsegwentement, it-tfassil tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255 ġie emendat bid-Deċiżjoni 2015/1836. Dawn l-artikoli issa jipprevedu restrizzjonijiet għad-dħul jew għat-tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri kif ukoll l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi tal-persuni li jaqgħu taħt il-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 2(a) sa (g), elenkati fl-Anness I, ħlief, skont il-paragrafu 3 tagħhom, jekk ikun hemm “biżżejjed informazzjoni [li dawn il-persuni] m’humiex, jew m’għadhomx, assoċjati mar-reġim jew ma jeżerċitawx influwenza fuqu jew ma joħolqux riskju reali ta’ ċirkomvenzjoni”.
11 B’mod partikolari, sa fejn, kif jirriżulta mill-premessa 7 tad-Deċiżjoni 2015/1836, “[is-]setgħa fis-Sirja [...] tradizzjonalment tiġi eżerċitata fuq bażi ta’ familja [u s-]setgħa fir-reġim Sirjan attwali hija kkonċentrata madwar membri influwenti tal-familji Assad u Makhlouf”, kellhom jiġu previsti miżuri restrittivi kontra ċerti membri ta’ dawn il-familji, kemm sabiex ir-reġim Sirjan jiġi influwenzat direttament permezz tal-membri ta’ dawn il-familji sabiex dan tal-aħħar ibiddel il-politika ta’ repressjoni tiegħu kif ukoll sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi minn membri tal-imsemmija familji.
12 Għaldaqstant, wara l-adozzjoni tal-atti tal‑2015, l-Artikolu 27(2)(b) u l-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255 issa jissuġġettaw ukoll il-“membri tal-familji Assad [u] Makhlouf” għall-miżuri restrittivi (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ appartenenza għall-familja”). B’mod parallel, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 36/2012 ġie kkompletat permezz tal-paragrafu 1a(b) li jipprevedi l-iffriżar tal-assi tal-membri ta’ dawn il-familji (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien mal-Artikolu 27(2)(b) u mal-Artikolu 28(2)(b) tad-Deċiżjoni 2013/255, id-“dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja”).
13 Fit‑12 ta’ Settembru 2020, miet Mohammed Makhlouf (iktar ’il quddiem il-“mejjet”). F’dik id-data, ismu kien għadu jidher fil-listi kontenzjużi.
14 Fil‑21 ta’ Frar 2022, permezz tal-atti inizjali, il-Kunsill inkluda isem ir-rikorrenti fil-linja 320 tal-listi kontenzjużi għar-raġuni li ġejja:
“Bint Mohammed Makhlouf. Membru tal-familja Makhlouf.”
15 Sabiex jiġġustifika l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni tal-mejjet minn imħallef Sirjan iddatata s‑27 ta’ Settembru 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni”).
16 Tlett ijiem wara l-adozzjoni tal-atti inizjali, jiġifieri fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/306 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2022, L 46, p. 95), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/299 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2022, L 46, p. 1), sabiex ineħħi isem il-mejjet mil-listi kontenzjużi.
17 Fit‑12 ta’ April 2022, ir-rikorrenti ressqet talba lill-Kunsill intiża sabiex isimha jitneħħa mil-listi kontenzjużi.
18 Il-Kunsill ċaħad din it-talba għal eżami mill-ġdid permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Mejju ta’ wara (iktar ’il quddiem it-“tweġiba tal-Kunsill”), minħabba li kienu jeżistu raġunijiet suffiċjenti sabiex tinżamm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi bħala membru tal-familja Makhlouf u eredi tal-mejjet. F’din l-okkażjoni, huwa kkomunika lil din tal-aħħar id-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni insostenn tar-raġuni għall-inklużjoni ta’ isimha fl-imsemmija listi.
19 Fit-tweġiba tiegħu, il-Kunsill informa lir-rikorrenti bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/849 tat‑30 ta’ Mejju 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2022, L 148, p. 52), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/840 tal‑31 ta’ Mejju 2022 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2022, L 148, p. 8), li permezz tagħhom huwa kien żamm isimha fil-listi kontenzjużi sal‑1 ta’ Ġunju 2023.
20 Fil‑25 ta’ Mejju 2023, il-Kunsill adotta l-atti ta’ żamma li jipprorogaw, essenzjalment, l-applikazzjoni tal-atti bażiċi u tal-listi kontenzjużi, b’mod partikolari kontra r-rikorrenti, sal‑1 ta’ Ġunju 2024.
It‑talbiet tal‑partijiet
21 Wara l-adattament tar-rikors skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla l-atti kkontestati;
– tikkundanna lill-Kunsill iħallasha, minn naħa, kumpens ta’ EUR 30 000 għad-dannu morali mġarrab minħabba l-adozzjoni tal-atti inizjali u, min-naħa l-oħra, kumpens ta’ EUR 30 000 għad-dannu morali mġarrab minħabba l-atti ta’ żamma;
– tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.
22 Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;
– sussidjarjament, fil-każ ta’ annullament tal-atti inizjali sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/242 fil-konfront tagħha sad-dħul fis-seħħ tal-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/237;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id‑dritt
Fuq l‑ammissibbiltà tal‑adattament tar‑rikors
23 Permezz tan-nota ta’ adattament tagħha, ir-rikorrenti titlob li testendi l-portata tar-rikors tagħha, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex dan tal-aħħar ikopri l-annullament tal-atti ta’ żamma sa fejn jikkonċernawha.
24 Waqt is-seduta, il-Kunsill ikkontesta l-ammissibbiltà tal-adattament tar-rikors billi sostna li r-rikorrenti la kienet ikkontestat id-Deċiżjoni 2022/849 u lanqas ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/840, li permezz tagħhom l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi kienet inżammet fis-seħħ qabel l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma.
25 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, “[m]eta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura […], jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid”.
26 F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li kemm l-atti inizjali kif ukoll l-atti ta’ żamma, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, għandhom l-għan li jimponu fuqha miżuri restrittivi individwali li jikkonsistu f’restrizzjonijiet fil-qasam tal-ammissjoni u ffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha tagħha.
27 It-tieni nett, fil-kuntest tas-sistema li tistabbilixxi miżuri restrittivi kontra s-Sirja, il-miżuri restrittivi individwali jieħdu l-forma ta’ inklużjoni tal-isem tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-organi identifikati fil-listi kontenzjużi li jinsabu fl-annessi tad-Deċiżjoni 2013/255 u tar-Regolament Nru 36/2012.
28 F’dan il-kuntest, l-atti inizjali emendaw l-annessi tad-Deċiżjoni 2013/255 u tar-Regolament Nru 36/2012 sabiex jinkludu, b’mod partikolari, isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi. Fir-rigward tal-atti ta’ żamma, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-Deċiżjoni 2023/1035 li pprorogat sal‑1 ta’ Ġunju 2024 l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni 2013/255, inkluż l-Anness I tagħha, kif emendat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/242, issemmi l-imsemmi isem u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/1027 emenda l-Anness II tar-Regolament Nru 36/2012, filwaqt li żamm, tal-inqas impliċitament, l-inklużjoni ta’ dan l-isem f’dan l-anness tal-aħħar. Għaldaqstant, l-atti ta’ żamma għandhom jitqiesu li ssostitwixxew, fis-sens tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-atti inizjali.
29 Minn dan isegwi li, konformement mal-għan ta’ ekonomija tal-ġudizzju li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punti 43 u 44), ir-rikorrenti, peress li talbet l-annullament tal-atti inizjali fir-rikors, kellha d-dritt, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, li tadatta r-rikors sabiex titlob, ukoll, l-annullament tal-atti ta’ żamma, u dan minkejja li preċedentement hija ma kinitx adattat ir-rikors sabiex titlob l-annullament tad-Deċiżjoni 2022/849 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/840.
30 Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-adattament tar-rikors huwa ammissibbli.
Fuq it‑talbiet għal annullament
31 Insostenn tat-talbiet għal annullament tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati essenzjalment:
– l-ewwel, fuq ksur tal-garanziji proċedurali;
– it-tieni, fuq żball ta’ evalwazzjoni;
– it-tielet u r-raba’, fuq ksur illegali u sproporzjonat tad-dritt fundamentali tar-rikorrenti għall-proprjetà.
32 Il-Qorti Ġenerali tqis li jkun utli li tibda l-eżami tar-rikors b’analiżi tat-tieni motiv.
Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni
33 Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ibbażat formalment fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, ir-rikorrenti tikkontesta l-legalità tal-atti kkontestati u, konsegwentement, il-fondatezza tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi. Skontha, is-sempliċi fatt li tappartjeni għall-familja Makhlouf ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.
34 Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
– Osservazzjonijiet preliminari
35 Għandu qabelxejn jiġi rrilevat li dan il-motiv għandu jitqies li huwa bbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni, u mhux fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill għandu ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni sabiex jiddetermina każ b’każ jekk il-kriterji legali li fuqhom huma bbażati l-miżuri restrittivi inkwistjoni humiex issodisfatti, jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni għandhom jiżguraw stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti kollha tal-Unjoni (sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 L-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew inżammu miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, tistrieħ fuq bażi fattwali suffiċjentement solida. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqha tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-verosimiljanza astratta tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni jekk dawn il-motivi jew tal-inqas wieħed minnhom, meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).
37 Hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tagħmel dan l-eżami billi titlob, skont il-każ, lill-awtorità kompetenti tal-Unjoni li tipproduċi informazzjoni jew provi, kunfidenzjali jew le, li jkunu rilevanti għall-finijiet ta’ tali eżami (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 120).
38 Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna u mhux din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121).
39 Għal dan il-għan, ma huwiex meħtieġ li l-imsemmija awtorità tipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni l-informazzjoni u l-provi kollha inerenti għall-motivi allegati fl-att li jintalab l-annullament tiegħu. Huwa neċessarju madankollu li l-informazzjoni jew il-provi prodotti jissostanzjaw il-motivi invokati kontra l-persuna jew l-entità ikkonċernata (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 122).
40 Jekk l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fid-dawl ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn il-provi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata fir-rigward tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124).
41 L-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ inklużjoni għandha ssir billi jiġu eżaminati l-provi mhux b’mod iżolat, iżda fil-kuntest li jifformaw parti minnu (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, Sabra vs Il‑Kunsill, T‑249/20, EU:T:2022:140, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 Fl-aħħar nett, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tas-sitwazzjoni, li tagħmel parti mill-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jidħlu dawn il-miżuri, il-fatt li kien urġenti li jiġu adottati tali miżuri li għandhom l-għan li joħolqu pressjoni fuq ir-reġim Sirjan sabiex iwaqqaf ir-repressjoni vjolenti diretta kontra l-popolazzjoni u d-diffikultà li jinkisbu provi iktar preċiżi fi Stat f’sitwazzjoni ta’ gwerra ċivili b’reġim ta’ natura awtoritarja (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, Sabra vs Il‑Kunsill, T‑249/20, EU:T:2022:140, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza, fl-assenza ta’ setgħat ta’ investigazzjoni f’pajjiżi terzi, l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet tal-Unjoni għandha, fil-fatt, tkun ibbażata fuq sorsi ta’ informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku, rapporti, artikli tal-istampa jew sorsi oħra ta’ informazzjoni simili (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑521/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:608, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li dan il-motiv għandu jiġi analizzat.
– Fuq il‑fondatezza tal‑inklużjoni ta’ isem ir‑rikorrenti fil‑listi kontenzjużi
45 Isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-listi kontenzjużi għar-raġuni li hija kienet “[b]int Mohammed Makhlouf[; m]embru tal-familja Makhlouf” (ara l-punt 10 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, il-Kunsill ibbaża ruħu fuq il-kriterju ta’ appartenenza għall-familja sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti fl-atti kkontestati, billi bbaża ruħu fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni (ara l-punt 17 iktar ’il fuq) li minnha jirriżulta li r-rikorrenti kienet waħda mill-eredi tal-mejjet.
46 Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ir-rikorrenti la tikkontesta l-awtentiċità u lanqas il-valur probatorju tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni. Min-naħa l-oħra, hija lanqas ma tikkontesta r-rabta ta’ filjazzjoni tagħha mal-mejjet u, għaldaqstant, l-appartenenza tagħha għall-familja Makhlouf.
47 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill seta’ jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni sabiex jissostanzja l-motiv ta’ inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.
48 Ir-rikorrenti madankollu ssostni li d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jipprekludu kwalunkwe inklużjoni sistematika bbażata fuq is-sempliċi fatt ta’ appartenenza għall-familja Makhlouf. Hija tfakkar li, skont id-Deċiżjoni 2015/1836, huwa biss membru influwenti tal-imsemmija familja li jista’ jkun suġġett għal miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja.
49 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabelxejn li l-kriterju ta’ inklużjoni ġenerali ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan stabbilit fl-Artikolu 27(1) u fl-Artikolu 28(1) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, li jikkorrispondu, f’dak li jirrigwarda l-iffriżar ta’ fondi, għall-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jippermetti li jiġu inklużi fil-listi kontenzjużi, persuna jew entità li tibbenefika mill-politiki mħaddna mir-reġim Sirjan jew li tappoġġja lil dan tal-aħħar kif ukoll il-persuni assoċjati magħha.
50 Barra minn hekk, fl‑2015, kriterji ta’ inklużjoni speċifiċi kkompletaw il-kriterju ġenerali ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan. Dawn issa jinsabu fl-Artikolu 27(2) u fl-Artikolu 28(2) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u fl-Artikolu 15(1a)(b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828. Skont il-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta mar-reġim Sirjan fir-rigward ta’ seba’ kategoriji ta’ persuni li jappartjenu għal gruppi speċifiċi. Fost dawn il-kategoriji hemm, b’mod partikolari, il-“membri tal-familji Assad jew Makhlouf” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Makhlouf vs Il‑Kunsill, C‑157/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:777, punt 98).
51 Fl-aħħar nett, ġie deċiż li l-kriterji ta’ inklużjoni speċifiċi fir-rigward tas-seba’ kategoriji ta’ persuni, previsti fil-punt 50 iktar ’il fuq, huma awtonomi meta mqabbla mal-kriterju ġenerali ta’ assoċjazzjoni mar-reġim Sirjan b’mod li s-sempliċi fatt ta’ appartenenza għal waħda minn dawn is-seba’ kategoriji ta’ persuni huwa suffiċjenti sabiex jippermetti li jittieħdu l-miżuri restrittivi previsti f’dawn l-artikoli, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi prodotta l-prova tal-appoġġ li l-persuni kkonċernati jagħtu lir-reġim Sirjan eżistenti jew tal-benefiċċju li huma jiksbu minnu (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Makhlouf vs Il‑Kunsill, C‑157/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:777, punt 83).
52 Minn dan għandu jiġi dedott li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja, introdott permezz tal-atti tal‑2015, jistabbilixxi kriterju oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti fih innifsu sabiex jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi kontra “membri tal-familj[a] […] Makhlouf” permezz tal-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi ta’ persuni suġġetti għal tali miżuri għas-sempliċi raġuni li dawn tal-aħħar jappartjenu għall-imsemmija familja. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti fil-punt 48 iktar ’il fuq, dan il-kriterju ma huwiex limitat għall-membri “influwenti” ta’ din il-familja.
53 Jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u l-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828, jistabbilixxu essenzjalment li l-persuni previsti mid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kriterji ta’ inklużjoni ma għandhomx jiġu inklużi fil-listi kontenzjużi jekk ikun hemm informazzjoni suffiċjenti li tindika li ma humiex assoċjati mar-reġim Sirjan, li ma jeżerċitaw ebda influwenza fuqu jew li ma joħolqux riskju reali ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi.
54 Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punti 50 sa 52 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’ a priori, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni, jinkludi isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi abbażi tal-preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta mar-reġim Sirjan li tirriżulta mill-kriterju ta’ appartenenza għall-familja.
55 Sussegwentement, kienet ir-rikorrenti li, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni tal-atti kkontestati, kellha tipproduċi provi sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan li fuqha bbaża ruħu l-Kunsill.
56 F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza stabbilixxiet, kif tfakkar fil-punt 38 iktar ’il fuq, li, sa fejn l-oneru tal-prova fir-rigward tal-fondatezza tal-motivi li jsostnu l-miżuri restrittivi jaqa’ bħala prinċipju fuq il-Kunsill, ma jistax jiġi impost fuq rikorrent livell ta’ prova eċċessiv sabiex jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, Sabra vs Il‑Kunsill, T‑249/20, EU:T:2022:140, punti 132 u 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Għaldaqstant, rikorrent għandu jitqies li rnexxielu jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim, stabbilita, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja, jekk huwa jsostni argumenti jew provi li jistgħu jqiegħdu serjament fid-dubju l-affidabbiltà tal-provi prodotti mill-Kunsill jew l-evalwazzjoni tagħhom, jew jekk huwa jipproduċi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji konkreti, preċiżi u konkordanti tal-ineżistenza jew tat-tmiem tal-eżistenza tar-rabta mar-reġim Sirjan, jew tal-assenza ta’ influwenza fuq l-imsemmi reġim, jew tal-assenza ta’ assoċjazzjoni ma’ riskju reali ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi, skont l-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836, u l-Artikolu 15(1b) tar-Regolament Nru 36/2012, kif emendat bir-Regolament 2015/1828 (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2022, Sabra vs Il‑Kunsill, T‑249/20, EU:T:2022:140, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan, ir-rikorrenti ssostni li hija għaddiet it-tfulija tagħha u l-adolexxenza tagħha flimkien ma’ ommha fil-Libanu u li hija qatt ma għexet fis-Sirja. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li twieldet minn żwieġ li dam biss ftit xhur, bejn il-mejjet u l-ex konjuġi tiegħu Nawal Jazaeri, u żżid li hija ltaqgħet ma’ missierha biss fl-età ta’ 11-il sena u sussegwentement ftit li xejn iffrekwentatu. Fl-aħħar nett, hija tindika li hija ta’ nazzjonalità Sirjana, iżda li fl‑1990 emigrat ma’ ommha lejn l-Istati Uniti fejn hija kisbet in-nazzjonalità Amerikana u segwiet kors ta’ edukazzjoni ogħla. Hija ssostni li tgħix fl-Istati Uniti mal-konjuġi tagħha ta’ nazzjonalità Sawdija, li żżewġet fl-1999, u maż-żewġt itfal tagħhom li huma wkoll ta’ nazzjonalità Amerikana.
59 Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tipproduċi l-provi li ġejjin:
– kopja tal-passaport tagħha maħruġ mill-awtoritajiet Amerikani;
– kopja tad-diploma tagħha ta’ edukazzjoni sekondarja miksuba fl‑1984 fil-Libanu;
– kopja ta’ żewġ diplomi, waħda maħruġa fl‑1992 mill-University of Utah (l-Università ta’ Utah, l-Istati Uniti) u l-oħra fl‑2016 minn George Mason University (l-Università ta’ George‑Mason, Virginia, l-Istati Uniti);
– kopja tal-att taż-żwieġ tagħha ma’ ċittadin tal-Arabja Sawdija, konkluż f’Fairfax, Virginia (l-Istati Uniti), fl‑1999;
– kopja tal-passaporti Amerikani taż-żewġ ulied minuri tagħha mwielda fl-Arabja Sawdija fl‑2007 u fl-Istati Uniti fl‑2009, rispettivament;
– kopja tar-rapporti akkademiċi ta’ wliedha, imħejjija minn skejjel f’Fairfax;
– kopja ta’ żewġ fatturi ta’ taxxa fuq il-proprjetà residenzjali maħruġa għal akkomodazzjoni li tinsab f’Fairfax għas-snin 2017 u 2021;
– l-assigurazzjoni ta’ vettura maħruġa f’isem ir-rikorrenti u mibgħuta fl-istess indirizz f’Fairfax;
– kopja ta’ rendikont tal-qari tal-arloġġ tal-ilma f’isem ir-rikorrenti għall-perijodu mit‑8 ta’ Awwissu 2017 sat‑3 ta’ Novembru 2022, li jindika l-istess indirizz f’Fairfax;
– l-avviż tal-mewt.
60 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-provi prodotti mir-rikorrenti, li wħud minnhom joriġinaw minn awtoritajiet governattivi u amministrattivi kif ukoll minn impriżi privati li, bħala prinċipju, ma jistgħux jiġu mmanipulati jew influwenzati mir-rikorrenti, ġew stabbiliti in tempore non suspecto mingħajr rabta mal-użu tagħhom fil-kuntest ta’ din il-proċedura jew tal-proċedura amministrattiva li ppreċedietha.
61 Barra minn hekk, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li hija qatt ma għexet fis-Sirja hija kkorroborata mill-kopja tal-passaport tagħha li jindika l-Libanu bħala post tat-twelid u minn diploma ta’ edukazzjoni sekondarja maħruġa minn skola Libaniża.
62 Il-provi l-oħra juru li r-rikorrenti ilha tgħix għal diversi għexieren ta’ snin fl-Istati Uniti, li hija miżżewġa lil ċittadin tal-Arabja Sawdija u li wliedhom huma ċittadini tal-Istati Uniti fejn jattendu l-iskola hemmhekk.
63 Skont il-ġurisprudenza, is-sempliċi fatt li persuna tgħix barra mis-Sirja ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ċirkustanza suffiċjenti sabiex tippermetti li jiġi affermat li hija ma hijiex marbuta mar-reġim Sirjan (sentenzi tat‑12 ta’ Marzu 2014, Al Assad vs Il‑Kunsill, T‑202/12, EU:T:2014:113, punt 104, u tal‑14 ta’ April 2021, Al-Tarazi vs Il‑Kunsill, T‑260/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:187, punt 149) u l-Kunsill, li ma jikkontesta ebda waħda mill-provi prodotti mir-rikorrenti, iqis li dawn tal-aħħar ma humiex ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim, kif stabbilita mill-kriterju ta’ appartenenza għall-familja.
64 Madankollu, fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti pproduċiet l-avviż tal-mewt ta’ missierha ppubblikat bl-Għarbi (iktar ’il quddiem l-“avviż tal-mewt”), li hija tiddikjara li saret taf bih biss wara l-komunikazzjoni tiegħu lil terzi matul proċedura ġudizzjarja oħra. Hija tispeċifika li ma kellhiex dan l-avviż fil-mument tal-preżentata tar-rikors, sa fejn kienet tgħix totalment imbiegħda mill-kuntest Sirjan u ma kinitx ġiet assoċjata mal-funeral tal-mejjet.
65 Minn naħa, din id-dikjarazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-avviż tal-mewt isemmi l-ismijiet tal-ħamest itfal subien u ta’ żewġt itfal bniet tal-mejjet, iżda mhux dak tar-rikorrenti.
66 Min-naħa l-oħra, l-avviż tal-mewt isemmi l-ismijiet ta’ żewġ konjuġi tal-mejjet, jiġifieri Ghada Mhana u Hala Tarif Almaghout, mingħajr madankollu ma jagħmel riferiment għal omm ir-rikorrenti, Nawal Jazaeri. Din l-ommissjoni hija iktar u iktar serja peress li l-imsemmi avviż isemmi qraba oħra tal-mejjet li mietu qablu.
67 Għaldaqstant, il-fatt li l-avviż tal-mewt jonqos milli jsemmi l-isem ta’ omm ir-rikorrenti huwa ta’ natura li jikkorrobora l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar it-tul qasir tar-relazzjoni bejn ommha u l-mejjet.
68 F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti twieldet fl‑1967, filwaqt li l-listi kontenzjużi jikkonfermaw li Rami Makhlouf, l-iben il-kbir tal-mejjet u tat-tieni konjuġi tiegħu, twieled fl-1969, ħaġa li wkoll hija ta’ natura li tikkonferma t-tul qasir tal-unjoni bejn il-ġenituri tar-rikorrenti.
69 Dawn il-provi li jirriżultaw mill-avviż tal-mewt huma, b’mod iktar ġenerali, ta’ natura li jissostanzjaw l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar it-tbegħid tagħha, sa mit-tfulija tagħha, mhux biss mill-kuntest Sirjan, iżda wkoll mill-familja tal-mejjet li għaliha hija tidher barranija.
70 Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar fid-dawl tal-provi prodotti mir-rikorrenti li jikkonfermaw li, wara ċ-ċaqliq tagħha fl‑1990, iċ-ċentru tal-interessi tagħha jinsab fl-Istati Uniti. Minn naħa, dan huwa kkonfermat minn żewġ diplomi maħruġa minn stabbilimenti universitarji Amerikani, l-ewwel waħda li tmur lura għall‑1992 u l-oħra tal‑2016.
71 Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tipproduċi wkoll diversi fatturi marbuta mal-istabbiliment tad-dar tagħha f’Fairfax.
72 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 60 iktar ’il fuq, għandu jiġi deċiż (1) li l-provi prodotti mir-rikorrenti huma ta’ natura konkordanti u kredibbli u li, meħuda flimkien, jissostanzjaw b’mod suffiċjenti fid-dritt l-affermazzjonijiet tagħha dwar it-tbegħid tagħha mill-familja Makhlouf.
73 Għaldaqstant, il-provi prodotti mir-rikorrent jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti tal-ineżistenza jew tat-tmiem tal-eżistenza tar-rabta mar-reġim Sirjan, jew tal-assenza ta’ influwenza fuq l-imsemmi reġim, jew tal-assenza ta’ assoċjazzjoni ma’ riskju reali ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 57 iktar ’il fuq, b’mod li r-rikorrenti għandha titqies li kkonfutat validament il-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan li tirriżulta mill-kriterju ta’ appartenenza għall-familja.
74 F’dan ir-rigward, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Kunsill jillimita ruħu li jsostni li l-atti kkontestati kellhom l-għan, mhux biss li jevitaw id-devoluzzjoni tal-massa ereditarja tal-mejjet lill-werrieta tiegħu, fosthom ir-rikorrenti, kif jirriżulta mill-premessa 3 tal-atti inizjali, iżda wkoll li jipprekludu li l-erbat itfal subien tal-mejjet, diġà suġġetti għall-miżuri restrittivi, jaqblu mar-rikorrenti sabiex jevitaw mill-iffriżar ta’ fondi l-porzjon tal-wirt li tmiss lilhom. Barra minn hekk, waqt is-seduta, huwa sostna li t-tbegħid fiżiku tar-rikorrenti, jiġifieri r-residenza fl-Istati Uniti, ma jimplikax żamma ta’ distanza min-naħa tar-rikorrenti mir-reġim Sirjan jew mill-bqija tal-familja Makhlouf.
75 Madankollu, argumenti ta’ natura daqshekk ġenerali, u saħansitra ipotetika, li bl-ebda mod ma huma ssostanzjati, ma jqegħdux fid-dubju l-kredibbiltà tal-indizji prodotti mir-rikorrenti sabiex tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan.
76 Minn dan isegwi li l-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tal-prova li jaqa’ fuqu sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tal-atti kkontestati wara l-kontestazzjoni tal-atti kkontestati mir-rikorrenti, bi provi prodotti insostenn ta’ din il-kontestazzjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 38 sa 40 iktar ’il fuq.
77 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-atti kkontestati huma vvizzjati bi żball ta’ evalwazzjoni.
78 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, l-atti kkontestati għandhom jiġu annullati, mingħajr ma hemm bżonn li titwettaq analiżi tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ motiv.
Fuq l‑effetti ratione temporis tal‑annullament tal‑atti kkontestati
79 F’dak li jirrigwarda t-talba mressqa sussidjarjament mill-Kunsill fir-risposta tiegħu, intiża għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/242 sad-dħul fis-seħħ tal-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2022/237 fir-rigward tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kunsill kien inkluda, mill‑21 ta’ Frar 2022, isem ir-rikorrenti fil-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li jinsabu fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255. Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2022/849 (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi kienet ġiet ipprorogata sal‑1 ta’ Ġunju 2023.
80 Barra minn hekk, permezz tad-Deċiżjoni 2023/1035, il-Kunsill aġġorna l-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 filwaqt li żamm isem ir-rikorrenti fih sal‑1 ta’ Ġunju 2024 (ara l-punt 20 iktar ’il fuq).
81 Issa, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/1510 tas‑27 ta’ Mejju 2024, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU L, 2024/1510), il-Kunsill aġġorna l-lista tal-persuni suġġetti għall-miżuri restrittivi li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255, filwaqt li żamm isem ir-rikorrenti fih sal‑1 ta’ Ġunju 2025.
82 Għaldaqstant, għalkemm l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/242 u tad-Deċiżjoni 2023/1035, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, jinkludi l-annullament tal-inklużjoni ta’ isimha fil-lista li tinsab fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2013/255 għall-perijodu mill‑21 ta’ Frar 2022 sal‑1 ta’ Ġunju 2024, tali annullament, min-naħa l-oħra, ma jestendix għad-Deċiżjoni 2024/1510, li ma hijiex koperta minn dan ir-rikors.
83 Konsegwentement, peress li, sal-lum, ir-rikorrenti hija suġġetta għal miżuri restrittivi ġodda, it-talba sussidjarja tal-Kunsill dwar l-effetti ratione temporis tal-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2022/242, imfakkra fil-punt 80 iktar ’il fuq, ma għadx għandha skop.
Fuq it‑talbiet għad‑danni
84 Ir-rikorrenti ssostni li l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill, li jivvizzja l-atti kkontestati, jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi. Hija żżid ukoll li l-atti kkontestati jagħmlu ħsara serja lir-reputazzjoni tagħha.
85 Il-Kunsill jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, billi jsostni, b’mod partikolari, li l-atti kkontestati ma huma vvizzjati b’ebda illegalità u li, għaldaqstant, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda mill-ewwel.
86 Il-Kunsill josserva wkoll li r-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li tippermetti li jiġu ddeterminati bil-preċiżjoni meħtieġa n-natura, ir-realtà u l-portata tad-dannu morali li hija tinvoka. Konsegwentement, huwa jiddubita mill-ammissibbiltà tat-talbiet għad-danni.
87 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni minħabba aġir illegali tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-fatt li jiġi ssodisfatt sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Barra minn hekk, sa fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet għall-istabbiliment tar-responsabbiltà huma kumulattivi, l-assenza ta’ waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex jiġi miċħud rikors għad-danni, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Haswani vs Il‑Kunsill, T‑479/21, mhux ippubblikata, EU:T:2022:383, punt 155).
88 Insostenn tat-talbiet għad-danni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, il-fatt li, billi ma kellux informazzjoni jew provi li jistabbilixxu l-fondatezza tal-miżuri restrittivi li jikkonċernawha, il-Kunsill wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi fis-sens tal-ġurisprudenza bbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.
89 Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk l-iżball ta’ evalwazzjoni kkonstatat fil-kuntest tat-tieni motiv jikkostitwixxix illegalità ta’ natura li tistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.
90 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-konstatazzjoni tal-illegalità ta’ att ġuridiku tal-Unjoni ma hijiex suffiċjenti, minkejja li hija lamentabbli, sabiex jitqies li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha, marbuta mal-illegalità tal-aġir ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, hija awtomatikament stabbilita minħabba dan il-fatt. Sabiex jiġi aċċettat li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, il-ġurisprudenza teżiġi, fil-fatt, li r-rikorrent jipprova li l-istituzzjoni inkwistjoni tkun wettqet, mhux sempliċi illegalità, iżda ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2021, HTTS vs Il‑Kunsill, T‑692/15 RENV, EU:T:2021:410, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
91 Issa, skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi evalwat jekk ksur ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni huwiex suffiċjentement serju, il-qorti tal-Unjoni tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kumplessità tas-sitwazzjonijiet li għandhom jiġu rregolati, id-diffikultajiet fl-applikazzjoni jew fl-interpretazzjoni tat-testi u, b’mod iktar partikolari, il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandu l-awtur tal-att ikkontestat (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 42).
92 Għaldaqstant, hija biss il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li, f’ċirkustanzi analogi, ma kinitx titwettaq minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti li tippermetti li tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2019, HTTS vs Il‑Kunsill, C‑123/18 P, EU:C:2019:694, punt 43).
93 Il-prova ta’ ksur suffiċjentement serju hija intiża sabiex jiġi evitat, b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li l-funzjoni li l-istituzzjoni kkonċernata hija mitluba twettaq fl-interess ġenerali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha tiġi ostakolata bir-riskju li din l-istituzzjoni tkun finalment imsejħa sabiex issostni d-danni li l-persuni kkonċernati mill-atti tagħha jistgħu eventwalment isofru, mingħajr madankollu ma tħalli lil dawn l-individwi jsofru l-konsegwenzi patrimonjali jew morali ta’ nuqqasijiet li l-istituzzjoni kkonċernata tkun wettqet b’mod flagranti u mhux skużabbli (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2021, Bateni vs Il‑Kunsill, T‑455/17, EU:T:2021:411, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).
94 F’dan il-każ, kif issemma fil-punt 15 iktar ’il fuq, fil-mument tal-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi, il-Kunsill kellu d-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni tal-mejjet li ssemmi, b’mod partikolari, l-appartenenza tar-rikorrenti għall-familja Makhlouf. Din tal-aħħar la tikkontesta l-eżattezza u lanqas il-veraċità tal-informazzjoni ta’ natura fattwali, u lanqas il-valur probatorju ta’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, dan id-dokument, li joriġina minn imħallef Sirjan, jikkostitwixxi prova suffiċjenti li tippermetti lill-Kunsill jissostanzja, a priori, ir-raġuni għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi abbażi tal-kriterju ta’ appartenenza għall-familja.
95 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterju ta’ appartenenza għall-familja jikkostitwixxi kriterju ta’ inklużjoni oġġettiv, awtonomu u suffiċjenti, b’mod li l-Kunsill ma kienx obbligat jipprova l-eżistenza ta’ rabta bejn ir-rikorrenti, membru tal-familja Makhlouf, u r-reġim Sirjan (ara l-punt 52 iktar ’il fuq).
96 Għaldaqstant, fil-mument tal-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill kellu prova suffiċjenti sabiex iqis li l-kundizzjonijiet għall-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan kienu ssodisfatti, b’mod li l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, l-iżball ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi ma jistax jirnexxi.
97 Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn żball ta’ evalwazzjoni bħala motiv imressaq insostenn ta’ rikors għal annullament u ksur manifest u gravi tal-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni invokat sabiex jiġi kkonstatat ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi fil-kuntest ta’ rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2021, Bateni vs Il‑Kunsill, T‑455/17, EU:T:2021:411, punt 113).
98 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tiżviluppa ebda argument speċifiku li jippermetti li jinftiehem kif il-fatt li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni. Hija tillimita ruħha li ssemmi l-inkapaċità tal-Kunsill li jipproduċi l-provi li jippermettu li tiġi stabbilita l-fondatezza tal-atti kkontestati.
99 Issa, l-eżistenza ta’ żball ta’ evalwazzjoni ma tippermettix li jiġi konkluż, b’mod awtomatiku u kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, li l-Kunsill wettaq ksur suffiċjentement serju tal-kundizzjonijiet materjali għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.
100 Għaldaqstant, minkejja l-illegalità li biha huma vvizzjati l-atti kkontestati, fid-dawl tad-deċiżjoni ta’ ftuħ tas-suċċessjoni evalwata fid-dawl tal-preżunzjoni ta’ rabta mar-reġim Sirjan li tirriżulta mill-kriterju tal-appartenenza għall-familja, ma jistax jitqies li l-Kunsill kiser manifestament u b’mod gravi l-limiti imposti fuq is-setgħa ta’ evalwazzjoni tiegħu sabiex b’dan il-mod tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni.
101 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm il-Kunsill ma ssodisfax l-oneru tal-prova li kien jaqa’ fuqu sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza tal-atti kkontestati fil-kuntest tal-kontestazzjoni tagħhom, ma jistax jitqies li dan l-iżball ta’ evalwazzjoni huwa ta’ natura flagranti u mhux skużabbli, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 95 u 96 iktar ’il fuq, b’mod li ma kienx jitwettaq minn amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti f’ċirkustanzi analogi.
102 Peress li l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment ta’ responsabbiltà tal-Unjoni huma kumulattivi, it-talbiet għad-danni għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq u lanqas, iktar u iktar, l-ammissibbiltà tal-imsemmija talbiet.
Fuq l‑ispejjeż
103 Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/242 tal‑21 ta’ Frar 2022 li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/237 tal‑21 ta’ Frar 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, huma annullati sa fejn dawn tal-aħħar jikkonċernaw lil Shahla Makhlouf.
2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1035 tal‑25 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/1027 tal‑25 ta’ Mejju 2023 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, huma annullati sa fejn dawn tal-aħħar jikkonċernaw lil S. Makhlouf.
3) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
4) Il‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Truchot |
Kanninen |
Frendo |
Sampol Pucurull |
Perišin |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Lulju 2024.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
1 Indikazzjoni superfluwa “kunsiderazzjonijiet ... ikkunsidrat”.