EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CJ0450

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) tal-4 ta’ Lulju 2024.
Caixabank SA et vs Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorro y Seguros de España ( Adicae ) et.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mit-Tribunal Supremo.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżoli li jillimitaw il-varjazzjoni fir-rati ta’ interessi – Klawżoli ta’ rata minima ta’ interessi – Azzjoni kollettiva għall-inibizzjoni tal-użu ta’ dawn il-klawżoli u għall-irkupru tas-somom imħallsa taħthom, liema azzjoni kollettiva tinvolvi numru kbir ta’ kummerċjanti u ta’ konsumaturi – Natura ċara u intelliġibbli tal-imsemmija klawżoli – Kunċett ta’ ‘konsumatur medju raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli’.
Kawża C-450/22.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:577

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

4 ta’ Lulju 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumatur – Direttiva 93/13/KEE – Kuntratti ta’ self ipotekarju – Klawżoli li jillimitaw il-varjazzjoni fir-rati ta’ interessi – Klawżoli tar-rata minima ta’ interessi – Azzjoni kollettiva għall-inibizzjoni tal-użu ta’ dawn il-klawżoli u għall-irkupru tas-somom imħallsa taħthom, liema azzjoni kollettiva tinvolvi numru kbir ta’ kummerċjanti u ta’ konsumaturi – Natura ċara u intelliġibbli tal-imsemmija klawżoli – Kunċett ta’ ‘konsumatur medju raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli’”

Fil-Kawża C‑450/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Lulju 2022, fil-proċedura

Caixabank SA, aventi kawża ta’ Bankia SA u Banco Mare Nostrum SA,

Caixa Ontinyent SA,

Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Popular Español SA u Banco Pastor SA,

Targobank SA,

Credifimo SAU,

Caja Rural de Teruel SCC,

Caja Rural de Navarra SCC,

Cajasiete Caja Rural SCC,

Caja Rural de Jaén, Barcelona u Madrid SCC,

Caja Laboral Popular SCC (Kutxa),

Caja Rural de Asturias SCC,

Arquia Bank SA, li kienet Caja de Arquitectos SCC,

Nueva Caja Rural de Aragón SCC,

Caja Rural de Granada SCC,

Caja Rural del Sur SCC,

Caja Rural de Albacete, Ciudad Real u Cuenca SCC (Globalcaja),

Caja Rural Central SCC,

Caja Rural de Extremadura SCC,

Caja Rural de Zamora SCC,

Unicaja Banco SA, aventi kawża ta’ Liberbank SA u Banco Castilla‑La Mancha SA,

Banco Sabadell SA,

Banca March SA,

Ibercaja Banco SA,

Banca Pueyo SA

vs

Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorros y Seguros de España (Adicae),

M.A.G.G.,

M.R.E.M.,

A.B.C.,

Óptica Claravisión SL,

A.T.M.,

F.A.C.,

A.P.O.,

P.S.C.,

J.V.M.B., bħala suċċessur ta’ C.M.R.,

IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu‑Matei (Relatriċi), J.‑C. Bonichot, S. Rodin u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Settembru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Caixabank SA, aventi kawża ta’ Bankia SA u Banco Mare Nostrum SA, minn J. Gutiérrez de Cabiedes Hidalgo de Caviedes u E. Valencia Ortega, abogados,

–        għal Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Popular Español SA u Banco Pastor SA, minn J. M. Rodríguez Cárcamo, u A. M. Rodríguez Conde, abogados,

–        għal Targobank SA, minn D. Machado Rubiño u J. Pérez de la Cruz Oña, abogados,

–        għal Caja Rural de Teruel SCC, minn J. López Torres, abogado,

–        għal Caja Rural de Navarra SCC, minn J. Izquierdo Jiménez u M. Robles Cháfer, abogados, kif ukoll minn M. Sánchez‑Puelles González‑Carvajal, procurador,

–        għal Caja Rural de Jaén, Barcelona y Madrid SCC, minn R. Monsalve del Castillo, I. Moreno‑Tapia Rivas u E. Portillo Cabrera, abogados, kif ukoll minn M. Moreno de Barreda Rovira, procuradora,

–        għal Caja Rural de Asturias S.C.C., minn R. Monsalve del Castillo, I. Moreno‑Tapia Rivas u E. Portillo Cabrera, abogados, kif ukoll minn M. Moreno de Barreda Rovira, procuradora,

–        għal Arquia Bank SA, minn R. Monsalve del Castillo, I. Moreno‑Tapia Rivas u E. Portillo Cabrera, abogados, kif ukoll minn M. Moreno de Barreda Rovira, procuradora,

–        għal Nueva Caja Rural de Aragón SCC, minn R. Monsalve del Castillo, I. Moreno‑Tapia Rivas u E. Portillo Cabrera, abogados, kif ukoll minn M. Moreno de Barreda Rovira, procuradora,

–        għal Caja Rural de Granada SCC, minn R. Monsalve del Castillo, I. Moreno‑Tapia Rivas u E. Portillo Cabrera, abogados, kif ukoll minn M. Moreno de Barreda Rovira, procuradora,

–        għal Caja Rural del Sur SCC, minn R. Monsalve del Castillo, I. Moreno‑Tapia Rivas u E. Portillo Cabrera, abogados, kif ukoll minn M. Moreno de Barreda Rovira, procuradora,

–        għal Caja Rural de Albacete, Ciudad Real y Cuenca SCC (Globalcaja), minn R. Monsalve del Castillo, I. Moreno‑Tapia Rivas u E. Portillo Cabrera, abogados, kif ukoll minn M. Moreno de Barreda Rovira, procuradora,

–        għal Caja Rural Central SCC, Caja Rural de Extremadura SCC u Caja Rural de Zamora SCC, minn J. López Torres, abogado,

–        għal Unicaja Banco SA, aventi kawża ta’ Liberbank SA u Banco Castilla‑La Mancha SA, minn M. Á. Cepero Aránguez u C. Vendrell Cervantes, abogados,

–        għal Banco Sabadell SA, minn G. Serrano Fenollosa, R. Vallina Hoset u M. Varela Suárez, abogados,

–        għal Ibercaja Banco S.A., minn S. Centeno Huerta u C. González Silvestre, abogadas,

–        għall-Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorros y Seguros de España (Adicae), minn V. Cremades Erades, K. Fábregas Márquez u J. F. Llanos Acuña, abogados, kif ukoll minn M. del M. Villa Molina, procuradora,

–        għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, A. Cunha u L. Medeiros, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz, N. Ruiz García u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Jannar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(1) u (2), kif ukoll tal-Artikolu 7(3), tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, rettifika fil-ĠU 2023, L 17, p. 100).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Caixabank SA, aventi kawża ta’ Bankia SA u Banco Mare Nostrum SA, Caixa Ontinyent SA, Banco Santander SA, aventi kawża ta’ Banco Popular Español SA u Banco Pastor SA, Targobank SA, Credifimo SAU, Caja Rural de Teruel SCC, Caja Rural de Navarra SCC, Cajasiete Caja Rural SCC, Caja Rural de Jaén, Barcelona y Madrid SCC, Caja Laboral Popular SCC (Kutxa), Caja Rural de Asturias SCC, Arquia Bank SA, li kienet Caja de Arquitectos SCC, Nueva Caja Rural de Aragón SCC, Caja Rural de Granada SCC, Caja Rural del Sur SCC, Caja Rural de Albacete, Ciudad Real y Cuenca SCC (Globalcaja), Caja Rural Central SCC, Caja Rural de Extremadura SCC, Caja Rural de Zamora SCC, Unicaja Banco SA, aventi kawża ta’ Liberbank SA u Banco Castilla‑La Mancha SA, Banco Sabadell SA, Banca March SA, Ibercaja Banco SA u Banca Pueyo SA u, min-naħa l-oħra, l-Asociación de Usuarios de Bancos, Cajas de Ahorros y Seguros de España (Adicae, assoċjazzjoni Spanjola tal-utenti tal-banek, tal-banek ta’ tifdil u tal-kumpanniji ta’ assigurazzjoni), M.A.G.G., M.R.E.M., A.B.C., Óptica Claravisión SL, A.T.M., F.A.C., A.P.O., P.S.C. u J.V.M.B., bħala suċċessur ta’ C.M.R., dwar it-tneħħija ta’ klawżola fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ self ipotekarju konklużi minn dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u dwar l-irkupru tas-somom imħallsa taħt din il-klawżola minn dawn l-utenti.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        It-tlieta u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tiddikjara:

“Billi persuni jew organizzazzjonijiet, jekk jiġu kkunsidrati taħt il-liġi ta’ Stat Membru li jkollhom interess leġittimu fil-kwistjoni, għandu jkollhom faċilitajiet biex jibdew proċeduri rigward klawżoli ta’ kuntratt imfassal għall-użu ġenerali f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, u b’mod partikolari klawżoli inġusti, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċiedi dwar ilmenti jew li jibdew proċeduri legali xierqa; billi din il-possibbiltà ma tinkludix, iżda, verifika minn qabel tal-kondizzjonijiet ġenerali eżistenti f’setturi ekonomiċi individwali”.

4        Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

(b)      ‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li, f’kuntratti koperti minn din id-Direttiva, tkun qiegħda taġixxi għal skopjiet li jkunu barra s-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tagħha”.

5        Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.      L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, meta mqabbla mas-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

6        L-Artikolu 5 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsir ta’ klawżola, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

7        Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.      Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

3.      Biex jitqiesu kif imiss il-liġijiet nazzjonali, ir-rimedji legali msemmija fil-paragrafu 2 jisgħu jkunu diretti b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ bejjiegħa jew fornituri mill-istess settur ekonomiku jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ l-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.”

 Iddritt Spanjol

 IlLiġi 7/1998

8        Il-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti) tat‑13 ta’ April 1998 (BOE Nru 89 tal‑14 ta’ April 1998, p. 12304), kif emendata, tipprevedi, fl-Artikolu 12 tagħha:

“1.      Huwa possibbli li jitressqu azzjonijiet inibitorji u azzjonijiet ta’ rkupru kontra l-użu ta’, jew ir-rakkomandazzjoni għal, l-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jew kontra xi liġi mandatorja jew projbittiva oħra.

2.      L-azzjoni inibitorja hija intiża sabiex tinkiseb sentenza li tordna lill-konvenut ineħħi mill-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu dawk iddikjarati nulli u jżomm ruħu milli juża tali kundizzjonijiet fil-futur, billi tiddetermina u tispeċifika, skont iċ-ċirkustanzi, il-kontenut tal-kuntratt li għandu jitqies validu u vinkolanti.

Azzjoni għall-irkupru ta’ kull somma li tkun tħallset taħt dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tista’ tingħaqad, bħala kwistjoni anċillari, ma’ azzjoni inibitorja, kif ukoll ma’ azzjoni għad-danni kkawżati bl-applikazzjoni ta’ tali kundizzjonijiet.

[...]”

9        Skont l-Artikolu 17 ta’ din il-liġi:

“1.      Azzjoni inibitorja tista’ titressaq kontra kummerċjant li juża kundizzjonijiet ġenerali li jiġu ddikjarati nulli.

[...]

4.      L-azzjonijiet previsti fil-paragrafi preċedenti jistgħu jitressqu b’mod konġunt kontra numru ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku jew kontra l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu ta’ kundizzjonijiet ġenerali identiċi ddikjarati nulli.”

 IdDigriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007

10      Ir-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 1/2007 li Jadotta t-Test Ikkonsolidat dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u l-Utenti u Liġijiet Supplimentari Oħra) tas‑16 ta’ Novembru 2007 (BOE Nru 287 tat‑30 ta’ Novembru 2007, p. 49181), kif emendat, jipprevedi, fl-Artikolu 53 tiegħu:

“L-għan tal-azzjoni inibitorja huwa li l-konvenut jiġi kkundannat iwaqqaf l-aġir tiegħu jew jevita li tali aġir jirrepeti ruħu fil-futur. Tista’ titressaq azzjoni wkoll sabiex tipprojbixxi kwalunkwe aġir li jkun laħaq waqaf fiż-żmien li fih tkun tressqet l-azzjoni u dan meta jkun hemm biżżejjed indizji li l-aġir ser jirrepeti ruħu fi żmien qasir.

Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, kull rakkomandazzjoni favur l-użu ta’ klawżoli inġusti għandha wkoll titqies bħala aġir li jmur kontra l-leġiżlazzjoni dwar il-klawżoli inġusti.

Huwa possibbli li, kemm‑il darba jkun ġie ppreżentat rikors għal dikjarazzjoni ta’ nullità u għal annullament, tingħaqad ma’ kull azzjoni inibitorja azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, azzjoni għal terminazzjoni jew għal xoljiment ta’ kuntratt u azzjoni għall-irkupru tas-somom li jkunu tħallsu kaġun tal-aġir, tal-klawżoli u tal-kundizzjonijiet ġenerali ddikjarati inġusti jew mhux trasparenti, kif ukoll azzjoni għad-danni kkawżati bl-applikazzjoni ta’ tali klawżoli jew prattiki. Il-qorti li tieħu konjizzjoni tal-azzjoni prinċipali, jiġifieri l-azzjoni inibitorja prevista fil-leġiżlazzjoni proċedurali, għandha tieħu konjizzjoni wkoll ta’ din l-azzjoni aċċessorja magħquda magħha.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

11      Fil‑15 ta’ Novembru 2010, l-Adicae adixxiet lill-Juzgado de lo Mercantil no11 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 11 ta’ Madrid, Spanja) b’azzjoni kollettiva inibitorja kontra 44 istituzzjoni ta’ kreditu, li kienet tirrigwarda klawżola “ta’ rata minima” fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ self ipotekarju, użati minn dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, liema klawżola kienet tipprevedi rata minima li r-rata ta’ interessi varjabbli ma setgħetx tkun inqas minnha (iktar ’il quddiem il-“klawżola ta’ rata minima”), u b’azzjoni kollettiva għall-irkupru tas-somom imħallsa abbażi ta’ din il-klawżola mill-konsumaturi kkonċernati. Din l-azzjoni ġiet sussegwentement estiża darbtejn b’mod li finalment tħarrku 101 istituzzjoni ta’ kreditu. Wara li l-mezzi tax-xandir Spanjoli xandru tliet sejħiet għal parteċipazzjoni, 820 konsumatur dehru individwalment fil-kawża prinċipali insostenn tat-talbiet tal-Adicae.

12      Il-Juzgado de lo Mercantil no11 de Madrid (il-Qorti Kummerċjali Nru 11 ta’ Madrid) laqgħet l-imsemmija azzjoni fir-rigward ta’ 98 mill‑101 istituzzjoni ta’ kreditu mħarrka quddiemha. Fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet, dik il-qorti kkonstatat in-nullità tal-klawżola ta’ rata minima, ordnat li din il-klawżola ma tibqax tintuża u ddikjarat il-kontinwità tal-kuntratti ta’ self ipotekarju kkonċernati. Hija obbligat ukoll lill-imsemmija istituzzjonijiet jirrimborsaw is-somom li rċevew indebitament b’applikazzjoni tal-imsemmija klawżola b’effett mid‑9 ta’ Mejju 2013, id-data li fiha ġiet ippubblikata s-sentenza Nru 241/2013 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) li permezz tagħha din tal-aħħar iddeċidiet li l-konstatazzjoni tan-nullità ta’ klawżola ta’ rata minima kienet tipproduċi effetti ex nunc.

13      L-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid, Spanja) ċaħdet kważi fl-intier tagħhom l-appelli kollha ppreżentati mill-istituzzjonijiet ikkundannati fl-ewwel istanza.

14      Dik il-qorti ppreċiżat il-kriterji li abbażi tagħhom kellu jitwettaq l-istħarriġ tan-natura trasparenti ta’ klawżola ta’ rata minima fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva u għalhekk iddeċidiet li, waqt l-eżami tal-mudelli standard ta’ kuntratti ta’ self ipotekarju użati minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, kellu jiġi vverifikat jekk dawn l-istituzzjonijiet kinux aġixxew b’mod li jaħbu jew jiddissimulaw l-“effett ekonomiku u patrimonjali” ta’ tali klawżola. Fil-fehma tal-imsemmija qorti, tali ħabi jew dissimulazzjoni jseħħu meta l-imsemmija istituzzjonijiet ma jippreżentawx u ma jpoġġux din il-klawżola fl-istess livell ta’ importanza bħal dak tal-klawżoli l-oħra li l-konsumatur medju ġeneralment jinnota, peress li dan tal-aħħar iqis li dawn il-klawżoli l-oħra – relatati mal-parametru referenzjarju, mad-differenzjal li għandu jiżdied ma’ dan il-parametru jew mal-perijodu tar-rimbors ikkonċernat – jiddeterminaw l-ispejjeż tal-kuntratt konkluż.

15      L-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid) identifikat ukoll ċertu aġir min-naħa tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati li jixhed tali intenzjoni ta’ ħabi jew ta’ dissimulazzjoni. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, dan l-aġir jinkludi l-preżentazzjoni minn dawn l-istituzzjonijiet tal-klawżola ta’ rata minima bħala marbuta ma’ kunċetti li ma humiex relatati mal-prezz tal-kuntratt ta’ self ipotekarju kkonċernat jew ma’ ċirkustanzi li jistgħu jikkawżaw tnaqqis f’dan il-prezz, u b’hekk tinħoloq l-impressjoni li l-effett minimu tal-varjazzjoni fir-rata ta’ interessi ta’ riferiment huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet jew rekwiżiti li jagħmluha diffiċli li tiġi implimentata tali klawżola; il-preżentazzjoni tal-klawżola ta’ rata minima f’nofs jew fl-aħħar ta’ testi twal li primarjament jirrigwardaw punti oħra u li fihom tali klawżola tissemma biss fuq fuq, mingħajr ma tiġi enfasizzata, b’mod li l-attenzjoni tal-konsumatur medju tiġi aljenata; jew il-fatt li din il-klawżola u l-klawżoli li jillimitaw l-għoli tar-rata ta’ interessi varjabbli (klawżoli ta’ “rata massima”) ġew ippreżentati flimkien, sabiex l-attenzjoni ta’ dan il-konsumatur tinġibed lejn it-taparsi assigurazzjoni li huwa jkun jista’ jibbenefika minn limitu massimu kontra ż-żieda ipotetika fil-parametru referenzjarju minflok ma tinġibed lejn l-entità tar-rata minima stipulata.

16      L-istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-appell tagħhom ġie miċħud adixxew għalhekk lit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), li hija l-qorti tar-rinviju, b’rikorsi straordinarji għal difett proċedurali u b’appelli ta’ kassazzjoni mis-sentenza mogħtija fl-appell.

17      Dik il-qorti ssostni li l-kawża prinċipali tqajjem żewġ kwistjonijiet legali tal-istess importanza. L-ewwel waħda tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk azzjoni kollettiva tikkostitwixxix rimedju proċedurali xieraq sabiex tiġi eżaminata n-natura trasparenti ta’ klawżoli ta’ rata minima, liema eżami jkun jeħtieġ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, evalwazzjoni konkreta taċ-ċirkustanzi kollha li fihom ikun ġie konkluż kuntratt, kif ukoll tal-informazzjoni prekuntrattwali pprovduta lill-konsumatur ikkonċernat. Tali kwistjoni tkun iktar u iktar rilevanti meta, bħas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-azzjoni kollettiva mressqa ma tkunx tirrigwarda biss istituzzjoni ta’ kreditu waħda, iżda tkun tirrigwarda l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha tas-sistema bankarja ta’ pajjiż li l-fatt uniku komuni bejniethom ikun l-użu ta’ klawżoli ta’ rata minima – li l-kontenut ta’ dawn il-klawżoli jvarja xi ftit jew wisq minn klawżola għal oħra – fil-kuntratti tagħhom ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli.

18      Il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-ġurisprudenza tagħha dwar dan is-suġġett u tippreċiża, b’mod partikolari, li hija wettqet stħarriġ tan-natura trasparenti tal-klawżoli ta’ rata minima fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, b’mod partikolari fil-kawża li wasslet għas-sentenza 241/2013 tad‑9 ta’ Mejju 2013, billi użat il-perċezzjoni tal-konsumatur medju bħala kriterju ta’ riferiment u billi ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-mudelli standardizzati kkonċernati ta’ “kuntratti kollettivi” (adhesion contracts). Madankollu, dik il-qorti tindika li, f’dawn il-każijiet, l-azzjoni kollettiva tressqet kontra istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew kontra numru limitat ħafna ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, b’tali mod li kien iktar faċli li jiġu standardizzati l-prattiki u l-klawżoli kkonċernati.

19      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’dan il-każ, skont l-istatistika tal-Banco de España (il-Bank ta’ Spanja), huma inkwistjoni miljuni ta’ kuntratti ta’ self ipotekarju, li jfisser għalhekk multipliċità ta’ kitbiet u ta’ formulazzjonijiet tal-klawżoli ta’ rata minima. Barra minn hekk, dik il-qorti tindika li dawn il-klawżoli ntużaw legalment mix-xahar ta’ Diċembru 1989 sax-xahar ta’ Ġunju 2019, b’tali mod li ġew suġġetti għal leġiżlazzjonijiet suċċessivi, u li l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha tirreferi għall-mument li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt.

20      Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tqis li, meta titressaq azzjoni kollettiva kontra numru kunsiderevoli ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, li tkun tikkonċerna l-użu ta’ klawżoli ta’ rata minima għal perijodu twil ħafna, konformement ma’ leġiżlazzjonijiet suċċessivi, u li ma tippermettix li tiġi vverifikata l-informazzjoni prekuntrattwali pprovduta f’kull każ lill-konsumaturi kkonċernati, ikun tassew diffiċli li jsir stħarriġ tan-natura trasparenti ta’ dawn il-klawżoli, skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13.

21      It-tieni kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda d-diffikultà li jiġi ddefinit il-konsumatur medju f’kawża bħalma hija l-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, dik il-qorti tippreċiża li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha, tirreferi għall-konsumatur medju raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 51), il-livell ta’ attenzjoni ta’ konsumatur jista’ jvarja skont diversi fatturi, b’mod partikolari r-regoli nazzjonali jew settorjali fil-qasam tar-reklamar jew anki l-elementi lingwistiċi użati fl-informazzjoni kummerċjali pprovduta.

22      Fil-kawża prinċipali, il-klawżoli ta’ rata minima kienu indirizzati lil kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi differenti, jiġifieri, b’mod partikolari, konsumaturi li jkunu ħadu self ipotekarju konkluż minn żviluppaturi ta’ proprjetà immobbli, konsumaturi li jaqgħu taħt programmi ta’ finanzjament ta’ akkomodazzjoni soċjali jew ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni pubblika skont l-età, jew konsumaturi li jkunu ssellfu taħt skema speċjali minħabba l-professjoni tagħhom, b’tali mod li jkun diffiċli li jiġi applikat il-kunċett ta’ “konsumatur medju” sabiex tiġi eżaminata n-natura trasparenti ta’ dawn il-klawżoli.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri li għandha quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 93/13], fejn jagħmel riferiment għaċ-ċirkustanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, u l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, fejn jagħmel riferiment għal klawżoli simili, jippermettu l-evalwazzjoni ġudizzjarja astratta, għall-finijiet tal-istħarriġ tat-trasparenza fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, ta’ klawżoli użati minn iktar minn mitt stabbiliment finanzjarju f’miljuni ta’ kuntratti bankarji, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni la tal-livell ta’ informazzjoni prekuntrattwali pprovduta fir-rigward tal-piż ġuridiku u ekonomiku tal-klawżola u lanqas taċ-ċirkustanzi l-oħra eżistenti f’kull każ konkret fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt?

(2)      L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jippermettu li jitwettaq stħarriġ astratt tat-trasparenza mill-perspettiva tal-konsumatur medju meta diversi mill-offerti kuntrattwali huma indirizzati lil diversi gruppi speċifiċi ta’ konsumaturi jew meta diversi stabbilimenti li joperaw f’oqsma ta’ attività li huma ekonomikament u ġeografikament differenti ħafna użaw klawżoli redatti minn qabel għal perijodu twil ħafna li matulu l-għarfien tal-pubbliku fir-rigward ta’ dawn il-klawżoli evolva?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel domanda

24      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil qorti nazzjonali tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva mressqa kontra numru ta’ kummerċjanti, li lkoll jagħmlu parti mill-istess settur ekonomiku u li tikkonċerna numru kbir ħafna ta’ kuntratti.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li, fis-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13, il-konsumaturi jistgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom irrikonoxxuti minn din id-direttiva kemm permezz ta’ azzjoni individwali kif ukoll permezz ta’ azzjoni kollettiva.

26      B’mod parallel mad-dritt suġġettiv ta’ konsumatur li jressaq azzjoni quddiem qorti sabiex din tal-aħħar teżamina n-natura inġusta ta’ klawżola f’kuntratt li għalih huwa jkun parti, il-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13 jippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw mezz ta’ stħarriġ tal-klawżoli inġusti f’kuntratti standard permezz ta’ azzjonijiet inibitorji mressqa fl-interess pubbliku minn assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 21).

27      Skont il-kliem tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13, tali azzjonijiet kollettivi jistgħu, b’osservanza tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jitressqu jew b’mod separat jew b’mod konġunt kontra numru ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku jew kontra l-assoċjazzjonijiet tagħhom li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu tal-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili.

28      Għalkemm id-drittijiet irrikonoxxuti mid-Direttiva 93/13 jistgħu għalhekk jiġu eżerċitati permezz ta’ azzjoni individwali jew permezz ta’ azzjoni kollettiva, dawn l-azzjonijiet għandhom, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, għanijiet u effetti ġuridiċi differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 30).

29      B’hekk, fir-rigward tal-azzjonijiet individwali, is-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn konsumatur u l-kummerċjant ikkonċernat, li fuqha hija bbażata s-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13, titlob intervent pożittiv mill-qorti nazzjonali li hija obbligata tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali billi tieħu inkunsiderazzjoni, kif proprju jeħtieġ l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt ikkonċernat u billi tirreferi, fid-dawl tad-data li fiha jkun ġie konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-konklużjoni, kif ukoll għall-klawżoli l-oħra kollha tal-imsemmi kuntratt, jew ta’ kuntratt li dan tal-aħħar ikun jiddependi minnu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punti 21 sa 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30      Min-naħa l-oħra, kif proprju jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti kollha tal-konklużjoni ta’ kuntratt, li jikkaratterizza l-azzjonijiet individwali, huwa bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva u ma għandux, għaldaqstant, jostakola l-eżerċizzju ta’ azzjoni kollettiva.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura preventiva u l-għan dissważiv tal-azzjonijiet inibitorji mressqa mill-persuni jew mill-organizzazzjonijiet b’interess leġittimu li jipproteġu lill-konsumaturi msemmija fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-indipendenza ta’ dawn l-azzjonijiet fir-rigward ta’ kull kunflitt individwali konkret, jimplikaw li tali azzjonijiet jistgħu jitressqu anki jekk il-klawżoli li tintalab il-projbizzjoni tagħhom ma jkunux intużaw f’kuntratti speċifiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punti 29 sa 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-relazzjoni bejn l-azzjonijiet individwali u l-azzjonijiet kollettivi, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fid-Direttiva 93/13 tal-mezzi proċedurali li jirregolaw din ir-relazzjoni, huwa kull ordinament ġuridiku intern li għandu jistabbilixxi tali regoli, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, però, li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili fid-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmluhiex impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punti 32 sa 24, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, dawn ir-regoli ma jistgħux iqiegħdu f’perikolu l-użu effettiv tal-possibbiltà, li d-Direttiva 93/13 tagħti lill-konsumaturi, li dawn tal-aħħar jagħżlu li jinvokaw id-drittijiet tagħhom jew permezz ta’ azzjoni individwali, jew inkella permezz ta’ azzjoni kollettiva, billi jkunu rrappreżentati minn organizzazzjoni b’interess leġittimu li tipproteġihom.

33      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwar il-punt sa fejn azzjoni kollettiva tikkostitwixxi mekkaniżmu ġudizzjarju xieraq li jippermetti li jsir stħarriġ tan-natura trasparenti ta’ klawżola ta’ rata minima f’kuntratti ta’ self ipotekarju, f’sitwazzjoni fejn din l-azzjoni tkun tressqet kontra diversi kummerċjanti li jkunu kkonkludew diversi kuntratti ta’ dan it-tip tul perijodu twil.

34      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kunċett ta’ “trasparenza” fil-kuntest tad-Direttiva 93/13, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali jikkostitwixxi regola ġenerali li tapplika għall-mod li bih jitfasslu l-klawżoli użati fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li, fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli “għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar [b’mod ċar u li jinftiehem]”.

35      Il-portata ta’ dan l-obbligu ta’ kitba ċara u li tinftiehem, li tirrifletti r-rekwiżit ta’ trasparenza li għandhom jissodisfaw il-kummerċjanti, ma tiddependix mit-tip ta’ azzjoni, individwali jew kollettiva, li permezz tagħha konsumatur jew organizzazzjoni b’interess leġittimu li tipproteġi lil dan tal-aħħar ifittxu li jasserixxu d-drittijiet irrikonoxxuti mid-Direttiva 93/13.

36      Għaldaqstant, il-ġurisprudenza li tirriżulta minn azzjonijiet individwali u li tirrigwarda r-rekwiżit ta’ trasparenza tista’ tiġi applikata għall-azzjonijiet kollettivi. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din il-ġurisprudenza, dan ir-rekwiżit ma jistax jiġi sempliċement ridott fis-sens li klawżola tkun formalment u grammatikalment intelliġibbli, iżda għandu, għall-kuntrarju, jinftiehem f’sens wiesa’, peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-kummerċjant, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-livell ta’ għarfien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2023, Caixabank (Kummissjoni għall-ftuħ tas-self), C‑565/21, EU:C:2023:212, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      B’hekk, l-imsemmi rekwiżit ta’ trasparenza mhux biss jeżiġi li l-klawżola kkonċernata tkun tinftiehem mill-konsumatur ikkonċernat kemm formalment u kif ukoll grammatikalment, iżda wkoll li konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-funzjoni konkreta ta’ din il-klawżola u li b’hekk jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ tali klawżola fuq l-obbligi finanzjarji tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, EU:C:2021:470, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Mill-premess jirriżulta li, fis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita mid-Direttiva 93/13, l-istħarriġ ġudizzjarju tan-natura trasparenti tal-klawżoli kuntrattwali ma jistax jiġi limitat biss għall-klawżoli li huma s-suġġett ta’ azzjonijiet individwali. Ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tippermetti li jitqies li dan l-istħarriġ huwa eskluż fir-rigward tal-klawżoli li huma s-suġġett ta’ azzjonijiet kollettivi, bla ħsara, madankollu, għall-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(3) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri li azzjoni kollettiva, meta titressaq kontra diversi kummerċjanti, titressaq kontra kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku, minn naħa, u li jużaw jew jirrakkomandaw l-użu tal-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew ta’ klawżoli simili, min-naħa l-oħra.

39      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eżami tan-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali li għandu jsir mill-qorti nazzjonali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, għandu jiġi osservat li, min-natura tiegħu stess, dan l-eżami ma jistax jirrigwarda ċirkustanzi li huma partikolari għal sitwazzjonijiet individwali, iżda għandu jirrigwarda prattiki standardizzati tal-kummerċjanti.

40      Għaldaqstant, l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, fil-kuntest ta’ azzjoni individwali, jekk l-informazzjoni kollha li jista’ jkollha effett fuq l-impenn tal-konsumatur ikkonċernat tkunx ġiet ikkomunikata lilu, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, kif ukoll il-provvista, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, tal-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet kuntrattwali u dwar il-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, D.V.(Onorarji ta’ avukat–Prinċipju tat-tariffa fis-siegħa), C‑395/21, EU:C:2023:14, punti 38 u 39, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi adattat għall-karatteristiċi speċifiċi tal-azzjonijiet kollettivi, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura preventiva ta’ dawn tal-aħħar u tal-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kull kunflitt individwali konkret, imfakkra fil-punt 31 ta’ din is-sentenza.

41      B’hekk, fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva, hija l-qorti nazzjonali li, hija u tevalwa n-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, bħalma hija klawżola ta’ rata minima, għandha teżamina, skont in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi li huma s-suġġett tal-kuntratti kkonċernati, jekk il-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, ikunx f’pożizzjoni, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, li jifhem il-funzjoni ta’ din il-klawżola u li jivvaluta l-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ta’ din tal-aħħar. Għal dan il-għan, dik il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-prattiki kuntrattwali u prekuntrattwali standardizzati kollha li kull kummerċjant ikkonċernat isegwi, fosthom, b’mod partikolari, il-mod li bih titfassal l-imsemmija klawżola u l-pożizzjoni ta’ din tal-aħħar fil-kuntratti standard użati minn kull kummerċjant, il-pubbliċità li tkun saret tat-tipi ta’ kuntratti kkonċernati mill-azzjoni kollettiva, ix-xandir tal-offerti prekuntrattwali ġġeneralizzati lill-konsumaturi, kif ukoll kull ċirkustanza oħra li l-imsemmija qorti tqis li tkun rilevanti sabiex tagħmel l-istħarriġ tagħha fir-rigward ta’ kull wieħed mill-konvenuti.

42      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-kumplessità ta’ kawża, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ konvenuti, in-numru kbir ta’ kuntratti konklużi matul perijodu twil u n-numru kbir ta’ formulazzjonijiet differenti tal-klawżoli kkonċernati, tistax tipprekludi li jsir stħarriġ tan-natura trasparenti ta’ dawn il-klawżoli, għandu jiġi osservat qabel kollox li, kif ġie rrilevat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jissuġġetta l-eżerċizzju ta’ azzjoni kollettiva kontra diversi kummerċjanti għal żewġ kundizzjonijiet, jiġifieri li tali azzjoni titressaq kontra kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku, minn naħa, u li dawn tal-aħħar jużaw jew jirrakkomandaw l-użu tal-istess klawżoli kuntrattwali ġenerali jew klawżoli simili, min-naħa l-oħra.

43      Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex ikkontestat f’dan il-każ li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jagħmlu parti mill-istess settur ekonomiku, jiġifieri dak tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Il-fatt li l-azzjoni fil-kawża prinċipali tressqet kontra numru kunsiderevoli ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jikkostitwixxix kriterju rilevanti sabiex jiġi evalwat l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina n-natura trasparenti ta’ klawżoli kuntrattwali simili, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 inkwantu, kif proprju jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, azzjoni kollettiva tista’ titressaq, b’mod separat jew konġunt, kontra diversi kummerċjanti mill-istess settur. Fil-fatt, il-kumplessità ta’ kawża ma tistax tippreġudika l-effettività tad-drittijiet suġġettivi li d-Direttiva 93/13 tirrikonoxxi lill-konsumaturi, liema drittijiet ma jistgħux jitqiegħdu f’dubju minħabba l-isfidi ta’ natura organizzattiva li ġġib magħha kawża.

44      Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, b’osservanza tad-dritt intern tagħha, jekk jeżistix bejn il-klawżoli kuntrattwali kkonċernati minn azzjoni kollettiva livell ta’ xebh suffiċjenti sabiex jippermetti l-eżerċizzju ta’ din l-azzjoni. F’dan ir-rigward, mill-kliem stess tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li ma huwiex neċessarju li dawn il-klawżoli jkunu identiċi. Barra minn hekk, tali xebh ma jistax jiġi eskluż minħabba s-sempliċi fatt li l-kuntratti li fihom jinsabu dawn il-klawżoli jkunu ġew konklużi f’mumenti differenti jew taħt leġiżlazzjonijiet differenti, għaliex inkella l-Artikolu 7(2) u (3) tad-Direttiva 93/13 jiġi mċaħħad minn parti kbira mis-sustanza tiegħu u b’hekk jiġi ppreġudikat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni.

45      F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandha tagħmel il-qorti tar-rinviju, jidher li l-klawżoli ta’ rata minima użati fil-kuntratti ta’ self ipotekarju kkonċernati essenzjalment jinkludu l-indikazzjoni ta’ rata minima li r-rata ta’ interessi varjabbli ma tistax tkun inqas minnha, peress li l-mekkaniżmu għal funzjonament tagħhom huwa, bħala prinċipju, dejjem l-istess. Konsegwentement, dawn il-klawżoli jistgħu jiġu kklassifikati bħala “simili”, fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13.

46      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil qorti nazzjonali tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva mressqa kontra numru kbir ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku u li tkopri numru kbir ħafna ta’ kuntratti, kemm‑il darba dawn il-kuntratti jkun fihom l-istess klawżola jew klawżoli simili.

 Fuq ittieni domanda

47      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 jippermettux lil qorti nazzjonali, adita b’azzjoni kollettiva mressqa kontra diversi kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku u li tkopri numru kbir ħafna ta’ kuntratti, tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali, billi tibbaża ruħha fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, f’sitwazzjoni fejn dawn il-kuntratti jkunu indirizzati lil kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi u fejn din il-klawżola tkun intużat għal perijodu twil ħafna li matulu tkun żdiedet il-kuxjenza dwarha.

48      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif proprju jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita u kif tfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali u l-punt sa fejn din il-klawżola tippermetti li tinftiehem il-funzjoni tagħha u li jiġu evalwati l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha, potenzjalment sinjifikattivi, għandhom jiġu eżaminati billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 51, u tal‑20 ta’ April 2023, Ocidental–Companhia Portuguesa de Seguros de Vida, C‑263/22, EU:C:2023:311, punt 26, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      B’mod analogu għall-kunċett ġeneriku ta’ “konsumatur”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 93/13, li għandu natura oġġettiva u huwa indipendenti mill-konoxxenza u mill-informazzjoni konkreta li l-persuna kkonċernata effettivament ikollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2019, Pouvin u Dijoux, C‑590/17, EU:C:2019:232, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-użu ta’ kriterju ta’ riferiment astratt għall-finijiet tal-istħarriġ tan-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali jippermetti li jiġi evitat li dan il-kontroll ikun suġġett għal sett kumpless ta’ fatturi suġġettivi li jkun diffiċli, jekk mhux addirittura impossibbli, li jiġu stabbiliti.

50      Kif essenzjalment rrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li, fil-kuntest ta’ azzjoni individwali, l-għarfien speċifiku li konsumatur jitqies li għandu ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika kwalunkwe tluq mil-livell ta’ għarfien tal-konsumatur medju, il-karatteristiċi individwali ta’ kategoriji differenti ta’ konsumaturi ma jistgħux, a fortiori, jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva.

51      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minħabba n-numru kunsiderevoli ta’ kummerċjanti li kkonkludew kuntratti ta’ self ipotekarju, it-tqassim ġeografiku tagħhom fit-territorju nazzjonali kollu, kif ukoll minħabba l-perijodu twil li matulu ntużaw il-klawżoli ta’ rata minima u li matulu daħlu fis-seħħ leġiżlazzjonijiet suċċessivi, l-azzjoni kollettiva fil-kawża prinċipali tikkonċerna kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi li huwa diffiċli li wieħed jaggruppahom, jiġifieri, b’mod partikolari, konsumaturi li jkunu ħadu self konkluż minn żviluppaturi ta’ proprjetà immobbli, konsumaturi li jaqgħu taħt programmi ta’ finanzjament ta’ akkomodazzjoni soċjali jew ta’ aċċess għall-akkomodazzjoni pubblika skont l-età jew anki konsumaturi li jkunu ssellfu taħt skema speċjali minħabba l-professjoni tagħhom.

52      Issa, għandu jiġi osservat li hija preċiżament in-natura eteroġenja tal-pubbliku kkonċernat, li minħabba fiha huwa impossibbli li tiġi eżaminata l-perċezzjoni individwali tal-individwi kollha li jagħmlu parti minn dan il-pubbliku, li tagħmel neċessarju l-użu tal-finzjoni legali tal-konsumatur medju, li permezz tagħha dan tal-aħħar jinftiehem bħala l-istess entità astratta li l-perċezzjoni globali tagħha hija rilevanti għall-finijiet tal-eżami tagħha.

53      Konsegwentement, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tan-natura trasparenti tal-klawżoli ta’ rata minima fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratti ta’ self ipotekarju kkonċernati, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tibbaża ruħha fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, u dan indipendentement mid-differenzi li jeżistu bejn kull konsumatur individwali li lilu huma indirizzati l-kuntratti inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ kuxjenza tal-klawżola ta’ rata minima, tal-livell ta’ dħul, tal-età jew tal-attività professjonali. Il-fatt li dawn il-kuntratti huma indirizzati lil kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi ma huwiex ta’ natura li jwassal għal konklużjoni differenti. Fil-fatt, sabiex teżamina n-natura trasparenti ta’ klawżoli fil-kundizzjonijiet ġenerali ta’ dawn il-kuntratti kollha u li l-funzjoni tagħhom hija, essenzjalment, identika, liema klawżoli jillimitaw it-tnaqqis fir-rata ta’ interess varjabbli lil hinn minn ċertu livell, qorti nazzjonali la tista’ tibbaża ruħha fuq il-perċezzjoni ta’ konsumatur inqas għaqli mill-konsumatur medju u lanqas fuq dik ta’ konsumatur iktar għaqli minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2023, mBank (Reġistru Pollakk tal-klawżoli illegali), C‑139/22, EU:C:2023:692, punt 66).

54      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż a priori li, minħabba l-ġrajja ta’ avveniment oġġettiv jew ta’ fatt ben magħruf, bħalma hija emenda tal-leġiżlazzjoni applikabbli jew żvilupp ġurisprudenzjali mxerred u diskuss sew, il-qorti tar-rinviju tqis li l-perċezzjoni globali tal-konsumatur medju fir-rigward tal-klawżola ta’ rata minima tkun inbidlet matul il-perijodu ta’ riferiment u tkun ippermettiet lil dan il-konsumatur jsir jaf bil-konsegwenzi ekonomiċi, potenzjalment sinjifikattivi, ikkawżati minn din il-klawżola.

55      F’każ bħal dan, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni, matul dan il-perijodu, tal-perċezzjoni tal-konsumatur medju u, għalhekk, il-livell ta’ informazzjoni u ta’ attenzjoni ta’ dan tal-aħħar jista’ jiddependi mill-mument li fih jiġu konklużi l-kuntratti ta’ self ipotekarju. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tapplika din il-possibbiltà abbażi ta’ fatturi konkreti u oġġettivi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ tali bidla, li s-sempliċi mogħdija taż-żmien ma hijiex biżżejjed sabiex wieħed jippreżumiha.

56      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-dibattiti li saru waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmi avveniment oġġettiv jew l-imsemmi fatt ben magħruf jistgħu jikkonsistu fil-waqgħa fir-rati ta’ interessi, karatteristika tas-snin 2000, li wasslet għall-applikazzjoni tal-klawżoli ta’ rata minima u għalhekk għall-kuxjenza tal-konsumaturi tal-effetti ekonomiċi ta’ dawn il-klawżoli, jew fl-għoti tas-sentenza Nru 241/2013 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad‑9 ta’ Mejju 2013, li kkonstatat l-assenza ta’ natura trasparenti tal-imsemmija klawżoli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, għall-finijiet tal-istħarriġ tan-natura trasparenti tal-istess klawżoli, din il-waqgħa fir-rati ta’ interessi jew l-għoti ta’ din is-sentenza setgħux jiddeterminaw bidla, matul iż-żmien, fil-livell ta’ attenzjoni u ta’ informazzjoni tal-konsumatur medju fil-mument li fih ikun ġie konkluż kuntratt ta’ self ipotekarju.

57      Fid-dawl tal-premess, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil qorti nazzjonali, adita b’azzjoni kollettiva mressqa kontra diversi kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku u li tkopri numru kbir ħafna ta’ kuntratti, tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali billi tibbaża ruħha fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, f’sitwazzjoni fejn dawn il-kuntratti jkunu indirizzati lil kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi u fejn din il-klawżola tkun intużat għal perijodu twil ħafna. Madankollu, jekk, matul dan il-perijodu, il-perċezzjoni globali tal-konsumatur medju fir-rigward tal-imsemmija klawżola tkun inbidlet minħabba l-ġrajja ta’ avveniment oġġettiv jew minħabba fatt ben magħruf, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li l-qorti nazzjonali twettaq dan l-istħarriġ billi tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-perċezzjoni ta’ dan il-konsumatur, peress li l-perċezzjoni rilevanti hija dik eżistenti fil-mument li fih ikun ġie konkluż kuntratt ta’ self ipotekarju.

 Fuq lispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jippermettu lil qorti nazzjonali tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva mressqa kontra numru kbir ta’ kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku u li tkopri numru kbir ħafna ta’ kuntratti, kemmil darba dawn il-kuntratti jkun fihom l-istess klawżola jew klawżoli simili.

2)      L-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 93/13

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jippermettu lil qorti nazzjonali, adita b’azzjoni kollettiva mressqa kontra diversi kummerċjanti mill-istess settur ekonomiku u li tkopri numru kbir ħafna ta’ kuntratti, tistħarreġ in-natura trasparenti ta’ klawżola kuntrattwali billi tibbaża ruħha fuq il-perċezzjoni tal-konsumatur medju, raġonevolment informat tajjeb u raġonevolment attent u għaqli, f’sitwazzjoni fejn dawn il-kuntratti jkunu indirizzati lil kategoriji speċifiċi ta’ konsumaturi u fejn din il-klawżola tkun intużat għal perijodu twil ħafna. Madankollu, jekk, matul dan il-perijodu, il-perċezzjoni globali tal-konsumatur medju fir-rigward tal-imsemmija klawżola tkun inbidlet minħabba l-ġrajja ta’ avveniment oġġettiv jew minħabba fatt ben magħruf, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix li l-qorti nazzjonali twettaq dan l-istħarriġ billi tieħu inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tal-perċezzjoni ta’ dan il-konsumatur, peress li l-perċezzjoni rilevanti hija dik eżistenti fil-mument li fih ikun ġie konkluż kuntratt ta’ self ipotekarju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top