Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024H2002

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2002 tal-24 ta’ Lulju 2024 li tistabbilixxi linji gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija u tal-awditi tal-enerġija (notifikata bid-dokument C(2024) 5155)

    C/2024/5155

    ĠU L, 2024/2002, 26.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/2002/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/2002/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Is-serje L


    2024/2002

    26.7.2024

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2002

    tal-24 ta’ Lulju 2024

    li tistabbilixxi linji gwida għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija u tal-awditi tal-enerġija

    (notifikata bid-dokument C(2024) 5155)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) introduċiet rekwiżit biex tintlaħaq il-mira ewlenija ta’ ffrankar tal-enerġija ta’ mill-inqas 32,5 % fil-livell tal-Unjoni sal-2030.

    (2)

    Fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD (2013) 447 final (2) tagħha, il-Kummissjoni pprovdiet gwida lill-Istati Membri għat-traspożizzjoni u għall-implimentazzjoni tal-awditi tal-enerġija u tas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija skont id-Direttiva 2012/27/UE, filwaqt li appoġġathom fl-istabbiliment tal-iskemi, tal-għodod u tal-metodoloġiji adegwati sabiex setgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija tagħhom u jiksbu l-mira ewlenija tal-effiċjenza enerġetika.

    (3)

    Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) ġiet adottata fit-13 ta’ Settembru 2023. Hija rriformulat id-Direttiva 2012/27/UE, filwaqt li żammet uħud mid-dispożizzjonijiet tagħha mingħajr bidliet, u fl-istess ħin introduċiet xi rekwiżiti ġodda. B’mod partikolari, żiedet b’mod sinifikanti l-livell ta’ ambizzjoni għall-2030 f’termini ta’ effiċjenza enerġetika, inkluż fir-rigward tas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija u tal-awditi tal-enerġija.

    (4)

    F’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791, il-konsum medju tal-enerġija ta’ intrapriża jrid ikun il-kriterju għad-definizzjoni tal-applikazzjoni tas-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija jew tal-awditi tal-enerġija.

    (5)

    Għalhekk, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-intrapriżi b’konsum tal-enerġija ta’ aktar minn 10 TJ filwaqt li jqisu l-vetturi tal-enerġija kollha flimkien u b’medja matul l-aħħar tliet snin, ikunu soġġetti għal awditi tal-enerġija filwaqt li l-intrapriżi b’konsum tal-enerġija li jaqbeż il-85 TJ jimplimentaw sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija.

    (6)

    Madankollu, l-intrapriżi li jkunu taħt il-livell limitu tal-konsum fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2023/1791 jenħtieġ li jiġu mħeġġa jagħmlu awditi tal-enerġija u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minnhom.

    (7)

    Sabiex jinħolqu kundizzjonijiet xierqa u jiġi offrut appoġġ lill-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs), l-Istati Membri huma mħeġġa jimplimentaw mekkaniżmi bħal ċentri tal-awditi tal-enerġija għall-SMEs u għall-mikrointrapriżi, fejn dawn ma jkunux f’kompetizzjoni ma’ awdituri privati, biex jipprovdu awditi tal-enerġija, kif ukoll skemi oħra ta’ appoġġ għall-SMEs. Fl-iżvilupp tal-iskemi u tal-programmi ta’ appoġġ tagħhom għall-SMEs, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-programmi tagħhom jinkludu wkoll appoġġ għall-SMEs fil-kwantifikazzjoni tal-benefiċċji multipli tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp ta’ pjanijiet direzzjonali għall-effiċjenza enerġetika u l-iżvilupp ta’ networks tal-effiċjenza enerġetika għall-SMEs, iffaċilitati minn faċilitaturi indipendenti.

    (8)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awditi tal-enerġija u s-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija jqisu l-Istandards Ewropej jew Internazzjonali rilevanti, bħal EN ISO 50001 (Sistemi tal-Ġestjoni tal-Enerġija), jew EN 16247-1 (Awditi tal-Enerġija), jew, jekk jekk jinkludu awditu tal-enerġija, l-EN ISO 14000 (Sistemi tal-Ġestjoni Ambjentali) u b’hekk ikunu wkoll konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VI tar-riformulazzjoni tal-EED.

    (9)

    Filwaqt li l-awditi tal-enerġija jistgħu jsiru fuq bażi awtonoma jew ikunu parti minn sistema usa’ tal-ġestjoni ambjentali jew minn kuntratt usa’ tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, fil-każijiet kollha bħal dawn dawk l-approċċi jridu jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tal-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2023/1791.

    (10)

    L-Istati Membri jridu jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jittrasponu l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 sal-11 ta’ Ottubru 2025, għajr għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(1) dwar l-implimentazzjoni tal-ewwel sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) dwar it-twettiq tal-ewwel awditu tal-enerġija mill-kumpaniji l-ġodda obbligati skont il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, li jridu jiġu trasposti sal-11 ta’ Ottubru 2027 u 2026 rispettivament.

    (11)

    L-Istati Membri jistgħu jagħżlu skont id-diskrezzjoni tagħhom il-mod kif jittrasponu u jimplimentaw ir-rekwiżiti rigward is-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija u l-awditi tal-enerġija li jkun adattat l-aħjar għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom. F’dan il-kuntest, ikun rakkomandat li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva (UE) 2023/1791 jiġu interpretati b’mod konsistenti li jikkontribwixxi għal fehim koerenti tad-Direttiva (UE) 2023/1791 fl-Istati Membri kollha fit-tħejjija tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom,

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu l-linji gwida interpretattivi fl-Anness ta’ din ir-Rakkomandazzjoni meta jittrasponu l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 fil-liġi nazzjonali tagħhom.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Lulju 2024.

    Għall-Kummissjoni

    Kadri SIMSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2012/27/oj).

    (2)  In-Nota ta’ gwida dwar id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija – l-Artikolu 8: Awditi tal-enerġija u sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija, SWD (2013) 447 final, 6.11.2013.

    (3)  Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar l-effiċjenza enerġetika u li temenda r-Regolament (UE) 2023/955 (ĠU L 231, 20.9.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/1791/oj).


    ANNESS

    1.   INTRODUZZJONI

    Dawn il-linji gwida jipprovdu gwida lill-Istati Membri dwar kif għandhom jinterpretaw l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 meta jittrasponuh fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    Dawn il-linji gwida jissostitwixxu n-nota ta’ gwida preċedenti, Nota ta’ gwida dwar id-Direttiva 2012/27/UE tas-6 ta’ Novembru 2013 dwar l-effiċjenza fl-enerġija – l-Artikolu 8: awditi tal-enerġija u sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija SWD (2013) 447 final. Xi partijiet tan-nota ta’ gwida preċedenti għadhom jistgħu jkunu utli għall-Istati Membri għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet relatati mal-awditi tal-enerġija.

    Madankollu, l-interpretazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni hija l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.   KUNTEST LEGALI U TA’ POLITIKA

    L-awditi tal-enerġija u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija huma għodod essenzjali għall-kumpaniji (u għal entitajiet oħra bħall-korpi pubbliċi) biex jivvalutaw il-konsum tal-enerġija eżistenti u jidentifikaw opportunitajiet għall-iffrankar tal-enerġija. Id-Direttiva (UE) 2023/1791 għalhekk iżżomm ħafna mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2002.

    L-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 jissostitwixxi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE.

    L-aktar differenza importanti bejn l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 u l-Artikolu 8 tad-Direttiva (UE) 2018/2002 tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu għall-intrapriżi li jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija jew awditu tal-enerġija.

    Billi d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2002 jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni permezz tan-natura tal-intrapriża (jiġifieri SME jew le), skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva (UE) 2023/1791: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi b’konsum annwali medju ogħla minn 85 TJ ta’ enerġija tul it-tliet snin preċedenti, filwaqt li jqisu l-vetturi tal-enerġija kollha flimkien, jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija”.

    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(2), “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intrapriżi b’konsum annwali medju ta’ aktar minn 10 TJ ta’ enerġija tul it-tliet snin preċedenti, filwaqt li jqisu l-vetturi tal-enerġija kollha flimkien, li ma jimplimentawx sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija, ikunu soġġetti għal awditu tal-enerġija”.

    L-Artikolu 11(1) u (2) ma jeskludi l-ebda settur ibbażat fuq l-attività tiegħu (pereżempju, installazzjonijiet tal-Iskemi għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading Systems) jew detenturi ta’ liċenzji għall-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis (IPPC, Integrated Pollution Prevention and Control)).

    3.   TERMINI EWLENIN UŻATI F’DAWN IL-LINJI GWIDA

    It-termini ewlenin li ġejjin huma l-aktar rilevanti fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791.

    3.1.   Termini definiti fid-Direttiva (UE) 2023/1791 u fir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

    Prodotti tal-enerġija

    “Prodotti tal-enerġija” tfisser il-kombustibbli, is-sħana, l-enerġija rinnovabbli, l-elettriku, jew kwalunkwe forma oħra ta’ enerġija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (d), tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.

    Sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija

    “Sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija” tfisser sett ta’ elementi interrelatati jew interattivi ta’ strateġija li tistabbilixxi objettiv tal-effiċjenza enerġetika u pjan biex jinkiseb dak l-objettiv, inkluż il-monitoraġġ tal-konsum reali tal-enerġija, l-azzjonijiet meħuda biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u l-kejl tal-progress, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (16), tad-Direttiva (UE) 2023/1791.

    Awditu tal-enerġija

    “Awditu tal-enerġija” tfisser proċedura sistematika bl-iskop li jinkiseb għarfien adegwat tal-profil tal-konsum tal-enerġija ta’ binja jew ta’ grupp ta’ bini, ta’ operazzjoni jew ta’ installazzjoni industrijali jew kummerċjali jew ta’ servizz privat jew pubbliku, li jiġu identifikati u kwantifikati opportunitajiet tal-iffrankar tal-enerġija kosteffettiv, jiġi identifikat il-potenzjal għal użu jew produzzjoni kosteffettivi tal-enerġija rinnovabbli, u jiġu rrapportati s-sejbiet, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (32), tad-Direttiva (UE) 2023/1791.

    Konsum finali tal-enerġija

    “Konsum finali tal-enerġija” jew “FEC” (Final Energy Consumption) huwa definit fl-Artikolu 2, il-punt (6) tad-Direttiva (UE) 2023/1791 bħala l-enerġija kollha pprovduta lill-industrija, lit-trasport, inkluż il-konsum tal-enerġija fl-avjazzjoni internazzjonali, lill-unitajiet domestiċi, lis-servizzi pubbliċi u privati, lill-agrikoltura, lill-forestrija, lis-sajd u lil setturi oħra tal-użu aħħari, minbarra l-konsum tal-enerġija fil-bunkers marittimi internazzjonali, l-enerġija ambjentali u l-konsenji lis-settur tat-trasformazzjoni u lis-settur tal-enerġija, u t-telf minħabba t-trażmissjoni u d-distribuzzjoni kif definit fl-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.

    3.2.   Termini mhux definiti fid-Direttiva (UE) 2023/1791 u lanqas f’atti oħra tal-Unjoni legalment vinkolanti

    Intrapriża

    “Intrapriża” mhijiex definita fid-Direttiva (UE) 2023/1791. Madankollu, l-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (2), huwa msemmi fl-Artikolu 2(30) u (31) tad-Direttiva (UE) 2023/1791. L-Artikolu 1 tat-Titolu I ta’ dak l-Anness jirreferi għal “intrapriża” bħala “kwalunkwe entità involuta f’attività ekonomika, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha. Dan jinkludi, b’mod partikolari, persuni li jaħdmu għal rashom u negozji tal-familja involuti f’attivitajiet artiġjanali jew attivitajiet oħra, u sħubijiet jew assoċjazzjonijiet involuti regolarment f’attività ekonomika”  (3).

    Fil-kuntest tad-Direttiva (UE) 2023/1791, il-Kummissjoni tinterpreta dan bħala li jfisser li:

    Huma biss l-intrapriżi fit-territorju ta’ Stat Membru li huma obbligati jikkonformaw. Madankollu, meta jiġi vvalutat il-konsum tal-enerġija tagħhom, għandhom jiġu kkunsidrati l-intrapriżi assoċjati kollha fit-territorju tal-UE.

    L-intrapriżi, li huma parzjalment jew kompletament proprjetà ta’ korpi pubbliċi jew ikkontrollati minnhom, huma koperti wkoll mill-obbligi tal-Artikolu 11(1) u tal-Artikolu 11(2).

    L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija u awditi tal-enerġija fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif indikat mill-Premessa (84) tad-Direttiva (UE) 2023/1791.

    4.   METODOLOĠIJI GĦALL-KALKOLU TAL-KONSUM ANNWALI MEDJU TA’ INTRAPRIŻA

    Il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat jekk intrapriża taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu f’sena partikolari “ n ” skont l-Artikolu 11(1) jew l-Artikolu 11(2), huma bbażati fuq il-konsum finali annwali medju tal-enerġija matul it-tliet snin preċedenti (n-3, n-2 u n-1). Bl-iskadenza għat-traspożizzjoni tal-10 ta’ Ottubru 2025, l-obbligu għall-2025 irid jiġi vvalutat abbażi tal-medja tal-ammonti annwali tal-konsum finali tal-enerġija tal-intrapriża fl-2022, fl-2023 u fl-2024.

    L-approċċ rakkomandat għall-kalkolu ta’ din il-metrika deskritta f’din it-taqsima għandu l-għan li jiżgura sforz raġonevoli kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-intrapriżi, u għalhekk iqis biss il-kontijiet tal-enerġija fatturati (4) lil intrapriża (ara 4.2) u l-awtokonsum tal-enerġija prodotta mill-enerġija rinnovabbli.

    Madankollu, jekk intrapriża diġà jkollha stima aktar akkurata tal-konsum finali tal-enerġija annwali tagħha, pereżempju minħabba li tkun diġà implimentat sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija jew tkun wettqet awditu tal-enerġija, din l-informazzjoni għandha tintuża.

    4.1.   Konfini tas-sistema

    Il-konfini tas-sistema mhumiex definiti fid-Direttiva (UE) 2023/1791 u din it-taqsima għandha sservi bħala linja gwida biss. Il-konfini tas-sistema jistgħu jitqiesu bħala l-limiti fiżiċi jew organizzattivi ta’ sistema analizzata, fil-każ ta’ awditi tal-enerġija u sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija tal-intrapriża inkwistjoni.

    Fil-kuntest tad-Direttiva (UE) 2023/1791, il-konsum tal-enerġija għandu jitqies f’termini ta’ “konsum finali tal-enerġija” kif definit fl-Artikolu 2(5).

    It-trasportaturi tal-enerġija kollha u l-użi kollha tal-enerġija (eż. il-ventilazzjoni, it-tidwil, it-tisħin, it-tkessiħ, it-trasport, il-ħżin tad-data, u l-proċessi tal-produzzjoni) għandhom jitqiesu meta jiġi kkalkulat il-konsum annwali medju tal-enerġija ta’ intrapriża.

    4.2.   Kontijiet tal-enerġija fatturati lill-intrapriża

    Meta jiġi kkalkulat il-konsum annwali medju ta’ intrapriża għall-iskop tal-identifikazzjoni tal-intrapriżi obbligati, jitqiesu l-aktar il-kontijiet tal-enerġija fatturati lill-intrapriża. Madankollu, l-enerġija kkunsmata, li ġiet ikkonsenjata minn fornitur ta’ servizz tal-enerġija (5) lill-intrapriża (eż. permezz ta’ kuntrattar ta’ servizz tal-enerġija) għandha titqies ukoll mill-intrapriża li tixtri.

    Fir-rigward tas-sehem tal-awtokonsum tal-enerġija prodotta mill-enerġija rinnovabbli fil-konfini tas-sistema (eż. meta l-elettriku jiġi prodott minn pannelli fotovoltajċi fis-sit tal-intrapriża), dan għandu jiġi inkluż ukoll (6). Madankollu, is-sehem tal-enerġija prodotta li tiddaħħal fil-grilja jew fin-network għandu jitnaqqas mill-konsum imkejjel u fatturat, jekk dan ma jkunx diġà sar awtomatikament.

    4.3.   Valutazzjoni ta’ intrapriżi bi strutturi kumplessi

    Il-valutazzjoni tal-konsum annwali medju tal-enerġija fuq tliet snin hija relattivament sempliċi għall-intrapriżi awtonomi (7). Għall-intrapriżi bi struttura aktar kumplessa, il-konsum finali annwali tal-enerġija jista’ jiġi kkalkulat bl-istess mod bħaċ-ċifri dwar l-impjegati, il-fatturat annwali jew il-karti tal-bilanċ annwali jiġu kkalkulati f’konformità mal-“gwida għall-utent għad-definizzjoni ta’ SME”  (8). Din il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-istatus tal-SME hija magħrufa sew mill-awtoritajiet nazzjonali u l-intrapriżi.

    Dan id-dokument jipprovdi gwida dwar kif għandha tiġi pproċessata d-data skont il-kategorija ta’ intrapriża u r-relazzjonijiet ma’ intrapriżi oħra (ara l-Illustrazzjoni 1). L-approċċ issuġġerit f’din il-gwida għall-kalkolu tal-konsum annwali tal-enerġija jqis biss l-intrapriżi assoċjati (b’kontroll ta’ aktar minn 50 %) iżda mhux l-intrapriżi sħab.

    Image 1

    Illustrazzjoni 1

    Approċċ għall-kalkolu tal-konsum finali tal-enerġija annwali ta’ intrapriżi aktar kumplessi (abbażi tal-Gwida għall-utent għad-definizzjoni ta’ SME, KE 2020)

    L-intrapriżi nfushom iridu jirrapportaw lil awtorità nazzjonali, jekk il-konsum tal-enerġija tagħhom jaqbeż il-livell limitu ta’ 10 TJ jew 85 TJ f’sena partikolari, kif iddikjarat fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Konsegwentement, l-intrapriżi se jkunu responsabbli għall-valutazzjoni tal-konsum tal-enerġija tagħhom u jistgħu jużaw l-approċċ ippreżentat fl-Illustrazzjoni 1 u jipprovdu informazzjoni dwar il-metodoloġiji tal-kalkolu, inklużi s-suppożizzjonijiet magħmula.

    Biex dan jiġi ffaċilitat, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jipprovdu lill-intrapriżi b’informazzjoni dwar l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva (UE) 2023/1791, b’linji gwida wkoll għall-kalkolu tal-konsum finali annwali tal-enerġija. Għandha tiġi kkunsidrata wkoll għodda ta’ rapportar online (li tista’ tkun ibbażata fuq il-metodoloġija tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE) jew sistema oħra għar-rapportar tal-informazzjoni meħtieġa. Kull intrapriża, inklużi dawk bi strutturi kumplessi, imbagħad tkun tista’ tikkalkula l-konsum annwali tal-enerġija tagħha skont is-sitwazzjoni speċifika tagħha u tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa.

    Fl-eżempju muri fl-Illustrazzjoni 1, l-intrapriża A, li tikkonsma aktar minn 10 TJ hi stess, li kieku kienet intrapriża awtonoma, kienet tkun obbligata twettaq awditu tal-enerġija. Peress li A hija intrapriża assoċjata, l-intrapriżi kollha marbuta ma’ A għandhom jitqiesu meta jiġi kkalkulat il-konsum tal-enerġija ta’ A. Peress li A hija marbuta ma’ B u D, għalhekk il-konsum tal-enerġija ta’ B u D jiżdied mal-konsum ta’ A. Peress li A għandha inqas minn 50 % ta’ C, C mhijiex intrapriża assoċjata ma’ A u għalhekk il-konsum tal-enerġija ta’ C jista’ ma jitqiesx. (9) Il-konsum totali tal-enerġija jew A u l-intrapriżi assoċjati tagħha huwa ta’ 91 TJ u għalhekk l-intrapriża A hija obbligata timplimenta sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija.

    L-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-intrapriżi jifhmu kif jivvalutaw il-konsum tal-enerġija billi jipprovdu eżempji u, jekk meħtieġ, mudelli u/jew għodod.

    4.4.   Identifikazzjoni tal-intrapriżi obbligati mill- Istati Membri

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tal-intrapriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 11(1) u 11(2), l-Istati Membri jistgħu jobbligaw lill-intrapriżi kollha jirrapportaw kull sena dwar il-konsum annwali tal-enerġija tagħhom lil awtorità nazzjonali, meta jittrasponu l-Artikolu 11(3) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

    Jekk l-Istati Membri jobbligaw lill-intrapriżi jirrappurtaw biss ladarba jkunu qabżu l-livell limitu ta’ 10 TJ jew 85 TJ, se jkun hemm nuqqas ta’ data biex jiġi kkalkulat il-konsum medju tal-enerġija fuq tliet snin. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw approċċ aktar elaborat biex jidentifikaw l-intrapriżi rilevanti. Abbażi parzjalment tal-aħjar prattiki tal-implimentazzjoni tal-EED 2018, approċċ possibbli jkun dan li ġej (Illustrazzjoni 2):

    Image 2

    Illustrazzjoni 2

    Approċċ issuġġerit biex jiġu identifikati l-intrapriżi obbligati

    L-Istati Membri jistgħu jobbligaw f’livell nazzjonali lil intrapriża tivvaluta l-konsum annwali tal-enerġija tagħha abbażi ta’ rapportar minn sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija kontinwa jew abbażi ta’ awditu reċenti tal-enerġija (mhux eqdem minn erba’ snin) jew li tagħmel awtovalutazzjoni (ara l-punt 4.3).

    Kull sena, l-Istati Membri jistgħu jippubblikaw lista magħżula minn qabel ta’ intrapriżi meqjusa li huma soġġetti għall-Artikolu 11(1) jew għall-Artikolu 11(2). Kif indikat fl-Illustrazzjoni 2, il-lista magħżula minn qabel tista’ tinkludi l-intrapriżi li ġejjin:

    Li jkunu rrappurtaw lill-awtorità nazzjonali konsum annwali tal-enerġija ta’ aktar minn 10 TJ mill-inqas darba fit-tliet snin preċedenti (ara hawn fuq).

    Li kienu diġà obbligati skont l-Artikolu 8 tal-EED 2018 jew skont l-Artikolu 11(1) jew l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Dawn l-intrapriżi jistgħu jkunu diġà elenkati f’bażi tad-data nazzjonali.

    Li għalihom hemm evidenza disponibbli li l-konsum annwali tal-enerġija tagħhom qabeż limitu partikolari, eż. 8 TJ, darba fit-tliet snin preċedenti. Jista’ jiġri li dawn l-intrapriżi qabżu l-limitu ta’ 10 TJ fit-tliet snin preċedenti. L-evidenza tista’ tinkludi data pprovduta mill-utilitajiet, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-EU ETS (id-Direttiva 2003/87/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2023/959), ċifri mill-awditi tal-enerġija, programmi ta’ inċentivi għall-intrapriżi, u rapporti pubbliċi (eż. dikjarazzjonijiet jew rapporti tal-EMAS skont id-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (10)).

    L-Istati Membri huma mħeġġa jippubblikaw il-lista magħżula minn qabel u jikkuntattjaw lill-intrapriżi identifikati. Il-lista magħżula minn qabel għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    Isem l-intrapriża.

    Indirizz tal-intrapriża.

    Konsum finali tal-enerġija ta’ mill-inqas 10 TJ: Iva/Le.

    Konsum finali tal-enerġija ta’ mill-inqas 85 TJ: Iva/Le.

    Barra minn hekk, l-isem, il-kunjom u l-indirizz tal-posta elettronika tal-persuna ta’ kuntatt għall-intrapriża għandhom jinġabru wkoll, iżda ma jiġux ippubblikati.

    L-Istati Membri mbagħad jistgħu jeżiġu:

    Lill-intrapriżi fil-lista magħżula minn qabel jirrapportaw il-konsum annwali tal-enerġija ta’ kull waħda mit-tliet snin preċedenti flimkien mal-konsum medju tal-enerġija matul dan il-perjodu ta’ żmien; l-intrapriżi mhux awtonomi għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni addizzjonali (il-konsum tal-enerġija u l-parteċipazzjoni azzjonarja) tal-intrapriżi assoċjati.

    Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) jew tal-Artikolu 11(2) biex tiddikjara hija stess u tirrapporta l-konsum annwali tal-enerġija ta’ kull waħda mit-tliet snin preċedenti flimkien mal-konsum medju tal-enerġija matul dan il-perjodu ta’ żmien; l-intrapriżi mhux awtonomi għandhom jipprovdu wkoll informazzjoni addizzjonali (il-konsum tal-enerġija u l-parteċipazzjoni azzjonarja) tal-intrapriżi assoċjati.

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jwettqu verifiki tal-kampjunar (primarjament iffukati fuq l-intrapriżi fil-lista ta’ preselezzjoni) biex jivverifikaw jekk l-informazzjoni rrappurtata mill-intrapriżi hijiex korretta.

    L-intrapriżi għandhom jirrapportaw l-informazzjoni meħtieġa lill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 bl-użu ta’ pjattaforma nazzjonali, jew għodda online oħra, jew preeżistenti jew imfassla speċifikament għal dan l-iskop.

    L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jippubblikaw fuq bażi annwali l-lista finali tal-intrapriżi li jaqgħu taħt l-obbligu tal-Artikolu 11(1) jew l-Artikolu 11(2), kif ukoll il-konsum medju tal-enerġija fuq tliet snin, u t-tip ta’ obbligu (awditu tal-enerġija jew sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija).

    L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu mbagħad jikkuntattjaw lill-intrapriżi kollha soġġetti għall-Artikolu 11(1) jew għall-Artikolu 11(2) sabiex jinfurmawhom dwar l-obbligi tagħhom (inkl. l-iskadenzi).

    Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-intrapriżi, l-Istati Membri jistgħu f’kull stadju tal-proċess:

    Jinfurmaw lill-intrapriżi (anke permezz ta’, pereżempju, assoċjazzjonijiet settorjali) dwar l-obbligu tal-Artikolu 11(1) u tal-Artikolu 11(2).

    Iħejju linji gwida u/jew FAQs biex itejbu l-komunikazzjoni.

    Jiffaċilitaw il-proċess ta’ awtodikjarazzjoni (eż. billi jipprovdu sistema online).

    5.   OBBLIGI RELATATI MAD-DISPOŻIZZJONIJIET TAS-SISTEMA TA’ ĠESTJONI TAL-ENERĠIJA SKONT L-ARTIKOLU 11(1)

    5.1.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit f’konformità mad-Direttiva (UE) 2023/1791

    L-intrapriżi b’konsum annwali medju tal-enerġija ogħla minn 85 TJ matul it-tliet snin preċedenti huma obbligati jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija.

    Is-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija għandhom jiġu ċċertifikati “minn korp indipendenti skont l-Istandards Ewropej u internazzjonali rilevanti”. Sabiex tiġi żgurata kwalità għolja tas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija li tkun komparabbli internazzjonalment u li tinkludi l-għanijiet, il-proċessi, il-kopertura tas-segmenti tal-enerġija, l-implimentazzjoni u l-aġġornamenti, l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-intrapriżi jirreferu għal dawn l-istandards u jwettqu awditi tal-enerġija f’konformità mal-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2023/1791 fi ħdan l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija. L-aktar standard internazzjonali rilevanti minn din il-perspettiva huwa l-ISO 50001, li huwa applikat b’mod wiesa’. L-iżgurar ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija ta’ kwalità għolja huwa prerekwiżit importanti għal rata għolja ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ffrankar tal-enerġija identifikati u rakkomandati.

    F’konformità mal-ISO 50001, is-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija jinkludu analiżijiet tal-enerġija bħala parti inerenti miċ-ċiklu kontinwu ppjana–wettaq–ivverifika–aġixxi. Għalkemm il-familja tal-istandard ISO 50000 tinkludi standards għall-awditi tal-enerġija (ara l-Illustrazzjoni 3), l-ISO 50001 ma jinkludix referenza diretta għall-ISO 50002 (awditi tal-enerġija). Għalhekk, l-awditi tal-enerġija (11) f’konformità mal-ISO 50002 jew l-EN 16247-1 mhumiex meħtieġa għaċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija. Madankollu, kemm l-ISO 50001 kif ukoll l-ISO 50002 jiddikjaraw li l-awditi tal-enerġija jistgħu jappoġġjaw l-analiżijiet tal-enerġija.

    Awditu tal-enerġija jista’ jitqies bħala strument awtonomu għall-valutazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija ta’ entità (eż. grupp ta’ intrapriżi assoċjati, intrapriża, faċilità jew bini), inklużi rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ titjib. B’kuntrast ma’ dan, analiżi tal-enerġija hija integrata fi proċess kontinwu għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u għandha tiġi analizzata u aġġornat regolarment, tipikament fuq bażi annwali.

    Image 3

    Illustrazzjoni 3

    Qafas ġenerali tal-familja tal-ISO 50000 (ibbażat fuq www.weka.de/energie/die-normenfamilie-der-din-en-iso-50001 )

    Fil-prattika, l-awditi tal-enerġija jitwettqu b’mod komuni f’konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej imsemmija hawn fuq (bħala parti mis-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija), peress li dawn l-istandards jipprovdu gwida utli għal awditi tal-enerġija ta’ kwalità għolja li jistgħu jappoġġjaw l-analiżi tal-enerġija. L-analiżijiet tal-enerġija (jew l-awditi tal-enerġija) fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija jridu jiġu aġġornati regolarment, tipikament f’ċikli annwali.

    L-Anness VI jiċċara li l-awditi tal-enerġija, inklużi dawk imwettqa bħala parti mis-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija, iridu jissodisfaw lista ta’ kriterji, li huma maħsuba biex jiggarantixxu livell għoli ta’ kwalità, u b’hekk tiżdied il-probabbiltà li l-implimentazzjoni twassal għall-iffrankar tal-enerġija u għall-użu tal-enerġija rinnovabbli.

    Barra minn hekk, l-Anness VI jirrikjedi li d-“ data użata” fl-awditi tal-enerġija għandha tkun “tinħażen għall-analiżi storika u t-traċċar tar-rendiment”. Dan ir-rekwiżit tad-data jista’ jintuża mill-awtoritajiet nazzjonali biex jimmonitorjaw l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija fl-Istati Membri. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-istruttura u l-format tad-data li jeħtieġ li tiġi rrapportata lill-awtoritajiet jew lill-korpi responsabbli għall-monitoraġġ fl-Istati Membri.

    Tipikament, l-analiżijiet tal-enerġija bħala parti mis-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija jitwettqu minn esperti interni tal-enerġija jew minn maniġers tal-enerġija. Sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza tal-esperti tal-enerġija interni, dawn il-persuni ma għandhomx ikunu direttament responsabbli għal xi wieħed mis-setturi tal-enerġija (bini, proċessi, trasport) li huma soġġetti għall-analiżi tal-enerġija. F’xi każijiet, l-awditi tal-enerġija jitwettqu minn awdituri esterni tal-enerġija, li tipikament jirreferu għall-istandards tal-awditi tal-enerġija. Dawn l-awditi tal-enerġija jappoġġjaw direttament l-analiżi tal-enerġija. Iċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija minn korp indipendenti teħtieġ il-kontinwità tal-proċessi u tgħin biex ittejjeb ir-rata u l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-azzjonijiet għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    5.2.   Skadenzi

    L-Artikolu 11(1) jiddefinixxi skadenza ċara ta’ sentejn wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni (jiġifieri, l-10 ta’ Ottubru 2027) biex ikun hemm fis-seħħ sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija għall-intrapriżi, li għandhom konsum annwali medju tal-enerġija ta’ aktar minn 85 TJ.

    Għalkemm mhux iddikjarat b’mod espliċitu fid-Direttiva (UE) 2023/1791, skont l-istess loġika u sabiex l-intrapriżi kollha jiġu ttrattati bl-istess mod, anke l-intrapriżi li jsiru soġġetti għall-obbligu tal-Artikolu 11(1) f’data aktar tard, se jkollhom sentejn biex jintroduċu s-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija.

    Madankollu, id-Direttiva (UE) 2023/1791 ma tistabbilixxix data ċara għall-forniment taċ-ċertifikazzjoni. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jirrikjedu ċertifikazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija bħala prova tat-twettiq tal-obbligu fil-perjodu ta’ sentejn.

    5.3.   Kwantifikazzjoni tal-iffrankar tal-enerġija fl-użu finali (kumulattiv) miksub

    F’konformità mal-kriterji minimi għall-awditi tal-enerġija minquxa fl-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2023/1791, l-awditu tal-enerġija għandu jidentifika miżuri tal-effiċjenza enerġetika biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija. Peress li l-iffrankar tal-enerġija ma jistax jitkejjel direttament, dawn jirrikjedu d-definizzjoni ta’ linja bażi tal-enerġija biex titqabbel mal-konsum tal-enerġija attwali – jew mistenni.

    L-Istati Membri jistgħu jħeġġu lill-intrapriżi biex jirreferu għal protokolli jew standards internazzjonali bħall-Protokoll Internazzjonali dwar il-Kejl u l-Verifika tar-Rendiment (IPMVP), l-ISO 50006, l-ISO 50015 jew l-EN 16212 biex jikkalkulaw l-iffrankar tal-enerġija jew iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika. Dawn l-istandards u l-protokolli huma applikati b’mod wiesa’ fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija u fil-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija.

    5.4.   Il-kejl, il-kontroll tal-monitoraġġ, il-kwalità u l-verifika mill-Istati Membri

    Flimkien ma’ sommarju tal-awditi tal-enerġija jew tal-analiżijiet tal-enerġija għandha tiġi rrapportata lista sommarja tar-rakkomandazzjonijiet għall-miżuri li jtejbu l-effiċjenza enerġetika, inklużi ċ-ċifri li jirriżultaw għall-valutazzjoni ekonomika (il-perjodu tal-irkupru jew indikaturi simili) tal-iffrankar tal-enerġija, lill-awtorità nazzjonali responsabbli għall-monitoraġġ. L-Istati Membri għandhom jipprovdu dokumenti ta’ gwida u jiddefinixxu standards minimi għar-rapportar (eż. billi jipprovdu mudelli u/jew għodod online).

    6.   OBBLIGI RELATATI MAD-DISPOŻIZZJONIJIET TAL-AWDITI TAL-ENERĠIJA SKONT L-ARTIKOLU 11(2)

    6.1.   Kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżit

    L-intrapriżi b’konsum annwali medju tal-enerġija ogħla minn 10 TJ matul it-tliet snin preċedenti li ma jimplimentawx sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija, iridu jwettqu awditu tal-enerġija u r-rakkomandazzjonijiet mill-awditu tal-enerġija jridu jirriżultaw fi Pjan ta’ Azzjoni konkret u fattibbli.

    Pjan ta’ Azzjoni bħal dan għandu “jiġi trażmess lill-maniġment tal-intrapriża” u għandu jinkludi r-rakkomandazzjonijiet kollha li huma “teknikament jew ekonomikament fattibbli”. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jiġi “ppubblikat fir-rapport annwali tal-intrapriża” flimkien mar-“rata ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet”, li għandha tkun “disponibbli għall-pubbliku”. Sakemm l-intrapriża jkollha obbligu skont l-Artikolu 11(2), il-Pjan ta’ Azzjoni u l-istatus tar-rata ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni (aġġornata) għandhom jiġu ppubblikati kull sena.

    Meta jiddefinixxu r-rekwiżiti għall-kontenut tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni li l-intrapriżi jridu jħejju, l-Istati Membri huma mħeġġa jillimitaw dawn ir-rekwiżiti sal-punt massimu possibbli u jkunu konxji tal-ħtieġa li jiġi evitat piż tar-rapportar mhux meħtieġ fuq l-intrapriżi.

    L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jiżguraw, kemm jista’ jkun, li l-intrapriżi ma jkunux soġġetti għal rekwiżiti ta’ rapportar duplikati jew li jikkoinċidu. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u l-punti tad-data eżistenti fl-Istandards Ewropej tar-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà (ESRS, European Sustainability Reporting Standards) u fl-istandard volontarju tar-rapportar dwar is-sostenibbiltà għall-SMEs li qed jiġi żviluppat mill-EFRAG, u sa fejn ikun possibbli, jibbażaw ir-rekwiżiti għall-kontenut tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni fuq dawk ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni u l-punti tad-data.

    L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-intrapriżi li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar tad-Direttiva dwar ir-Rapportar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (12) (id-Direttiva (UE) 2022/2464, minn hawn ’il quddiem CSRD, Corporate Sustainability Reporting Directive) u l-Istandards Ewropej tar-Rapportar dwar is-Sostenibbiltà jissodisfaw ir-rekwiżit li jippubblikaw Pjan ta’ Azzjoni billi jintegraw l-informazzjoni meħtieġa dwar il-Pjanijiet ta’ Azzjoni fil-pjan ta’ tranżizzjoni klimatika li l-intrapriżi jippubblikaw skont is-CSRD/ESRS.

    L-ESRS E1 (Rekwiżiti ġenerali) jippermetti b’mod espliċitu lill-intrapriżi jinkludu fid-dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà tagħhom informazzjoni addizzjonali li tirriżulta minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni jew nazzjonali li tirrikjedi li l-intrapriża tiddivulga informazzjoni dwar is-sostenibbiltà.

    Barra minn hekk, intrapriża kkonċernata diġà se tirrapporta taħt E1-5 il-konsum annwali tal-enerġija tagħha u taħt E3-4 il-konsum totali tal-ilma tagħha f’m3, jekk tali informazzjoni titqies bħala materjali f’konformità mal-ESRS. L-ESRS1 7.1 jiżgura wkoll informazzjoni komparattiva fir-rigward tal-perjodu preċedenti għall-metriċi kwantitattivi kollha rrapportati.

    Abbażi tal-awditu tal-enerġija, il-Pjan ta’ Azzjoni jista’ jipprovdi sommarju strutturat tal-azzjonijiet għat-titjib tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPIAs) li huma parti mill-awditu tal-enerġija. Jekk ikun utli għall-intrapriża partikolari, l-EPIAs jista’ jiġi differenzjat aktar f’miżuri ta’ investiment baxxi (inkluż l-ebda miżura), medji u għoljin u jista’ jagħti indikazzjonijiet tal-perjodi rispettivi ta’ rkupru tal-kost jew indikaturi ekonomiċi xierqa oħra. Għall-każijiet speċifiċi, miżuri ta’ titjib jistgħu jiġu assenjati wkoll għall-proċessi ta’ produzzjoni ċentrali tal-intrapriża, inklużi l-linji tal-produzzjoni, u l-proċessi anċillari inklużi d-dawl, it-tisħin, il-ventilazzjoni, l-arja kundizzjonata jew l-arja kkompressata.

    Din l-informazzjoni kollha tgħin biex tiżdied ir-rata ta’ implimentazzjoni. Ir-rata ta’ implimentazzjoni hija mifhuma hawnhekk bħala l-għadd ta’ EPIAs implimentat bis-sħiħ meta mqabbel mal-lista sħiħa tal-EPIAs rakkomandat, u l-iffrankar sussegwenti tal-enerġija jista’ jiġi inkluż ukoll.

    L-intrapriżi b’konsum annwali tal-enerġija ta’ aktar minn 10 TJ jew 85 TJ rispettivament iridu jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 (ara l-punt 4.4). Pjattaforma eżistenti jew ġdida għall-ġbir tad-data tista’ tintuża għal dan l-iskop. L-Istati Membri jistgħu jkunu jixtiequ jikkunsidraw il-Portal Ewropew ta’ Aċċess Uniku futur f’dan ir-rigward. Sabiex jiġu ssodisfati l-obbligi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija jew awditu tal-enerġija rispettivament, ir-rekwiżiti dettaljati tad-data u l-iskedi ta’ żmien xierqa għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri.

    6.2.   Skadenzi

    L-Artikolu 11(2) jiddefinixxi skadenza ċara ta’ sena għall-konformità mar-rekwiżiti tal-awditi tal-enerġija għall-intrapriżi b’konsum annwali medju tal-enerġija ta’ aktar minn 10 TJ fiż-żmien tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2023/1791. Għalkemm mhux iddikjarat b’mod espliċitu fid-Direttiva (UE) 2023/1791, skont l-istess loġika u sabiex l-intrapriżi kollha jiġu ttrattati b’mod ugwali, anke l-intrapriżi li jsiru soġġetti għall-obbligi tal-Artikolu 11(2) f’data aktar tard, se jkollhom sena biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-awditi tal-enerġija.

    Jekk il-konsum annwali medju tal-enerġija jaqa’ taħt il-livell limitu ta’ 10 TJ, ma jkunx meħtieġ awditu tal-enerġija (anki jekk kien jeżisti obbligu fis-sena/snin preċedenti skont l-EED 2018).

    6.3.   Kriterji tal-kwalità għall-awditi tal-enerġija (l-Anness VI tad-Direttiva (UE) 2023/1791)

    Il-kwalità ta’ awditu tal-enerġija hija deċiżiva għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ effiċjenza enerġetika. L-assigurazzjoni tal-kwalità tista’ tikkonċerna l-kwalifika tal-awdituri tal-enerġija u jista’ jkun fiha kriterji għall-proċess tat-twettiq ta’ awditu tal-enerġija u l-kontenut u l-livell ta’ dettall meħtieġa mill-awditi tal-enerġija u r-rapporti rispettivi. Dan huwa rifless fl-Artikolu 11(2), li jiddikjara li l-awditi tal-enerġija għandhom jew “jitwettqu b’mod indipendenti u kosteffettiv minn esperti kwalifikati jew akkreditati, f’konformità mal-Artikolu 28” jew “implimentati u ssorveljati minn awtoritajiet indipendenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali”.

    Hemm standards Ewropej u internazzjonali għall-awditi tal-enerġija, b’mod partikolari ISO 50002:2014, li huwa bbażat fuq EN 16247-1:2012. It-tnejn huma referenzi affidabbli rigward il-kwalità tal-awditi tal-enerġija f’termini ta’ għanijiet, proċessi, kopertura tas-segmenti tal-enerġija, valutazzjoni u rakkomandazzjonijiet tal-miżuri. Dawn l-istandards jistgħu jipprovdu gwida utli meta jiġu żviluppati kriterji minimi nazzjonali bbażati fuq l-Anness VI. Barra minn hekk, l-EN 16247-1, li ġie aġġornat reċentement fl-2022, ġie żviluppat speċifikament fil-kuntest tad-Direttiva preċedenti dwar is-Servizzi tal-Enerġija u jista’ jiġi applikat bħala għodda konsistenti bħala parti minn sistema ta’ ġestjoni usa’ (eż. ISO 50001 jew ISO 14000). Ta’ min jinnota li, għalkemm issir referenza kemm għall-ISO 50001 kif ukoll għall-ISO 14000, l-ISO 50001 jimmira b’mod speċifiku għall-konsum tal-enerġija, filwaqt li l-ISO 14000 jiffoka fuq titjib ambjentali aktar ġenerali. Fl-2021, l-ISO 50005 ġie introdott bħala l-istandard iddedikat għall-implimentazzjoni gradwali tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija fl-SMEs. Il-kunsiderazzjoni tal-istandards Ewropej u/jew internazzjonali hija utli biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi b’attivitajiet f’diversi Stati Membri.

    Il-punt (c) tal-Anness VI għall-ewwel darba jirrikjedi b’mod espliċitu li l-awditi tal-enerġija għandhom “jidentifikaw miżuri tal-effiċjenza enerġetika biex jonqos il-konsum tal-enerġija”. Dan huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ISO 50002:2014 u fl-EN 16247-1:2012, fejn l-awditur tal-enerġija jrid jidentifika opportunitajiet biex itejjeb ir-rendiment fl-użu tal-enerġija. Is-sistemi ta’ ġestjoni (eż. ISO 50001 jew ISO 14000) ukoll għandhom rekwiżiti simili. Fil-prattika, l-awditu għandu jinkludi wkoll evalwazzjoni tal-opportunitajiet ta’ titjib inkluż l-iffrankar finanzjarju, l-investimenti meħtieġa, l-analiżi ekonomika u l-benefiċċji mhux tal-enerġija. Għandhom jiġu ppreżentati interazzjonijiet possibbli bejn il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika u għandu jiġi pprovdut tqabbil, jekk jiġu proposti miżuri alternattivi tal-effiċjenza enerġetika.

    Barra minn hekk, l-Anness VI (d) jinkludi rekwiżit ġdid biex “jidentifikaw il-potenzjal għal użu jew produzzjoni kosteffettivi ta’ enerġija rinnovabbli”. Skont it-trasportatur tal-enerġija, dan jista’ jwassal biex jiġu miġġielda l-isforzi tal-effiċjenza enerġetika, eż. jekk il-bojlers tal-gass (effiċjenti ħafna) jiġu sostitwiti b’bojlers tal-fjuwil solidu tal-bijomassa (tipikament inqas effiċjenti). Madankollu, l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi. Għall-awditi tal-enerġija, jista’ jiġi applikat approċċ diġà implimentat fil-kuntest tal-EPBD, fejn għandha titqies u tiġi analizzata l-possibbiltà li tintuża jew tiġi prodotta l-enerġija rinnovabbli. (13) L-analiżi jkollha tiġi ddokumentata fl-awditu tal-enerġija.

    6.3.1.   Kontenut tal-awditu u r-rapport tal-awditi

    L-Anness VI (f) jiddikjara li l-awditi tal-enerġija jridu jkunu “proporzjonati, u rappreżentattivi biżżejjed, biex tkun tista’ titfassal stampa affidabbli tar-rendiment ġenerali tal-enerġija”. Għalhekk, id-definizzjoni tal-kopertura minima (de minimis  (14)) ta’ awditu tal-enerġija hija prerekwiżit importanti biex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit. (15)

    Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-EED 2018, f’xi Stati Membri, il-konsum totali tal-enerġija jrid jiġi inkluż fl-awditu tal-enerġija. F’diversi Stati Membri, perċentwal minimu definit b’mod espliċitu tal-konsum totali tal-enerġija tal-intrapriża jrid ikun kopert mill-awditu tal-enerġija; dan tipikament ivarja minn 65 % sa 90 %. Approċċ ieħor jeħtieġ l-inklużjoni tal-oqsma kollha tal-konsum tal-enerġija (skont l-istandards Ewropej EN 16247-2 għall-bini, EN 16247-3 għall-proċessi, u EN 16247-4 għat-trasport) b’sehem minimu ta’ 10 % tal-konsum tal-enerġija, li jirriżulta f’kopertura totali ta’ mill-inqas 80 %. Fis-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija, skont l-ISO 50001, għandhom jiġu identifikati użi sinifikanti tal-enerġija (SEUs, significant energy uses). Dawn huma definiti bħala oqsma b’konsum sostanzjali tal-enerġija u/jew potenzjal konsiderevoli għal titjib fir-rendiment tal-enerġija. Approċċ simili jista’ jiġi kkunsidrat għad-definizzjoni tal-kopertura minima tal-konsum tal-enerġija fl-awditi tal-enerġija, peress li d-data għall-oqsma kollha tal-konsum tal-enerġija se jkollha tinġabar fl-awditi tal-enerġija. L-esklużjoni ta’ oqsma taħt ċertu sehem (eż. 10 %) tal-konsum totali tal-enerġija għall-analiżi fil-fond li tippermetti li tiżdied il-kosteffettività tal-awditi tal-enerġija tidher adegwata biex jiġi ssodisfat l-Anness VI (f).

    L-awditi tal-enerġija għandhom ikunu rappreżentattivi biżżejjed. Stat Membru jista’ jikkunsidra li japplika “approċċ ta’ kampjunar” fit-territorju tiegħu għal dawk l-intrapriżi b’għadd ta’ siti simili (eż. ktajjen tax-xiri). Il-kampjuni magħżula għandhom jiżguraw ir-rappreżentattività tas-siti awditjati kollha b’mill-inqas l-għerq kwadrat tal-għadd totali ta’ oġġetti b’karatteristiċi simili bħall-profili tal-konsum tal-enerġija, l-użi tal-enerġija, is-sorsi u l-prezzijiet tal-enerġija, l-għadd ta’ impjegati, id-daqs, il-proċess, eċċ. li għandhom jitqiesu. Il-kriterji meħtieġa biex jiġu żgurati similaritajiet suffiċjenti bejn is-siti jistgħu jinkludu ż-żona tal-art imsaħħna u/jew imkessħa, l-età tal-bini, it-tagħmir tekniku, eċċ. Il-perċentwal minimu tal-konsum tal-enerġija u approċċ ta’ teħid ta’ kampjuni jistgħu jiġu kkombinati, pereżempju, billi jiġi permess approċċ ta’ teħid ta’ kampjuni li xorta jeħtieġ li ċertu perċentwal tal-konsum tal-enerġija jkun kopert fl-awditi tal-enerġija. Il-karatteristiċi rilevanti tar-raggruppament tal-kampjunar għandhom jiġu ddokumentati fir-rapport tal-awditi tal-enerġija u l-għażla tal-kampjun għandha tiġi ġġustifikata.

    Sabiex tiżdied il-kosteffettività tal-awditi tal-enerġija, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu linji gwida għal de minimis, raggruppament u kampjunar. Huwa rrakkomandat li jintużaw approċċi flessibbli f’intrapriżi differenti. L-għażla tar-raggruppamenti, il-metodoloġija tal-kampjunar u l-adegwatezza tar-regola de minimis għandhom jiġu ġġustifikati u ddokumentati. (16)

    Huwa meħtieġ li jiġi definit kif il-konsum tal-enerġija tal-bini u tat-trasport huwa inkluż f’awditu tal-enerġija. Irid jiġi deċiż jekk l-awditu tal-enerġija jinkludix is-servizzi tat-trasport. Jekk dan ikun il-każ, se tkun meħtieġa gwida dwar kif jiġi vvalutat it-trasport tal-massa inklużi t-titjiriet, il-ferroviji, ix-xarabanks, il-kowċis, il-vapuri u t-taxis. Irid jiġi speċifikat ukoll kif it-trasport transfruntier għandu jiġi ttrattat bħala parti mill-awditi tal-enerġija. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu l-inklużjoni tat-trasport kollu li huwa konness mal-iskop tan-negozju, inkluż it-trasport transfruntier.. Għall-bini, għandu jiġi ċċarat min huwa responsabbli għall-awditi tal-enerġija fil-bini li huwa proprjetà ta’ xi ħadd jew mikri. Il-kriterji rilevanti hawnhekk jistgħu jkunu r-responsabbiltà għall-użu operazzjonali tal-bini, jew jekk intrapriża jkollhiex influwenza sinifikanti fuq il-konsum tal-enerġija tal-bini. Dan jista’ jkun ibbażat ukoll fuq id-diviżjoni tal-konsum tal-enerġija fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-intrapriża (eż. l-elettriku għas-servers, il-kompjuters u t-tidwil tal-uffiċċju) u l-ambitu tas-sidien tal-bini (inkluż it-tisħin u t-tkessiħ ċentrali) fl-awditu tal-enerġija tagħhom.

    6.3.2.   Livell ta’ dettall meħtieġ

    Sabiex jiġi żgurat ċertu livell ta’ dettall, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu linji gwida b’eżempji ta’ prattika tajba u tabelli ta’ kontenut u/jew mudelli għall-awditi tal-enerġija. L-oqsma rilevanti kollha (il-bini, il-proċessi, u t-trasport) għandhom jiġu inklużi f’dawn il-mudelli, iżda bl-għażla li jitħassru taqsimiet li mhumiex rilevanti fil-każijiet speċifiċi. Taqsimiet kruċjali jinkludu s-sommarju eżekuttiv u l-lista ta’ rakkomandazzjonijiet li jiffurmaw il-bażi għall-Pjan ta’ Azzjoni. Il-kontenut meħtieġ għal dawn it-taqsimiet għandu jiġi speċifikat fid-dettall. Se jkun meħtieġ ukoll li tiġi definita b’mod ċar struttura tad-data għad-data li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet nazzjonali, preferibbilment billi tittella’ f’bażi tad-data (sommarju tal-awditi tal-enerġija, lista ta’ rakkomandazzjonijiet, CAPEX, iffrankar, perjodu ta’ rkupru, eċċ.). (17)

    L-Anness VI jiddeskrivi l-kriterji minimi għall-awditi tal-enerġija. Dawn il-kriterji jridu jiġu ssodisfati wkoll minn awditi tal-enerġija li huma parti minn sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija jew tal-ambjent.

    6.4.   Ammissibbiltà tal-esperti

    Sabiex jiġu żgurati awditi tal-enerġija ta’ kwalità għolja, l-awdituri tal-enerġija għandu jkollhom il-kwalifiki meħtieġa. Awdituri tal-enerġija kwalifikati u/jew akkreditati biss għandhom jiġu inklużi f’reġistru pubbliku.

    Skema għaċ-ċertifikazzjoni u/jew l-akkreditazzjoni għandha tinkludi mill-inqas il-kriterji li ġejjin (18):

    Education of energy auditors. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrikjedu li l-awdituri tal-enerġija jkollhom baċellerat jew master fis-suġġetti tekniċi rilevanti (eż. l-inġinerija, l-arkitettura). F’xi Stati Membri, l-edukazzjoni skolastika sekondarja tista’ tkun biżżejjed, iżda dan jeħtieġ li jiġi kkombinat ma’ esperjenza ta’ xogħol itwal jew aktar estensiva.

    Esperjenza fil-qasam tal-għarfien espert. Iċ-ċertifikazzjoni/l-akkreditazzjoni għandha tkun limitata għall-esperjenza ta’ xogħol attwali fl-oqsma rilevanti (eż. bini, proċessi, mobbiltà). Skont il-livell ta’ edukazzjoni, għandu jkun meħtieġ numru minimu ta’ snin ta’ esperjenza rilevanti, li tipikament ivarja bejn sentejn u ħames snin. Il-proġetti ta’ referenza (l-awditi tal-enerġija jew attivitajiet simili) jistgħu jiġu sottomessi bħala prova.

    Taħriġ fl-oqsma tal-għarfien espert. L-Istati Membri għandhom jipprovdu programmi ta’ taħriġ approvati uffiċjalment li għandhom jiġu żviluppati mill-awtorità nazzjonali responsabbli rispettiva. Se jkun meħtieġ taħriġ biex jiġu estiżi l-oqsma ta’ ċertifikazzjoni/akkreditazzjoni u jista’ jkun meħtieġ għal ċertifikazzjoni mill-ġdid jew akkreditazzjoni mill-ġdid (eż. kull tliet snin).

    Eżami. F’xi Stati Membri, huwa komuni li l-awdituri tal-enerġija jkollhom jgħaddu minn eżami.

    Ir-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u/jew l-akkreditazzjoni tal-awdituri tal-enerġija. L-awdituri tal-enerġija rreġistrati, iċċertifikati u/jew akkreditati biss għandhom jitħallew iwettqu awditi tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 11.

    7.   EŻEMPJI TAL-APPLIKAZZJONI TAL-OBBLIGI TAL-PARAGRAFI 1 U 2 TAL-ARTIKOLU 11

    Hawn taħt qed jingħataw xi eżempji speċifiċi biex juru kif ir-rekwiżiti tal-Artikoli 11(1) u (2) jistgħu jiġu applikati f’każijiet, fejn intrapriża kellha konsum annwali medju tal-enerġija matul it-tliet snin preċedenti madwar il-livell limitu ta’ 10 TJ jew 85 TJ:

    Il-konsum medju tal-enerġija fuq tliet snin fis-sena n (19) huwa > 10 TJ iżda xorta waħda < 85 TJ u jaqbeż il-85 TJ fis-sena n+1: l-intrapriża għandha twettaq awditu tal-enerġija sa mhux aktar tard mis-sena n+1 (sakemm ma jkunx disponibbli awditu tal-enerġija li jkun ilu inqas minn erba’ snin sa dak iż-żmien) u għandu jkollha sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija fis-seħħ sa mhux aktar tard mis-sena n+3.

    Il-medja tal-konsum tal-enerġija fuq tliet snin fis-sena n hija > 85 TJ: l-intrapriża għandu jkollha sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija stabbilita sas-sena n+2. Madankollu, jekk il-medja tal-konsum tal-enerġija fuq tliet snin fis-sena n+1 taqa’ taħt 85 TJ, se japplika biss obbligu tal-awditi tal-enerġija mis-sena n+1 li jfisser li għandu jitwettaq awditu tal-enerġija sa mhux aktar tard mis-sena n+2 (sakemm ma jkunx disponibbli awditu tal-enerġija li jkollu inqas minn erba’ snin). Madankollu, fis-sena n+2, ma għadx hemm obbligu li jkun hemm sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija fis-seħħ.

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tliet snin jaqbeż il-livell limitu ta’ 10 TJ fis-sena n biss: l-intrapriża tkun obbligata twettaq awditu tal-enerġija sa mhux aktar tard mis-sena n+1 (sakemm ma jkunx disponibbli awditu tal-enerġija li jkollu inqas minn erba’ snin), irrispettivament mill-konsum tal-enerġija ta’ tliet snin fis-sena n+1.

    Il-konsum tal-enerġija ta’ tliet snin dejjem kien ftit ogħla minn 10 TJ, iżda jaqa’ taħt 10 TJ fis-sena n: l-intrapriża ma għandha l-ebda obbligu fis-sena n. Jekk il-medja tal-konsum tal-enerġija fuq tliet snin taqbeż il-limitu ta’ 10 TJ għal darb’ oħra fis-sena n+1, l-intrapriża tkun soġġetta għar-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 11(2). Għandu jsir awditu tal-enerġija fl-aħħar sena n+2 (sakemm ma jkunx disponibbli awditu tal-enerġija li jkollu inqas minn erba’ snin sa dak iż-żmien).

    Huwa partikolarment rakkomandabbli li l-intrapriżi li jistgħu jkunu qed jiċċaqilqu minn obbligu għal ieħor li jwettqu awditu tal-enerġija aktar milli sempliċi analiżi tal-enerġija bħala parti minn sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija, peress li sempliċi analiżi tal-enerġija mhux se tissodisfa r-rekwiżiti ta’ awditu tal-enerġija.

    Barra minn hekk, meta jitqiesu l-iskadenzi spjegati fit-taqsimiet 4.2 u 5.2 u kif muri f’xi wħud mill-eżempji ta’ hawn fuq, hemm inċentiv qawwi għall-intrapriżi li qabżu l-livell limitu f’sena partikolari biex jimplimentaw miżuri għall-iffrankar tal-enerġija malajr kemm jista’ jkun sabiex jerġgħu jaqgħu taħt il-livell limitu fi żmien sena.

    8.   IL-PROMOZZJONI TA’ AWDITI TAL-ENERĠIJA TA’ KWALITÀ GĦOLJA GĦALL-KLIJENTI FINALI KOLLHA

    Fir-rigward tal-promozzjoni tal-awditi tal-enerġija għall-klijenti finali, id-Direttiva (UE) 2023/1791 tenfasizza li għandhom jiġu kkunsidrati l-“Istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti” meta jiġu definiti “l-kriterji minimi għall-awditi tal-enerġija”. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2023/1791 tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm konformità mal-iskedi ta’ żmien għat-twettiq tal-awditi tal-enerġija stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 li l-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness VI jiġu applikati b’mod korrett”. Id-Direttiva (UE) 2023/1791 tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jaħtru “awtorità jew korp kompetenti” għal dan ir-rwol.

    L-awtorità jew il-korp deżinjat jista’ jkollu rwol importanti fl-iżgurar tal-kwalità għolja tal-awditi tal-enerġija. Jista’ jkun responsabbli għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, u għat-twettiq tal-verifiki tal-kwalità meħtieġa, inkluż il-kampjunar aleatorju. L-awtorità maħtura tista’ tipproċessa ċ-ċertifikazzjoni u/jew l-akkreditazzjoni tal-awdituri tal-enerġija u tkun responsabbli għas-superviżjoni tal-programmi ta’ taħriġ. Barra minn hekk, il-ġbir tad-data u l-analiżi tal-awditi tal-enerġija jistgħu jitwettqu mill-awtorità maħtura biex b’hekk jiġu pprovduti rapporti sommarji u punti ta’ riferiment. Flimkien mal-assoċjazzjonijiet tas-servizzi tal-enerġija, jistgħu jitnedew programmi promozzjonali għall-intrapriżi li huma taħt kwalunkwe obbligu mid-Direttiva (UE) 2023/1791 (eż. SMEs, awtoritajiet pubbliċi, eċċ.).

    8.1.   Verifiki tal-kwalità tal-awditi tal-enerġija li jridu jiġu implimentati mill-Istati Membri

    L-Istati Membri għandhom “jistabbilixxu skema biex jiżguraw u jivverifikaw” il-kwalità tal-awditi tal-enerġija. Dawn l-iskemi għandhom ikunu bbażati fuq eżempji ta’ prattika tajba osservati mill-Istati Membri li implimentaw l-EED 2018. (20) Skema bħal din tista’ tinkludi d-dispożizzjoni ta’:

    Linji gwida dettaljati dwar kif għandhom jitwettqu l-awditi.

    Mudell għall-awditi tal-enerġija, biex jiġi ffaċilitat u standardizzat il-proċess ta’ rapportar, u b’hekk jikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità.

    Barra minn hekk, biex ikun hemm aċċess faċli għall-awditi sħaħ tal-enerġija jew tal-anqas għas-sommarji tal-awditi tal-enerġija, jistgħu jiġu stabbiliti bażijiet tad-data nazzjonali biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u jippermettu verifiki formali tal-kompletezza u l-istruttura tas-sommarji tal-awditi tal-enerġija. Jekk ikun possibbli, id-data ewlenija tal-awditu tal-enerġija għandha tinġabar f’format li jinqara mill-magni biex ikunu jistgħu jiġu identifikati żbalji possibbli u biex tiġi vverifikata l-plawżibbiltà taċ-ċifri (eż. abbażi tal-valutazzjoni komparattiva tal-miżuri tal-iffrankar tal-enerġija (21)). F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari biex jiffaċilitaw il-proċess ta’ sottomissjoni tal-informazzjoni u tad-data (eż. billi jistabbilixxu hotlines jew servizzi ta’ helpdesk, jipprovdu taqsima tal-FAQ, eċċ.).

    Lil hinn mill-verifiki bażiċi tal-validità fuq ir-rapporti kollha tal-awditi tal-enerġija miġbura, se jitwettqu verifiki tal-kwalità fil-fond fuq kampjun iżgħar fuq bażi aleatorja. Jekk ikunu disponibbli rapporti sħaħ tal-awditi tal-enerġija, l-awtorità nazzjonali tista’ tuża din il-bażi tad-data biex tagħmel valutazzjonijiet dettaljati tal-kampjuni (aleatorji) tal-awditi tal-enerġija. Jekk ikunu ġew sottomessi biss sommarji, iridu jiġu pprovduti rapporti sħaħ tal-awditi tal-enerġija fuq talba. L-għadd ta’ verifiki tal-kwalità fil-fond ivarja u jista’ jvarja minn 1 % sa 5 % tal-intrapriżi kollha obbligati.

    8.2.   Il-kosteffettività tal-awditi tal-enerġija

    Ma hemm l-ebda definizzjoni stretta tal-kosteffettività tal-awditi tal-enerġija. Madankollu, il-kosteffettività tal-awditi tal-enerġija tista’ tiġi vvalutata bl-użu tal-perjodu ta’ rkupru (snin), li huwa l-proporzjon bejn il-kostijiet għat-twettiq ta’ awditu tal-enerġija u l-iffrankar tal-kostijiet netti annwali (espress f’valur preżenti nett) iġġenerati mill-miżuri tal-effiċjenza enerġetika identifikati fl-awditu tal-enerġija u implimentati mill-intrapriża. L-iffrankar nett tal-kostijiet iqis l-iffrankar gross tal-kostijiet fis-sena (relatat mat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija) kif ukoll l-investimenti meħtieġa biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika.

    Studju reċenti (22) vvaluta l-kosteffettività tal-awditi tal-enerġija espressa bħala perjodu ta’ rkupru tal-kost għal diversi intrapriżi tipiċi. B’mod ġenerali, il-perjodu ta’ rkupru tal-kost tal-awditi tal-enerġija huwa ta’ 3,1 snin jew inqas, skont l-intrapriża kkunsidrata; għall-intrapriżi b’konsum tal-enerġija akbar minn 10 TJ, il-perjodu ta’ rkupru tal-kost huwa inqas minn 1,16 sena.

    Fl-aħħar nett, il-kostijiet interni (eż. il-kostijiet personali tal-persunal involut fl-appoġġ tal-awditu tal-enerġija jew l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza enerġetika) kif ukoll l-iffrankar tal-kostijiet relatat mal-benefiċċji mhux tal-enerġija jistgħu jitqiesu fil-kalkolu tal-kosteffettività.

    8.3.   Benefiċċji multipli

    Waħda mir-raġunijiet għaliex l-intrapriżi — u l-SMEs b’mod partikolari — ma jinvestux aktar fl-effiċjenza enerġetika hija li l-proposti tal-proġetti normalment jiffukaw biss fuq l-iffrankar tal-enerġija (ara l-approċċ klassiku fl-Illustrazzjoni 4), li mhuwiex in-negozju ewlieni tal-biċċa l-kbira tal-intrapriżi. Madankollu, billi jiġu kkwantifikati u kkomunikati l-benefiċċji kollha ta’ effiċjenza enerġetika mtejba (ara l-approċċ ta’ benefiċċji multipli fl-Illustrazzjoni 4) inkluż titjib fil-kwalità tal-prodott, produttività mtejba, ambjent intern aħjar, eċċ., il-proposti tal-proġetti jsiru aktar kompetittivi u aktar attraenti għall-intrapriżi (23).

    Image 4

    Illustrazzjoni 4

    L-approċċ klassiku mqabbel mal-approċċ ta’ benefiċċji multipli għall-promozzjoni tal-investimenti f’miżuri tal-effiċjenza enerġetika (ibbażat fuq www.mbenefits.eu )

    8.4.   Networks tal-effiċjenza enerġetika

    Network tal-effiċjenza enerġetika (EEN, energy efficiency network) huwa kunċett bil-provi li jrawwem l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika fl-intrapriżi. Il-kunċett tal-EEN jista’ jiġi definit bħala skambju strutturat, moderat u limitat temporanjament (tipikament minn sentejn sa erba’ snin) ta’ għarfien u esperjenza bejn l-intrapriżi, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ miżuri tal-effiċjenza enerġetika. L-ewwel pass tipikament huwa li jiġi identifikat il-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija fl-intrapriżi li huma parti mill-EEN billi jitwettaq awditu tal-enerġija. Il-miżuri rakkomandati tal-effiċjenza enerġetika jintużaw biex jiġu stabbiliti miri ta’ ffrankar individwali u mhux vinkolanti. Normalment, tiġi stabbilita wkoll mira ġenerali ta’ ffrankar għall-EEN bħala grupp. Imbagħad, il-professjonisti tal-enerġija interni u esterni jiltaqgħu f’intervalli regolari biex jiddiskutu l-effiċjenza enerġetika u l-miżuri possibbli, u jekk ikun meħtieġ, jinvolvu esperti esterni b’oqsma speċifiċi ta’ għarfien espert. Dan jagħti lill-parteċipanti tal-EEN aċċess għall-għarfien, prattiki tajbin, u esperjenza diretta. Dan l-approċċ jgħin ukoll lill-parteċipanti jiġġustifikaw l-investimenti meħtieġa fl-intrapriża rispettiva tagħhom u jżidu r-rata ta’ implimentazzjoni għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika. Il-kunċett u l-impatt tal-EENs ġew iddokumentati fil-letteratura u f’diversi rapporti. (24)

    9.   EŻENZJONI MILL-OBBLIGI MINĦABBA L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ KUNTRATT TAR-RENDIMENT FL-UŻU TAL-ENERĠIJA

    Skont l-Artikolu 11(10), l-intrapriżi għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżiti tal-paragrafi 1 u 2 jekk jimplimentaw kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    Il-kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jkopri l-elementi meħtieġa tas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija.

    Il-kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness XV tal-EED. (25)

    B’mod ġenerali, il-prinċipju ta’ impatt komparabbli jrid jiġi applikat biex din l-eżenzjoni tkun valida. Dan ifisser li l-kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jkollu jkopri l-intrapriża kollha inklużi s-siti kollha tagħha u s-sistemi u l-proċessi kollha tagħha li jikkonsmaw l-enerġija; dawn ikollhom ikunu koperti minn sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-EED. Fil-prattika, każ bħal dan ma tantx huwa immaġinabbli, peress li l-kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija għandhom fruntieri tas-sistema definiti b’mod ċar u normalment ikopru biss siti jew sistemi tal-enerġija speċifiċi.

    Madankollu, l-użu ta’ kuntratti tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jista’ jiffaċilita l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija f’intrapriża. Dawk il-partijiet ta’ intrapriża li diġà tejbu l-użu tal-enerġija tagħhom permezz ta’ kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jistgħu jiġu esklużi mill-attivitajiet meħtieġa skont is-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija. Pereżempju, jekk ikun hemm kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jottimizza t-tidwil tas-swali tal-produzzjoni, dan il-qasam ma jibqax jeħtieġ li jiġi indirizzat fis-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija. Għandu jiġi żgurat biss li l-informazzjoni meħtieġa u utli għas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija tiġi pprovduta mill-proġett tal-kuntratt tar-rendiment fl-użu tal-enerġija lill-proċess ta’ rapportar intern.

    10.   EŻENZJONI MILL-OBBLIGI MINĦABBA L-IMPLIMENTAZZJONI TA’ SISTEMA TA’ ĠESTJONI AMBJENTALI

    L-Artikolu 11(11) jippermetti eżenzjonijiet għar-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 11(2) għal intrapriżi li jimplimentaw “sistema ta’ ġestjoni ambjentali, iċċertifikata minn korp indipendenti skont l-istandards Ewropej jew internazzjonali rilevanti” bil-kundizzjoni li “tinkludi awditu tal-enerġija abbażi tal-kriterji minimi stipulati fl-Anness VI”.

    Fil-kuntest tal-Artikolu 11(11), l-eżenzjoni mill-obbligu tas-sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija (jew awditu tal-enerġija) għal intrapriżi ’l fuq minn 85 TJ (jew 10 TJ) tirreferi speċifikament għal sistemi formalizzati ta’ ġestjoni ambjentali li jikkonformaw ma’ Standards Ewropej u Internazzjonali rilevanti bħall-ISO 14000 (is-Sistemi ta’ Ġestjoni Ambjentali) jew l-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS).

    Din l-eżenzjoni tapplika biss jekk is-sistema ta’ ġestjoni ambjentali kkonċernata tinkludi awditu tal-enerġija bbażata fuq il-kriterji minimi stabbiliti fl-Anness VI (ara 6.3). L-istatus taċ-ċertifikazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u tal-korp taċ-ċertifikazzjoni (jew għall-awtoċertifikazzjoni fejn applikabbli) jeħtieġ li jiġi vverifikat biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni tissodisfa r-rekwiżiti deskritti fl-Anness VI. Evidenza li awditu tal-enerġija tissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness VI, u r-rekwiżiti speċifiċi tal-Istat Membru għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet nazzjonali.

    Sistema ta’ ġestjoni ambjentali hija bbażata fuq iċ-ċiklu ppjana–wettaq–ivverifika–aġixxi. Għaldaqstant, jekk intrapriża jkollha fis-seħħ sistema ta’ ġestjoni ambjentali li tinkludi awditu tal-enerġija f’konformità mal-Anness VI, tkun qed timplimenta proċess ta’ titjib kontinwu biex iżżid ir-rendiment tal-effiċjenza enerġetika tagħha u titqies li tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 11(1) jew tal-Artikolu 11(2). Għalhekk, l-intrapriża hija eżentata mir-rekwiżiti ta’ dawk l-artikoli.

    11.   REKWIŻITI TA’ RAPPORTAR

    11.1.   Aġġornament tal-Pjanijiet Nazzjonali Integrati għall-Enerġija u l-Klima

    F’konformità mal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26), l-Istati Membri huma meħtieġa jissottomettu sat-30 ta’ Ġunju 2024, u sussegwentement sal-1 ta’ Jannar 2034 u kull 10 snin minn hemm ’il quddiem, aġġornament tal-aħħar pjan nazzjonali integrat innotifikat tagħhom għall-enerġija u l-klima. L-Artikolu 14(1) jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu abbozz ta’ aġġornament tal-NECP dejjem sena qabel l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-Artikolu 14(2).

    F’konformità mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1999, għad-dimensjoni tal-effiċjenza enerġetika, l-Istati Membri għandhom jinkludu, fost l-oħrajn, pereżempju miżuri biex jippromwovu l-awditi tal-enerġija u s-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2023/1791 (li tissostitwixxi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE).

    11.2.   Rapportar tal-Progress

    L-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1999 jirrikjedi li l-Istati Membri jissottomettu r-Rapporti ta’ Progress Nazzjonali tagħhom dwar l-Enerġija u l-Klima (NECPRs) li jkopru l-ħames dimensjonijiet kollha tal-Unjoni tal-Enerġija, bl-effiċjenza enerġetika tkun waħda mid-dimensjonijiet.

    F’konformità mal-Anness IX, il-parti 2, tar-Regolament (UE) 2018/1999, l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw l-għadd ta’ awditi tal-enerġija mwettqa fis-sena X-3 u X-2 u barra minn hekk, l-għadd totali stmat tal-kumpaniji fit-territorju tagħhom li għalihom japplika l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva (UE) 2023/1791 (li jissostitwixxi l-Artikolu 8(4) tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE) u l-għadd ta’ awditi tal-enerġija mwettqa f’dawk l-intrapriżi fis-sena X-3 u X-2.

    L-ewwel Rapporti ta’ Progress Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima kienu mistennija fil-15 ta’ Marzu 2023 u wara dan l-Istati Membri jeħtieġ li jirrapportaw il-progress b’mod biennali.


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1099/oj).

    (2)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (notifikata bid-dokument numru C(2003) 1422) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36, ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2003/361/oj).

    (3)  Is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1987, Il-Kummissjoni vs l-Italja, il-Kawża C-118/85, ECLI: EU:C:1987:283, il-punt 7; is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-35/96, ECLI: EU:C:1998:303, ECR I-3851, CNSD, il-punt 36; is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters, C-309/99, ECLI: EU:C:2002:98, il-punt 46.

    (4)  Għat-trasportaturi tal-enerġija li mhumiex fatturati abbażi tal-unitajiet tal-enerġija, l-unitajiet tal-piż (eż. tunnellata għall-faħam) u tal-volum (eż. m3 għall-injam) jistgħu jitqiesu fil-kontijiet tal-enerġija.

    (5)  Definizzjoni ta’ fornitur ta’ servizz tal-enerġija inkluża fl-Artikolu 2(29) tad-Direttiva (UE) 2023/1791.

    (6)  L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-esklużjoni tal-awtokonsum tal-enerġija prodotta mill-enerġija rinnovabbli (bl-eċċezzjoni tal-bijoenerġija).

    (7)   “Intrapriża awtonoma” tfisser “intrapriża tkun awtonoma jekk tkun kompletament indipendenti jew ikollha sħubija minoritarja waħda jew aktar (kull waħda inqas minn 25 %) ma’ intrapriżi oħra” skont l-Artikolu 3 §1 fit-Titolu I tal-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE.

    (8)  Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs, Gwida għall-Utent għad-Definizzjoni ta’ SME, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020, DocsRoom – il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu).

    (9)  L-Istati Membri jistgħu wkoll jieħdu approċċ differenti u fil-kalkoli jinkludu wkoll il-konsum tal-enerġija tal-intrapriżi sħab.

    (10)  Ara 6.1.

    (11)  Ta’ min jinnota li “l-awditi interni tas-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija” ma għandhomx jiġu konfużi ma’ “awditi tal-enerġija”.

    (12)  Id-Direttiva (UE) 2022/2464 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li temenda r-Regolament (UE) Nru 537/2014, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u d-Direttiva 2013/34/UE, fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ĠU L 322, 16.12.2022, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2464/oj).

    (13)  Il-valutazzjoni tal-fattibbiltà teknika, ambjentali u ekonomika ta’ sistemi alternattivi b’effiċjenza għolja bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli.

    (14)  Aktar dettalji huma pprovduti fi: Behling, I. et al., 2018: Development of recommendations on the implementation of certain aspects of Article 8 and Annex VI of the Energy Efficiency Directive. Rapport Finali għad-DĠ ENERĠIJA.

    (15)  Il-Kummissjoni Ewropea, 2016: A Study on Energy Efficiency in Enterprises: Energy Audits and Energy Management Systems. Report on the fulfilment of obligations upon large enterprises, the encouragement of small- and medium-sized companies and on good-practice. Study prepared by the Fraunhofer Institute for Systems and Innovation Research ISI and Ricardo Energy & Environment for the European Commission. Karlsruhe/Oxon.

    (16)  Ara Behling, I. et al., 2018: Development of recommendations on the implementation of certain aspects of Article 8 and Annex VI of the Energy Efficiency Directive. Rapport finali għad-DĠ ENERĠIJA.

    (17)  Il-Kummissjoni Ewropea, 2016: A Study on Energy Efficiency in Enterprises: Energy Audits and Energy Management Systems. Library of typical energy audit recommendations, costs and savings. Studju mħejji minn DNV GL.

    (18)  JRC, 2015: Survey of energy audits and energy management systems in the Member States. Preparation of the transposition of the Energy Efficiency Directive in Member States. JRC Science for Policy Report.

    (19)  Fejn is-sena“n” tirreferi għal kwalunkwe sena partikolari wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva.

    (20)  Ara: Guidance for national authorities on overcoming challenges in the implementation of Article 8 EED. 2021. https://doi.org/10.24406/publica-304, żviluppata fil-kuntest tal-proġett H2020 DEESME għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tal-EED preċedenti. Ħafna mir-rakkomandazzjonijiet għadhom rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva.

    (21)  Il-bażi tad-data DEEP (https://deep.eefig.eu) tal-EFIG tkun referenza potenzjali għad-data tal-valutazzjoni komparattiva għall-proġetti tal-effiċjenza enerġetika.

    (22)  Il-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, Groen, W., Egenhofer, C., Musmeci, R.et al.: Technical assistance on assessing the effectiveness of the implementation of the definition of small and medium-sized enterprises for the purposes of Article 8(4) of the Energy Efficiency Directive – Final Report, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2833/051248.

    (23)  Il-materjali rilevanti (eż. l-informazzjoni ġenerali, il-linji gwida, l-xls-sheets...) biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-intrapriżi biex jinkludu, jikkwantifikaw u jippromwovu l-benefiċċji multipli tal-effiċjenza enerġetika huma pprovduti minn xi proġetti taħt H2020 bħal: M-Benefits (https://www.mbenefits.eu/), DEESME (https://www.deesme.eu/) or ICCEE (https://iccee.eu/).

    (24)  Bħal:

    Carlén, A. et al., 2016: Energy efficiency networks for small and medium sized enterprises: boosting the energy efficiency potential by joining forces. Fl-ECEEE Industry Summer Study 2016. Il-Kunsill Ewropew għal Ekonomija Effiċjenti fl-Użu tal-Enerġija (ECEEE).

    IPEEC (Sħubija Internazzjonali għall-Kooperazzjoni fl-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija). 2015. Energy Efficiency Networks – An effective policy to stimulate energy efficiency. Pariġi: OECD/IPEEC.

    Barra minn hekk, dokumentazzjoni komprensiva (bil-Ġermaniż) tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Inizjattiva tal-Effiċjenza Enerġetika tan-Networks https://www.effizienznetzwerke.org/.

    (25)  Informazzjoni dettaljata dwar id-definizzjoni tal-ikkuntrattar tar-rendiment fl-użu tal-enerġija hija inkluża fil-gwida dwar l-Artikolu 29.

    (26)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1999/oj).


    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2024/2002/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top