This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018R1795
Commission Implementing Regulation (EU) 2018/1795 of 20 November 2018 laying down procedure and criteria for the application of the economic equilibrium test pursuant to Article 11 of Directive 2012/34/EU of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance.)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1795 tal-20 ta' Novembru 2018 li jistabbilixxi l-proċedura u l-kriterji għall-applikazzjoni tat-test tal-bilanċ ekonomiku skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1795 tal-20 ta' Novembru 2018 li jistabbilixxi l-proċedura u l-kriterji għall-applikazzjoni tat-test tal-bilanċ ekonomiku skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2018/7569
ĠU L 294, 21/11/2018, p. 5–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 32014R0869 | 12/12/2020 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32018R1795R(01) | (EL) |
21.11.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 294/5 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1795
tal-20 ta' Novembru 2018
li jistabbilixxi l-proċedura u l-kriterji għall-applikazzjoni tat-test tal-bilanċ ekonomiku skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (1), u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2012/34/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/2370 (2) fetħet is-suq għal servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri bl-għan li titlesta ż-żona ferrovjarja unika Ewropea. Dan jista' jkollu implikazzjonijiet fuq l-organizzazzjoni u l-finanzjament ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri provduti taħt kuntratt ta' servizz pubbliku. L-Istati Membri, fil-leġiżlazzjoni tagħhom, jistgħu jintroduċu l-possibbiltà li jiċħdu l-aċċess għall-infrastruttura fejn il-bilanċ ekonomiku ta' dawn il-kuntratti ta' servizz pubbliku jiġi kompromess minn servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ġodda b'aċċess miftuħ. |
(2) |
Min-naħa l-oħra, dawn is-servizzi, skont il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom, bħall-karatteristiċi tal-kwalità, l-iskeda tal-ħinijiet, id-destinazzjonijiet li jinqdew u l-klijenti prospettivi mmirati, jistgħu ma jkunux f'kompetizzjoni diretta mas-servizzi pubbliċi, u għaldaqstant jikkawżaw biss impatt limitat fuq il-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku. Barra minn dan, jista' jkun hemm effetti pożittivi fuq in-netwerk għall-operaturi ta' servizz pubbliku, benefiċċji netti għall-passiġġieri jew benefiċċji soċjali usa' li jenħtieġ li jitqiesu. |
(3) |
Għalhekk, jeħtieġ li jiġu bbilanċjati l-interessi leġittimi tal-operaturi li jwettqu kuntratt ta' servizz pubbliku u tal-awtoritajiet kompetenti, minn naħa waħda, mal-objettivi ġenerali tat-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea u tal-kisba tal-benefiċċji soċjali usa' tagħha, min-naħa l-oħra. It-test tal-bilanċ ekonomiku jenħtieġ li jikseb bilanċ bejn dawk l-interessi konkorrenti. |
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi li, bħala kumpens għat-twettiq ta' obbligi ta' servizz pubbliku fil-forniment ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri, l-operaturi jistgħu jingħataw kumpens finanzjarju jew drittijiet esklussivi, jew it-tnejn li huma. Madankollu, jenħtieġ li l-għoti ta' drittijiet esklussivi lill-operaturi ferrovjarji ma jirriżultax fl-esklużjoni tal-passiġġieri domestiċi mis-swieq ferrovjarji. |
(5) |
Dawn id-drittijiet esklussivi jenħtieġ li ma jipprekludux id-dritt tal-aċċess ta' impriżi ferrovjarji oħra, sakemm it-test tal-bilanċ ekonomiku ma jurix li, filwaqt li jitqies il-valur tad-drittijiet esklussivi, is-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid ikollu impatt negattiv sostanzjali fuq il-profitabbiltà tas-servizzi mħaddma taħt il-kuntratt ta' servizz pubbliku jew il-kost nett tal-forniment tagħhom għall-awtorità kompetenti, jew it-tnejn li huma, skont l-arranġamenti tal-kondiviżjoni tar-riskji stipulati fil-kuntratt ta' servizz pubbliku. |
(6) |
Jenħtieġ li test tal-bilanċ ekonomiku jintalab biss fir-rigward ta' servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri li ma jiġux provduti taħt kuntratt ta' servizz pubbliku u li jkunu jew kompletament ġodda jew li jimplikaw modifika sostanzjali ta' servizz eżistenti. Dan il-kunċett jinkorpora wkoll servizzi kummerċjali provduti mill-istess operatur li jwettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku. |
(7) |
Jenħtieġ li tkun ir-responsabbiltà tal-korp regolatorju li jivvaluta jekk modifika proposta ta' servizz ferrovjarju tal-passiġġieri għandhiex titqies bħala sostanzjali. Żieda fil-frekwenzi jew fl-għadd ta' waqfiet tista' titqies bħala modifika sostanzjali. Varjazzjoni fil-prezzijiet jenħtieġ li ma titqiesx bħala modifika sostanzjali, sakemm din ma tkunx inkonsistenti mal-imġiba normali tas-suq, u fejn ikun rilevanti, mal-pjan tan-negozju li ġie sottomess lill-korp regolatorju fiż-żmien meta sar it-test tal-bilanċ ekonomiku preċedenti. |
(8) |
Id-deċiżjoni tal-korp regolatorju jenħtieġ li tinkludi valutazzjoni tal-benefiċċji netti lill-klijenti li jirriżultaw mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid fuq perjodu ta' żmien qasir u medju, u jenħtieġ li tqis l-informazzjoni teknika provduta mill-maniġer tal-infrastruttura dwar ir-rekwiżiti rilevanti ta' infrastruttura u dwar l-impatti mistennija fuq il-prestazzjoni tan-netwerk u dwar l-użu ottimali tal-kapaċità mill-applikanti kollha. |
(9) |
Il-korp regolatorju jenħtieġ li jkun intitolat kemm biex jivvaluta l-impatt probabbli tas-servizz tal-passiġġieri l-ġdid, kif ukoll biex jivvaluta jekk dan l-impatt ikunx sostanzjali u, għaldaqstant, jikkompromettix il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku eżistenti. |
(10) |
Biex tiġi evitata l-interruzzjoni ta' servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid li diġà jkun beda, u biex tingħata ċertezza tad-dritt lil dan is-servizz il-ġdid dwar il-possibbiltà tiegħu li jopera, il-perjodu li matulu jista' jintalab test tal-bilanċ ekonomiku jenħtieġ li jkun limitat u marbut maż-żmien tan-notifika tal-applikant tal-interess tiegħu li jopera servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid. |
(11) |
Biex tkun ammissibbli, talba għal test tal-bilanċ ekonomiku jenħtieġ li tinkludi sostanzjament li l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku jkun kompromess mis-servizz il-ġdid propost. |
(12) |
Sabiex tiġi żgurata ċertezza tad-dritt għall-partijiet kollha involuti u sabiex il-maniġer tal-infrastruttura jkun jista' jipproċessa talbiet għall-kapaċità skont il-proċedura stabbilita fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE, jenħtieġ li l-korp regolatorju jieħu deċiżjoni dwar il-bilanċ ekonomiku f'perjodu ta' żmien determinat minn qabel u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza għall-wasla ta' talbiet għall-kapaċità, stabbiliti mill-maniġer tal-infrastruttura f'konformità mal-punt 3 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE. |
(13) |
Madankollu, jekk, meta tasal in-notifika tal-applikant, tkun għaddejja sejħa għall-offerti kompetittiva għal kuntratt ta' servizz pubbliku u jkun intalab test tal-bilanċ ekonomiku, il-korp regolatorju jista' jiddeċiedi li jissospendi l-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni għas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid għal perjodu limitat sakemm ma jingħatax il-kuntratt ta' servizz pubbliku l-ġdid. Jenħtieġ li s-sospensjoni ma ddumx iktar minn 12-il xahar mill-wasla tan-notifika tal-applikant jew sakemm il-proċess tas-sejħa għall-offerti jkun intemm, skont liema data tkun l-iktar kmieni. Dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi huma mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal kuntratt ta' servizz pubbliku li jkun għaddej meta tasal in-notifika tal-applikant. F'dawn iċ-ċirkustanzi, u fejn it-test tal-bilanċ ekonomiku fuq il-kuntratt ta' servizz pubbliku eżistenti juri li l-aċċess jista' jingħata, tali aċċess għandu jkun limitat fiż-żmien, sakemm jiskadi l-kuntratt ta' servizz pubbliku eżisenti. |
(14) |
Il-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jenħtieġ li jitqies bħala kompromess jekk is-servizz il-ġdid propost ikollu impatt negattiv sostanzjali fuq il-livell ta' profitt għall-operatur ta' servizz pubbliku u/jew it-tħaddim tiegħu jkun jimplika żieda sostanzjali fil-kost nett għall-awtorità kompetenti. |
(15) |
Meta jkun qed jivvaluta jekk impatt ikunx sostanzjali, il-korp regolatorju jenħtieġ li jqis kriterji bħal jekk is-servizz il-ġdid ixekkilx il-vijabbiltà u jipperikolax il-kontinwità tas-servizz pubbliku, jew minħabba li l-prestazzjoni tal-kuntratt pubbliku ma tkunx ekonomikament sostenibbli għall-operatur ta' servizz pubbliku, jew għaliex din tkun timplika żieda sostanzjali fil-kost nett għall-awtorità kompetenti. |
(16) |
Lil hinn mill-analiżi ekonomika, il-korp regolatorju jenħtieġ li jivvaluta u jqis ukoll il-benefiċċji netti lill-klijenti fuq perjodu ta' żmien qasir u medju u kwalunkwe impatt fil-prestazzjoni tan-netwerk u fl-użu tal-kapaċità. Il-korp regolatorju jenħtieġ li jqis l-informazzjoni teknika provduta mill-maniġer tal-infrastruttura dwar ir-rekwiżiti rilevanti tal-infrastruttura, dwar l-impatti mistennija fuq il-prestazzjoni tan-netwerk u dwar l-l-użu ottimali tal-kapaċità mill-applikanti kollha. |
(17) |
L-analiżi ekonomika jenħtieġ li tiffoka fuq l-impatt tas-servizz il-ġdid propost fuq il-kuntratt ta' servizz pubbliku kollu kemm hu, inklużi s-servizzi speċifikament affettwati, għaż-żmien kollu tiegħu, filwaqt li tqis il-valur ta' kwalunkwe dritt esklussiv eżistenti li seta' ngħata. Jenħtieġ li l-ebda limitu kwantifikat determinat minn qabel rigward id-danni ma jiġi applikat b'mod strett jew waħdu, u jenħtieġ li l-ebda limitu bħal dan ma jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Il-valutazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq metodoloġija oġġettiva adotatta mill-korp regolatorju fir-rigward tal-ispeċifitajiet tat-trasport ferrovjarju fl-Istat Membru kkonċernat. |
(18) |
Meta l-korp regolatorju jasal għall-konklużjoni li s-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid jikkomprometti l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku, fid-deċiżjoni tiegħu l-korp regolatorju jenħtieġ li jindika, jekk ikun rilevanti, bidliet possibbli għas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid li jippermettu l-għoti ta' aċċess. Il-korp regolatorju jista' joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtorità kompetenti fir-rigward ta' kundizzjonijiet oħra possibbli li jippermettu l-għoti ta' aċċess, b'mod partikolari fid-dawl tal-analiżi tiegħu tal-benefiċċji netti lill-klijenti li jirriżultaw mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid. |
(19) |
Jekk l-applikazzjoni għal aċċess tikkonċerna servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid kif iddefinit fl-Artikolu 3(36) tad-Direttiva 2012/34/UE, u l-analiżi ekonomika oġġettiva tal-korp regolatorju turi li s-servizz il-ġdid tal-passiġġieri jħalli impatt negattiv sostanzjali fuq il-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku, il-korp regolatorju għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li jippermettu l-għoti ta' aċċess skont l-Artikolu 11a tad-Direttiva 2012/34/UE. |
(20) |
Fl-attivitajiet kollha tiegħu marbutin mat-test tal-bilanċ ekonomiku, il-korp regolatorju jenħtieġ li ma jiżvelax informazzjoni kunfidenzjali jew kummerċjalment sensittiva li tkun waslet mill-partijiet. B'mod partikolari, jenħtieġ li jżomm lura din l-informazzjoni mid-deċiżjoni li tiġi ppubblikata. Id-deċiżjonijiet kollha tal-korpi regolatorji, inklużi dawk dwar in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li tkun ġiet irċevuta, huma soġġetti għal analiżi ġudizzjarja skont l-Artikolu 56(10) tad-Direttiva 2012/34/UE. |
(21) |
Fejn it-test tal-bilanċ ekonomiku jsir fir-rigward ta' servizz internazzjonali tal-passiġġieri ġdid, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' indipendenza tal-korpi regolatorji fit-teħid ta' deċiżjonijiet imsemmi fl-Artikolu 55(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, il-korpi regolatorji kkonċernati jenħtieġ li jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw biex isolvu l-kwistjoni b'mod raġonevoli. |
(22) |
Il-korpi regolatorji jenħtieġ li jiskambjaw l-aħjar prattiki fl-applikazzjoni tat-test tal-bilanċ ekonomiku bl-għan li matul iż-żmien jadattaw il-metodoloġija tagħhom u jiżviluppaw metodoloġija konsistenti fl-Istati Membri kollha, li tista' tiġi koperta mill-Artikolu 57(8) tad-Direttiva 2012/34/UE. |
(23) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 869/2014 (4) jistabbilixxi kriterji u proċeduri għall-applikazzjoni tat-test tal-għan prinċipali u tat-test tal-bilanċ ekonomiku fir-rigward ta' servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-passiġġieri ġodda. Madankollu, bil-ftuħ tas-suq għal servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri domestiċi, it-test tal-għan prinċipali sar obsolet u l-istess kriterji u proċeduri jenħtieġ li japplikaw għas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri l-ġodda kollha, irrispettivament jekk ikunux domestiċi jew internazzjonali. Għalhekk, ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 869/2014 għandu jitħassar. |
(24) |
Peress li l-Artikoli 10 u 11(1) tad-Direttiva 2012/34/UE japplikaw mill-1 ta' Jannar 2019 iżda ma japplikawx għal servizzi ferrovjarji li jibdew jaħdmu qabel it-12 ta' Diċembru 2020, hemm bżonn li jkompli jiġi applikat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 869/2014 wara l-1 ta' Jannar 2019, iżda biss għal servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ġodda li huma maħsuba li jibdew jaħdmu qabel it-12 ta' Diċembru 2020. L-applikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 869/2014 jenħtieġ li tiddependi fuq il-fatt li n-notifiki tal-applikanti jiġu sottomessi f'perjodu ta' żmien li jippermetti żmien raġonevoli biex jitlesta l-proċess tal-awtorizzazzjoni u tal-iskedar sabiex is-servizzi jkunu jistgħu verament jibdew jaħdmu qabel it-12 ta' Diċembru 2020. |
(25) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilita bl-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2012/34/UE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dettalji tal-proċedura u l-kriterji li għandhom jiġu segwiti meta jkun qed jiġi determinat jekk il-bilanċ eknomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku għat-trasport ferrovjarju jiġix kompromess minn servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għal sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jkun iddeċieda li jillimita d-dritt ta' aċċess imsemmi fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2012/34/UE għal servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri ġodda bejn post partikolari tat-tluq u destinazzjoni partikolari meta kuntratt ta' servizz pubbliku wieħed jew aktar ikopru/i l-istess rotta jew rotta alternattiva, kif previst fl-Artikolu 11(1) ta' dik id-Direttiva.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid” tfisser servizz ferrovjarju tal-passiġġieri mfassal biex jitħaddem bħala servizz bi skeda tal-ħin regolari, li jew ikun kompletament ġdid, jew jimplika modifika sostanzjali ta' servizz ferrovjarju tal-passiġġieri eżistenti, b'mod partikolari f'termini ta' frekwenzi miżjuda ta' servizzi jew żieda fl-għadd ta' waqfiet, u li ma jiġix provdut taħt kuntratt ta' servizz pubbliku; |
(2) |
“test tal-bilanċ ekonomiku” tfisser il-proċess tal-valutazzjoni deskritt fl-Artikolu 11(1) sa (4) u l-Artikolu 11a tad-Direttiva 2012/34/UE u deskritt f'aktar dettall fl-Artikolu 10 u li jsir minn korp regolatorju fuq it-talba ta' waħda mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2012/34/UE sabiex jiġi determinat jekk il-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jkunx kompromess mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid propost; |
(3) |
“kuntratt ta' servizz pubbliku” tfisser kuntratt ta' servizz pubbliku kif iddefinit fil-punt (i) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fil-qasam tat-trasport ferrovjarju; |
(4) |
“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti kif iddefinita fil-punt (b) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007; |
(5) |
“impatt finanzjarju nett” tfisser l-impatt tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid fuq il-bilanċ nett tal-kostijiet u tad-dħul li jirriżulta mit-twettiq tal-obbligi ta' servizz pubbliku stipulati f'kuntratt ta' servizz pubbliku, li jinkludi profitt raġonevoli; |
(6) |
“dritt esklussiv” tfisser dritt kif iddefinit fil-punt (f) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007. |
Artikolu 4
Notifika ta' servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid ippjanat
1. L-applikant għandu jinnotifika lill-maniġers tal-infrastruttura u lill-korpi regolatorji kkonċernati dwar l-intenzjoni tiegħu li jħaddem servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid f'konformità mal-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 38(4) tad-Direttiva 2012/34/UE.
2. Il-korpi regolatorji għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom formola ta' notifika standard li għandha titlesta u tiġi sottomessa mill-applikant, li għandha tkun limitata għall-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-isem, l-indirizz, l-entità ġuridika, in-numru tar-reġistrazzjoni (jekk ikun xieraq) tal-applikant; |
(b) |
id-data ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għad-domandi; |
(c) |
id-data tal-liċenzja u ċ-ċertifikat tas-sikurezza tal-applikant jew indikazzjoni tal-istadju tal-proċedura biex dawn jinkisbu; |
(d) |
ir-rotta dettaljata li tindika l-post tal-istazzjonijiet tat-tluq u d-destinazzjoni kif ukoll il-waqfiet intermedji kollha; |
(e) |
id-data tal-bidu ppjanata għat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid propost; |
(f) |
il-ħinijiet indikattivi, il-frekwenzi u l-kapaċità tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid propost, inklużi l-ħinijiet tat-tluq proposti, il-ħinijiet tal-wasla u l-konnessjonijiet kif ukoll kwalunkwe devjazzjoni mill-iskeda tal-ħin standard fil-frekwenza jew fil-waqfiet, f'kull direzzjoni; |
(g) |
informazzjoni indikattiva dwar il-vetturi ferrovjarji li l-applikant għandu l-ħsieb li juża. |
3. L-informazzjoni dwar it-tħaddim ippjanat tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid għandha tkopri mill-inqas l-ewwel tliet snin u, sa fejn ikun possibbli, l-ewwel ħames snin tat-tħaddim. Madankollu, il-korp regolatorju jista' jaqbel għal perjodu iqsar.
4. Il-korp regolatorju għandu jippubblika fuq is-sit web tiegħu l-formola ta' notifika standard sottomessa mill-applikant u għandu jinnotifika lil dawn li ġejjin mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara li jkun irċieva formola ta' notifika kompluta:
(a) |
kwalunkwe awtorità kompetenti li tkun tat kuntratt ta' servizz pubbliku għal servizz ferrovjarju tal-passiġġieri fuq dik ir-rotta jew rotta alternattiva fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva 2012/34/UE; |
(b) |
kwalunkwe awtorità kompetenti oħra interessata bid-dritt li tillimita l-aċċess skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2012/34/UE; |
(c) |
kwalunkwe impriża ferrovjarja li tħaddem servizzi taħt kuntratt ta' servizz pubbliku fuq ir-rotta tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid jew rotta alternattiva. |
5. L-informazzjoin kollha provduta mill-applikant fil-formola ta' notifika standard u kwalunkwe dokument ta' sostenn għandhom jintbagħtu lill-korpi regolatorji u lill-maniġers tal-infrastruttura f'format elettroniku. Madankollu, il-korp regolatorju, f'każijiet iġġustifikati b'mod dovut, jista' jaċċetta li d-dokumenti jiġu sottomessi f'forma stampata.
6. Jekk in-notifika ma tkunx kompluta, il-korp regolatorju għandu jinforma lill-applikant li mhux se jiġu kkunsidrati talbiet mhux kompluti u għandu jagħti lill-applikant il-possibbiltà li jlesti t-talba tiegħu fi żmien raġonevoli li ma jaqbiżx għaxart ijiem ta' xogħol.
Artikolu 5
Skadenza biex jintalab it-test tal-bilanċ ekonomiku
1. Kwalunkwe talba għal test tal-bilanċ ekonomiku għandha ssir lill-korp regolatorju mill-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2012/34/UE fi żmien l-iskadenza stabbilita f'dik id-dispożizzjoni.
2. Fejn, fiż-żmien tal-wasla tan-notifika tal-applikant imsemmija fl-Artikolu 4, kuntratt ta' servizz pubbliku li jkopri l-istess rotta jew rotta alternattiva jkun qiegħed jiġi offrut b'mod kompetittiv u l-iskadenza għas-sottomissjoni ta' offerti għall-awtorità kompetenti tkun skadiet, test tal-bilanċ ekonomiku jista' jintalab fi żmien l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-kuntratt ta' servizz pubbliku futur.
Dan huwa mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għal kuntratt ta' servizz pubbliku li jkun għaddej meta tasal in-notifika tal-applikant.
3. Jekk ma ssir ebda talba għal test tal-bilanċ ekonomiku fi żmien l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1, il-korp regolatorju għandu jinforma lill-applikant u lill-maniġer tal-infrastruttura mingħajr dewmien. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jipproċessa t-talba għall-aċċess f'konformità mat-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE.
Artikolu 6
Kuntratti ta' servizz pubbliku bi drittijiet esklussivi
Fejn awtorità kompetenti tkun tat drittijiet esklussivi lill-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq kuntratt ta' servizz pubbliku f'konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, l-eżistenza ta' dawn id-drittijiet ma għandhiex tipprekludi l-aċċess li jingħata lil applikant bl-għan li jħaddem servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid, sakemm dak l-aċċess ma jikkompromettix il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku.
Waqt li jkun qed iwettaq it-test skont l-Artikolu 10, il-korp regolatorju għandu jikkunsidra b'mod xieraq il-valur ta' kwalunkwe dritt esklussiv bħal dan.
Artikolu 7
Rekwiżiti ta' informazzjoni għat-test tal-bilanċ ekonomiku
1. L-entità li titlob it-test tal-bilanċ ekonomiku għandha tipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-isem, l-indirizz, l-entità ġuridika, in-numru tar-reġistrazzjoni (jekk ikun xieraq) tal-entità li tkun qed tagħmel it-talba; |
(b) |
id-data ta' kuntatt tal-persuna responsabbli għad-domandi; |
(c) |
sostanzjament li l-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ikun qiegħed f'riskju li jiġi kompromess mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid; |
(d) |
jekk l-entità li tkun qed tagħmel it-talba tkun awtorità kompetenti jew l-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku, kopja tal-kuntratt ta' servizz pubbliku. |
2. Il-korp regolatorju jista' jitlob kwalunkwe informazzjoni meħtieġa, inkluż, skont il-każ:
(a) |
mill-awtorita' kompetenti:
|
(b) |
mill-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku:
|
(c) |
mill-applikant, informazzjoni li tikkonċerna l-pjanijiet tiegħu għat-tħaddim tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid, inkluż:
|
(d) |
mill-maniġer tal-infrastruttura:
|
L-obbligi ta' informazzjoni tal-maniġer tal-infrastruttura stabbiliti fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu taħt il-proċedura tal-allokazzjoni msemmija fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2012/34/UE.
3. L-informazzjoni kollha għandha tintbgħat lill-korp regolatorju f'format elettroniku. Madankollu, il-korp regolatorju, f'każijiet iġġustifikati b'mod dovut, jista' jaċċetta li d-dokumenti jiġu sottomessi f'forma stampata.
Artikolu 8
Kunfidenzjalità
1. Il-korp regolatorju ma għandux jiżvela informazzjoni kummerċjalment sensittiva li tkun waslet mingħand il-partijiet b'rabta mat-test tal-bilanċ ekonomiku.
2. L-entità li titlob it-test tal-bilanċ ekonomiku u l-applikant għandhom jissostanzjaw kwalunkwe nuqqas ta' divulgazzjoni ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva fiż-żmien meta l-informazzjoni tiġi provduta lill-korp regolatorju. Din l-informazzjoni tista' tinkludi, b'mod partikolari, informazzjoni teknika jew finanzjarja relatata mal-għarfien espert, il-pjan tan-negozju, l-istrutturi tal-kostijiet, l-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-ipprezzar, is-sorsi tal-provvista u l-ishma mis-suq tal-impriża. Il-korp regolatorju għandu jżomm lura kwalunkwe informazzjoni kummerċjalment sensittiva mid-deċiżjoni tiegħu qabel in-notifika u l-pubblikazzjoni tagħha f'konformità mal-Artikolu 11(5). L-informazzjoni inkluża fil-formola ta' notifika standard, kif speċifikat fl-Artikolu 4(2), ma għandhiex titqies bħala kummerċjalment sensittiva.
3. Jekk il-korp regolatorju jsib li r-raġunijiet għan-nuqqas ta' divulgazzjoni previsti taħt il-paragrafu 2 ma jistgħux jiġu aċċettati, dik id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata u ġġustifikata bil-miktub lill-parti li titlob il-kunfidenzjalità, mhux aktar tard minn ġimagħtejn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 11(1).
4. Id-deċiżjoni tal-korp regolatorju dwar il-kunfidenzjalità għandha tkun soġġetta għal analiżi ġudizzjarja skont l-Artikolu 56(10) tad-Direttiva 2012/34/UE. Il-korp regolatorju m'għandux jiżvela l-informazzjoni kkontestata sakemm il-qorti nazzjonali ma tkunx tat sentenza dwar il-kunfidenzjalità.
Artikolu 9
Proċedura għat-test tal-bilanċ ekonomiku
1. Il-korp regolatorju jista' jitlob lill-entità li tkun qed titlob it-test tal-bilanċ ekonomiku biex tipprovdilu kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li huwa jqis li tkun meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 7(2) fi żmien xahar minn meta tasal it-talba. L-entità li tkun qed tagħmel it-talba għandha tipprovdi din l-informazzjoni fi żmien skadenza raġonevoli stabbilita mill-korp regolatorju. Il-korp regolatorju jista' jitlob aktar informazzjoni jekk huwa jqis li l-informazzjoni addizzjonali li jkun irċieva ma tkunx biżżejjed.
2. Fil-każ li sitt ġimgħat qabel id-data aħħarija biex jiġu rċevuti talbiet għall-kapaċità, stabbilita f'konformità mal-punt 3 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE, l-informazzjoni provduta mill-entità li tkun qed tagħmel it-talba tkun għadha mhix kompluta, il-korp regolatorju għandu jwettaq it-test abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Madankollu, jekk il-korp regolatorju jikkunsidra li l-informazzjoni ma tkunx biżżejjed biex isir it-test, huwa għandu jirrifjuta t-talba.
3. Fi żmien xahar minn meta tasal it-talba għat-test tal-bilanċ ekonomiku, il-korp regolatorju għandu jitlob ukoll lill-partijiet l-oħra msemmija fl-Artikolu 7(2) biex jipprovdulu l-informazzjoni meħtieġa biex iwettaq it-test f'konformità ma' dik id-dispożizzjoni, sakemm din l-informazzjoni tkun tista' tiġi provduta b'mod raġonevoli mill-parti kkonċernata. Għaldaqstant, fejn l-informazzjoni li tiġi provduta ma tkunx kompluta, il-korp regolatorju jista' jitlob aktar kjarifiki, filwaqt li jistabbilixxi skadenzi raġonevoli.
4. Fil-każ li sitt ġimgħat qabel id-data finali biex jiġu rċevuti talbiet għall-kapaċità, stabbilita f'konformità mal-punt 3 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE, l-informazzjoni provduta mill-applikant li jkun qed ifittex aċċess tkun għadha mhix kompluta, il-korp regolatorju għandu jwettaq it-test abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Madankollu, jekk il-korp regolatorju jikkunsidra li l-informazzjoni provduta mill-applikant ma tkunx biżżejjed biex isir it-test, huwa għandu jadotta deċiżjoni li tirriżulta fiċ-ċaħda tal-aċċess.
5. Fejn l-impriża li twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku mhijiex l-entità li tkun qed tagħmel it-talba, u fejn, sitt ġimgħat qabel id-data aħħarija għall-wasla ta' talbiet għal kapaċità stipulata skont il-punt 3 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE, l-informazzjoni mressqa minn dik l-impriża għadha mhix kompluta, il-korp regolatorju għandu jwettaq it-test abbażi tal-informazzjoni disponibbli. Madankollu, jekk il-korp regolatorju jqis li l-informazzjoni provduta mill-applikant ma tkunx biżżejjed biex isir it-test, għandu jadotta deċiżjoni li tirriżulta fl-għoti tal-aċċess.
6. Il-korp regolatorju għandu jadotta deċiżjoni fi żmien sitt ġimgħat minn meta jirċievi l-informazzjoni rilevanti kollha, u fi kwalunkwe każ qabel id-data finali għall-irċevuta ta' talbiet għall-kapaċità stabbilita f'konformità mal-punt 3 tal-Anness VII tad-Direttiva 2012/34/UE. Il-korp regolatorju għandu jinforma lill-maniġer tal-infrastruttura dwar id-deċiżjoni tiegħu mingħajr dewmien.
7. Fejn talba għat-test tal-bilanċ ekonomiku ssir skont l-Artikolu 5(2) fir-rigward ta' kuntratt ta' servizz pubbliku li jkun fil-proċess ta' sejħa għall-offerti kompetittiva, il-korp regolatorju jista' jissospendi l-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni proposta għal servizz ferrovjarju tal-passiġġieri ġdid għal perjodu massimu ta' 12-il xahar mill-wasal tan-notifika tal-applikant tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid jew sakemm il-proċess tas-sejħa għall-offerti ma jkunx intemm, skont liema data tiġi l-ewwel.
Artikolu 10
Kontenut tat-test tal-bilanċ ekonomiku u kriterji tal-valutazzjoni
1. Il-korp regolatorju għandu jivvaluta jekk il-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku ikunx kompromess mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid propost. Il-bilanċ ekonomiku għandu jitqies bħala kompromess meta s-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid iħalli impatt negattiv sostanzjali fuq mill-inqas wieħed mill-elementi li ġejjin:
(a) |
il-profitabbiltà tas-servizzi li l-impriża ferrovjarja tħaddem taħt il-kuntratt ta' servizz pubbliku; |
(b) |
il-kost nett tal-awtorità kompetenti li tagħti l-kuntratt ta' servizz pubbliku. |
2. L-analiżi għandha tirreferi għall-kuntratt ta' servizz pubbliku kollu kemm hu, mhux għal servizzi individwali li jitħaddmu taħtu, matul il-perjodu kollu tiegħu. Limiti jew kriterji speċifiċi determinati minn qabel jistgħu jiġu applikati iżda mhux b'mod strett jew b'mod iżolat minn kriterji oħra.
3. Il-korp regolatorju għandu jivvaluta l-impatt finanzjarju nett tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid fuq il-kuntratt ta' servizz pubbliku. L-analiżi tal-kostijiet u tad-dħul iġġenerati fit-tħaddim tas-servizzi koperti mill-kuntratt ta' servizz pubbliku wara d-dħul fis-suq tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
(a) |
varjazzjoni fil-kostijiet imġarrba u fid-dħul miksub mill-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku (inkluż, fejn ikun rilevanti, kwalunkwe ffrankar tal-kostijiet, bħal dak li jirriżulta min-nuqqas ta' sostituzzjoni ta' vetturi ferrovjarji li jkunu qed jilħqu t-tmiem tal-ħajja utli tagħhom jew persunal li jintemm il-kuntratt tiegħu); |
(b) |
effetti finanzjarji ġġenerati fin-netwerk taħt il-kuntratt ta' servizz pubbliku mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid propost (bħall-attrazzjoni ta' passiġġieri li jaf ikunu interessati f'konnessjoni ma' servizz reġjonali kopert mill-kuntratt ta' servizz pubbliku); |
(c) |
it-tweġibiet kompetittivi possibbli mill-impriża ferrovjarja li tkun qed twettaq il-kuntratt ta' servizz pubbliku; |
(d) |
l-impatt fuq l-investimenti rilevanti minn impriżi ferrovjarji, jew minn awtoritajiet kompetenti, pereżempju fil-vetturi ferrovjarji; |
(e) |
il-valur ta' kwalunkwe dritt esklussiv eżistenti. |
4. Il-korp regolatorju għandu jivvaluta s-sinifikat tal-impatt filwaqt li jqis, b'mod partikolari, l-arranġamenti kuntrattwali fis-seħħ bejn l-awtorità kompetenti u l-impriża ferrovjarja li tkun qed tħaddem is-servizzi pubbliċi, inkluż, fejn ikun applikabbli, il-livell ta' kumpens determinat f'konformità mal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jew li jirriżulta mill-għoti kompetittiv u kwalunkwe mekkaniżmu għall-kondiviżjoni tar-riskji, bħal riskji għat-traffiku u għad-dħul.
5. Il-korp regolatorju għandu jivvaluta wkoll:
(a) |
il-benefiċċji netti għall-klijenti li jirriżultaw mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid fuq perjodu ta' żmien qasir u medju; |
(b) |
l-impatt tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid fuq il-prestazzjoni u l-kwalità tas-servizzi ferrovjarji; |
(c) |
l-impatt tas-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid fuq l-ippjanar tal-iskeda tal-ħinijiet għas-servizzi ferrovjarji. |
6. Fejn il-korp regolatorju jkun qed jeżamina aktar minn applikazzjoni waħda għall-aċċess, jista' jieħu deċiżjonijiet differenti fuq l-applikazzjonijiet li jkun irċieva, abbażi ta' analiżi tal-impatti rispettivi tagħhom fuq il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku, l-effetti kompetittivi, il-benefiċċji netti lill-klijenti u l-impatti fuq in-netwerk, kif ukoll abbażi tal-effetti kumulattivi tagħhom fuq il-bilanċ ekonomiku tal-kuntratt ta' servizz pubbliku.
7. Il-valutazzjoni li ssir f'konformità ma' dan l-Artikolu hija mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-korp regolatorju li jirrapporta kwistjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat lill-awtoritajiet nazzjonali f'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 56(12) tad-Direttiva 2012/34/UE.
Artikolu 11
Riżultat tat-test tal-bilanċ ekonomiku
1. Bħala riżultat tat-test tal-bilanċ ekonomiku li jsir f'konformità mal-Artikolu 9 u 10, il-korp regolatorju għandu jieħu deċiżjoni prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2012/34/UE, li abbażi tagħha għandu jingħata, jiġi mmodifikat, jingħata b'ċerti kundizzjonijiet jew jiċċaħħad id-dritt ta' aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja.
2. Fejn il-bilanċ ekonomiku ta' kuntratt ta' servizz pubbliku jkun kompromess mis-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid, il-korp regolatorju:
(a) |
għandu, kif ikun xieraq, jindika bidliet possibbli għal dak is-servizz ferrovjarju tal-passiġġieri l-ġdid, bħal modifika fil-frekwenzi, fir-rotot, fil-waqfiet intermedji jew fl-iskeda, li jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet biex jingħata d-dritt ta' aċċess previsti fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2012/34/UE; u/jew |
(b) |
jista' joħroġ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti, fejn ikun rilevanti fid-dawl tal-benefiċċji netti lill-klijenti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 10(5) ta' dan ir-Regolament, li jikkonċernaw bidliet oħra li ma jkunux relatati mas-servizz tal-passiġġieri l-ġdid li jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħra biex jingħata d-dritt ta' aċċess. |
3. Fejn it-talba għall-aċċess tikkonċerna l-operat ta' servizz ġdid kif iddefinit fl-Artikolu 3(36) tad-Direttiva 2012/34/UE, wara l-proċedura u l-analiżi stipulati f'dan ir-Regolament, il-korp regolatorju għandu jaġixxi skont l-Artikolu 11a tad-Direttiva 2012/34/UE.
4. Fiċ-ċirkustanzi deskritti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 5(2), fejn it-test tal-bilanċ ekonomiku fuq il-kuntratt ta' servizz pubbliku eżisenti juri li l-aċċess jista' jingħata, dan l-aċċess għandu jkun limitat fiż-żmien, sakemm joħroġ ir-riżultat tat-test tal-bilanċ ekonomiku li għandu jitwettaq skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 9(7).
5. Il-korp regolatorju għandu jinnotifika verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni tiegħu lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2012/34/UE u jippubblikaha fuq is-sit web tiegħu.
Artikolu 12
Kooperazzjoni bejn il-korpi regolatorji kompetenti għal servizz internazzjonali tal-passiġġieri ġdid propost
1. Mal-wasla tan-notifika ta' applikant dwar l-intenzjoni tiegħu li jibda servizz internazzjonali tal-passiġġieri ġdid, il-korp regolatorju għandu jinforma lill-korpi regolatorji l-oħrajn li jkollhom kompentenza għar-rotta tas-servizz il-ġdid propost. Il-korpi regolatorji kkonċernati għandhom jivverifikaw l-informazzjoni li jirċievu u jinfurmaw lil xulxin dwar kwalunwke inkonsistenza.
2. Mal-wasla ta' talba mill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2012/34/UE għal test tal-bilanċ ekonomiku, il-korp regolatorju għandu jinforma lill-korpi regolatorji kompetenti l-oħrajn dwar dan.
3. Il-korpi regolatorji għandhom jipprovdu lil xulxin ir-riżultati tat-testijiet tal-bilanċ ekonomiku rispettivi tagħhom sabiex jagħtu biżżejjed opportunità lill-korpi regolatorji l-oħra biex jikkummentaw dwar ir-riżultati ta' dawk it-testijiet qabel ma jiġu finalizzati. Għandhom jikkooperaw sabiex isibu soluzzjoni għall-kwistjoni, f'konformità mal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2012/34/UE.
4. Matul kwalunkwe skambju ta' informazzjoni dwar it-testijiet, il-bordijiet regolatorji għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjalment sensittiva li taslilhom mill-partijiet involuti fit-testijiet. Jistgħu jużaw l-informazzjoni għall-każijiet ikkonċernati biss.
Artikolu 13
Tariffi
Stat Membru jew korp regolatorju jista' jiddeċiedi li għandha titħallas tariffa mill-entità li titlob it-test tal-bilanċ ekonomiku.
Artikolu 14
Metodoloġija
1. Il-metodoloġija li tintuża mill-korp regolatorju biex iwettaq it-test għandha tkun ċara, trasparenti u mhux diskriminatorja u għandha tiġi ppubblikata fuq is-sit web tiegħu.
2. Il-korpi regolatorji għandhom jiskambjaw l-esperjenzi u l-aħjar prattiki biex japplikaw il-metodoloġiji rispettivi tagħhom fil-kuntest tan-netwerk stabbilit fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2012/34/UE.
Artikolu 15
Tħassir
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 869/2014 jitħassar b'effett mit-12 ta' Diċembru 2020. Għandu japplika għan-notifiki tal-applikanti li jkunu waslu wara l-1 ta' Jannar 2019 biss fejn dawn jiġu sottomessi biżżejjed bil-quddiem biex is-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri l-ġodda jkunu jistgħu jibdew jaħdmu qabel it-12 ta' Diċembru 2020.
Artikolu 16
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019, fil-ħin għall-iskeda tal-ħinijiet tax-xogħol li tibda fit-12 ta' Diċembru 2020.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2018.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 32.
(2) Id-Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 li temenda d-Direttiva 2012/34/UE fir-rigward tal-ftuħ tas-suq tas-servizzi tat-trasport domestiku tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 1).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1).
(4) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 869/2014 tal-11 ta' Awwissu 2014 dwar servizzi ġodda għall-passiġġieri ferrovjarji (ĠU L 239, 12.8.2014, p. 1.)