This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1988
Council Decision (EU) 2015/1988 of 22 October 2015 on the signing, on behalf of the Union, of the Stabilisation and Association Agreement between the European Union and the European Atomic Energy Community, of the one part, and Kosovo, of the other part
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 tat-22 ta' Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1988 tat-22 ta' Ottubru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra
ĠU L 290, 06/11/2015, p. 4–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1988/oj
6.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 290/4 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1988
tat-22 ta' Ottubru 2015
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u l-Kosovo (*), min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien mal-Artikolu 31(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fil-21 ta' Ġunju 2013 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-Kosovo għal Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (“il-Ftehim”). In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fil-25 ta' Lulju 2014. |
(2) |
L-Unjoni u l-Kosovo għandhom rabtiet qawwija u jikkondividu valuri u x-xewqa għat-tisħiħ ta' dak l-irbit u li jistabbilixxu relazzjoni mill-qrib u dejjiema msejsa fuq ir-reċiproċità u l-interess reċiproku, li għandhom jippermettu lill-Kosovo sabiex isaħħaħ u jestendi ulterjorment ir-relazzjonijiet tiegħu mal-Unjoni. |
(3) |
“L-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jmexxu n-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet” intlaħaq fid-19 ta' April 2013 fil-qafas tad-djalogu ffaċilitat mill-UE. |
(4) |
Dan il-ftehim jipprevedi t-twaqqif ta' assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kosovo li tinvolvi drittijiet u obbligi reċiproċi, azzjonijiet komuni u proċedura speċjali. Fih ukoll dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-Unjoni. Id-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-Ftehim għandha għalhekk tkun imsejsa fuq il-bażi ġuridika li tipprovdi għall-istabbiliment ta' assoċjazzjoni li tippermetti lill-Unjoni tidħol f'impenji fl-oqsma kollha koperti mit-Trattati u fuq il-bażi legali għal ftehimiet f'oqsma koperti mill-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-TUE. |
(5) |
Dan huwa ftehim għall-UE biss. L-impenji u l-kooperazzjoni li għandhom jiddaħħlu mill-Unjoni taħt dan il-Ftehim jirrigwardaw biss l-oqsma koperti mill-acquis tal-UE jew politiki eżistenti tal-Unjoni. L-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bħala Ftehim għall-UE biss huma mingħajr preġudizzju għan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni ta' kwalunkwe ftehim simili li jiġi nnegozjat fil-futur. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-istituzzjonijiet tal-UE konferiti lilhom fit-Trattati u l-pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar il-kompetenzi. Il-Ftehim jipprevedi kooperazzjoni wiesgħa f'diversi oqsma ta' politika, inkluż fil-ġustizzja u l-affarijiet interni. |
(6) |
L-iffirmar tal-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri dwar l-istatus tal-Kosovo, li se tiġi deċiża b'mod konformi mal-prattika nazzjonali tagħhom u d-dritt internazzjonali. |
(7) |
Barra minn hekk, l-ebda terminu, għażla ta' kliem jew definizzjoni użati f'din id-Deċiżjoni u l-Ftehim, u lanqas ebda azzjoni ta' rikors għall-bażijiet ġuridiċi neċessarji għall-iffirmar ta' dan il-Ftehim ma jikkostitwixxi r-rikonoxximent tal-Kosovo mill-Unjoni bħala Stat indipendenti u lanqas ma jikkostitwixxi rikonoxximent tal-Kosovo minn Stati Membri individwali f'dik il-kapaċità fejn huma ma jkunux ħadu tali pass qabel. Huwa xieraq, f'dan il-kuntest, li l-Unjoni toħroġ dikjarazzjoni f'dak ir-rigward fil-mument tal-iffirmar ta' dan il-Ftehim. |
(8) |
L-iffirmar tal-Ftehim fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika huwa soġġett għal proċedura separata. |
(9) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Kosovo, huwa b'dan awtorizzat għall-partijiet li jaqgħu taħt it-TUE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim (1).
Artikolu 2
Id-Dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni mehmuża ma' din id-Deċiżjoni hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Id-Deċiżjoni preżenti hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni rigward l-istatus tal-Kosovo.
Artikolu 4
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
F. ETGEN
(*) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.
(1) It-test tal-Ftehim se jkun ippubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.
Dikjarazzjoi f'isem l-Unjoni
“Id-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni soġġetta għall-konklużjoni tiegħu f'data futura, inklużi l-bażijiet ġuridiċi użati f'dak ir-rigward, hija mingħajr preġudizzju lejn il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar l-istatus u ma tikkostitwixxix ir-rikonoxximent tal-Kosovo (*) mill-Unjoni bħala Stat indipendenti, u lanqas ma tikkostitwixxi rikonoxximent minn Stati Membri individwali f'dik il-kapaċità fejn dawn ma kinux għamlu dak il-pass preċedentement.”
(*) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.