Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1304

Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil tal- 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006

ĠU L 347, 20/12/2013, p. 470–486 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/08/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1304/oj

20.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 347/470


REGOLAMENT (UE) Nru 1304/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSIL

tal-17 ta’ Diċembru 2013

dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 164 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistabbilixxi l-qafas ta' azzjoni mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi tematiċi, il-prinċipji u r-regoli dwar l-ipprogrammar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, il-ġestjoni u l-kontroll. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu speċifikati l-missjoni u l-kamp ta' applikazzjoni tal-FSE, flimkien mal-prijoritajiet ta' investiment relatati li jindirizzaw l-objettivi tematiċi, u li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tip ta' attivitajiet li jistgħu jiġu ffinanzjati mill-FSE.

(2)

L-FSE għandu jtejjeb l-opportunitajiet tal-impjiegi, isaħħaħ l-inklużjoni soċjali, jiġġieled kontra l-faqar, jippromwovi l-ħiliet tal-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja u jiżviluppa linji politiċi ta' inklużjoni attivi, komprensivi u sostenibbli skont il-kompiti mogħtija lill-FSE permezz tal-Artikolu 162 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'hekk jikkontribwixxi għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali skont l-Artikolu 174 TFUE. Skont l-Artikolu 9 TFUE, l-FSE għandu jieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, mal-garanzija ta’ protezzjoni soċjali xierqa, mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll ma’ livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(3)

Il-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 talab li l-linji politiċi komuni kollha, inkluża l-politika ta' koeżjoni, jappoġġaw l-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (l-'Istrateġija Ewropa 2020'). Sabiex jiġi żgurat l-allinjament sħiħ tal-FSE mal-objettivi ta' din l-istrateġija, b'mod partikolari fir-rigward tal-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, il-faqar u d-diskriminazzjoni, l-FSE għandu jappoġġa l-Istati Membri billi jikkunsidra l-Linji Gwida Integrati rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għal kull pajjiż adottati skont l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) TFUE, u, fejn xieraq, fil-livell nazzjonali, il-programmi nazzjonali ta' riforma imsejsa fuq strateġiji nazzjonali għall-impjiegi, ir-rapporti soċjali nazzjonali, l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma u l-istrateġiji nazzjonali għad-diżabbiltà. L-FSE għandu jikkontribwixxi wkoll għal aspetti rilevanti tal-implimentazzjoni tal-inizjattivi ewlenin, b'mod speċjali "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi", "Żgħażagħ Mobbli", u "Il-Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali". Għandu jappoġġa wkoll attivitajiet rilevanti fl-inizjattivi dwar "Aġenda Diġitali" u "L-Unjoni tal-Innovazzjoni".

(4)

L-Unjoni qed tiffaċċja sfidi strutturali li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni ekonomika, il-bidla teknoloġika u forza tax-xogħol li dejjem qed tikber fl-età u nuqqas dejjem jikber ta' ħiliet u xogħol f'xi setturi u reġjuni. Is-sitwazzjoni kkumplikat ruħha aktar minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja reċenti, li rriżultat f'livelli ogħla ta’ qgħad, li affettwat b'mod partikolari ż-żgħażagħ u persuni żvantaġġati oħra, bħall-migranti u l-minoranzi.

(5)

L-FSE għandu jimmira li jippromwovi l-impjiegi, itejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għal dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, u jappoġġa l-mobbiltà volontarja tax-xogħol. L-FSE għandu jappoġġa wkoll tixjiħ attiv u f'saħħtu, inkluż permezz ta' forom innovattivi tal-organizzazzjoni tax-xogħol, il-promozzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol u billi jżid l-impjegabbiltà. Fil-promozzjoni tal-funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol permezz tat-tisħiħ tal-mobbiltà ġeografika transnazzjonali tal-ħaddiema, l-FSE għandu b'mod partikolari, jappoġġa l-attivitajiet tal-EURES (attivitajiet tan-netwerk Ewropew ta' servizzi tal-impjieg) f'dak li għandu x'jaqsam mar-reklutaġġ u s-servizzi relatati ta' informazzjoni, konsulenza u gwida fil-livell nazzjonali u f'dak transkonfinali. L-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FSE għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 5(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jipprevedi li l-ebda persuna ma għandha tiġi mġielgħa tagħmel xogħol forzat jew obbligatorju.

(6)

L-FSE għandu jippromwovi wkoll l-inklużjoni soċjali u jipprevjeni u jiġġieled il-faqar bl-għan li jkisser iċ-ċiklu ta' iżvantaġġ bejn il-ġenerazzjonijiet li jimplika l-mobilizzazzjoni ta' firxa ta' linji politiċi mmirati lejn l-aktar persuni żvantaġġjati irrispettivament mill-età tagħhom inklużi t-tfal, il-ħaddiema foqra u n-nisa anzjani. Għandha tingħata attenzjoni għall-parteċipazzjoni ta' dawk li qed ifittxu l-asil u tar-refuġjati. L-FSE jista' jintuża biex itejjeb l-aċċess għal servizzi ta' interess ġenerali affordabbli, sostenibbli u ta' kwalità għolja, b'mod partikolari fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, servizzi tal-impjieg u ta' taħriġ, servizzi għal dawk mingħajr akkomodazzjoni u servizzi ta' kura barra mill-iskola, kura tat-tfal u kura fit-tul. Is-servizzi appoġġati jistgħu jkunu pubbliċi, privati u/jew ibbażati fuq il-Komunità, u mogħtija minn tipi differenti ta' fornituri, jiġifieri, amministrazzjonijiet pubbliċi, kumpaniji privati, impriżi soċjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi.

(7)

IL-FSE għandu jieħu ħsieb it-tluq bikri mill-iskola u jippromwovi l-aċċess indaqs għal edukazzjoni ta' kwalità tajba, jinvesti f'edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, itejjeb ir-rilevanza tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ għas-suq tax-xogħol u jtejjeb it-tagħlim tul il-ħajja, inklużi mogħdijiet ta' tagħlim formali, mhux formali u informali.

(8)

Flimkien ma' dawn il-prijoritajiet, f'reġjuni u Stati Membri anqas żviluppati, u bl-għan li jiżdiedu t-tkabbir ekonomiku u l-opportunitajiet tal-impjiegi, għandhom jittejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika fil-livell nazzjonali u reġjonali, kif ukoll il-ħila ta’ amministrazzjoni pubblika li taġixxi b’mod parteċipattiv. Għandha tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali tal-partijiet interessati, inkluż l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politika soċjali, inkluż fil-qasam ta' azzjoni kontra d-diskriminazzjoni.

(9)

L-appoġġ fil-qafas tal-prijorità ta’ investiment "żvilupp lokali mmexxi mill-komunità" jista’ jikkontribwixxi għall-objettivi tematiċi kollha kif stabbilit f’dan ir-Regolament. L-istrateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità u appoġġati mill-FSE għandhom ikunu inklużivi fir-rigward ta' persuni żvantaġġati preżenti fit-territorju, kemm f'termini tal-governanza tal-grupp ta' azzjoni lokali kif ukoll f'termini tal-kontenut tal-istrateġija.

(10)

Fl-istess ħin, huwa essenzjali li wieħed jappoġġa l-iżvilupp u l-kompetittività tal-impriżi mikro, żgħar u medji tal-Unjoni u li jiżgura li n-nies jistgħu jadattaw, permezz tal-kisba ta' ħiliet xierqa u permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, għal sfidi ġodda bħall-bidla għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien, l-aġenda diġitali, u t-tranżizzjoni lejn ekonomija baxxa fil-karbonju u aktar effiċjenti fl-enerġija. L-FSE għandu jikkontribwixxi għall-indirizzar ta' dawn l-isfidi billi jkompli jaħdem għall-kisba tal-objettivi tematiċi ewlenin tiegħu. F'dan il-kuntest, l-FSE għandu jappoġġa t-tranżizzjoni tal-forza tax-xogħol mill-edukazzjoni għall-impjieg, lejn ħiliet u impjiegi aktar ekoloġiċi, u għandu jindirizza l-iskarsezza fil-ħiliet, inklużi dawk fl-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u t-trasport sostenibbli. L-FSE għandu jikkontribwixxi wkoll għall-ħiliet kulturali u kreattivi. Is-setturi soċjokulturali, kreattivi u kulturali huma importanti biex jindirizzaw b'mod indirett l-għanijiet tal-FSE; il-potenzjal tagħhom għandu għalhekk jiġi integrat aħjar fil-proġetti u l-ipprogrammar tal-FSE.

(11)

Fid-dawl tal-ħtieġa persistenti li jsir sforz biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni kollha kemm hi, għandha tinħoloq Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI) għar-reġjuni li huma affettwati l-aktar. Il-YEI għandha tappoġġa, f'tali reġjuni, liż-żgħażagħ li jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEET) li jkunu qiegħda jew inattivi, biex b'hekk jissaħħaħ u jiġi aċċelerat it-twassil tal-attivitajiet appoġġati b'finanzjament mill-FSE. Għandhom jiġu attribwiti speċifikament fondi addizzjonali għall-YEI u għandhom jitqabblu ma' finanzjament mill-FSE fir-reġjuni reġjuni l-aktar affetwati. Billi tkun immirata lejn persuni individwali aktar milli lejn strutturi, il-YEI għandha timmira li tikkumplementa operazzjonijiet oħra ffinanzjati mill-FSE u azzjonijiet oħra nazzjonali mmirati lejn in-NEET, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ f'konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-Istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ (4), li tipprevedi li ż-żgħażagħ għandhom jirċievu offerta ta' kwalità tajba ta' xogħol, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jispiċċaw qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali. Il-YEI tista' tappoġġja wkoll azzjonijiet kontra t-tluq bikri mill-iskola. L-aċċess għall-benefiċċji soċjali għaż-żgħażagħ u l-familji jew id-dipendenti tagħhhom m'għandux ikun ikkundizzjonat mill-parteċipazzjoni taż-żgħażagħfil-YEI.

(12)

Il-YEI għandha tkun integrata bis-sħiħ fl-ipprogrammar tal-FSE, iżda, fejn ikun xieraq, għandhom jiġu previsti dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-YEI bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi tagħha. Huwa neċessarju li tiġi ssimplifikata u ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-YEI, b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' ġestjoni finanzjarja u l-arranġamenti ta' konċentrazzjoni tematika. Sabiex jiġi żgurat li r-riżultati tal-YEI jintwerew u jiġu kkomunikati b'mod ċar, għandhom jiġu previsti monitoraġġ u evalwazzjoni speċifiċi, kif ukoll arranġamenti ta' informazzjoni u pubbliċità. L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti fid-diskussjonijiet tal-kumitati ta' monitoraġġ dwar it-tħejjija u l-implimentazzjoni, inkluża l-evalwazzjoni, tal-YEI.

(13)

L-FSE għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020, b'mod li jiżgura konċentrazzjoni akbar ta' appoġġ fuq il-prijoritajiet tal-Unjoni. Sehem minimu ta' finanzjament tal-politika ta' koeżjoni għall-FSE huwa stabbilit skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament (EU) Nru 1303/2013. L-FSE għandu b'mod partikolari jżid l-appoġġ tiegħu għall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-faqar, permezz ta’ allokazzjoni minima separata għal użu preċiż ta’ 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE ta’ kull Stat Membru. L-għażla u l-għadd ta' prijoritajiet ta' investiment għall-appoġġ tal-FSE għandhom ukoll ikunu limitati, skont il-livell tal-iżvilupp tar-reġjuni appoġġati.

(14)

Sabiex jiġu żgurati monitoraġġ aktar mill-qrib u valutazzjoni mtejba tar-riżultati miksuba fil-livell tal-Unjoni permezz ta' azzjonijiet appoġġati mill-FSE, f'dan ir-Regolament għandu jiġi stabbilit sett komuni ta' indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati. Tali indikaturi għandhom jikkorrispondu mal-prijorità ta' investiment u t-tip ta' azzjoni appoġġata f'konformità ma' dan ir-Regolament kif ukoll mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. L-indikaturi għandhom jiġu kkumplementati, fejn meħtieġ, minn indikaturi tar-riżultati u/jew tal-produzzjoni speċifiċi għal kull programm.

(15)

L-Istati Membri huma mħeġġa jirrapurtaw fuq l-effett tal-investimenti tal-FSE fuq opportunitajiet indaqs, aċċess indaqs u integrazzjoni ta' gruppi emarġinati fil-programmi operazzjonali kollha.

(16)

Filwaqt li jittieħed kont tar-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tad-data marbutin mal-ġbir u l-ħżin ta' data sensittiva dwar il-parteċipanti, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jevalwaw regolarment l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt tal-appoġġ mill–FSE fil-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, b'mod partikolari fir-rigward ta' persuni żvantaġġati bħar-Roma. L-Istati Membri huma mħeġġa jirrapportaw dwar inizjattivi ffinanzjati mill-FSE fir-rapporti soċjali nazzjonali annessi mal-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward ta' komunitajiet marġinalizzati, bħar-Roma u l-immigranti.

(17)

L-implimentazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-azzjonijiet appoġġati mill-FSE tiddipendi minn tmexxija tajba u s-sħubija bejn l-atturi territorjali u soċjoekonomiċi rilevanti kollha, b'kunsiderazzjoni tal-atturi fil-livelli reġjonali u lokali, b'mod partikolari l-assoċjazzjonijiet umbrella li jirrappreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili organizzata, is-sħab ekonomiċi u, b'mod partikolari, dawk soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-governanza strateġika tal-FSE, mill-iffurmar ta' prijoritajiet għall-programmi operazzjonali sal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-FSE.

(18)

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE tikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f'konformità mal-Artikolu 8 TFUE. L-evalwazzjonijiet urew l-importanza li jitqies l-aspett tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dimensjonijiet kollha u fl-istadji kollha ta' tħejjija, monitoraġġ, implimentazzjoni u evalwazzjoni tal-programmi operazzjonali, fi żmien kif jistħoqq u b’mod konsistenti filwaqt li jiġi żgurat li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, l-indipendenza ekonomika tan-nisa, l-aġġornament tal-edukazzjoni u tal-ħiliet u l-integrazzjoni mill-ġdid tan-nisa vittmi tal-vjolenza fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

(19)

Skont l-Artikolu 10 TFUE, l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE għandhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentament sesswali, billi tingħata attenzjoni partikolari lil dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ diskriminazzjonijiet multipli. Id-diskriminazzjoni sesswali għandha tiġi interpretata f'sens wiesa' sabiex tkopri aspetti oħra relatati mal-ġeneru f'konformità mal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet iffinanzjati mill-FSE għandha tikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs. L-FSE għandu jappoġġa t-twettiq tal-obbligu tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet fir-rigward inter alia tal-edukazzjoni, ix-xogħol, l-impjiegi u l-aċċessibbiltà. L-FSE għandu wkoll jippromwovi t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għall-kura bbażata fil-komunità. L-FSE m'għandu jappoġġa l-ebda azzjoni li tikkontribwixxi għas-segregazzjoni jew għall-esklużjoni soċjali.

(20)

L-appoġġ għall-innovazzjoni soċjali jikkontribwixxi għat-tfassil ta’ linji politiċi li jadattaw ruħhom aktar għall-bidla soċjali. L-FSE għandu jħeġġeġ u jappoġġa impriżi u imprendituri soċjali innovattivi kif ukoll proġetti innovattivi mwettqa minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u atturi oħra fl-ekonomija soċjali. B'mod partikolari, l-ittestjar u l-evalwazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi qabel l-applikazzjoni tagħhom fuq skala akbar huma essenzjali fit-titjib tal-effiċjenza tal-politika u għalhekk dan jiġġustifika l-appoġġ speċifiku mill-FSE. Soluzzjonijiet innovattivi jistgħu jinkludu l-iżvilupp ta' metrika soċjali bħal, pereżempju, it-tikkettar soċjali, dment li juru li huma effikaċi.

(21)

Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha valur miżjud sinifikanti u għandha għalhekk tkun appoġġata mill-Istati Membri kollha bl-eċċezzjoni ta' każijiet iġġustifikati kif xieraq b'kont meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Huwa wkoll meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni fl-iffaċilitar ta' skambji ta' esperjenza u fl-ikkoordinar tal-implimentazzjoni ta' inizjattivi rilevanti.

(22)

Bil-għan li jitrawwem approċċ integrat u olistiku f'termini ta' impjiegi u inklużjoni soċjali, l-FSE għandu jappoġġa sħubijiet transsettorjali u territorjali.

(23)

Il-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati reġjonali u lokali għandha tgħin fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 u l-miri ewlenin tagħha. Il-patti territorjali, l-inizjattivi lokali għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, l-istrateġiji sostenibbli u inklużivi għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità f'żoni urbani u rurali u l-istrateġiji għall-iżvilupp urban sostenibbli jistgħu jintużaw u jiġu appoġġati biex jinvolvu b'mod aktar attiv l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-ibliet, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali.

(24)

Ir-Regolament (KE) Nru 1303/2013 jipprevedi li r-regoli dwar l-eliġibbiltà tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, b’xi eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-FSE.

(25)

Bl-għan li jiġi ssimplifikat l-użu tal-FSE u li jitnaqqas ir-riskju ta' żbalji, u fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet tal-operazzjonijiet appoġġati mill-FSE, huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jikkumplementaw ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward tal-eliġibbiltà tan-nefqa.

(26)

L-użu ta' skali standard ta' spejjeż unitarji, somom f'daqqa, u finanzjament b'rata fissa għandu jwassal għal simplifikazzjoni għall-benefiċjarju u għandu jnaqqas il-piż amministrattiv għas-sħab kollha ta' proġetti tal-FSE.

(27)

Huwa importanti li tiġu żgurata l-ġestjoni finanzjarja tajba ta' kull programm operazzjonali u l-implimentazzjoni tiegħu bl-aktar mod effikaċi u faċli possibbligħall–utent. L-Istati Membri għandhom joqogħdu lura milli jżidu regoli li jikkumplikaw l-użu tal-fondi għall-benefiċjarji.

(28)

L-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jitħeġġu sabiex jgħinu lill-FSE permezz ta' strumenti finanzjarji bil-għan li jappoġġaw pereżempju l-istudenti, il-ħolqien tal-impjiegi, il-mobbiltà tal-ħaddiema, l-inklużjoni soċjali u l-intraprenditorija soċjali.

(29)

L-FSE għandu jikkumplementa programmi oħra tal-Unjoni u għandhom jiġu żviluppati sinerġiji mill-qrib bejn l-FSE u strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.

(30)

L-investiment fil-kapital uman huwa l-forza prinċipali li fuqha tista' sserraħ l-Unjoni sabiex tiżgura l-kompetittività tagħha fil-livell internazzjonali u r-rilanċ sostenibbli tal-ekonomija tagħha. L-ebda tip ta’ investiment ma jista’ jipproduċi riformi strutturali jekk dan ma jkunx akkumpanjat minn strateġija għall-iżvilupp tal-kapital uman koerenti u orjentata lejn it-tkabbir. Għalhekk jinħtieġ li jiġi żgurat li fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ir-riżorsi maħsuba biex itejbu l-ħiliet u jgħollu l-livelli ta' impjieg jippermettu t-teħid ta' azzjoni fuq skala adegwata.

(31)

Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni għall-istabbiliment tad-definizzjoni ta' skali standard tal-ispejjeż unitarji u somom f'daqqa u l-ammonti massimi tagħhom skont tipi differenti ta' operazzjonijiet. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tkun qed tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita fl-amministrazzjoni tal-FSE mill-Kumitat previst fl-Artikolu 163 TFUE.

(33)

Peress li dan ir-Regolament jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), dak ir-Regolament għandu jiġi mħassar. Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006 jew kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament u tali leġislazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta' ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. L-applikazzjonijiet għal assistenza magħmulin jew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 għandhom jibqgħu validi,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-missjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), l-ambitu tal-appoġġ tiegħu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u t-tipi ta' nfiq eliġibbli għall-għajnuna.

Artikolu 2

Missjonijiet

1.   L-FSE għandu jippromwovi livelli għoljin ta’ kwalità ta’ impjiegi u xogħol, itejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol, jappoġġa l-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema u jiffaċilita l-adattament tagħhom għall-bidla industrijali u għall-bidliet fis-sistemi tal-produzzjoni li jinħtieġu għal żviluppi sostenibbli, iħeġġeġ livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ għal kulħadd u jappoġġa t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u l-impjieg għaż-żgħażagħ, jiġġieled kontra l-faqar, isaħħaħ l-inklużjoni soċjali, u jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs, u b'hekk ikun qed jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-Unjoni fir-rigward tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

2.   L-FSE għandu jwettaq il-missjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 billi jappoġġa lill-Istati Membri fil-ħidma għall-kisba tal-prijoritajiet u l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (l-'istrateġija Ewropa 2020') u billi jippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi speċifiċi tagħhom fir-rigward tal-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. L-FSE għandu jappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet marbuta mal-missjonijiet tiegħu, filwaqt li jqis il-Linji Gwida Integrati rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż rilevanti adottati skont l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) TFUE u, fejn xieraq, fil-livell nazzjonali, il-programmi nazzjonali ta' riforma kif ukoll strateġiji u rapporti nazzjonali oħra rilevanti.

3.   L-FSE għandu jkun ta' benefiċċju għall-persuni, inklużi persuni żvantaġġati bħal pereżempju n-nies li jkunu qiegħda fit-tul, in-nies b'diżabbiltajiet, il-migranti, il-minoranzi etniċi, il-komunitajiet marġinalizzati u n-nies ta’ kull età li qed jiffaċċjaw faqar u esklużjoni soċjali. L-FSE għandu wkoll jipprovdi appoġġ għall -ħaddiema, l-impriżi, inklużi atturi fl-ekonomija soċjali, u l intraprendituri, kif ukoll għal sistemi u istrutturi bl-għan li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal sfidi ġodda, inkluż it-tnaqqis tal-iżbilanċi fil-ħiliet u l-promozzjoni ta' governanza tajba, progress soċjali, u l-implimentazzjoni ta' riformi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politika soċjali.

Artikolu 3

L-ambitu tal-appoġġ

1.   Skont l-objettivi tematiċi msemmijin fil-punti (8), (9), (10) u (11) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jikkorrispondu għall-punti (a), (b), (c) u (d) ta' dan il-paragrafu, u skont il-missjonijiet tiegħu, l-FSE għandu jappoġġa l-prijoritajiet ta' investiment li ġejjin:

(a)

Għall-objettiv tematiku "il-promozzjoni ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità u l-appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol":

(i)

Aċċess għall-impjiegi għal dawk li qed ifittxu xogħol u għall-persuni inattivi, inklużi l-persuni qieg.ħda fit-tul u dawk imbiegħda mis-suq tax-xogħol, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi għall-impjiegi lokali u appoġġ għall-mobbiltà tax-xogħol;

(ii)

Integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, inklużi żgħażagħ f'riskju ta' esklużjoni soċjali u żgħażagħ minn komunitajiet marġinalizzati, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

(iii)

Impjieg indipendenti, intraprenditorija u l-ħolqien ta' negozji, inklużi impriżi innovattivi mikro, żgħar u ta' daqs medju;

(iv)

Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż l-aċċess għall-impjiegi, il-progressjoni fil-karriera, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-promozzjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali;

(v)

L-adattament tal-ħaddiema, l-impriżi u l-intraprendituri għall-bidla;

(vi)

It-tixjiħ attiv u f'saħħtu;

(vii)

L-immodernizzar tal-istituzzjonijiet tas-swieq tax-xogħol, bħas-servizzi tal-impjieg pubbliċi u privati, u t-titjib tal-allinjament tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż azzjonijiet li jtejbu l-mobilità tax-xogħol transnazzjonali kif ukoll permezz ta’ skemi ta’ mobbiltà u kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati rilevanti;

(b)

Għall-objettiv tematiku "il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-kwalunkwe diskriminazzjoni":

(i)

Inklużjoni attiva, inkluż bil-ħsieb li jiġu promossi opportunitajiet indaqs u parteċipazzjoni attiva u t-titjib tal-impjegabbiltà;

(ii)

Integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma;

(iii)

Il-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs;

(iv)

It-tisħiħ tal-aċċess għal servizzi affordabbli, sostenibbli u ta' kwalità għolja, inkluża l-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali;

(v)

Il-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u tal-integrazzjoni professjonali fl-impriżi soċjali u l-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-impjieg;

(vi)

Strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità;

(c)

Għall-objettiv tematiku "l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u fit-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja":

(i)

It-tnaqqis u l-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u l-promozzjoni ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni tal-bidu tat-tfulija, primarja u sekondarja li tkun ta' kwalità tajba, inklużi opportunitajiet ta' tagħlim, formali, mhux formali u informali, li jippermettu l-integrazzjoni mill-ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ;

(ii)

It-titjib tal-kwalità, l-effiċjenza ta' u l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u ekwivalenti bl-għan li jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' kisba, speċjalment għall-gruppi żvantaġġati;

(iii)

It-tisħiħ tal-aċċess ugwali għat-tagħlim tul il-ħajja għall-etajiet kollha f'ambjenti formali, mhux formali u informali, l-aġġornament tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi tal-forza tax-xogħol, u l-promozzjoni ta' opportunatijiet flessibbli ta' tagħlim inkluż permezz ta' gwida tal-karriera u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba;

(iv)

It-titjib fir-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għas-suq tax-xogħol, l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, it-tisħiħ tal-edukazzjoni professjonali u s-sistemi tat-taħriġ u l-kwalità tagħhom, inkluż permezz ta' mekkaniżmi għall-antiċipazzjoni tal-ħiliet, l-adattament tal-kurrikuli u l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' sistemi tat-tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, inklużi sistemi ta' tagħlim doppju u skemi ta' apprendistat;

(d)

Għall-objettiv tematiku "it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti":

(i)

Investiment fil-kapaċità istituzzjonali u fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali bl-għan li jkun hemm riformi, regolamentazzjoni aħjar u governanza tajba;

Din il-prijorità ta' investiment tapplika biss fl-Istati Membri li huma eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni, jew fl-Istati Membri li jkollhomreġjun NUTS wieħed jew aktar tal-livell 2 kif imsemmi fl-Artikolu 90(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(ii)

Il-bini tal-kapaċitajiet għall-partijiet interessati kollha li jwasslu edukazzjoni, tagħlim tul il-ħajja, taħriġ u politika tal-impjiegi u politika soċjali, inkluż permezz ta' patti settorjali u territorjali għall-mobilizzazzjoni tar-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

2.   Permezz tal-prijoritajiet ta' investiment elenkati fil-paragrafu 1, l-FSE għandu wkoll jikkontribwixxi għall-objettivi tematiċi l-oħra elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, primarjament billi:

(a)

Jappoġġa l-bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju, reżistenti għat-tibdil fil-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ambjentalment sostenibbli, permezz tat-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ meħtieġ għall-adattament tal-ħiliet u l-kwalifiki, it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'setturi relatati mal-ambjent u l-enerġija;

(b)

It-titjib tal-aċċessibbiltà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-użu u l-kwalità tagħhom, permezz tal-iżvilupp tal-kompetenza diġitali u t-tagħlim elettroniku, u l-investiment fl-inklużjoni diġitali, il-ħiliet diġitali u l-ħiliet intraprenditorjali relatati;

(c)

It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoliġiċi, permezz tal-iżvilupp tal-istudji postuniversitarji u l-ħiliet intraprenditorjali, it-taħriġ tar-riċerkaturi, l-attivitajiet ta' netwerking u s-sħubijiet bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, iċ-ċentri tar-riċerka u tat-teknoloġija u l-impriżi;

(d)

It-tisħiħ tal-kompetittività u tas-sostenibbiltà fit-tul tal-impriżi żgħar u u ta' daqs medju, permezz tal-promozzjoni tal-adattabbiltà tal-impriżi, tal-maniġers u tal-ħaddiema, aktar investiment fil-kapital uman, u l-appoġġ għall-korpi li jipprovdu taħriġ u edukazzjoni professjonali orjentati lejn il-prattika.

Artikolu 4

Konsistenza u konċentrazzjoni tematika

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrateġija u l-azzjonijiet stabbiliti fil-programmi operazzjonali tagħhom ikunu konsistenti u jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom, kif ukoll, fejn rilevanti, fl-istrateġiji nazzjonali l-oħra tagħhom immirati lejn il-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u wkoll fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill adottati f'konformità mal-Artikolu 148(4) TFUE, sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar.

2.   Mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f'kull Stat Membru għandhom jiġu allokati għall-objettiv tematiku "Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta' diskriminazzjoni" stabbilit fil-punt (9) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

3.   L-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu l-konċentrazzjoni tematika skont il-modalitajiet li ġejjin:

(a)

Għar-reġjuni aktar żviluppati, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw mill-inqas 80 % tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull programm operattiv fuq mhux aktar minn ħamsa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

(b)

Għar-reġjuni ta' tranżizzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw mill-inqas 70 % tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull programm operattiv fuq mhux aktar minn ħamsa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

(c)

Għar-reġjuni inqas żviluppati, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw mill-inqas 60 % tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull programm operattiv fuq mhux aktar minn ħamsa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

4.   L-assijiet ta' prijorità msemmijin fl-Artikolu 11(1) għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perċentwali speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5

Indikaturi

1.   Għandhom jintużaw indikaturi komuni tal-produzzjoni u tar-riżultati, kif stabbilit fl-Anness I għal dan ir-Regolament, u, fejn rilevanti, indikaturi speċfiċi għal kull programm skont l-Artikolu 427(4) u l-Artikolu 96(2)(b)(ii) u (iv) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. L-indikaturi komuni kollha tal-produzzjoni u tar-riżultati għandhom jiġu rappurtati għall-prijoritajiet ta' investiment kollha. L-indikaturi tar-riżultati stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom jiġu rapportati skont l-Artikolu 5(2a) ta' dan ir-Regolament. Fejn applikabbli, id-data għandha titqassam skont is-sess.

Għall-indikaturi tal-produzzjoni komuni u dawk speċifiċi għal kull programm, il-valuri bażi għandhom jiġu stabbiliti fil-livell ta’ żero. Fejn ikun rilevanti għax-xorta tal-operazzjonijiet appoġġjati, il-valuri ta' mira kwantifikati kumulattivi għal dawk l-indikaturi għandhom jiġu ffissati għall-2023. L-indikaturi tal-produzzjoni għandhom jiġu espressi f'numri assoluti.

Għandhom jiġu ffissati linji ta' bażi li jużaw l-aħħar data disponibbli jew ta' sorsi ta' informazzjoni rilevanti oħra għal dawk l-indikaturi tal-produzzjoni komuni u dawk speċifiċi għal kull programm li għalihom ġie stabbilit valur ta’ mira kwantifikat kumulattiv għall-2023. L-indikaturi tar-riżultati speċifiċi għal kull programm u l-miri relatati jistgħu jiġu espressi f'termini kwantitattivi jew kwalitattivi.

2.   Barra mill-paragrafu 1, l-indikaturi tar-riżultati kif stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom jintużaw għall-operazzjonijiet kollha appoġġati fil-qafas tal-prijorità ta’ investiment kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a)(ii) għall-implimentazzjoni tal-YEI. L-indikaturi kollha stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom jiġu marbuta ma’ valur ta’ mira kumulattiva kwantifikata għall-2023 u ma' valur bażi.

3.   Flimkien mar-rapporti tal-implimentazzjoni annwali, kull awtorità ta' ġestjoni għandha tittrażmetti data strutturata b'mod elettroniku għal kull prijorità ta' investiment. Id-data għandha titressaq għall-kategoriji ta' intervent imsemmija fl-Artikolu 96(2)(b)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati. B'deroga mill-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, id-data trażmessa għal indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati għandha tkun relatata ma' valuri għal operazzjonijiet implimentati parzjalment jew kompletament.

KAPITOLU II

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-IPPROGRAMMAR U L-IMPLIMENTAZZJONI

Artikolu 6

Involviment tas-sħab

1.   Il-parteċipazzjoni tas-sħab imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1303/2013 fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali jistgħu jieħdu l-forma ta' għotjiet globali kif definiti fl-Artikolu 123(7) tar-Regolament (KE) Nru 1303/2013. F' każijiet tali, il-progamm operattiv għandu jidentifika l-parti tal-programm operazzjonali kkonċernat mill-għotja globali, inkluża allokazzjoni finanzjarja indikattiva minn kull assi prijoritarju lilu.

2.   Sabiex titħeġġeġ parteċipazzjoni xierqa tas-sħab soċjali f'azzjonijiet appoġġati mill-FSE, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm operattiv f'reġjun definit fl-Artikolu 90(2)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew fi Stat Membru eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jiżguraw li, skont il-bżonnijiet, jiġi allokat ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE għall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet, fil-forma ta' taħriġ, miżuri ta' netwerking, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali, u għal attivitajiet li jitwettqu b'mod konġunt mis-sħab soċjali.

3.   Sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni adegwata ta', u l-aċċess minn, organizzazzjonijiet mhux governattivi f'azzjonijiet u għal azzjonijiet appoġġati mill-FSE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm operattiv f'reġjun definit fl-Artikolu 90(2)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew fi Stat Membru li jkun eliġibbli għall-appoġġ mill-fond ta' koeżjoni għandhom jiżguraw li ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat għall-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

Artikolu 7

Promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-mainstreaming kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi operazzjonali. Permezz tal-FSE l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jappoġġaw ukoll azzjonijiet b'mira speċifika fi ħdan kwalunkwe waħda mill-prijoritajiet ta' investiment imsemmijin fl-Artikolu 3, u, b'mod partikolari fl-Artikolu 3(1)(a)(iv) ta' dan ir-Regolament, bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa fl-impjiegi, biex b'hekk tiġi miġġielda l-femminizzazzjoni tal-faqar, titnaqqas is-segregazzjoni bbażata fuq is-sessi, jiġu miġġielda l-isterjotipi skont is-sessi fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u jiġu promossi r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja personali għal kulħadd kif ukoll il-qsim ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura bejn in-nisa u l-irġiel.

Artikolu 8

Promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, permezz tal-mainstreaming tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Permezz tal-FSE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jappoġġaw ukoll azzjonijiet speċifiċi fi ħdan kwalunkwe waħda mill-prijoritajiet ta' investiment imsemmija fl-Artikolu 3, u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1)(b)(iii) ta' dan ir-Regolament. Tali azzjonijiet għandhom jimmiraw li jiġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni kif ukoll itejbu l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà, bil-ħsieb li tittejjeb l-integrazzjoni fl-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u b'hekk tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali, jitnaqqsu l-inugwaljanzi f'termini ta' kisba edukattiva u l-istat tas-saħħa u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għal waħda mmexxija mill-komunità b'mod partikolari għal dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla.

Artikolu 9

L-innovazzjoni soċjali

1.   L-FSE għandu jippromwovi l-innovazzjoni soċjali fi ħdan l-oqsma kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, kif definit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari bl-għan li jiġu ttestjati, evalwati u mtejba s-soluzzjonijiet innovattivi, inkluż fil-livell lokali jew reġjonali, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali fi sħubija mas-sħab rilevanti u, b'mod partikolari, s-sħab soċjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw, fil-programmi operazzjonali tagħhom jew fi stadju aktar tard matul l-implimentazzjoni, l-oqsma għall-innovazzjoni soċjali li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-bini tal-kapaċitajiet għall-innovazzjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ għat-tagħlim reċiproku, l-istabbiliment ta' netwerks, u t-tixrid u l-promozzjoni ta' prassi u metodoloġiji tajbin.

Artikolu 10

Kooperazzjoni transnazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-kooperazzjoni transnazzjonali bl-għan li jippromwovu t-tagħlim reċiproku, biex b'hekk iżidu l-effikaċja tal-linji politiċi appoġġati mill-FSE. Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha tinvolvi sħab minn mhux inqas minn żewġ Stati Membri.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri bi programm operattiv wieħed appoġġat mill-FSE jew bi programm operattiv wieħed appoġġat minn diversi fondi jistgħu eċċezzjonalment jagħżlu li ma jappoġġawx azzjonijiet ta' kooperazzjoni transnazzjonali, f'każijiet ġustifikati kif jistħoqq u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.   L-Istati Membri, fi sħubija mas-sħab rilevanti, jistgħu jagħżlu temi għal kooperazzjoni transnazzjonali minn lista ta' temi komuni proposta mill-Kummissjoni u approvata mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 jew jagħżlu temi oħra li jikkorispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni transnazzjonali dwar it-temi komuni tal-lista msemmija fil-paragrafu 3 u, fejn xieraq, temi oħra magħżula minn Stati Membri permezz tat-tagħlim reċiproku u l-azzjoni koordinata jew konġunta. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tħaddem pjattaforma fil-livell tal-UE biex tiffaċilita l-istabbiliment ta' sħubijiet transnazzjonali, l-iskambju ta' esperjenzi, il-bini tal-kapaċitajiet u n-netwerking u l-kapitalizzazzjoni fuq ir-riżultati rilevanti u t-tixrid tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas ta' implimentazzjoni koordinat, inklużi kriterji ta' eliġibbiltà komuni, tipi ta' azzjonijiet u ffissar taż-żmien għalihom, u approċċi metodoloġiċi komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transnazzjonali.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-fond għal programmi operazzjonali

1.   B'deroga mill-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-programmi operattivi jistgħu jistabbilixxu assijiet prijoritarji għall-implimentazzjoni tal-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni transnazzjonali kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament.

2.   B'deroga mill-Artikolu 120(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-rata ta' kofinanzjament massima għal assi prijoritarju għandha tiżdied b'10 % għaxar punti perċentwali, iżda m'għandhiex tisboq il-100 %, meta assi prijoritarju sħiħ ikun dedikat għall-innovazzjoni soċjali jew għall-kooperazzjoni transnazzjonali, jew taħlita tat-tnejn.

3.   Minbarra d-dispożizzjoni magħmula fl-Artikolu 96(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-programmi operazzjonali għandhom ukoll jistabbilixxu l-kontribut tal-azzjonijiet ippjanati appoġġati mill-FSE għal:

(a)

l-objettivi tematiċi elenkati fil-punti (1) sa (7) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għal kull assi prijoritarju, kif xieraq;

(b)

l-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni transnazzjonali, kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament, meta ma jkunux koperti minn assi prijoritarju dedikat.

Artikolu 12

Disposizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament ta’ karatterisitiċi territorjali speċjali

1.   L-FSE jista' jappoġġa strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità f'żoni urbani u rurali, kif imsemmi fl-Artikolu 32, 33 u 34tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 patti territorajli u inizjattivi lokali għall-impjiegi, inkluż l-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll investimenti territorjali Integrati (ITI) kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

2.   Bħala komplement għall-interventi tal-FEŻR kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-FSE jista' jappoġġa l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta' strateġiji li jistabbilixxu azzjonijiet integrati sabiex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jaffettwaw iż-żoni urbani identifikati mill-Istati Membri abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-ftehimiet ta' sħubija rispettivi tagħhom.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-ĠESTJONI FINANZJARJA

Artikolu 13

Eliġġibbiltà tan-nefqa

1.   L-FSE għandu jipprovdi appoġġ għan-nefqa eliġibbli li, kif imsemmi fl-Artikolu 120(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jista' jinkludi kwalunkwe riżorsa finanzjarja kollettivament kontribwita minn min iħaddem u mill-ħaddiema.

2.   L-FSE jista' jipprovdi appoġġ għan-nefqa mħarrba għal operazzjonijiet li jsiru 'l barra miż-żona tal-programm, iżda fl-Unjoni, dment li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-operazzjoni tkun għall-benefiċċju taż-żona tal-programm;

(b)

l-obbligi tal-awtoritajiet għall-programm operazzjonali relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar fir-rigward tal-operazzjoni jkunu ssodisfati mill-awtoritajiet responsabbli għall-programm operazzjonali li fil-qafas tiegħu tiġi appoġġata l-operazzjoni jew jidħlu fi ftehim mal-awtoritajiet fl-Istati Membri li fihom tkun implimentata l-operazzjoni dment f'dak l-Istat Membru jkunu ssodisfati l-obbligi relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar fir-rigward tal-operazzjoni.

3.   Sa limitu ta' 3 % tal-baġit ta' programm operazzjonali ffinanzjat mill-FSE jew il-parti tal-FSE ta' programm operattiv iffinanzjat minn diversi fondi, in-nefqa imġarrba barra mill-Unjoni għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE dment li din tikkonċerna l-objettivi tematiċi skont l-Artikolu 3(1)(a) jew l-Artikolu 3(1)(c) u dment li l-kumitat ta' monitoraġġ rilevanti jkun qabel mal-operazzjoni jew mat-tipi ta' operazzjonijiet ikkonċernati.

4.   Minbarra n-nefqa msemmija fl-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ix-xiri tal-infrastruttura, l-art u l-proprjetà wkoll ma għandux ikun eliġibbli għal kontribut mill-FSE.

5.   Il-kontribuzzjonijiet in natura fil-forma ta' għotjiet jew salarji żbursati minn parti terza għall-benefiċċju tal-parteċipanti f'operazzjoni jistgħu jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE dment li tali kontribuzzjonijiet in natura jkunu mġarrba skont ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabbiltà, u ma jaqbżux l-ispiża mġarrba mill-parti terza.

Artikolu 14

Għażliet ta’ spejjeż simplifikati

1.   Minbarra l-għażliet msemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Kummissjoni tista' tħallas lura n-nefqa mħallsa mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa definiti mill-Kummissjoni. L-ammonti kkalkolati fuq din il-bażi għandhom jitqiesu bħala appoġġ pubbliku mħallas lill-benefiċjarji u bħala nefqa eliġibbli għall-iskop li jiġi applikat ir-Regolament (UE) 1303/2013.

Għall-iskop tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 dwar it-tip ta' operazzjonijiet koperti, id-definizzjonijiet tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa u l-ammonti massimi tagħhom, li jistgħu jiġu aġġustati skont il-metodi normalment miftiehma applikabbli, filwaqt li jitqiesu kif jistħoqq l-esperjenzi li jkunu saru bħala parti mill-perjodu preċedenti ta' programmar.

L-awditjar finanzjarju għandu jimmira esklużivament li jivverifika li l-kundizzjonijiet għall-ħlas lura mill-Kummissjoni abbażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa jkunu ġew issodisfati.

Meta jintuża finanzjament fuq il-bażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa, skont l-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru jista' japplika l-prassi tal-kontabbiltà tiegħu għall-appoġġ tal-operazzjonijiet. Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tali prassi tal-kontabbiltà u l-ammonti li jirriżultaw ma għandhomx ikunu soġġetti għall-awditjar mill-awtorità tal-awditjar jew mill-Kummissjoni.

2.   Skont l-Artikolu 67(1)(d) u (5)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, rata fissa sa mhux aktar minn 40 % tal-ispejjeż tal-persunal diretti eliġibbli tista' tintuża sabiex tkopri l-ispejjeż eliġibbli ta' operazzjoni li jibqgħu mingħajr ma l-Istat Membru jkun rikjest li jeżegwixxi kwalunkwe kalkolu biex jiddettermina r-rata applikabbli.

3.   Flimkien mal-metodi stipulati fl-Artikolu 67(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, meta l-appoġġ pubbliku għall-għotjiet u għajnuna li titħallas lura ma jaqbiżx il-EUR 100 000, l-ammonti msemmijin fl-Artikolu 67(1)(b), (c) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jistgħu jiġu stabbiliti fuq bażi ta' każ b'każ b'referenza għal abbozz ta' baġit maqbul ex ante mill-awtorità ta' ġestjoni.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 67(4) tar-Regolament (EU) No 1303/2013, l-għotjiet l-assistenza li għandha titħallas lura li għalihom l-appoġġ pubbliku ma jaqbiżx il-EUR 50 000 għandhom jieħdu l-forma ta' skali standard ta' spejjeż unitarji jew somom f'daqqa skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew rati fissi skont l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, għajr għall-operazzjonijiet li jirċievu appoġġ fi ħdan il-qafas ta' skema ta' għajnuna mill-Istat. Meta jintuża finanzjament b'rata fissa, il-kategoriji tal-ispejjeż li jintużaw biex tiġi kkalkolata r-rata jistgħu jitħallsu lura skont l-Artikolu 67(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Artikolu 15

Strumenti finanzjarji

Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-FSE jista' jappoġġa azzjonijiet u linji politiċi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu permezz ta' strumenti finanzjarji, inklużi mikrokrediti u fondi ta' garanzija.

KAPITOLU IV

L-INIZJATTIVA FAVUR L-IMPJIEG TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Artikolu 16

L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ

Il- YEI għandha ssostni l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni eliġibbli tal-Unjoni, permezz tal-għoti ta’ appoġġ għal azzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1)(a)(ii) ta' dan ir-Regolament. Din għandha timmira lejn iż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 25 sena li jkunu barra minn impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, li jirrisjedu f'reġjuni eliġibbli, li jkunu inattivi jew qiegħda, inklużi dawk qiegħda fit-tul, u kemm jekk reġistrati bħala li qegħdin ifittxu x-xogħol, jew le. Fuq bażi volontarja, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-grupp fil-mira biex jinkludi żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena.

Għall-fini tal-YEI għall-perjodu 2014-2015, "ir-reġjuni eliġibbli" huma dawk ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 li għandhom rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ minn 15 sa 24 sena ta' aktar minn 25 % fl-2012 u, għall-Istati Membri fejn ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ żdiedet b'aktar minn 30 % fl-2012, ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 b'rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' aktar minn 20 % fl-2012.

Ir-riżorsi għall-YEI jistgħu jiġu riveduti 'l fuq għas-snin 2016-2020 fil-qafas tal-proċedura baġitarja f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013 Biex jiġu ddeterminati r-reġjuni eliġibbli għall-YEI għall-perjodu 2016-2020, ir-referenza għal data tal-2012 fit-tieni subparagrafu għandha tinftiehem bħala referenza għall-aħħar data annwali disponibbli. It-tqassim tar-riżorsi addizzjonali skont kull Stat Membru għandu jsegwi l-istess passi bħall-allokazzjoni inizjali skont l-Anness VIII għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Bi ftehim mal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu’ jiddeċiedu li jallokaw ammont limitat li ma jaqbiżx l-10 % tal-fondi fil-qafas tal-YEI għal żgħażagħ residenti f’sottoreġjuni li jesperjenzaw livelli għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u li jkunu barra mir-reġjuni eliġibbli tal-livell NUTS 2.

Artikolu 17

Konċentrazzjoni tematika

L-allokazzjoni speċifika għall-YEI m’għandhiex tiġi kkunsidrata għall-iskop tal-kalkolu tal-konċentrazzjoni tematika msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 18

Programmar

Il-YEI hija integrata fl-ipprogrammar tal-FSE skont l-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti tal-ipprogrammar għall-YEI fil-ftehim ta’ sħubija rispettiv tagħhom u fil-programmi operazzjonali tagħhom.

L-arranġamenti ta' pprogrammar jistgħu jieħdu waħda jew aktar mill-forom li ġejjin:

(a)

programm operattiv dedikat

(b)

assi ta’ prijorità dedikat fi ħdan programm operattiv;

(c)

parti minn assi wieħed jew aktar ta' prijorità.

L-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għall-YEI.

Artikolu 19

Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.   Flimkien mal-funzjonijiet tal-kumitat ta' monitoraġġ stipulati fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mhux inqas minn darba fis-sena, il-kumitat ta’ monitoraġġ għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-YEI fil-kuntest tal-programm operazzjonali u tal-progress magħmul lejn il-kisba tal-objettivi tagħha.

2.   Ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapport finali kif imsemmija fl-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu jinkludi informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-YEI. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Parlament Ewropew ġabra fil-qosor ta' dawk ir-rapporti kif imsemmi fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

Il-Kummissjoni għandha tattendi d-dibattitu annwali tal-Parlament Ewropew dwar dawk ir-rapporti.

3.   Minn April 2015 u għas-snin sussegwenti, u fl-istess waqt tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tittrażmetti elettronikament lill-Kummissjoni data strutturata għal kull assi prijoritarju jew għal kwalunkwe parti minnu li tappoġġa l-YEI. Id-data dwar l-indikaturi trażmessa għandha tkun relatata ma’ valuri għall-indikaturi stabbiliti fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament u, fejn applikabbli, ma’ indikaturi speċifiċi għal kull programm. Dawn għandhom ikunu relatati ma' operazzjonijiet implimentati parzjalment jew kompletament.

4.   Ir-rapporti ta' implimentazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jew, fejn applikabbli, ir-rapport ta' progress imsemmi fl-Artikolu 111(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-rapport annwali ta' implimentazzjoni mressaq sal-31 ta' Mejju 2016, għandhom jippreżentaw is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Ir-rapporti għandhom ukoll jistabbilixxu u jivvalutaw il-kwalità tal-offerti ta' impjiegi li jkunu rċevew il-parteċipanti tal-YEI, inklużi żgħażagħ żvantaġġati, dawk minn komunitajiet marġinalizzati u dawk li jitilqu l-edukazzjoni mingħajr kwalifiki. Ir-rapporti għandhom ukoll jistabbilixxu u jivvalutaw il-progress tagħhom fl-edukazzjoni kontinwa, fis-sejbien ta' impjiegi sostenibbli u deċenti, jew fiċ-caqliq f'apprendistat jew traineeships ta' kwalità.

5.   Ir-rapporti ta' progress imsemmijin fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jinkludu informazzjoni addizzjonali dwar l-YEI u jivvalutaw l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Parlament Ewropew ġabra fil-qosor ta' dawn ir-rapporti kif imsemmi fl-Artikolu 53(2) ta' dak ir-Regolament u għandha tattendi d-dibattitu tal-Parlament Ewropew dwar dawk ir-rapporti.

6.   Mhux inqas minn darbtejn waqt il-perjodu ta’ programmar, għandha ssir evalwazzjoni biex tivvaluta l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt tal-appoġġ konġunt mill-FSE u l-allokazzjoni speċifika għall-YEI u l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

L-ewwel evalwazzjoni għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2015 u t-tieni evalwazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2018.

Artikolu 20

Miżuri ta' informazzjoni u komunikazzjoni

1.   Il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li dawk li jieħdu sehem f’operazzjoni jkunu informati speċifikament dwar l-appoġġ tal-YEI pprovdut permezz ta' finanzjament mill-FSE u l-allokazzjoni speċifika tal-YEI.

2.   Kull dokument rigward l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni u li jinħareġ għall-pubbliku jew għall-parteċipanti, inklużi ċertifikati ta' attendenza jew ċertifikati oħra, għandu jinkludi stqarrija li turi li l-programm operattiv kien sostnut mill-YEI.

Artikolu 21

Assistenza teknika

L-allokazzjoni speċifika għall-YEI tista’ tiġi ikkunsidrata mill-Istati Membri fil-kalkolu tal-limitu fuq l-ammont totali tal-fondi allokati għal assistenza teknika għal kull Stat Membru.

Artikolu 22

Appoġġ finanzjarju

1.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm operattiv għandha tiffissa l-ammont massimu ta’ appoġġ mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI u l-appoġġ korrispondenti mill-FSE, bħala ammont globali u wkoll skont il-kategorija tar-reġjuni, għal kull assi ta’ prijorità. L-appoġġ korrispondenti mill-FSE għandu tal-inqas jilħaq l-appoġġ mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għal kull assi ta’ prijorità.

2.   Abbażi tal-ammonti msemmijin fil-paragrafu 1, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha wkoll tiffissa l-proporzjon bejn il-kategoriji tar-reġjuni għall-appoġġ mill-FSE għal kull assi ta' prijoritá.

3.   Meta l-YEI tkun implimentata permezz ta' assi prijoritarju speċifiku li jkopri reġjuni eliġibbli minn aktar minn kategorija waħda, għandha tapplika l-ogħla rata ta' kofinanzjament fir-rigward tal-allokazzjoni tal-FSE.

L-allokazzjoni speċifika għall-YEI m'għandhiex tkun soġġetta għar-rekwiżit tal-kofinanzjament nazzjonali.

Ir-rata globali tal-kofinanzjament tal-assi ta' prijorità ffissata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata billi tiġi kkunsidrata r-rata ta' kofinanzjament tal-allokazzjoni tal-FSE flimkien mal-allokazzjoni speċjali għall-YEI.

Artikolu 23

Ġestjoni finanzjarja

Minbarra dl-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, meta l-Kummissjoni tirrimborża pagamenti interim u tħallas il-bilanċ finali għall-YEI skont l-assijiet prijoritarji, għandha talloka r-rimborż mill-baġit tal-Unjoni indaqs bejn l-FSE u l-allokazzjoni speċifika għall-YEI. Ladarba r-riżorsi kollha mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI ikunu ġew rimborżati, il-Kummissjoni għandha talloka r-rimborżi li jkun għad baqa' mill-baġit tal-Unjoni lill-FSE.

Il-Kummissjoni għandha talloka r-rimborż mill-FSE bejn il-kategoriji tar-reġjuni skont il-proporzjon stabbilit fl-Artikolu 22(2).

KAPITOLU V

DELEGA TAS-SETGĦA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 24

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa sabiex jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 14(1) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni minn 21 ta’ Diċembru 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020.

3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14(1) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Europew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni biex issir revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 14(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 25

Kumitat skont l-Artikolu 163 TFUE

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat (il-"Kumitat tal-FSE") imwaqqaf skont l-Artikolu 163 TFUE.

2.   Il-membru tal-Kummissjoni responsabbli milli jippresjedi l-Kumitat tal-FSE jista’ jiddelega dik ir-responsabbiltà lil uffiċjal għoli tal-Kummissjoni. Is-Segretarjat tal-Kumitat tal-FSE għandu jiġi provdut mill-Kummissjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed tal-gvern, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u supplent wieħed għal kull membru għal perjodu massimu ta' seba' snin. Fin-nuqqas ta' xi membru, is-supplent għandu jkun intitolat awtomatikament li jieħu sehem fil-proċedimenti.

4   Il-Kumitat tal-FSE għandu jinkludi rappreżentant wieħed minn kull organizzazzjoni fil-livell tal-UE li tirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem fil-livell tal-Unjoni.

5.   Il-Kumitat tal-FSE jista' jistieden rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot tal-Bank Ewropew għall-Investiment u tal-Fond Ewropew tal-Investiment kif ukoll rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot tal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili għal-laqgħat tiegħu, jekk l-aġenda tal-laqgħa teħtieġ il-parteċipazzjoni tagħhom.

6.   Il-Kumitat tal-FSE għandu:

(a)

jiġi kkonsultat dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal- programmi operazzjonali u mal-ipprogrammar fil-każ ta' appoġġ mill-FSE;

(b)

jiġi kkonsultat dwar l-użu ppjanat tal-assistenza teknika fil-każ ta' appoġġ mill-FSE, kif ukoll fuq kwistjonijiet oħra li jkollhom impatt fuq l-implimentazjoni tal-istrateġiji fil-livell tal-Unjoni li huma rilevanti għall-FSE;

(c)

japprova l-lista tat-temi komuni għall-kooperazzjoni transnazzjonali prevista fl-Artikolu 10(3).

7.   Il-Kumitat tal-FSE jista' jagħti opinjoni dwar:

(a)

kwistjonijiet relatati mal-kontribut tal-FSE għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020;

(b)

kwistjonijiet dwar ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għall-FSE;

(c)

kwistjonijiet relatati mal-FSE riferuti lilu mill-Kummissjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 6.

8.   L-opinjonijiet tal-Kumitat tal-FSE għandhom jiġu adottati b'maġġoranza assoluta tal-voti validi mitfugħa u għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat tal-FSE dwar kif tkun ħadet kont tal-opinjonijiet tiegħu.

Artikolu 26

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006, jew ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandha konsegwentement tkompli tapplika wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.

2.   L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 qabel l-1 ta' Jannar 2014 għandhom jibqgħu validi.

Artikolu 27

Tħassir

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni kif stabbilta fl-Anness III.

Artikolu 28

Reviżjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrevedu dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2020 skont ill-Artikolu 164 TFUE.

Artikolu 29

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŠADŽIUS


(1)  ĠU C 143, 22.5.2012, p. 82 and OJ C 271, 19.9.2013, p. 101.

(2)  ĠU C 225, 27.7.2012, p. 127.

(3)  Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' tat-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (Ara paġna 320 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.

(5)  Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 12).

(6)  Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (Ara paġna 289 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS I

Indikaturi tal-produzzjoni u tar-riżultati komuni għall-investimenti tal-FSE

(1)   Indikaturi tal-produzzjoni komuni għall-parteċipanti

"Parteċipanti" (1) tirreferi għal persuni li jibbenefikaw direttament minn intervent tal-FSE li jistgħu jiġu identifikati u jintalbu l-karatteristiċi tagħhom, u li għalihom tiġi identifikata nefqa speċifika. Persuni oħra ma għandhomx jiġu klassifikati bħala parteċipanti. Id-data kollha għandha tiġi diżaggregata skont is-sess.

L-indikaturi tal-produzzjoni komuni għall-parteċipanti huma:

persuni qiegħda, inklużi dawk qiegħda fit-tul*,

persuni qiegћda fit-tul*,

persuni inattivi*,

persuni inattivi, barra mill-edukazzjoni jew taħriġ*,

impjegati, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom*,

persuni taħt l-età ta' 25 sena*,

persuni 'l fuq mill-età ta' 54 sena*,

ta' età ta' aktar minn 54 sena li jkunu qiegħda, inklużi dawk qiegħda fit-tul, jew inattivi u li jkunu barra mill-edukazzjoni jew taħriġ *,

persuni b'edukazzjoni primarja (ISCED 1) jew sekondarja baxxa (ISCED 2)*,

persuni b'edukazzjoni sekondarja għolja (ISCED 3) jew edukazzjoni postsekondarja (ISCED 4)*,

persuni b'edukazzjoni terzjarja (ISCED 5 sa 8)*,

parteċipanti li jgħixu f'familji mingħajr impjieg*,

parteċipanti li jgħixu ma' familji mingħajr impjieg bi tfal dipendenti*,

parteċipanti li jgħixu f'familja magħmula minn adult single bi tfal dipendenti*,

migranti, parteċipanti bi sfond barrani, minoranzi (inklużi l-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma)**,

parteċipanti b’diżabbiltajiet**,

persuni żvantaġġati oћra**.

In-numru totali tal-parteċipanti ser jiġi kkalkulat awtomatikament abbażi tal-indikaturi tal-produzzjoni.

Dik id-data dwar parteċipanti li jidħlu f'operazzjoni appoġġata mill-FSE għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) u l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

persuni mingħajr dar jew milquta mill-esklużjoni tal-akkomodazzjoni*,

persuni minn żoni rural*i (2)

Id-data dwar parteċipanti taħt iż-żewġ indikaturi ta' hawn fuq għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Id-data għandha tinġabar fuq il-bażi ta' kampjun rappreżentattiv ta' parteċipanti f'kull assi prijoritarju. Il-validità interna tal-kampjun għandha tiġi żgurata b'tali mod li d-data tista' tiġi ġeneralizzata fil-livell tal-prijorità ta' investiment.

(2)   L-indikaturi tal-produzzjoni komuni għall-entitajiet huma:

għadd ta' proġetti implimentati kompletament jew parzjalment mis-sħab soċjali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi,

għadd ta' proġetti dedikati għall-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa fix-xogħol,

għadd ta’ proġetti mmirati lejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi jew is-servizzi pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali,

għadd ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju appoġġati (inklużi impriżi kooperattivi u impriżi tal-ekonomija soċjali).

Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) u l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.

(3)   Indikaturi tar-riżultati komuni immedjati għall-parteċipanti huma:

parteċipanti inattivi li meta jitilqu jkunu bdew ifittxu impjieg*,

parteċipanti li meta jitilqu jkunu fl-edukazzjoni/taħriġ*,

parteċipanti li meta jitilqu jkunu kisbu kwalifika*,

parteċipanti li meta jitilqu jkunu sabu mpjieg, inkluż impjieg indipendenti*,

parteċipanti żvattaġġati li meta jitilqu jkunu bdew ifittxu impjieg, ikunu f'edukazzjoni/taħriġ, jkunu qed jiksbu xi kwalifiki, ikunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti**.

Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) u l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Id-data kollha għandha titqassam skont is-sess.

(4)   Indikaturi tar-riżultati komuni fuq żmien itwal għall-parteċipanti huma:

parteċipanti f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*,

parteċipanti b'sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol imtejba fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*,

parteċipanti ta' età ta' aktar minn 54 sena li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*,

parteċipanti żvantaġġati li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, fi żmien sitt xhur wara li jitilqu**.

Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Għandha tinġabar abbażi ta' kampjun rappreżentattiv ta' parteċipanti għal kull prijorità ta' investiment. Il-validità interna tal-kampjun għandha tiġi żgurata b'tali mod li d-data tista' tiġi ġeneralizzata fil-livell ta' prijorità ta' investiment. Id-data kollha għandha titqassam skont is-sess.


(1)  L-awtoritajiet ta' ġestjoni għandhom jistabbilixxu sistema li tirreġistra u taħżen id-data tal-parteċipanti individwali f'forma kompjuterizzata kif stabbilit fl-Artikolu 125(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 L-arranġamenti tal-ipproċessar tad-data stabbiliti mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31), b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha.

Id-data rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'* hija data personali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE. L-ipproċessar tagħha jkun meħtieġ għall-konformità mal-obbligu legali li għaliha l-kontrollur huwa soġġett (Artikolu 7(c) tad-Direttiva 95/46/KE). Għad-definizzjoni ta' kontrollur, ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

Id-data rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'** hija data ta' kategorija speċjali skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE. Soġġetti għall-provvista ta’ salvagwardji xierqa, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żieda ma dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46/KE, permezz tal-liġi nazzjonali jew inkella b’deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni (Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46/KE).

(2)  Id-data għandha tinġabar fil-livell ta' unitajiet amministrattivi iżgħar (unitajiet amministrattivi lokali 2), skont ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).


ANNESS II

Indikaturi tar-riżultati għall- YEI

Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013u fir-rapport li għandu jitressaq f'April tal-2015 kif speċifikat fl-Artikolu 19(3) ta' dan ir-Regolament. Id-data kollha għandha titqassam skont is-sess.

(1)   Indikaturi tar-riżultati komuni immedjati għall-parteċipanti

"Parteċipanti" (1) tirreferi għal persuni li jibbenefikaw direttament minn intervent tal-YEI u li jistgħu jiġu identifikati u jintalbu l-karatteristiċi tagħhom, u li għalihom tiġi mwarrba nefqa speċifika.

L-indikaturi tar-riżultati immedjati huma:

Parteċipanti mhux impjegati li jlestu l-intervent appoġġat mill-YEI*,

Parteċipanti qiegħda li jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship meta jitilqu *;,

Parteċipanti qiegħda li jkunu f'edukazzjoni/taħriġ, jew li jiksbu xi kwalifika, jew li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, meta jitilqu*,

Parteċipanti qiegħda fit-tul li jlestu l-intervent appoġġat mill-YEI,

Parteċipanti qiegħda fit-tul li jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship meta jitilqu *,

Parteċipanti qiegħda fit-tul li jkunu f'edukazzjoni/taħriġ, jew li jiksbu xi kwalifika, jew li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, meta jitilqu*;

Parteċipanti inattivi barra mill-edukazzjoni jew taħriġ li jlestu l-intervent appoġġat mill-YEI**,

Parteċipanti inattivi li jkunu barra mill-edukazzjoni u li jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship meta jitilqu *;

Parteċipanti inattivi li jkunu barra mill-edukazzjoni jew taħriġ u li jkunu qegħdin jiksbu xi kwalifika, jew ikunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, meta jitilqu*.

(2)   Indikaturi tar-riżultati komuni għall-parteċipanti fuq żmien itwal

L-indikaturi tar-riżultati fuq żmien itwal huma:

Parteċipanti f’edukazzjoni kontinwa, programmi ta’ taħriġ li jwasslu għal kwalifika, apprendistat jew traineeship fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*.,

Parteċipanti li jkunu f'impjieg fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*,

Parteċipanti li jkunu f'impjieg indipendenti fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*.

Id-data għal indikatuti tar-riżultati fuq żmien itwal għandha tinġabar abbażi ta' kampjun rappreżentattiv tal-parteċipanti għal kull prijorità ta' investiment. Il-validità interna tal-kampjun għandha tiġi żgurata b'tali mod li d-data tista' tiġi ġeneralizzata fil-livell tal-prijorità ta' investiment.


(1)  L-awtoritajiet ta' ġestjoni għandhom jistabbilixxu sistema li tirreġistra u taħżen id-data tal-parteċipanti individwali f'forma kompjuterizzata kif stabbilit fl-Artikolu 125(2)(d) tar-Regolament 1303/2013 L-arranġamenti tal-ipproċessar tad-data stabbiliti mill-Istati Membri jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha.

Id-data rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'* hija data personali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE. L-ipproċessar tagħha jkun meħtieġ għall-konformità mal-obbligu legali li għaliha l-kontrollur huwa soġġett (Artikolu 7(c) tad-Direttiva 95/46/KE). Għad-definizzjoni ta' kontrollur, ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.

Id-data rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'** hija data ta' kategorija speċjali skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE. Soġġetti għall-provvista ta’ salvagwardji xierqa, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żieda ma dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46/KE, jew permezz tal-liġi nazzjonali jew inkella b’deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni (Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46/KE).


ANNESS III

Tabella ta' korrelazzjoni

Regulament (KE) Nru 1081/2006 Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

 

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

 

Artikolu 8

Artikolu 7

Artikolu 9

Artikolu 8

Artikolu 10

Artikolu 9

Artikolu 10

 

Artikolu 11

 

Artikolu 12

Artikolu 11

Artikolu 13

 

Artikolu 14

 

Artikolu 15

 

Artikoli 16 sa 23

 

Artikolu 24

 

Artikolu 25

Artikolu 12

Artikolu 26

Artikolu 13

Artikolu 27

Artikolu 14

Artikolu 28

Artikolu 15

Artikolu 29


Top