Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0111R(01)

    2006/111/KE: Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas- 16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 M, tal-24 ta' Diċembru 2008 )

    JO L 84M, 31.3.2009, p. 555–563 (MT)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/111/corrigendum/2009-03-31/oj

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L NaN/555


    Rettifika għad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta' Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi

    ( Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 348 M, tal-24 ta' Diċembru 2008 )

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE għandha taqra:

    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/111/KE

    tas-16 ta' Novembru 2006

    dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (Verżjoni kkodifikata)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 86(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja fi ħdan ċerti impriżi (1) ġiet emendata b'mod sostanzjali bosta drabi (2). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    L-impriżi pubbliċi għandhom rwol sostanzjali fl-ekonomija nazzjonali tal-Istati Membri.

    (3)

    L-Istati Membri spiss jagħtu drittijiet speċjali jew esklużivi lil impriżi partikolari jew iħallsu jew jagħtu xi tip ieħor ta’ kumpens lil impriżi partikolari li huma fdati bit-tħaddim ta' servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Dawn l-impriżi huma wkoll ta' spiss f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra.

    (4)

    L-Artikolu 295 tat-Trattat jipprovdi li t-Trattat ma għandu bl-ebda mod jippreġudika r-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema ta’ sjieda ta’ proprjetà. Ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni mhux ġustifikata bejn l-impriżi pubbliċi u privati fl-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni. Din id-Direttiva għandha tapplika kemm għall-impriżi pubbliċi kif ukoll għal dawk privati.

    (5)

    It-Trattat jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri ma jagħtux lill-impriżi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, għajnuna mhux kompatibbli mas-suq komuni.

    (6)

    Madankollu, il-komplessità tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali u l-impriżi pubbliċi għandhom tendenza li jfixklu l-qadi ta' dan id-dmir.

    (7)

    Applikazzjoni imparzjali u effettiva tar-regoli ta' għajnuna fit-Trattat kemm lill-impriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati tkun possibbli biss jekk dawn ir-relazzjonijiet finanzjarji jsiru trasparenti.

    (8)

    Trasparenza bħal din applikata lil impriżi pubbliċi għandha tgħin biex issir distinzjoni ċara bejn ir-rwol tal-Istat bħala awtorità pubblika u r-rwol tiegħu bħala proprjetarju.

    (9)

    L-Artikolu 86(1) tat-Trattat jimponi obbligi fuq l-Istati Membri fil-każ tal-impriżi pubbliċi u dawk l-impriżi li l-Istati Membri jagħtuhom drittijiet speċjali jew esklużivi. L-Artikolu 86(2) tat-Trattat japplika għall-impriżi li ġew fdati biex iħaddmu s-servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku. L-Artikolu 86(3) tat-Trattat jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu u jipprovdiha bil-mezzi meħtieġa għal dan il-għan. Biex tiżgura l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 86 tat-Trattat il-Kummissjoni jrid jkollha t-tagħrif meħtieġ. Dan ifisser li jiġu ddefiniti l-kondizzjonijiet biex tiġi żgurata t-trasparenza.

    (10)

    Billi għandu jkun ċar x'jinftiehem bil-kliem “awtoritajiet pubbliċi” u “impriżi pubbliċi”.

    (11)

    L-Istati Membri għandhom strutturi territorjali amministrattivi differenti. Din id-Direttiva għandha tkopri lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha f’kull Stat Membru.

    (12)

    L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jkollhom influwenza dominanti fuq l-aġir tal-impriżi pubbliċi mhux biss fejn huma proprjetarji jew ikollhom maġġoranza ta' ishma iżda wkoll bis-saħħa tas-setgħat li għandhom f'korpi ta' maniġment jew sorveljanza bħala riżultat jew tar-regoli li jirregolaw l-impriża jew tal-mod kif l-ishma huma mqassma.

    (13)

    Id-disponibilità ta' fondi pubbliċi lill-impriżi pubbliċi tista' ssir kemm b'mod dirett kif ukoll indirett. It-trasparenza trid tinkiseb irrispettivament minn kif tkun magħmula d-disponibilità tal-fondi pubbliċi. Jista' wkoll ikun meħtieġ li jiġi żgurat li tagħrif xieraq ikun disponibbli rigward ir-raġunijiet ta' din id-disponibilità ta' fondi pubbliċi u l-użu effettiv tagħhom.

    (14)

    Sitwazzjonijiet komplessi marbuta mal-forom diversi ta’ impriżi pubbliċi u privati li ngħataw drittijiet speċjali jew esklużivi jew li ġew fdati bit-tħaddim ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kif ukoll il-medda ta’ attivitajiet li jistgħu jitwettqu minn impriża waħda u l-livelli differenti ta' liberalizzazzjoni tas-suq fl-Istati Membri varji jistgħu jikkumplikaw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ kompetizzjoni, u partikolarment l-Artikolu 86 tat-Trattat. Għalhekk jeħtieġ li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkollhom tagħrif fid-dettal dwar l-istruttura interna u finanzjarja u organizzattiva ta’ dawn l-impriżi, partikolarment kontijiet separati u ta’ min joqgħod fuqhom marbuta ma’ attivitajiet differenti mwettqa mill-istess impriża.

    (15)

    Il-kontijiet għandhom juru d-distinzjoni bejn attivitajiet differenti, l-ispejjeż u d-dħul marbuta ma’ kull attività u l-metodi ta’ assenjazzjoni u allokazzjoni ta' spejjeż u dħul. Dawn il-kontijiet separati għandhom ikunu disponibbli, min-naħa l-waħda, rigward prodotti u servizzi li għalihom l-Istat Membru ta dritt speċjali jew esklużiv jew feda l-impriża bit-tħaddim ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, għal kull prodott jew servizz ieħor li fihom hija attiva l-impriża. L-obbligu ta’ kontijiet separati ma għandux japplika għal impriżi li l-attivitajiet tagħhom huma limitati għal provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u li ma jagħmlux attivitajiet li jaqgħu barra l-ambitu ta’ dawn is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Ma jidhirx li huwa meħtieġ li jintalbu kontijiet separati fil-qasam ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew fil-qasam ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi, peress li dan mhux meħtieġ għall-allokazzjoni ta' spejjeż u dħul bejn dawn is-servizzi u prodotti u dawk li jaqgħu barra s-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew id-drittijiet speċjali jew esklużivi.

    (16)

    Li teħtieġ mill-Istati Membri li jiżguraw li l-impriżi rilevanti jżommu dawn il-kontijiet separati huwa l-aktar mod effiċjenti li bih tista’ tiġi żgurata applikazzjoni imparzjali u effettiva tar-regoli ta' kompetizzjoni għal dawn l-impriżi. Fl-1996 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar servizzi ta' interess ġenerali fl-Ewropa (3), li kienet issupplementata minn Komunikazzjoni oħra fl-2001 (4), li fiha enfasizzat l-importanza ta' dawn is-servizzi. Jeħtieġ li titqies l-importanza tas-setturi kkonċernati, li jistgħu jinvolvu servizzi ta’ interess ġenerali, il-pożizzjoni ta' saħħa fis-suq li l-impriżi rilevanti jista’ jkollhom u l-vulnerabbiltà tal-kompetizzjoni l-ġdida fis-setturi li qegħdin jiġu liberalizzati. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità jeħtieġ u huwa xieraq biex jintlaħaq l-għan bażiku ta’ trasparenza li jiġu stabbiliti regoli dwar dawn il-kontijiet separati. Din id-Direttiva ma tmurx lilhinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet imfittxija, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 tat-Trattat.

    (17)

    F’ċerti setturi dispożizzjonijiet adottati mill-Komunità jitolbu li l-Istati Membri u ċerti impriżi jżommu kontijiet separati. Jeħtieġ li jiġi żgurat l-istess trattament għal kulħadd fil-Komunità kollha u li jiġi estiż ir-rekwiżit li jinżammu kontijiet separati għas-sitwazzjonijiet kollha komparabbli. Din id-Direttiva ma għandhiex temenda regoli speċifiċi stabbiliti għall-istess skop f’dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità u ma tapplikax għal attivitajiet ta’ impriżi koperti minn dawk id-dispożizzjonijiet.

    (18)

    Ċerti impriżi għandhom jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva bis-saħħa tad-daqs tal-fatturat tagħhom. Dan japplika għal dawk l-impriżi pubbliċi li n-negozju tagħhom jitmexxa fuq skala li ma tiġġustifikax piż amministrattiv biex tiġi żgurata t-trasparenza. Minħabba l-potenzal limitat biex ikun hemm effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, mhux meħtieġ, għalissa, li jintalbu kontijiet separati rigward id-disponibilità ta’ ċerti kategoriji ta’ servizzi.

    (19)

    Din id-Direttiva hija mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat, l-aktar l-Artikoli 86(2), 88 u 296, u għal kwalunkwe regola oħra li tikkonċerna l-provvista ta' tagħrif mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.

    (20)

    F’każijiet fejn il-kumpens għat-twettiq ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ġie ffissat għal perjodu xieraq wara proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja ma jidhirx li jeħtieġ li dawn l-impriżi jintalbu li jżommu kontijiet separati.

    (21)

    Billi l-impriżi kkonċernati qegħdin f'kompetizzjoni ma' impriżi oħra, l-informazzjoni miksuba għandha taqa' taħt l-obbligu tas-sigriet professjonali.

    (22)

    Sistema ta' rapporti bbażata fuq ispezzjonijiet ex post facto tal-finanzi li jgħaddu bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi li jaħdmu fis-settur tal-manifattura tgħin lill-Kummissjoni biex twettaq l-obbligi tagħha. Din is-sistema ta' kontroll trid tkopri informazzjoni finanzjarja speċifika.

    (23)

    Biex il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri jkun limitat, is-sistema ta' rapporti għandha tagħmel użu kemm minn informazzjoni disponibbli pubblikament kif ukoll minn informazzjoni disponibbli għall-azzjonisti ta' maġġoranza. It-tressiq ta' rapporti kkonsolidati għandu jkun permess. Għajnuna mhux kompatibbli lill-impriżi ewlenin li joperaw fis-settur tal-manifattura jkollha l-ikbar effett ta' tgħawwiġ fuq il-kompetizzjoni fis-suq komuni. Għalhekk, sistema ta' rapportar bħal din tista' bħalissa tkun limitata għal impriżi b'fatturat annwali ta' aktar minn EUR 250 miljun.

    (24)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness I, Parti B,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi huma trasparenti kif ipprovdut f’din id-Direttiva, biex joħroġ ċar dan li ġej:

    (a)

    fondi pubbliċi magħmula disponibbli b'mod dirett mill-awtoritajiet pubbliċi lill-impriżi pubbliċi kkonċernati;

    (b)

    fondi pubbliċi magħmula disponibbli mill-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-medjazzjoni ta' impriżi pubbliċi jew istituzzjonijiet finanzjarji;

    (c)

    l-użu proprju ta' dawn il-fondi pubbliċi.

    2.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-Komunità, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istruttura finanzjarja u organizzattiva ta’ kull impriża li hija meħtieġa li żżomm kontijiet separati tkun riflessa b'mod korrett fil-kontijiet separati, biex joħroġ ċar dan li ġej:

    (a)

    l-ispejjeż u d-dħul marbut ma' attivitajiet differenti

    (b)

    dettalji sħaħ dwar il-metodi li bihom huma assenjati jew allokati spejjeż u dħul lill-attivitajiet differenti.

    Artikolu 2

    Għall-fini ta' din id-Direttiva:

    (a)

    “awtoritajiet pubbliċi” tfisser l-awtoritajiet pubbliċi kollha, inklużi l-Istat u l-awtoritajiet reġjonali, lokali u territorjali l-oħra kollha;

    (b)

    “impriżi pubbliċi” tfisser kull impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-pussess li għandhom tagħha, il-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fiha, jew ir-regoli li jirregolawha;

    Jitqies li hemm influwenza dominanti min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi meta dawn l-awtoritajiet, direttament jew indirettament fil-konfront tal-impriża:

    (i)

    ikollhom il-parti ewlenija tal-kapital sottoskritt tal-impriża; jew

    (ii)

    jikkontrollaw il-maġġoranza tal-voti marbutin ma' ishma maħruġa mill-impriżi; jew

    (iii)

    jistgħu jaħtru aktar min-nofs il-membri tal-entità amministrattiva, ta' tmexxija jew ta' sorveljanza tal-impriża;

    (c)

    “impriżi pubbliċi li joperaw fis-settur tal-manifattura” tfisser kull impriża li l-qasam ewlieni ta' attività tagħha, iddefinit li huwa mill-inqas 50 % tal-fatturat totali annwali, huwa fil-manifattura. Dawn l-impriżi huma dawk li l-operat tagħhom jaqa’ taħt it-Taqsima D — Manifattura, li hija s-sottotaqsima DA sas-sottotaqsima DN, din inkluża, tal-klassifika tan-NACE (Rev. 1) (5);

    (d)

    “impriża mitluba żżomm kontijiet separati” tfisser kull impriża li tgawdi minn dritt speċjali jew esklużiv mogħti minn Stat Membru skont l-Artikolu 86(1) tat-Trattat, jew fdata bit-tħaddim ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skond l-Artikolu 86(2) tat-Trattat, li tirċievi kumpens ta' servizz pubbliku fi kwalunkwe forma fir-rigward ta' dan is-servizz u li twettaq attivitajiet oħra;

    (e)

    “attivitajiet differenti” tfisser, min-naħa l-waħda, il-prodotti u s-servizzi kollha li fir-rigward tagħhom jingħata dritt speċjali jew esklużiv lil impriża jew lis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kollha li ġew fdati b'impriża u, min-naħa l-oħra, kull prodott jew servizz ieħor separat li fir-rigward tiegħu l-impriża hija attiva;

    (f)

    “drittijiet esklużivi” tfisser drittijiet mogħtija minn Stat Membru lil impriża waħda b’kull strument leġiżlattiv, regolatorju jew amministrattiv, u li jirriżervalha d-dritt li tipprovdi servizz jew twettaq attività f’erja ġeografika partikolari;

    (g)

    “drittijiet speċjali” tfisser drittijiet li jingħataw minn Stat Membru lil għadd limitat ta' impriżi, bi kwalunkwe strument leġiżlattiv, regolatorju jew amministrativ, li, f'ċerta erja ġeografika partikolari:

    (i)

    jillimita għal tnejn jew iżjed l-għadd ta’ tali impriżi, awtorizzati li jipprovdu servizz jew iwettqu attività, għajr skont kriterji oġġettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji; jew

    (ii)

    jinnomina, għajr skont dawn il-kriterji, għadd ta’ impriżi f'kompetizzjoni ma' xulxin, bħala awtorizzati biex jipprovdu servizz jew iwettqu attività; jew

    (iii)

    jagħti lil xi impriża jew impriżi, għajr skont dawn il-kriterji, xi vantaġġi legali jew regolatorji li jaffetwaw sostanzjalment l-abbiltà li xi impriża oħra tipprovdi l-istess servizz jew topera l-istess attività fl-istess erja ġeografika taħt kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti.

    Artikolu 3

    It-trasparenza li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd partikolarment għall-aspetti ta' relazzjonijiet finanzjarji li ġejjin bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi pubbliċi:

    (a)

    il-fidi ta' telf mill-operat;

    (b)

    il-provvista tal-kapital;

    (ċ)

    għotjiet li ma jitħallsux lura, jew self b'kundizzjonijiet ta' privileġġ;

    (d)

    l-għoti ta' vantaġġi finanzjarji permezz ta' profitti ċeduti jew l-irkupru ta' ammonti dovuti;

    (e)

    ir-rinunzja ta' qligħ normali fuq fondi pubbliċi użati;

    (f)

    kumpens għal piżijiet finanzjarji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi.

    Artikolu 4

    1.   Biex jiżguraw it-trasparenza msemmija fl-Artikolu 1(2), l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li għal kull impriża meħtieġa li żżomm kontijiet separati:

    (a)

    il-kontijiet interni li jikkorrispondu ma’ attivitajiet differenti huma separati;

    (b)

    l-ispejjeż kollha u d-dħul huma assenjati jew allokati kif suppost fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabilità ta' kosti applikati b'mod konsistenti u ġustifikabbli b'mod oġġettiv;

    (ċ)

    il-prinċipji ta' kontabilità ta' kosti li fuqhom il-kontijiet separati jinżammu huma stabbiliti b'mod ċar.

    2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika biss għal attivitajiet li mhumiex koperti minn dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mill-Komunità u ma għandhom jaffettwaw ebda obbligu ta' Stati Membri jew impriżi li joħroġ mit-Trattat jew minn dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi.

    Artikolu 5

    1.   Sa fejn hija kkonċernata t-trasparenza msemmija fl-Artikolu 1(1), din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal relazzjonijiet finanzjarji bejn l-awtoritajiet pubbliċi u:

    (a)

    impriżi pubbliċi, rigward servizzi li l-provvista tagħhom x'aktarx li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’livell sinifikanti;

    (b)

    banek ċentrali;

    (c)

    istituzzjonijiet pubbliċi ta' kreditu, rigward depożiti ta’ fondi pubbliċi ddepożitati mill-awtoritajiet pubbliċi b'kundizzjonijiet ta’ kummerċ normali;

    (d)

    impriżi pubbliċi li l-fatturat nett annwali tagħhom tul il-perjodu tas-sentejn finanzjarji ta’ qabel dik li fiha l-fondi msemmija fl-Artikolu 1(1) jsiru disponibbli jew jintużaw kien inqas minn EUR 40 miljun. Madankollu, għal istituzzjonijiet pubbliċi ta' kreditu, il-limitu korrispondenti għandu jkun total fil-karta tal-bilanċ ta’ EUR 800 miljun.

    2.   Sa fejn għandha x'taqsam it-trasparenza msemmija fl-Artikolu 1(2), din id-Direttiva ma għandhiex tapplika:

    (a)

    għal impriżi pubbliċi, rigward servizzi li l-provvista tagħhom x'aktarx li ma taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’livell sinifikanti;

    (b)

    għal impriżi li l-fatturat annwali nett totali tagħhom tul il-perjodu tas-sentejn finanzjarji ta’ qabel kwalunkwe sena partikolari li fiha impriża tgawdi minn dritt speċjali jew esklużiv mogħti minn Stat Membru skont l-Artikolu 86(1) tat-Trattat, jew li fiha tiġi fdata bit-tħaddim ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat huwa inqas minn EUR 40 miljun; iżda, għal istituzzjonijiet pubbliċi ta' kreditu l-livell korrispondenti għandu jkun total fil-karta tal-bilanċ ta' EUR 800 miljun;

    (c)

    għal impriżi li ġew fdati bit-tħaddim ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali skont l-Artikolu 86(2) tat-Trattat jekk il-kumpens li jirċievu, tkun kif tkun il-forma, ġie ffissat għal perjodu xieraq wara proċedura miftuħa, trasparenti u mhux diskriminatorja.

    Artikolu 6

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li għandha x'taqsam mar-relazzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 1(1) tinżamm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għal ħames snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja li fiha l-fondi pubbliċi jkunu saru disponibbli lill-impriżi pubbliċi kkonċernati. Mandankollu, billi l-istess fondi jintużaw matul sena finanzjarja aktar 'il quddiem, il-limitu ta' żmien ta' ħames snin għandu jibda jgħodd mill-aħħar ta' dik is-sena finanzjarja.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li għandha x’taqsam mal-istruttura finanzjarja u organizzattiva msemmija fl-Artikolu 1(2) tinżamm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għal ħames snin mit-tmiem tas-sena finanzjarja li għaliha l-informazzjoni tirreferi.

    3.   L-Istati Membri għandhom, fejn il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li titlob hekk, jipprovdulha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, flimkien ma’ kull informazzjoni ta' sfond meħtieġa, u l-aktar l-għanijiet imfittxija.

    Artikolu 7

    Il-Kummissjoni ma għandhiex tiżvela din l-informazzjoni mogħtija lilha skont l-Artikolu 6(3) minħabba li hija ta' xorta koperta bl-obbligu ta' sigriet professjonali.

    L-ewwel paragrafu ma għandux iżomm il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni jew stħarriġ ġenerali li ma jkunx fiha informazzjoni marbuta ma' impriża pubblika partikolari li għaliha tapplika din id-Direttiva.

    Artikolu 8

    1.   L-Istati Membri li l-impriżi pubbliċi tagħhom joperaw fis-settur tal-manifattura għandhom jipprovdu l-informazzjoni finanzjarja kif stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 lill-Kummissjoni fuq bażi annwali skont l-iskeda ta' żmien li tinsab fil-paragrafu 5.

    2.   L-informazzjoni finanzjarja meħtieġa għal kull impriża pubblika li topera fis-settur tal-manifattura u skont il-paragrafu 4 għandha tkun ir-rapport annwali u l-kontijiet annwali, skont id-definizzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE (6). Il-kontijiet annwali u r-rapport annwali jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont ta' qligħ/telf, noti ta' spjegazzjoni, flimkien ma' prinċipji ta' kontabilità, stqarrijiet minn diretturi, rapporti segmentali u ta' attività. Barra minn hekk, għandhom jiġu pprovduti avviżi ta' laqgħat tal-azzjonisti u informazzjoni oħra rilevanti.

    Ir-rapporti meħtieġa għandhom jiġu pprovduti separatament għal kull impriża pubblika individwali, kif ukoll għall-kumpanija li għandha azzjonijiet jew sub-azzjonijiet li tikkonsolida għadd ta' impriżi pubbliċi sa fejn il-bejgħ konsolidat tal-kumpanija li għandha azzjonijiet jew sub-azzjonijiet iwassal biex tiġi kklassifikata bħala “manifattura”.

    3.   Id-dettalji li ġejjin, sa fejn mhumiex żvelati fir-rapport annwali u l-kontijiet annwali ta' kull impriża pubblika, għandhom jiġu pprovduti flimkien mal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2:

    (a)

    il-provvista ta' kwalunkwe fond ta' kapital azzjonarju jew kważi-kapital li jixbaħ fin-natura lill-ekwità, filwaqt li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet ta' provvista tiegħu jew tagħhom (kemm jekk azzjonijiet ordinarji, privileġġati, differiti kif ukoll azzjonijiet konvertibbli u rati ta' mgħax; id-drittjiet ta' dividendi jew ta' konverżjoni marbutin magħhom);

    (b)

    għotjiet li ma jitħallsux lura, jew għotjiet li jitħallsu lura biss f'ċerti ċirkostanzi;

    (c)

    l-għoti lill-impriża ta' xi self, inkluż self korrenti jew self bil-quddiem fuq injezzjonijiet ta' kapital, bi speċifikazzjoni ta' rati ta' mgħax u l-kundizzjonijiet tas-self u l-garanzija fuqu, jekk ikun hemm, mogħtija lil min jislef mill-impriża li tirċievi s-self;

    (d)

    garanziji mogħtija lill-impriża mill-awtoritajiet pubbliċi fir-rigward ta' finanzjament ta' self (filwaqt li jiġu speċifikati kundizzjonijiet u xi drittijiet imħallsa mill-impriżi għal dawn il-garanziji);

    (e)

    dividendi mħallsa u qligħ miżmum;

    (f)

    kull forma oħra ta' intervent mill-Istat, b'mod partikolari, il-maħfra ta' dejn lejn l-Istat minn impriża pubblika, inklużi inter alia l-pagament ta' self, għotjiet, pagament ta' taxxi tal-kumpanija jew soċjali jew kwalunkwe dritt simili.

    Il-kapital azzjonarju msemmi fi (a) għandu jinkludi kapital azzjonarju mogħti dirett mill-Istat u kull kapital azzjonarju aċċettat mogħti minn kumpanija pubblika jew impriża pubblika oħra, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji, kemm ġewwa kif ukoll barra l-istess grupp, lil impriża pubblika partikolari. Ir-relazzjoni bejn min qed jipprovdi l-finanzjament u min qed jirċevih għandha dejjem tkun speċifikata.

    4.   L-informazzjoni meħtieġa mill-paragrafi 2 u 3 għandha tiġi pprovduta għall-impriżi pubbliċi kollha li l-fatturat tagħhom għall-aktar sena finanzjarja reċenti kien iktar minn EUR 250 miljun.

    L-informazzjoni meħtieġa hawn fuq għandha tiġi pprovduta separatament għal kull impriża pubblika, inklużi dawk li jinsabu fi Stati Membri oħra, u għandha tinkludi, fejn xieraq, dettalji ta' kull tranżazzjoni intra- jew inter-grupp bejn impriżi pubbliċi differenti, kif ukoll tranżazzjonijiet magħmula direttament bejn l-impriżi pubbliċi u l-Istat.

    Ċerti impriżi pubbliċi jifirxu l-attivitajiet tagħhom f'għadd ta' impriżi legalment distinti. Għal dawn l-impriżi l-Kummissjoni lesta taċċetta rapport konsolidat wieħed. Il-konsolidazzjoni għandha tirrifletti r-realtà ekonomika ta' grupp ta' impriżi li joperaw fl-istess settur jew f'setturi marbuta mill-qrib. Rapporti konsolidati minn kumpaniji differenti u purament finanzjarji ma jkunux biżżejjed.

    5.   L-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafi 2 u 3 għandha tiġi pprovduta lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

    L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol mid-data ta' pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-impriża pubblika kkonċernata. F'kull każ, u speċifikament għal impriżi li ma jippubblikawx rapport annwali, l-informazzjoni meħtieġa għandha tintbagħat mhux aktar tard minn disa' xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja tal-impriża.

    6.   Biex issir stima tal-għadd ta' kumpaniji li jaqgħu taħt din is-sistema ta' rapporti, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni lista tal-kumpaniji koperti minn dan l-Artikolu u l-fatturat tagħhom. Din il-lista trid tiġi aġġornata sal-31 ta' Marzu ta' kull sena.

    7.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'kull informazzjoni addizzjonali li tqis meħtieġa biex tagħmel stima kompluta tad-dejta mibgħuta.

    Artikolu 9

    Il-Kummissjoni għandha regolarment tgħarraf lill-Istati Membri bir-riżultati tat-tħaddim ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 10

    Id-Direttiva 80/723/KEE, kif emendata bid-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti A hija revokata, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

    Referenzi għad-Direttiva revokata għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 11

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 2006.

    Artikolu 12

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 16 ta' Novembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Neelie KROES

    Membru tal-Kummissjoni

    ANNESS I

    PARTI A

    DIRETTIVA REVOKATA BL-EMENDI SUĊĊESSIVI TAGĦHA

    (imsemmija fl-Artikolu 10)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE

    (ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 85/413/KEE

    (ĠU L 229, 28.8.1985, p. 20)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/84/KEE

    (ĠU L 254, 12.10.1993, p. 16)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/52/KE

    (ĠU L 193, 29.7.2000, p. 75)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/81/KE

    (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 47)


    PARTI B

    LISTA TA' SKADENZI GĦAT-TRASPOŻIZZJONI FIL-LIĠI NAZZJONALI

    (imsemmija fl-Artikolu 10)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    80/723/KEE

    Il-31 ta' Diċembru 1981

    85/413/KEE

    L-1 ta' Jannar 1986

    93/84/KEE

    L-1 ta' Novembru 1993

    2000/52/EC

    Il-31 ta' Lulju 2001

    2005/81/EC

    Id-19 ta’ Diċembru 2006

    ANNESS II

    TABELLA TA’ KORRELAZZJONI

    Direttiva 80/723/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2(1), sentenza tal-bidu

    Artikolu 2, sentenza tal-bidu

    Artikolu 2(1) punt (a)

    Artikolu 2, punt (a)

    Artikolu 2(1), punt (b)

    Artikolu 2, punt (b), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 2(1), punti (c) sa (f)

    Artikolu 2, punti (c) sa (f)

    Artikolu 2(1), punt (g), kliem tal-bidu

    Artikolu 2, punt (g), kliem tal-bidu

    Artikolu 2(1) punt (g), l-ewwel inċiż

    Artikolu 2, punt (g)(i)

    Artikolu 2(1), punt (g), it-tieni inċiż

    Artikolu 2, punt (g)(ii)

    Artikolu 2(1), punt (g), it-tielet inċiż

    Artikolu 2, punt (g)(iii)

    Artikolu 2(2), sentenza tal-bidu

    Artikolu 2, punt (b) t-tieni subparagrafu, sentenza tal-bidu

    Artikolu 2(2) punt (a)

    Artikolu 2, punt (b) it-tieni subparagrafu, punt (i)

    Artikolu 2(2), punt (b)

    Artikolu 2, punt (b), it-tieni subparagrafu, punt (ii)

    Artikolu 2(2), punt (c)

    Artikolu 2, punt (b), it-tieni subparagrafu, punt (iii)

    Artikolu 3

    Artikolu 3

    Artikolu 3a

    Artikolu 4

    Artikolu 4

    Artikolu 5

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 5a(1)

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 5a(2), l-ewwel subparagrafu, sentenza tal-bidu

    L-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 5a(2), l-ewwel subparagrafu, punt (i)

    L-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu, sentenza tal-bidu

    Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, sentenza tal-bidu

    Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu, punt (ii)

    L-Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, punt (a)

    Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu, punt (iii)

    Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, punt (b)

    Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu, punt (iv)

    Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, punt (c)

    Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu, punt (v)

    Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, punt (d)

    Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu, punt (vi)

    Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, punt (e)

    Artikolu 5a(2), it-tieni subparagrafu, punt (vii)

    Artikolu 8(3), l-ewwel subparagrafu, punt (f)

    Artikolu 5a(3), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 8(4), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 5a(3), it-tieni subparagrafu, l-ewwel sentenza

    Artikolu 8(4), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 5a(3), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza

    Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu, l-ewwel frażi

    Artikolu 5a(3), it-tieni subparagrafu, it-tielet sentenza

    Artikolu 8(3), it-tieni subparagrafu, it-tieni sentenza

    Artikolu 5a(3), it-tieni subparagrafu, l-aħħar sentenza

    Artikolu 8(2), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 5(a)(3), it-tielet subparagrafu

    L-Artikolu 8(4), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 5a(4), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 8(5), l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 5a(4) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 8(5), it-tieni subparagrafu

    Artikolu 5a(4), it-tielet subparagrafu

    Artikolu 8(6)

    Artikolu 5a(5)

    Artikolu 5a(6)

    Artikolu 8(7)

    Artikolu 6(1)

    Artikolu 7, l-ewwel paragrafu

    Artikolu 6(2)

    Artikolu 7, it-tieni paragrafu

    Artikolu 7

    Artikolu 9

    Artikolu 8

    Artikolu 10

    Artikolu 11

    Artikolu 9

    Artikolu 12

    Anness I

    Anness II


    (1)  ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/81/KE (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 47).

    (2)  Ara l-Anness I, Parti A.

    (3)  ĠU C 281, 26.9.1996, p. 3.

    (4)  ĠU C 17, 19.1.2001, p. 4.

    (5)  ĠU L 83, 3.4.1993, p. 1.

    (6)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.


    Top