This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0816R(01)
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq
/* COM/2013/0816 final/2 - 2011/0196 (COD) */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari fid-dawl tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq /* COM/2013/0816 final/2 - 2011/0196 (COD) */
2011/0196 (COD) KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW
skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari
fid-dawl tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar
takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport
bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew
u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni
soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) Id-data meta l-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (dokument COM(2011) 451 finali – 2011/0196(COD): || 19/07/2011 Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea: || L-ebda opinjoni Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || 07/12/2011 Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari: || 03/07/2012 Id-data tal-adozzjoni tal-ftehim politiku tal-Kunsill bi tħejjija għall-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari: || 29/10/2012 Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari: || 15/11/2013 (?) 2. L-għan tal-proposta
tal-Kummissjoni Il-Kummissjoni
ressqet quddiem il-Kunsill u l-Parlament Ewropew il-proposta msemmija hawn fuq
fid-19 ta’ Lulju 2011. Il-proposta temenda r-Regolament
tal-Kunsill 3821/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat
ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq Din il-proposta temenda
wkoll ir-Regolament 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta
leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport
bit-triq. Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - "Takografu diġitali:
Pjan direzzjonali għall-attivitajiet tal-ġejjieni "— takkumpanja
l-proposta msemmija hawn fuq u ġiet mibgħuta b’mod parallel
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-proposta tintroduċi għadd ta’
titjib teknoloġiku lit-takografu diġitali bħall-funzjoni
tal-pożizzjonament tas-satellita (GNSS), funzjoni ta' komunikazzjoni
remota għal skopijiet ta’ nfurzar tal-filtrazzjoni u interfaċċa
tas-Sistema ta' Trasport Intelliġenti (STI) biex id-dejta tkun tista'
tintuża minn takografu diġitali f'kompjuters abbord għal
skopijiet oħra minbarra l-kontroll tal-ħinijiet tas-sewqan. Din
il-ġenerazzjoni ġdida ta’ takografi ("takografi
intelliġenti") hija prevista li tiġi introdotta bejn l-2018 u
l-2019. L-analiżi ttejjeb ukoll aspetti oħra
bħat-twaqqif ta' reġoli ġodda biex titjieb l-affidabbiltà
tas-sessjonijiet ta' ħidma, biex ikun hemm skambju tal-informazzjoni bejn
l-Istati Membri dwar il-karti maħruġa lis-sewwieqa (is-sistema
TACHOnet), biex il-karti jiġu ppersonalizzati billi jiġu inkorporati
mal-liċenzji tas-sewqan, regoli dwar it-taħriġ ta’ min jinforza
u dwar l-armonizzazzjoni tas-sanzjonijiet. Fl-aħħar nett, japplika
l-istess raġġ ta’ 100 km għall-eżenzjonijiet
ibbażati fuq id-distanza għar-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan
li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu (fl-Art. 13 tar-Regolament
561/2006). Il-Kontrollur
Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ta opinjoni dwar il-proposta
tal-Kummissjoni fil-5 ta’ Ottubru 2011. L-opinjoni tal-Kumitat
Soċjali u Ekonomiku ngħatat
fis-7 ta’ Diċembru 2011 u l-Kumitat tar-Reġjuni
ddeċieda li ma jħejjix opinjoni jew rapport. Il-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu
tal-Parlament Ewropew ħatar lis-Sinjura Silvia-Adriana Ticău (RO,
S&D) bħala relatur. Il-vot fis-sessjoni plenarja sar
fit-3 ta’ Lulju 2012. Ara SP(2012) 449/2. Il-Kunsill laħaq ftehim politiku dwar dan
il-fajl fid-29 ta’ Ottubru 2012, taħt il-Presidenza
Ċiprijotta. 3. Kummenti dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill 3.1. Kummenti ġenerali dwar
il-pożizzjoni tal-Kunsill B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tilqa’
b’mod pożittiv il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari, minħabba
din il-pożizzjoni hija skont l-għanijiet ewlenin tal-proposta
inizjali tal-Kummissjoni, jiġifieri li żżid is-sigurtà
tas-sistema tat-takografu (tnaqqas il-frodi u l-manipulazzjoni tat-takografu),
sabiex tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u ttejjeb l-effiċjenza
tal-kontroll tas-sistema. L-emendi tal-Kunsill ġew introdotti bħala
riżultat ta’ analiżi ulterjuri dwar l-impatt mistenni ta' xi
wħud mill-miżuri proposti mill-Kummissjoni, u jirriflettu
l-importanza li l-Istati Membri jagħtu lill-applikazzjoni
tal-maġġoranza tal-miżuri kosteffiċjenti, lill-bżonn
li tiġi riinfurzata l-protezzjoni tad-dejta personali fir-Regolament u
lill-kjarifika tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti tekniċi u
funzjonali tat-takografu. L-emendi tal-Kunsill ġew diskussi fit-tul u
ġew approvati mill-Kummissjoni. Mingħajr ma topponi l-adozzjoni tat-test
finali li jirriżulta min-negozjati bejn il-koleġiżlaturi,
madankollu, il-Kummissjoni se tiddikjara ruħha fuq tliet punti li dwarhom
ripetutament esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha matul in-negozjati. Dawn
id-dokjarazzjonijiet qegħdin jiġu mehmuża. 3.2. Kummenti dettaljati
tal-Kummissjoni 3.2.1. In-natura tal-att legali (atti
ddelegati/atti ta’ implimentazzjoni) Sabiex tadotta l-ispeċifikazzjonijiet
tekniċi tat-takografu intelliġenti tal-futur, il-Kummissjoni
pproponiet li s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tkun
iddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-adattament tal-Annessi I, IB u
II għall-progress tekniku u s-supplimentar tal-Anness IB
bl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa
għar-reġistrazzjoni awtomatika tad-dejta ta’ lokazzjoni,
għall-komunikazzjoni remota u għall-iżgurar ta'
inferfaċċa mas-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti
(l-Artikoli 4, 5, 6 u 38 tal-proposta tal-Kummissjoni). B'riżultat tan-negozjati mal-Parlament,
il-koleġiżlaturi iddeċidew li jinkludu r-rekwiżiti
tekniċi ewlenin mill-Annessi msemmija hawn fuq fit-test tar-Regolament, u
abbażi ta' dan, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi
dispożizzjonijiet iddettaljati rilevanti permezz ta’ atti ta’
implimentazzjoni, fi stadju aktar tard, sabiex tiżgura applikazzjoni
uniformi fl-Istati Membri kollha tal-UE. Għaldaqstant, mat-test
tar-Regolament żdiedu dispożizzjonijiet dwar id-definizzjonijiet,
dwar ir-rekwiżiti tekniċi u d-dejta li għandha tiġi
rreġistrata, dwar il-funzjonijiet tat-takografu diġitali u dwar
is-sinjali ta' wiri u s-sinjali ta' twissija, u l-Kummissjoni qablet ma' din
iż-żieda. Matul in-negozjati, il-Kummissjoni żammet
in-neċessità tal-użu ta’ atti ddelegati. Il-Kummissjoni mhijiex se
topponi l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi.
Madankollu, il-Kummissjoni se tfakkar f'dikjarazzjoni (mehmuża) li
l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE
qiegħda attwalment tiġi analizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja
fil-każ tal-"bijoċidi". 3.2.2. Emendi tekniċi Il-Kummissjoni
taċċetta l-emendi li dwarhom kien hemm qbil bejn il-Kunsill u
l-Parlament dwar l-aspetti tekniċi li ġejjin: (a)
Fir-rigward tad-dejta ta’ lokazzjoni
(l-Artikolu 8) Il-Kummissjoni tilqa’ b'mod pożittiv
ir-reġistrazzjoni tal-punti ta' lokazzjoni kull tliet sigħat
tal-ħin akkumulat ta’ sewqan sabiex titjieb il-konformità minn sewwieqa
professjonali tat-trasport bit-triq mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
(b)
It-tagħmir tal-uffiċjali tal-kontroll
bit-teknoloġija remota għall-identifikazzjoni bikrija
(l-Artikolu 9) Ħmistax-il sena wara l-introduzzjoni
tat-takografu intelliġenti, l-Istati Membri se jkollhom jgħammru
l-awtoritajiet tal-kontroll tagħhom b’mod xieraq b'tagħmir remot, filwaqt
li jikkunsidraw ukoll l-istrateġiji nazzjonali tal-infurzar tal-Istati
Membri. Sa dik id-data, id-deċiżjoni li wieħed jgħammar
lill-awtoritajiet ta' kontroll b'teknoloġija għall-aċċess
remot se tkun fakultattiva. (c)
Interfaċċa ma' Sistemi ta' Trasport
Intelliġenti (l-Artikolu 10) Fil-fehma tal-Kunsill kien kruċjali li
jinżamm grad suffiċjenti ta’ flessibbiltà sabiex impriżi
tat-trasport jibqgħu jistgħu jagħżlu jekk iridux
jikkonnettjaw it-takografu ma' tagħmir estern jew le. Għaldaqstant,
il-Kunsill stipula li t-takografi jistgħu jkunu mgħammra
b'interfaċċi standardizzati li jippermettu li d-dejta
rreġistrata jew prodotta permezz ta' takografu tintuża minn
tagħmir estern, skont ċerti kundizzjonijiet. Barra minn hekk, it-test
tal-Kunsill jiċċara li l-aċċess għal dejta personali
minn tagħmir estern ikkonnettjat mal-interfaċċa jista'
jingħata biss wara li s-sewwieq, li miegħu hija relatata d-dejta,
ikun ta l-kunsens espliċitu tiegħu. Il-Kummissjoni aċċettat l-emendi
msemmija hawn fuq bħala pass fid-direzzjoni t-tajba iżda wissiet
lill-koleġiżlaturi li jekk l-interfaċċa tal-STI tkun
fakultattiva, dan inaqqas b'mod sinifikanti l-intenzjoni tal-proposta inizjali.
(d)
L-inklużjoni ta’ sensers ta' piż
fit-takografu intelliġenti (Il-premessa 6) Bħall-Kunsill, il-Kummissjoni ma taqbilx
mal-valutazzjoni tal-Parlament li hemm rabta diretta bejn l-inklużjoni ta'
sensers ta' piż fit-takografi intelliġenti u kontroll aħjar
tal-ħinijiet ta' sewqan u ta' mistrieħ. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni hija sodisfatta bl-inserzjoni fit-test ta' premessa biss, li
tirreferi f’termini ġenerali għal valutazzjoni li għandhaom
issir fil-futur mill-Kummissjoni dwar il-potenzjal li s-sensors ta' piż
jikkontribwixxu għal konformità aħjar mal-leġiżlazzjoni
dwar it-trasport bit-triq. (e)
Karti għas-sewwieqa tat-takografu
għas-sewwieqa li mhumiex residenti (il-paragrafu 4
tal-Artikolu 26) Il-Kummissjoni taqbel mad-dispożizzjoni
l-ġdida li tippermetti lill-Istati Membri li joħorġu, taħt
kundizzjonijiet restrittivi, karti tas-sewwieqa li jkunu temporanji u li ma
jiġġeddux għal perjodu massimu ta' 185 ġurnata. Din
id-dispożizzjoni ġdida toffri soluzzjoni prattika għal problema
operattiva peress li tkopri s-sitwazzjoni ta' dawk is-sewwieqa minn
pajjiżi li mhumiex fl-UE u minn pajjiżi li mhumiex fl-ERTA (Il-Ftehim
Ewropew dwar ix-Xogħol tal-Ekwipaġġi li Jaħdmu fuq Vetturi
Użati għat-Trasport fuq it-Toroq Internazzjonali.) li xi kultant
iwettqu xogħol fit-trasport fl-UE, jew ta’ dawk is-sewwieqa li
għandhom iċ-ċittadinanza tal-UE, iżda li tilfu l-istatus
residenzjali tagħhom fl-UE u konsegwentement jiffaċċjaw
diffikultajiet biex jiksbu karta ta' sewwieq regolari. (f)
It-tagħmir mill-ġdid ta’ vetturi
b’takografi diġitali (il-paragrafu 4 tal-Artikolu 3) Fil-proposta oriġinali tagħha,
il-Kummissjoni ma inkludiet l-ebda dispożizzjoni dwar it-tagħmir
mill-ġdid tal-vetturi b'takografi intelliġenti, iżda
taċċetta l-prinċipju ta' tagħmir mill-ġdid kif
miftiehem f'din il-pożizzjoni ġaladarba l-implikazzjonijiet
prattiċi jkunu adattati. 3.2.3. Emendi mhux tekniċi
relatati mat-tħaddim tas-sistema tat-takografu (g)
It-tneħħija tar-rekwiżit
għas-sewwieqa li jippreżentaw formoli li jattestaw l-attivitajiet
tagħhom filwaqt li jkunu 'l bogħod mill-vettura (l-ewwel subparagrafu
tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 3). Il-Kummissjoni tappoġġa din
id-dispożizzjoni peress li tkompli tnaqqas il-piż amministrattiv. (h)
Tagħmir tajjeb u taħriġ
tal-uffiċjali tal-kontroll (l-Artikoli 38 u 39) Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat
tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt. Il-Kummissjoni qablet ma’ din il-pożizzjoni u
wara l-adozzjoni tar-Regolament se tadotta miżuri li jispeċifikaw
il-kontenut ta’ taħriġ inizjali u kontinwu tal-uffiċjali
tal-kontroll. Dan il-kontenut għandu jiġi inkluż
fit-taħriġ li jingħataw l-uffiċjali tal-kontroll fl-Istati
Membri. (i)
Ir-riinfurzar tal-affidabbiltà tas-sessjonijiet ta'
ħidma (l-Artikolu 24) Il-Kummissjoni taqbel mat-tnaqqis fil-frekwenza
tal-eżerċizzji tal-awditjar regolari tal-proċeduri li japplikaw
is-sessjonijiet ta' ħidma meta jieħdu ħsieb it-takografu minn
sena għal sentejn, peress li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni ta'
10 % għall-eżerċizzji tal-awditjar tekniċi mhux
imħabbra tas-sessjonijiet ta' ħidma u perjodu ta' sena
għall-validità tal-karta ta' sessjoni ta' ħidma, inżammet. 3.2.4. Emendi mhux tekniċi
relatati mad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-dejta, il-ksur u
d-dħul fis-seħħ (j)
Rinfurzar tal-protezzjoni tad-dejta
(l-Artikolu 7) Il-Kummissjoni taqbel mad-dispożizzjonijiet
il-ġodda dwar il-protezzjoni tad-dejta personali. (k)
L-armonizzazzjoni ta’ ksur u sanzjonijiet
(l-Artikolu 41) Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat
tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt. (l)
Ir-responsabbiltà tal-impriżi tat-trasport
(l-Artikolu 33) Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat
tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt. (m)
Dħul fis-seħħ (l-Artikolu 48) Il-Kummissjoni taċċetta r-riżultat
tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi dwar dan il-punt. It-takografu
intelliġenti jkun meħtieġ — għall-vetturi rreġistrati
għall-ewwel darba - 40 xahar wara d-dħul fis-seħħ
tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal takografi
intelliġenti. Il-Kummissjoni biħsiebha tistabbilixxi dawk
l-ispeċifikazzjonijiet mhux aktar tard minn sentejn wara l-pubblikazzjoni
tar-Regolament il-ġdid. 3.2.5. Emendi tar-Regolament 561/2006
dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li
għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq Il-Kummissjoni tilqa’ b'mod pożittiv
il-fatt li l-emendi proposti għall-Artikolu 13(1) tar-Regolament
561/2006, li jippermettu lill-Istati Membri li jagħtu eżenzjonijiet
mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament f’raġġ ta’ 100 km
mill-bażi tal-impriża, skont ċerti kundizzjonijiet, inżammu
u taqbel mal-introduzzjoni tal-hekk imsejħa "eżenzjoni tan-nies
tas-sengħa" fl-Artikolu 3 tar-Regolament 561/2006, li
tiddefinixxi l-kamp tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. 4. Il-konklużjoni
tal-Kummissjoni Din il-proposta hija partikolarment importanti
sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-komunikazzjoni
tagħha "Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea
tat-Trasport – Lejn sistema ta' trasport kompetittiva u li tuża
r-riżorsi b'mod effiċjenti" adottata
fit-28 ta' Marzu 2011. Minkejja li ddgħajjef diversi
dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni tal-Kunsill
għadha tirrifletti l-għanijiet prinċipali tal-proposta
tagħha u għalhekk temmen li l-proċess leġiżlattiv
għandu jiġi konkluż bil-vot tal-Parlament Ewropew
tal-pożizzjoni tat-tieni qari bikri tiegħu, li wara r-riżultati
tat-trilogu informali tal-14 ta’ Mejju 2013, għandu jkun
l-istess bħall-pożizzjoni tal-Kunsill. Stqarrijiet tal-Kummissjoni 1) Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar
ir-Regolament (KE) 561/2006 Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni
uniformi u effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħinijiet tas-sewqan
u l-perjodi ta' mistrieħ, il-Kummissjoni se tkompli ssegwi mill-qrib
l-implimentazzjoni ta' dik il-leġiżlazzjoni u, fejn
meħtieġ, tieħu l-inizjattivi x-xierqa. 2) Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar atti
ta' implimentazzjoni Il-Kummissjoni tqis li atti futuri, li
l-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta permezz tal-att
leġiżlattiv sabiex tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet u
l-ispeċifikazzjonijiet iddettaljati għat-takografu, biljetti
takografiċi u folji ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll ir-rekwiżiti
tal-approvazzjoni tat-tip, għandhom l-għan li jissupplimentaw
l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-att bażiku u
għalhekk għandhom ikunu atti delegati biex jiġu adottati
abbażi tal-Artikolu 290 tat-TFUE. Il-Kummissjoni mhux se topponi
l-adozzjoni tat-test kif miftiehem mill-koleġiżlaturi. Madankollu,
il-Kummissjoni tixtieq tfakkar li l-kwistjoni tad-delimitazzjoni bejn
l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE qiegħda attwalment tiġi analizzata
mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ tal-'bijoċidi'. 3) Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar
l-użu tas-subparagrafu 2, ittra b) tal-Artikolu 5(4)
tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 Il-Kummissjoni ssostni li huwa kontra l-kliem
u t-tifsira tar-Regolament 182/2011 (ĠU L 55 tat-28.2.2011,
p. 13) li tinvoka s-subparagrafu 2, il-punt b) tal-Artikolu 5 § 4
b'mod sistematiku. Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni għandu
jittieħed f’każ ta’ ħtieġa speċifika li wieħed
jiddevja mir-regola ta’ prinċipju li hija li l-Kummissjoni tista' tadotta
abbozz ta' att ta' implimentazzjoni meta ma tingħata l-ebda opinjoni.
Minħabba li din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali
stabbilita mill-Artikolu 5 § 4 ir-rikors għall-punt b)
tas-subparagrafu 2 ma jistax jidher sempliċiment bħala
"setgħa diskrezzjonali" tal-leġiżlatur, iżda
għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv u għaldaqstant
għandu jiġi ġġustifikat. Filwaqt li l-Kummissjoni osservat il-qbil li
ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar ir-rikors għal din
id-dispiżizzjoni, jiddispjaċiha li din il-ġustifikazzjoni mhix
riflessa fi premessa.