SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Ottubru 2024 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikoli 34 u 45 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Revoka ta’ dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni – Motivi tar-rifjut – Ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub – Kundanna ta’ gazzetta u ta’ wieħed mill-ġurnalisti tagħha minħabba ħsara lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv – Danni – Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Libertà tal-istampa”

Fil-Kawża C‑633/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Settembru 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ottubru 2022, fil-proċedura

Real Madrid Club de Fútbol,

AE

vs

EE,

Société Éditrice du Monde SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, T. von Danwitz (Relatur), F. Biltgen u N. Piçarra, Presidenti ta’ Awla, S. Rodin, P. G. Xuereb, L. S. Rossi, N. Wahl, I. Ziemele, J. Passer u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑17 ta’ Ottubru 2023,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Real Madrid Club de Fútbol u AE, minn C. Angulo Delgado u J. M. Villar Uríbarri, abogados,

għal EE u Société Éditrice du Monde SA, minn P. Spinosi, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn B. Fodda u E. Timmermans, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u J. Simon, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis u A. Pérez‑Zurita Gutiérrez, bħala aġenti,

għall-Gvern Malti, minn A. Grech, advocate, u D. Sarmiento Ramírez‑Escudero, abogado,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë, P. J. O. Van Nuffel u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Frar 2024,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-Real Madrid Club de Fútbol (iktar ’il quddiem ir-“Real Madrid”) kif ukoll AE, minn naħa, u EE u Société Éditrice du Monde SA, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżekuzzjoni, fi Franza, ta’ sentenza mogħtija fi Spanja li tikkundanna lil EE u lil din il-kumpannija jħallsu lil tal-ewwel kumpens għad-dannu morali mġarrab minħabba l-pubblikazzjoni fil-gazzetta Le Monde ta’ artiklu li jikkonċernahom.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessi 16 sa 18 tar-Regolament Nru 44/2001 kienu jiddikjaraw:

“(16)

Il-fiduċja reċiproka fl-amministrazzjoni ta’ ġustizzja fil-Komunità tiġġustifika illi sentenzi mogħtija fi Stat Membru jiġu awtomatikament rikonoxxuti mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura ħlief f’każijiet ta’ tilwim.

(17)

Bis-saħħa ta’ l-istess prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, il-proċedura sabiex tiġi eżegwita fi Stat Membru wieħed sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għandha tkun effiċjenti u malajr. Għal dan il-għan, id-dikjarazzjoni li ġudizzju huwa eżegwibbli għandha ssir virtwalment awtomatikament wara verifiki puramenti formali tad-dokumenti pprovduti, mingħajr ma jkun hemm possibiltà li l-qorti li tqajjem b’mozzjoni tagħha uħud mir-raġunijiet għan-non eżekuzzjoni b’dan ir-Regolament.

(18)

B’dana kollu, rispett għad-drittijiet tal-konvenut għandu jfisser illi l-konvenut għandu jkun jista’ jappella fi proċedura avversarja, kontra d-dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni, jekk jikkonsidra wieħed mir-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni li jkunu preżenti. Proċeduri ta’ rimedju għandhom ikunu disponibbli wkoll għal min iressaq il-każ meta l-applikazzjoni tiegħu għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tkun ġiet miċħuda.”

4

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 44/2001, li kien jinkludi l-Artikoli 32 sa 56 tiegħu, kien jiddikjara r-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni fl-Istati Membri tad-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru ieħor.

5

L-Artikolu 33(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“Sentenza mogħtija minn Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta mill-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali.”

6

Il-punt 1 tal-Artikolu 34 tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

1.

jekk dak ir-rikonoxximent ikun manifestament kontra l-istrateġija pubblika ta’ l-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent.”

7

Skont l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Sentenza barranija taħt l-ebda ċirkostanzi ma’ tista’ tiġi reveduta fuq is-sustanza tagħha.”

8

L-Artikoli 38 sa 52 tar-Regolament Nru 44/2001, li jinsabu fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, kienu jirregolaw il-proċedura ta’ exequatur.

9

L-Artikolu 38(1) tar-Regolament Nru 44/2001 kien ifformulat kif ġej:

“Sentenza mogħtija fi Stat Membru u eżegwita f’dak l-Istat għandha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor meta, fuq applikazzjoni ta’ parti nteressata, tkun ġiet dikjarata eżegwibbli hemmhekk.”

10

L-Artikolu 43(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprevedi:

“Id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni tista’ tkun appellata minn kull parti.”

11

L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament kien jipprevedi:

“Il-ġudizzju mogħti fuq appell jista’ jiġi kkontestat biss bl-appell imsemmi f’L-Anness IV.”

12

Skont l-Artikolu 45 tal-istess regolament:

“1.   Il-qorti fejn l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta’ l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 għandu jiċħad jew jirrevoka dikjarazzjoni ta’ eżekuzzjoni biss fuq il-bażi speċifikati f’L-Artikoli 34 u 35. Din għandha tagħti d-deċiżjoni mingħajr dewmien.

2.   Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ jiġi reveduta s-sentenza barranija fuq is-sustanza tagħha.”

13

L-Anness IV tar-Regolament Nru 44/2001 kien jiddikjara:

“L-appelli li jistgħu ikunu ippreżentati bis-saħħa ta’ l-Artikolu 44 huma dawn li ġejjin:

fil-Belġju, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi, b’appell fil-kassazzjoni,

[...]”

Ir‑Regolament (UE) Nru 1215/2012

14

Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 44/2001.

15

L-Artikolu 66 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l‑10 ta’ Jannar 2015.

2.   Minkejja l-Artikolu 80, ir-[Regolament Nru 44/2001] għandu jkompli japplika għal sentenzi mogħtija fi proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi formalment imfassla jew irreġistrati u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi qabel l‑10 ta’ Jannar 2015 u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Fis‑7 ta’ Diċembru 2006, il-gazzetta Le Monde ppubblikat artiklu, redatt minn EE, ġurnalist impjegat ta’ din il-gazzetta, li fih ġie sostnut li Real Madrid u l-Fútbol Club Barcelona kienu rrikorrew għas-servizzi ta’ instigatur ta’ network ta’ doping fid-dinja taċ-ċikliżmu. Numru ta’ mezzi tal-komunikazzjoni, b’mod partikolari Spanjoli, xerrdu din il-pubblikazzjoni. Fit‑23 ta’ Diċembru 2006, il-gazzetta Le Monde ppubblikat, mingħajr kummentarju, ittra ta’ ċaħda mibgħuta lilha mir-Real Madrid.

17

Fil‑25 ta’ Mejju 2007, ir-Real Madrid u AE, membru tat-tim mediku tiegħu, adixxew il-Juzgado de Primera Instancia de Madrid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Madrid, Spanja) b’azzjoni għad-danni, ibbażata fuq id-dannu għall-unur tagħhom, kontra Société éditrice du Monde u EE. Permezz ta’ sentenza tas‑27 ta’ Frar 2009, dik il-qorti, minn naħa, ikkundannat lil dawn tal-aħħar iħallsu, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab, lir-Real Madrid l-ammont ta’ EUR 300000 u lil AE l-ammont ta’ EUR 30000, u, min-naħa l-oħra, ordnat il-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza fil-gazzetta Le Monde kif ukoll f’gazzetta Spanjola. Din is-sentenza, essenzjalment, ġiet ikkonfermata minn sentenza tal-Audiencia Provincial de Madrid (il-Qorti Provinċjali ta’ Madrid, Spanja). L-appell ippreżentat kontra din is-sentenza ġie miċħud permezz ta’ sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tal‑24 ta’ Frar 2014.

18

Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Lulju 2014, il-Juzgado de Primera Instancia de Madrid (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Madrid) ordnat l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) kif ukoll il-ħlas, favur ir-Real Madrid, minn Société éditrice du Monde u EE, tas-somma ta’ EUR 300000 bħala somma prinċipali u tas-somma ta’ EUR 90000 bħala interessi u spejjeż. Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ottubru 2014, din ordnat ukoll l-eżekuzzjoni tal-imsemmija sentenza kif ukoll il-ħlas, favur AE, tas-somma ta’ EUR 30000 bħala somma prinċipali u tas-somma ta’ EUR 3000 bħala interessi u spejjeż.

19

Fil‑15 ta’ Frar 2018, it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Pariġi, Franza) tat żewġ dikjarazzjonijiet li kienu jikkonstataw in-natura eżekuttiva tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal‑24 ta’ Frar 2014 kif ukoll ta’ dawn id-digrieti.

20

Permezz ta’ sentenzi tal‑15 ta’ Settembru 2020, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) invalidat dawn id-dikjarazzjonijiet minħabba li, peress li kienu manifestament kuntrarji għall-ordni pubbliku internazzjonali Franċiż, din is-sentenza u l-imsemmija digriet ma setgħux jiġu eżegwiti fi Franza. F’dan ir-rigward, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi), fl-ewwel lok, osservat li l-qrati Spanjoli kkundannaw lill-konvenuti fil-kawża prinċipali għall-ħlas ta’ danni mingħajr ma r-Real Madrid invokat dannu patrimonjali. Fit-tieni lok, quddiem il-qorti Spanjola, ġie diskuss biss l-effett medjatiku tal-artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġie mċaħħad mill-mezzi tal-komunikazzjoni Spanjoli, fejn għalhekk id-dannu mġarrab ġie limitat permezz ta’ din iċ-ċaħda. Fit-tielet lok, il-kundanni għall-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 300000 bħala somma prinċipali u ta’ ammont ta’ EUR 90000 bħala interessi u spejjeż jirrigwardaw persuna fiżika kif ukoll lill-kumpannija editriċi ta’ gazzetta u jirrappreżentaw 50 % mit-telf nett u 6 % mill-ammont ta’ flus disponibbli ta’ din il-kumpannija fid-data tal‑31 ta’ Diċembru 2017. Fir-raba’ lok, il-kundanni għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 30000 bħala somma prinċipali u tas-somma ta’ EUR 3000 bħala interessi u spejjeż favur AE jingħaddu mal-kundanni msemmija preċedentement. Finalment, ikun rari ħafna li, fi Franza, id-danni mogħtija għad-dannu kontra l-unur jew ir-reputazzjoni ta’ persuna jaqbżu l-ammont ta’ EUR 30000, ġaladarba l-leġiżlazzjoni Franċiża tissanzjona l-malafama lejn l-individwi b’multa massima ta’ EUR 12000.

21

Din il-qorti kkonkludiet li l-imsemmija kundanni kellhom effett dissważiv fuq il-parteċipazzjoni ta’ ġurnalist u ta’ entità tal-istampa għad-diskussjoni pubblika tas-suġġetti li jinteressaw lill-pubbliku b’mod li jostakolaw lill-mezzi tal-komunikazzjoni fit-twettiq tal-kompitu tagħhom ta’ informazzjoni u ta’ stħarriġ, b’mod li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenzi li jagħtu dawn il-kundanni kienu jiksru b’mod inaċċettabbli l-ordni pubbliku internazzjonali Franċiż, billi kienu jippreġudikaw il-libertà ta’ espressjoni.

22

Ir-Real Madrid u AE ppreżentaw appell quddiem il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), li hija l-qorti tar-rinviju, kontra s-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tal‑15 ta’ Settembru 2020, billi sostnew li stħarriġ tal-proporzjonalità tad-danni jista’ jseħħ biss jekk dawn ikunu ta’ natura punittiva u mhux kumpensatorja. Barra minn hekk, billi ssostitwixxiet l-evalwazzjoni tagħha nnifisha dwar id-dannu ma’ dik tal-qorti ta’ oriġini, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) irrevediet id-deċiżjonijiet tal-qrati Spanjoli inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bi ksur tal-punt 1 tal-Artikolu 34, u tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 44/2001. Finalment, din il-qorti ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-gravità tan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-qrati Spanjoli u lanqas il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika tal-persuni kkundannati ma hijiex rilevanti biex tiġi evalwata n-natura sproporzjonata tad-danni attribwiti, li fi kwalunkwe każ ma kellhiex tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli nazzjonali.

23

Il-qorti tar-rinviju tosserva b’mod partikolari li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 10(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), ma tħallix wisq post għal restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni f’żewġ oqsma, jiġifieri dak tad-diskors politiku u dak tal-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali (Qorti EDB, 23 ta’ April 2015, Morice vs Franza, CE:ECHR:2015:0423JUD002936910, punt 125). Pubblikazzjoni li tittratta kwistjonijiet dwar l-isport taqa’ taħt dan l-aħħar qasam (Qorti EDB, 26 ta’ April 2007, Colaço Mestre u SCI – Sociedade Independente de Comunicacao, S.A. vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2007:0426JUD001118203, punt 28). Barra minn hekk, l-effett dissważiv ta’ kundanna għall-ħlas ta’ danni jikkostitwixxi parametru għall-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura ta’ kumpens għad-dannu mġarrba minħabba dikjarazzjonijiet malafamanti. B’mod partikolari, fir-rigward tal-libertà ta’ espressjoni tal-ġurnalisti, għandu jiġi żgurat li l-ammont tad-danni impost fuq il-kumpanniji tal-istampa ma jkunx tali li jhedded il-bażi ekonomika tagħhom (Qorti EDB, 26 ta’ Novembru 2013, Błaja News Sp. z o.o. vs Il‑Polonja, CE:ECHR:2013:1126JUD005954510, punt 71).

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament [Nru 44/2001] u l-Artikolu 11 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li kundanna għad-dannu lir-reputazzjoni ta’ klabb sportiv permezz ta’ informazzjoni ppubblikata minn gazzetta tista’ manifestament tippreġudika l-libertà tal-espressjoni u għalhekk tikkostitwixxi motiv għal rifjut ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li n-natura sproporzjonata tal-kundanna tista’ tiġi kkonfermata mill-qorti [tal-Istat Membru mitlub] biss fil-każ li d-danni jkunu ġew ikklassifikati bħala punittivi jew mill-qorti [tal-Istat Membru] ta’ oriġini, jew mill-qorti [tal-Istat Membru mitlub], u mhux jekk dawn jingħataw għal kumpens għal dannu morali?

3)

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti [tal-Istat Membru mitlub] tista’ tibbaża ruħha biss fuq l-effett dissważiv tal-kundanna fir-rigward tar-riżorsi tal-persuna kkundannata jew li din il-qorti tista’ tikkunsidra fatturi oħra bħall-gravità tan-nuqqas jew il-portata tad-dannu?

4)

L-effett dissważiv fir-rigward tar-riżorsi tal-gazzetta jista’ fih innifsu jikkostitwixxi motiv għal rifjut ta’ rikonoxximent jew ta’ eżekuzzjoni minħabba ksur manifest tal-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-istampa?

5)

L-effett dissważiv għandu jinftiehem bħala theddida għall-istabbiltà finanzjarja tal-gazzetta jew jista’ jikkonsisti biss effett ta’ intimidazzjoni?

6)

L-effett dissważiv għandu jiġi evalwat bl-istess mod fir-rigward tal-kumpannija editriċi ta’ gazzetta u fir-rigward ta’ ġurnalist, li huwa persuna fiżika?

7)

Is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tal-istampa bil-miktub hija fatt rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk, lil hinn mill-gazzetta inkwistjoni, il-kundanna jista’ jkollha effett ta’ intimidazzjoni fuq il-midja kollha kemm hi?”

Fuq id-domandi preliminari

25

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-proċedura fil-kawża prinċipali għandha bħala għan appell fil-kassazzjoni dwar ir-revoka, taħt l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001, ta’ dikjarazzjoni li tikkonstata n-natura eżekuttiva fi Franza ta’ sentenza u ta’ żewġ digrieti, mogħtija fi Spanja, minħabba li l-eżekuzzjoni tagħhom ikollha bħala effett ksur manifest tal-libertà ta’ espressjoni stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Karta.

26

Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi fl-Artikolu 66(2) tiegħu li r-Regolament Nru 44/2001 ikompli japplika għall-azzjonijiet ġudizzjarji mibdija qabel l‑10 ta’ Jannar 2015, u għaldaqstant għad-deċiżjonijiet mogħtija wara dawn l-azzjonijiet. Fil-kawża prinċipali, is-sentenza u d-digrieti li l-eżekuzzjoni tagħhom hija inkwistjoni ngħataw wara azzjoni mressqa fi Spanja qabel din id-data. Għalhekk, ir-Regolament Nru 44/2001 huwa, hekk kif osservat ukoll il-Kummissjoni Ewropea, applikabbli ratione temporis fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

27

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament għall-finijiet tal-eżami tad-domandi magħmula, għandu jiġi kkonstatat li l-appell fil-kassazzjoni li bih hija adita l-qorti tar-rinviju jikkostitwixxi appell taħt l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Anness IV tiegħu. Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni li fuqhom qorti nazzjonali, adita b’appell taħt dan l-Artikolu 44, tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha huma msemmija fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, li l-paragrafu 1 tiegħu jirreferi għar-raġunijiet ta’ rifjut ta’ rikonoxximent iddikjarati fl-Artikoli 34 u 35 tal-imsemmi regolament, u li l-paragrafu 2 jipprovdi, bħall-Artikolu 36 ta’ dan l-istess regolament, projbizzjoni ta’ reviżjoni fuq il-mertu tad-deċiżjoni barranija li l-eżekuzzjoni tagħha hija inkwistjoni.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk u, jekk ikun il-każ, taħt liema ċirkustanzi, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkundanna lil kumpannija editriċi ta’ gazzetta u lil wieħed mill-ġurnalisti tagħha għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minn klabb sportiv u minn wieħed mill-membri tat-tim mediku tiegħu minħabba ħsara lir-reputazzjoni tagħhom dovuta għal informazzjoni li tikkonċernahom ippubblikata minn din il-gazzetta għandha tiġi rrifjutata, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 1 tal-Artikolu 34 u tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, għar-raġuni li din hija tali li tikkostitwixxi ksur manifest tal-libertà tal-istampa, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta u, b’hekk, preġudizzju lill-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

Fuq il‑punt 1 tal‑Artikolu 34 tar‑Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal‑Artikolu 45 tiegħu

29

Is-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji prevista mir-Regolament Nru 44/2001 tistrieħ, kif jirriżulta mill-premessi 16 u 17 tagħha, fuq il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Tali fiduċja tirrikjedi li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fi Stat Membru jiġu mhux biss irrikonoxxuti ipso jure fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li l-proċedura intiża li tirrendi lil dawn id-deċiżjonijiet eżekuttivi f’dan l-aħħar Stat Membru tkun effikaċi u rapida. Tali proċedura, skont il-premessa 17 ta’ dan ir-regolament, għandha tinvolvi biss sempliċi kontroll formali tad-dokumenti rikjesti għall-attribuzzjoni tas-saħħa eżekuttiva fl-Istat Membru mitlub, fejn id-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni tingħata b’mod kważi awtomatiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Aktiva Finants, C‑433/18, EU:C:2019:1074, punt 23).

30

Huwa għalhekk li d-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru huma, bis-saħħa tal-Artikolu 33(1) tar-Regolament Nru 44/2001, irrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma jkun neċessarju li jsir rikors għal ebda proċedura, u li dawn huma, konformement mal-Artikolu 38(1) ta’ dan l-istess regoloment, imqiegħda għal eżekuzzjoni fi Stat Membru ieħor wara li f’dan tal-aħħar ikunu ġew iddikjarati eżekuttivi fuq talba ta’ kull parti kkonċernata.

31

Is-sistema ta’ rimedji kontra r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ sentenza, prevista minn dan ir-regolament, hija intiża, kif jirriżulta mill-premessi 16 sa 18 tiegħu, sabiex jiġi stabbilit bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja fi ħdan l-Unjoni, li tiġġustifika li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru jkunu, bħala prinċipju, irrikonoxxuti u ddikjarati eżekuttivi ipso jure fi Stat Membru ieħor, u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li jimponi li l-konvenut għandu jkun jista’, jekk ikun il-każ, jippreżenta appell, eżaminat inter partes, kontra d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva, jekk iqis li waħda mir-raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni jkun ġie stabbilit (sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides,C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 73, u tas‑7 ta’ Lulju 2016, Lebek,C‑70/15, EU:C:2016:524, punt 36).

32

F’dan l-aħħar rigward, l-Artikolu 45(1) tar-Regolament Nru 44/2001 jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata jew irrevokata dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikoli 34 u 35 ta’ dan ir-regolament.

33

Il-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 jipprevedi li sentenza ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk ir-rikonoxximent tagħha jmur manifestament kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

34

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod strett inkwantu jikkostitwixxi ostakolu għat-twettiq ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali li dan ir-regolament għandu l-intenzjoni jilħaq. Għalhekk għandu jiġi applikat biss f’każijiet eċċezzjonali (sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 55, u tal‑20 ta’ Ġunju 2022, London Steam‑Ship Owners’ Mutual Insurance Association, C‑700/20, EU:C:2022:488, punt 77 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

B’mod partikolari, fir-rigward tal‑punt 1 ta’ dan l-Artikolu 34, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, bis-saħħa tar-riżerva mdaħħla f’dan il-punt, konformement mad-drittijiet u l-prattiki nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament. Għalhekk, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, hija madankollu għandha tistħarreġ il-limiti li fihom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tirrikorri għall-imsemmi kunċett sabiex ma tirrikonoxxix deċiżjoni maħruġa minn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides,C‑420/07, EU:C:2009:271, punti 5657, kif ukoll tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 42).

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, billi jipprojbixxu r-reviżjoni fuq il-mertu tad-deċiżjoni barranija, l-Artikolu 36 u l-Artikolu 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001 jipprojbixxu lill-qorti tal-Istat Membru mitlub tirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti diverġenza bejn id-dispożizzjoni legali applikata mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat Membru mitlub li kieku kienet ġiet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini (sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 58, u tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni,C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 41).

37

Konsegwentement, għandu jsir użu mill-klawżola ta’ ordni pubbliku prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 biss fil-każ li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor jikkuntrastaw b’mod inaċċettabbli mal-ordinament ġuridiku tal-Istat membru mitlub, sa fejn din id-deċiżjoni tkun tippreġudika prinċipju fundamentali. Sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fuq il-mertu tas-sentenza barranija, il-preġudizzju għandu jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali kkunsidrata bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru mitlub jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (sentenzi tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 59, u tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 42).

38

Għalhekk, il-qorti tal-Istat Membru mitlub ma tistax, mingħajr ma tqiegħed inkwistjoni l-għan tar-Regolament Nru 44/2001, tirrifjuta r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor għas-sempliċi raġuni li hija tqis li, f’din is-sentenza, id-dritt nazzjonali jew id-dritt tal-Unjoni jkun ġie applikat b’mod żbaljat. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li, f’tali każijiet, is-sistema tar-rimedji ġudizzjarji implimentata f’kull Stat Membru, flimkien mal-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża. Il-klawżola tal-ordni pubbliku tapplika, f’dawn il-każijiet, biss sa fejn l-imsemmi żball ta’ liġi jimplika li r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza fl-Istat Membru mitlub tiġi kkunsidrata bħala ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2009, Apostolides, C‑420/07, EU:C:2009:271, punt 60).

39

Il-fatt li l-ksur manifest inkwistjoni jirrigwarda dispożizzjoni legali tal-Unjoni u mhux dispożizzjoni legali interna tal-Istat Membru mitlub ma jbiddilx il-kundizzjonijiet għall-użu tal-klawżola tal-ordni pubbliku, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, irrispettivament minn jekk din tkunx dispożizzjoni legali materjali jew proċedurali. Fil-fatt, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura bl-istess effikaċja l-protezzjoni tad-drittijiet stabbiliti mill-ordinament ġuridiku nazzjonali u l-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-klawżola tal-ordni pubbliku hija intiża li tapplika bl-istess mod fejn ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkonċernata fl-Istat Membru mitlub tikkawża l-ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku u, għaldaqstant, ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 48, u tas‑7 ta’ Settembru 2023, Charles Taylor Adjusting,C‑590/21, EU:C:2023:633, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan huwa l-każ, b’mod partikolari għad-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fuq livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach, C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 38).

41

Peress li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001 minn qorti nazzjonali tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, din il-qorti għandha tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali stabbiliti mill-Karta, b’mod partikolari meta tiġi adita b’appell taħt l-Artikolu 43 jew l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 44/2001 sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ raġuni għal rifjut tal-eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni, C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 44, u tas‑7 ta’ Mejju 2020, Rina, C‑641/18, EU:C:2020:349, punt 55).

42

B’hekk, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri għandu importanza fundamentali fid-dritt tal-Unjoni peress li dan il-prinċipju jippermetti l-ħolqien u ż-żamma ta’ spazju mingħajr fruntieri interni. Dan premess, dan il-prinċipju jimponi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed mill-Istati Membri jikkunsidra, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191).

43

B’hekk, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jkunu obbligati, bis-saħħa ta’ dan l-istess dritt, jippreżumu r-rispett tad-drittijiet fundamentali mill-Istati Membri l-oħrajn, b’tali mod li la jkunu jistgħu jirrikjedu minn Stat Membru ieħor livell ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali ogħla minn dak żgurat mid-dritt tal-Unjoni u lanqas, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ma jkunu jistgħu jivverifikaw jekk dan l-Istat Membru l-ieħor ikunx effettivament irrispetta, f’każ konkret, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB) tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 192).

44

Għalhekk, huwa biss fl-ipoteżi fejn l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fl-Istat Membru mitlub ikollha bħala effett ksur manifest ta’ dritt fundamentali, hekk kif huwa stabbilit mill-Karta, li qorti ta’ dan l-Istat Membru, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 189 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikollu, bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 34 u tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, jirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ din id-deċiżjoni jew, jekk ikun il-każ, jirrevoka d-dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tagħha.

Fuq l-Artikolu 11 tal-Karta

45

Skont l-Artikolu 11(1) tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li tinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew li tikkomunika informazzjoni jew ideat mingħajr indħil minn awtoritajiet pubbliċi u indipendentement mill-fruntieri.

46

Meta jkunu involuti ġurnalisti u/jew edituri u organi tal-istampa minħabba pubblikazzjoni ta’ artikolu tal-istampa, il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni hija protetta speċifikament mill-Artikolu 11(2) tal-Karta li bis-saħħa tiegħu l-libertà tal-mezzi tal-komunikazzjoni u l-pluraliżmu tagħhom għandhom jiġu rrispettati.

47

Id-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’rabta mal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 120 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din tippermetti limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet u libertajiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor.

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11 tal-Karta jikkostitwixxi wieħed mill-bażijiet essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralista li tagħmel parti mill-valuri li fuqhom, konformement mal-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 93, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2020, Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI, C‑507/18, EU:C:2020:289, punt 48). Għalhekk, l-indħil fid-drittijiet u libertajiet iggarantiti minn dan l-Artikolu 11 għandu, f’tali kuntest, jiġi limitat għall-minimu neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il‑Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 41).

50

Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-indħil li jikkonċerna ġurnalisti kif ukoll edituri u organi tal-istampa, fid-dawl tal-importanza tal-istampa f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 2011, Painer,C‑145/10, EU:C:2011:798, punt 113, u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 72).

51

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet li din tinkludi għandhom l-istess sens u l-istess portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr madankollu ma jipprekludu li d-dritt tal-Unjoni tagħti protezzjoni usa’ (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2023, K.B. u F.S. (Konstatazzjoni ex officio fil-qasam kriminali), C‑660/21, EU:C:2023:498, punt 41).

52

Fid-dawl tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Karta, il-Qorti tal-Ġustizzja għaldaqstant għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 10 tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala limitu ta’ protezzjoni minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2022, Autorité des marchés financiers,C‑302/20, EU:C:2022:190, punt 67, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, Migracijos departamentas (Raġunijiet ta’ persekuzzjoni bbażati fuq opinjonijiet politiċi),C‑280/21, EU:C:2023:13, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-eċċezzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-libertà ta’ espressjoni jitolbu interpretazzjoni stretta u li l-Artikolu 10(2) tal-KEDB ma jħallix wisq post għal restrizzjonijiet għal-libertà ta’ espressjoni fil-qasam tad-diskors politiku u f’dak tal-kwistjonijiet ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 2004, Pedersen u Baadsgaard vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:2004:1217JUD004901799, punt 71; Qorti EDB, 23 ta’ April 2015, Morice vs Franza, CE:ECHR:2015:0423JUD002936910, punti 124 u 125, kif ukoll Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2017, Tavares de Almeida Fernandes u Almeida Fernandes vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2017:0117JUD003156613, punt 55).

54

Il-kwistjonijiet li jistgħu leġittimament jinteressaw lill-pubbliku u dawk li jiġbdu l-attenzjoni tiegħu jew li jippreokkupawh kunsiderevolment, b’mod partikolari minħabba li jirrigwardaw il-benesseri taċ-ċittadini jew il-ħajja tal-kollettività, huma ta’ interess ġenerali. Kwistjonijiet dwar sport professjonali jaqgħu taħt din il-kategorija (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 22 ta’ Frar 2007, Nikowitz u Verlagsgruppe News GmbH vs L‑Awstrija, CE:ECHR:2007:0222JUD000526603, punt 25, kif ukoll Qorti EDB, 27 ta’ Ġunju 2017, Satakunnan Markkinapörssi Oy u Satamedia Oy vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2017:0627JUD000093113, punt 171), u, għalhekk, dawk relatati mad-doping fl-isport professjonali.

55

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tenfasizza r-rwol fundamentali li għandha l-istampa f’soċjetà demokratika, fejn għalhekk il-garanziji li għandhom jingħatawlha fihom importanza partikolari. Għalkemm l-istampa ma għandhiex teċċedi ċerti limiti, normalment relatati mal-ħarsien tar-reputazzjoni jew tad-drittijiet ta’ ħaddieħor, hija madankollu għandha tikkomunika, b’osservanza tad-dmirijiet u tar-responsabbiltajiet tagħha, informazzjoni u ideat dwar il-kwistjonijiet kollha ta’ interess ġenerali. Li kieku kien mod ieħor, l-istampa ma tkunx tista’ tesprimi r-rwol indispensabbli tagħha bħala public watchdog. B’hekk, jeħtieġ li tingħata importanza kbira lill-interess tas-soċjetà demokratika li tiżgura u żżomm il-libertà tal-istampa meta jkollu jiġi ddeterminat, kif jirrikjedi l-Artikolu 10(2) tal-KEDB, jekk l-indħil inkwistjoni huwiex proporzjonat mal-għan leġittimu li għandu jintlaħaq (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 23 ta’ Settembru 1994, Jersild vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:1994:0923JUD001589089, punt 31; Qorti EDB, 21 ta’ Jannar 1999, Fressoz u Roire vs Franza, CE:ECHR:1999:0121JUD002918395, punt 45, kif ukoll Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L‑Estonja, CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, punt 132).

56

Dawn il-prinċipji ma japplikawx biss għall-ġurnalisti, iżda japplikaw ukoll għall-edituri tal-istampa, li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-libertà ta’ espressjoni u jikkondividu d-dmirijiet u responsabbiltajiet imsemmija fl-Artikolu 10(2) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Jannar 2009, Orban et vs Franza, CE:ECHR:2009:0115JUD002098505, punt 47).

57

Filwaqt li l-persuni leżi minn dikjarazzjonijiet malafamanti jew minn tipi oħra ta’ kontenut illegali għandhom ikollhom il-possibbiltà li jressqu azzjoni għad-danni ta’ natura li tikkostitwixxi rimedju effettiv kontra ħsara lir-reputazzjoni tagħhom, kull deċiżjoni li tagħti danni għal ħsara kkawżata lir-reputazzjoni għandu jkollha relazzjoni raġonevoli ta’ proporzjonalità bejn is-somma mogħtija u l-ħsara inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Frar 2005, Morris vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2005:0215JUD006841601, punt 96; Qorti EDB, 16 ta’ Ġunju 2015, Delfi AS vs L‑Estonja, CE:ECHR:2015:0616JUD006456909, punti 110 u 131, kif ukoll Qorti EDB, 17 ta’ Jannar 2017, Tavares de Almeida Fernandes u Almeida Fernandes vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2017:0117JUD003156613, punt 77).

58

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-kundanna favur persuna ġuridika u dik favur persuna fiżika, fejn ħsara lir-reputazzjoni ta’ persuna fiżika tista’ twassal għal riperkussjonijiet fuq id-dinjità ta’ din tal-aħħar, filwaqt li r-reputazzjoni ta’ persuna ġuridika hija nieqsa minn din id-dimensjoni morali (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 15 ta’ Frar 2005, Morris vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2005:0215JUD006841601, punt 94; Qorti EDB, 19 ta’ Lulju 2011, UJ vs L‑Ungerija, CE:ECHR:2011:0719JUD002395410, punt 22, u Qorti EDB, 11 ta’ Jannar 2022, Freitas Rangel vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2022:0111JUD007887313, punti 48, 53 u 58).

59

Dan premess, għandu jitfakkar li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tipproċedi bl-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-indħil fuq il-bażi tal-istess kriterji kemm fir-rigward ta’ persuna ġuridika kif ukoll ta’ individwu (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 5 ta’ Diċembru 2017, Frisk u Jensen vs Id‑Danimarka, CE:ECHR:2017:1205JUD001965712, punt 55).

60

Fir-rigward tan-natura proporzjonata ta’ sanzjoni, kull restrizzjoni indebita tal-libertà ta’ espressjoni fiha r-riskju li tostakola jew tipparalizza, fil-ġejjieni, il-kopertura mill-mezzi tal-komunikazzjoni ta’ kwistjonijiet analogi. Huwa l-fatt innifsu tal-kundanna li huwa importanti, anki jekk din tkun biss ta’ natura ċivili u s-sanzjoni imposta tkun ta’ natura minuri (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2015, Couderc u Hachette Filipacchi associés vs Franza, CE:ECHR:2015:1110JUD004045407, punt 151, kif ukoll Qorti EDB, 25 ta’ Frar 2016, Société de conception de presse et d’édition vs Franza, CE:ECHR:2016:0225JUD000468311, punt 49).

61

B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandha tintwera l-ikbar prudenza meta l-miżuri jew is-sanzjonijiet adottati jkunu ta’ natura li jiddisswadu lill-istampa milli tipparteċipa fid-diskussjoni ta’ kwistjonijiet li jippreżentaw interess ġenerali leġittimu, u għaldaqstant li jkollhom effett dissważiv fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-istampa fir-rigward ta’ tali kwistjonijiet (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 20 ta’ Mejju 1999, Bladet Tromsø u Stensaas vs In‑Norveġja, CE:ECHR:1999:0520JUD002198093, punt 64, kif ukoll Qorti EDB, 17 ta’ Diċembru 2004, Cumpănă u Mazăre vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2004:1217JUD003334896, punt 111).

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li ammont ta’ danni ta’ daqs imprevedibbli jew għoli meta mqabbel mas-somom mogħtija f’kawżi ta’ diffamazzjoni paragunabbli huwa ta’ natura li jkollu effett dissważiv fuq l-eżistenza tal-libertà tal-istampa (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 7 ta’ Diċembru 2010, Público – Comunicação Social, S.A. et vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2010:1207JUD003932407, punt 55, kif ukoll Qorti EDB, 15 ta’ Ġunju 2017, Independent Newspapers (Ireland) Limited vs L‑Irlanda, CE:ECHR:2017:0615JUD002819915, punti 84 u 85).

63

Barra minn hekk, fid-dawl tar-rwol fundamentali tal-istampa f’soċjetà demokratika u tal-garanziji li hija għandu jkollha konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, dan huwa, bħala regola ġenerali, il-każ meta l-kundanna tikkonsisti f’li tingħata lill-parti leża kumpens li jeċċedi d-danni materjali jew morali realment imġarrba.

64

Tali effett dissważiv jista’ jirriżulta wkoll minn kundanna għal somom relattivament modesti, fid-dawl tal-istandards applikati f’kawżi ta’ malafama paragunabbli. Dan huwa, bħala prinċipju, il-każ meta s-somom mogħtija jirriżultaw li huma sostanzjali meta mqabbla mal-mezzi għad-dispożizzjoni tal-persuna kkundannata (ara, f’dan is-sens, Qorti EDH, 15 ta’ Frar 2005, Steel u Morris vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2005:0215JUD006841601, punt 96), sew jekk din tkun ġurnalist u sew jekk tkun editur tal-istampa.

65

Barra minn hekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tad-danni mogħtija, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-sanzjonijiet l-oħra mogħtija, bħall-pubblikazzjoni ta’ ċaħda, rettifika jew ukoll skuża formali kif ukoll l-ispejjeż ġudizzjarji imposti fuq il-persuna kkundannata (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 11 ta’ Diċembru 2012, Ileana Constantinescu vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2012:1211JUD003256304, punt 49; Qorti EDB, 10 ta’ Novembru 2015, Couderc u Hachette Filipacchi associés vs Franza, CE:ECHR:2015:1110JUD004045407, punt 152, kif ukoll Qorti EDH, 27 ta’ Ġunju 2017, Ghiulfer Predescu vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2017:0627JUD002975109, punt 61).

Fuq il‑qari flimkien tal‑punt 1 tal‑Artikolu 34 u tal‑Artikolu 45 tar‑Regolament Nru 44/2001 mal‑Artikolu 11 tal‑Karta

66

Mill-punti preċedenti jirriżulta li, bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 34, u tal-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkundanna kumpannija editriċi ta’ gazzetta kif ukoll wieħed mill-ġurnalisti tagħha għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minn klabb sportiv u minn wieħed mill-membri tat-tim mediku tiegħu, minħabba ħsara lir-reputazzjoni tagħhom dovuta għall-pubblikazzjoni fl-imsemmija gazzetta ta’ informazzjoni li tikkonċernahom, għandha tiġi rrifjutata meta jkollha bħala effett ksur manifest tad-drittijiet u libertajiet hekk kif huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta.

67

Fil-fatt, tali ksur manifest tal-Artikolu 11 tal-Karta jaqa’ taħt l-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub u, għalhekk, jikkostitwixxi r-raġuni għar-rifjut tal-eżekuzzjoni msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001 moqri flimkien mal-Artikolu 45 tiegħu.

68

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, fosthom mhux biss ir-riżorsi tal-persuni kkundannati iżda wkoll il-gravità tat-tort tagħhom u l-portata tad-dannu hekk kif ġie kkonstatat fid-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet ikollhiex bħala effett, fid-dawl tal-kriterji ddikjarati fil-punti 53 sa 64 ta’ din is-sentenza, ksur manifest tad-drittijiet u libertajiet hekk kif huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Karta.

69

F’dan is-sens, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk id-danni mogħtija fl-imsemmija deċiżjonijiet jirriżultawx li huma manifestament sporporzjonati fir-rigward tal-ħsara għar-reputazzjoni inkwistjoni u jekk b’hekk jirriskjawx li jkollhom effett dissważiv, fl-Istat Membru mitlub, fuq il-kopertura mill-mezzi ta’ komunikazzjoni ta’ kwistjonijiet analogi fil-futur jew, b’mod iktar ġenerali, fuq l-eżerċizzju tal-libertà tal-istampa, hekk kif huwa stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta.

70

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li, filwaqt li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni s-somom mogħtija fl-Istat Membru mitlub għal preġudizzju paragunabbli, diverġenza possibbli bejn dawn is-somom u l-ammont tad-danni mogħtija fl-imsemmija deċiżjonijiet ma hijiex, waħedha, suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat, b’mod awtomatiku u mingħajr verifiki ulterjuri, li dawn id-danni huma manifestament sproporzjonati meta mqabbel mal-ħsara għar-reputazzjoni inkwistjoni.

71

Barra minn hekk sa fejn il-verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju hija intiża biss biex tidentifika preġudizzju manifest għad-drittijiet u libertajiet stabbiliti mill-Artikolu 11 tal-Karta, din ma tistax tinvolvi stħarriġ tal-evalwazzjonijiet fuq il-mertu magħmula mill-qrati tal-Istat Membru ta’ oriġini ġaladarba tali stħarriġ jikkostitwixxi reviżjoni fuq il-mertu, li hija espressament ipprojbita mill-Artikolu 36 u l-Artikolu 45(2) tar-Regolament Nru 44/2001. B’hekk, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tistax teżamina b’mod partikolari jekk EE u Société Éditrice du Monde aġixxewx, billi ppubblikaw l-artiklu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’osservanza tad-dmirijiet u responsabbiltajiet tagħhom jew tqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjonijiet tas-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tal‑24 ta’ Frar 2014 fir-rigward tal-gravità tat-tort ta’ EE jew ta’ Société Éditrice du Monde jew il-portata tad-dannu mġarrab mir-Real Madrid u minn AE.

72

Fid-dawl tal-mistoqsijiet tal-qorti tar-rinviju, jeħtieġ ulterjorment li jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 58 u 63 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż li din tasal, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur manifest tal-libertà tal-istampa li jirriżulta minn eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali biss fir-rigward ta’ waħda miż-żewġ partijiet rikorrenti jew ta’ waħda miż-żewġ partijiet konvenuti suġġetti għal dawn is-sentenzi.

73

Fil-każ fejn hija tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur manifest tal-libertà tal-istampa, din il-qorti jkollha tillimita r-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet għall-parti manifestament sproporzjonata, fl-Istat Membru mitlub, tad-danni mogħtija.

74

Mill-punti kollha preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domandi magħmula tkun li l-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 44/2001, moqrija flimkien mal-Artikolu 11 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkundanna lil kumpannija editriċi ta’ gazzetta u lil wieħed mill-ġurnalisti tagħha għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minn klabb sportiv u minn wieħed mill-membri tat-tim mediku tiegħu minħabba ħsara lir-reputazzjoni tagħhom dovuta għal informazzjoni li tikkonċernahom ippubblikata minn din il-gazzetta għandha tiġi rrifjutata għar-raġuni li din ikollha bħala effett ksur manifest tal-libertà tal-istampa, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta u, b’hekk, preġudizzju lill-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

Fuq l‑ispejjeż

75

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-Artikolu 34 u l-Artikolu 45 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqrija flimkien mal-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

l-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tikkundanna lil kumpannija editriċi ta’ gazzetta u lil wieħed mill-ġurnalisti tagħha għall-ħlas tad-danni bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minn klabb sportiv u minn wieħed mill-membri tat-tim mediku tiegħu minħabba ħsara lir-reputazzjoni tagħhom dovuta għal informazzjoni li tikkonċernahom ippubblikata minn din il-gazzetta għandha tiġi rrifjutata għar-raġuni li din ikollha bħala effett ksur manifest tal-libertà tal-istampa, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u, b’hekk, preġudizzju lill-ordni pubbliku tal-Istat Membru mitlub.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( i ) Fil-punti 16, 20, 21, 23, 25, 46, 53, 56 u 60 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.