IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 18.4.2023
COM(2023) 207 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Inxejnu d-distakk tat-talent fiċ-ċibersigurtà biex nixprunaw il-kompetittività, it-tkabbir u r-reżiljenza tal-UE
(“L-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà”)
Inxejnu d-distakk tat-talent fiċ-ċibersigurtà biex nixprunaw il-kompetittività, it-tkabbir u r-reżiljenza tal-UE
(“L-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà”)
1.Jeħtieġ innaqqsu r-riskji b’mod urġenti billi nindirizzaw l-iskarsezzi u d-distakki tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà
Iċ-ċibersigurtà mhix biss parti mis-sigurtà taċ-ċittadini, tan-negozji u tal-Istati Membri. Hi meħtieġa wkoll biex tkun żgurata l-istabbiltà politika tal-UE, l-istabbiltà tad-demokraziji tagħha u l-prosperità tas-soċjetà u n-negozji tagħna. Ix-xenarju tat-theddid taċ-ċibersigurtà evolva ħafna fl-aħħar snin, u hemm xejra inkwetanti li qed kulma jmur jiżdiedu l-attakki ċibernetiċi mmirati fuq l-infrastruttura kritika militari u ċivili fl-UE. L-atturi tat-theddid qed itejbu l-kapaċitajiet tagħhom u qed ifeġġu theddidiet ġodda, ibridi u emerġenti, fosthom l-użu tal-bots u tekniki bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali. B’mod notevoli, l-atturi tat-theddid tar-ransomware normalment jikkawżaw ħsara finanzjarja u reputazzjonali konsiderevoli lill-entitajiet.
Għadd kbir ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà li kienu mmirati wkoll fuq l-amministrazzjoni pubblika u gvernijiet tal-Istati Membri, u fuq l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji Ewropej (EUIBAs). Anki s-setturi tal-finanzi u tas-saħħa, it-tnejn sisien tas-soċjetà u l-ekonomija, kienu fil-mira b’mod konsistenti. It-tensjonijiet ġeopolitiċi relatati mal-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna żiedu t-theddida taċ-ċibersigurtà u għandhom il-potenzjal li jiddestabbilizzaw lis-soċjetà tagħna. Is-sigurtà tal-UE ma tistax tkun garantita mingħajr l-aktar assi prezzjuż tal-UE: niesha. L-UE teħtieġ b’mod urġenti professjonisti bil-ħiliet u bil-kompetenzi biex jipprevjenu, jidentifikaw, jiskoraġġixxu u jiddefendu lill-UE, inkluż lill-aktar infrastrutturi kritiċi tagħha, mill-attakki ċibernetiċi u jiżguraw ir-reżiljenza tagħha.
Id-distakk tat-talent fiċ-ċibersigurtà jkompli jxekkel il-kompetittività u t-tkabbir tal-Ewropa, li jiddependu ħafna fuq l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji diġitali strateġiċi (eż. l-intelliġenza artifiċjali, il-5G u l-cloud). Neħtieġu professjonisti b’ħiliet ta’ livell għoli fiċ-ċibersigurtà biex l-UE tibqa’ tipprovdi teknoloġiji avvanzati ewlenin fl-ambjent dinji.
Biex tipprepara ruħha u tilqa’ għal dan ix-xenarju tat-theddid li tant qed jevolvi u biex trawwem il-kompetittività tal-UE, il-politika taċ-ċibersigurtà tal-UE għamlet progress ġmielu fl-aħħar snin li wassal biex ġew adottati għadd ta’ inizjattivi fosthom l-Istrateġija taċ-Ċibersigurtà tal-UE għad-Deċennju Diġitali, id-Direttiva riveduta dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (id-Direttiva NIS2), il-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà, il-politika tal-UE dwar id-difiża ċibernetika, l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika u l-Att dwar is-Solidarjetà Ċibernetika, propost mill-Kummissjoni flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. Madankollu, mingħajr il-persuni bil-ħiliet meħtieġa biex jimplimentawhom, dawn il-biċċiet ta’ leġiżlazzjoni mhux se jilħqu l-objettivi tagħhom. Filwaqt li l-għarfien bażiku tal-popolazzjoni ġenerali fiċ-ċibersigurtà hu indirizzat bħala parti minn inizjattivi li jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet ġenerali meħtieġa għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà, forza tax-xogħol kompetenti hi essenzjali fis-settur pubbliku u privat, fil-livell nazzjonali u tal-UE, inkluż fl-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, biex jiġu ssodisfati dawk ir-rekwiżiti legali u tal-politika taċ-ċibersigurtà.
Għalhekk, is-sigurtà u l-kompetittività tal-UE jiddependu fuq li jkollna forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà professjonali u bil-ħiliet meħtieġa. Iżda l-UE qed tiffaċċja nuqqas sostanzjali ħafna ta’ professjonisti taċ-ċibersigurtà bil-ħiliet, u dan ipoġġi lill-UE, lill-Istati Membri tagħha, lin-negozji u liċ-ċittadini tagħha f’riskju ta’ inċidenti taċ-ċibersigurtà. Fl-2022, l-iskarsezza tal-professjonisti taċ-ċibersigurtà fl-Unjoni Ewropea kienet varja bejn 260 000 u 500 000, filwaqt li ġie stmat li l-forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà tal-UE teħtieġ 883 000 professjonist, jiġifieri jidher li l-kompetenzi disponibbli mhumiex allinjati sew mal-kompetenzi meħtieġa mis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà tbati mill-idea żbaljata assoċjata mal-immaġni teknika tagħha, u għadu mhux jirnexxilha tattira lin-nisa, li għadhom biss 20% tal-gradwati fiċ-ċibersigurtà u 19% tal-ispeċjalisti fit-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT). Biex jtindirizza dan, il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali stabbilixxa l-mira li l-għadd ta’ professjonisti fl-ICT jiżdied b’20 miljun sal-2030, u li tinkiseb ukoll konverġenza bejn il-ġeneri. Barra minn hekk, biex tiġi implimentata l-politika emerġenti tal-UE neħtieġu forza tax-xogħol bil-ħiliet adegwati u suffiċjenti. Pereżempju, aktar minn 42% tal-diriġenti anzjani tal-IT fl-industrija tas-servizzi finanzjarji enfasizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet u għarfien fiċ-ċibersigurtà bħala sfida ewlenija li qed jiffaċċja n-negozju tagħhom fir-rigward tad-difiża taċ-ċibersigurtà u l-ġestjoni tal-inċidenti, fi żmien meta se jkollhom bżonn jimplimentaw leġiżlazzjoni settorjali dwar iċ-ċibersigurtà bħall-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA).
Il-fatt li l-impjegaturi qed joqgħod lura milli jinvestu fil-kapital uman, u minflok qed ifittxu forza tax-xogħol diġà mħarrġa u esperjenzata, qed ikompli jikkaġuna restrizzjoni tas-suq tax-xogħol. Dan in-nuqqas jaffettwa t-tipi kollha ta’ kumpaniji, fosthom lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li jirrappreżentaw 99% tan-negozji kollha fl-UE. L-isfida hi kbira wkoll għall-amministrazzjonijiet pubbliċi li ħafna minnhom huma milqutin u fost l-aktar affettwati mill-inċidenti taċ-ċibersigurtà.
Għalhekk, it-tnaqqis tad-distakk tat-talenti professjonali fiċ-ċibersigurtà tal-UE hu kwistjoni urġenti għax jolqot direttament is-sigurtà u l-kompetittività tal-UE.
2.In-nuqqas ta’ sinerġiji u azzjoni koordinata biex jonqos id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà
Qed joktru l-inizjattivi fil-livell Ewropew u nazzjonali li qed iwettqu l-entitajiet pubbliċi u privati biex jindirizzaw l-iskarsezzi tas-suq tax-xogħol taċ-ċibersigurtà. Madankollu, dawn huma sparpaljati u sal-lum ma rnexxilhomx jilħqu massa kritika biex jagħmlu differenza reali.
Qabelxejn, bħalissa ftit li xejn hemm għarfien komuni dwar il-kompożizzjoni tal-forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà tal-UE u l-ħiliet assoċjati, u li l-impjiegi taċ-ċibersigurtà bi profili simili għandhom jitolbu l-istess sett ta’ ħiliet. Il-fatt li l-atturi rilevanti mhumiex iħaddmu qafas ta’ referenza Ewropew komuni għall-professjonisti taċ-ċibersigurtà qed iwassal biex l-impjegaturi, l-edukaturi u dawk li jfasslu l-politika mhux ikollhom għodda għall-komunikazzjoni ta’ bejniethom u mhux qed ikunu kapaċi jkejlu u jivvalutaw id-distakki fis-suq tax-xogħol taċ-ċibersigurtà. Dan ikompli jxekkel ukoll it-tfassil tal-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-ħolqien tal-mogħdijiet tal-karriera li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-politika u tas-suq għal dawk li jkunu jixtiequ jagħżlu din il-professjoni. It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol jiddependu ħafna fuq it-taħriġ u ċ-ċertifikati fiċ-ċibersigurtà, normalment offruti minn fornituri privati. Iżda l-forza tax-xogħol qed issibha bi tqila biex tikseb ħarsa ġenerali tal-kwalità tat-taħriġ taċ-ċibersigurtà offrut u taċ-ċertifikati assoċjati maħruġa.
Filwaqt li l-edukazzjoni u t-taħriġ u t-tfassil tal-mogħdijiet tal-karriera huma meħtieġa biex tittejjeb in-naħa tal-provvista tas-suq tax-xogħol, ir-rwol tan-naħa tad-domanda li tħarreġ il-forza tax-xogħol tagħha u tadatta għall-evoluzzjoni tagħha sal-lum għadu sottovalutat. L-industrija u l-impjegaturi pubbliċi ma għandhomx fora u postijiet komuni biex jiġbru l-ideat dwar kif l-aħjar tista’ titħarreġ il-forza tax-xogħol u kif l-aħjar jistgħu jivvalutaw il-ħiliet, speċjalment waqt ir-reklutaġġ. L-aktar ħiliet tekniċi mfittxija jaf ikunu relatati maċ-ċibersigurtà, bħall-iżvilupp tas-software jew il-cloud computing, iżda l-ħiliet trasversali għadhom mhux mhumiex jingħataw l-importanza mistħoqqha. Il-ħsieb u l-analiżi kritiċi, is-soluzzjoni tal-problemi u l-awtoġestjoni huma fost l-aktar ħiliet imfittxija mill-impjegaturi u lejn l-2025 kulma jmur qed isiru iżjed prominenti.
Diġà hemm bosta inizjattivi ta’ investiment pubbliku u privat fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà, b’ċerti proġetti ta’ finanzjament madwar l-UE bi strumenti differenti. Iżda l-iskarsezza kontinwa tal-ħiliet fl-UE toħloq bosta mistoqsijiet b’rabta mal-viżibbiltà u l-impatt tagħhom u tissuġġerixxi li dawn jaf ma jkunux jaqblu sistematikament mal-ħtiġijiet tas-suq u jeħtieġ jiġu mmappjati b’mod urġenti fil-livell tal-UE. Minbarra dan, id-diversi sorsi ta’ finanzjament qed joħolqu duplikazzjoni u jitilfu l-opportunità li joktru u jħallu impatt reali. Barra minn hekk, dawk li jeħtieġu l-investiment mhux dejjem ikunu jistgħu jagħrfu l-aktar sorsi adattati għall-ħtiġijiet tagħhom.
Il-partijiet ikkonċernati ilhom żmien jipprovaw jegħlbu l-kwistjoni kumplessa u multidimensjonali tal-iskarsezzi tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà. L-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) qed tiżviluppa strumenti relatati mal-profili tar-rwoli jew mal-edukazzjoni ogħla, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-Qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC) qed jindirizza l-ħiliet taċ-ċibersigurtà fi grupp ta’ ħidma apposta, il-Kulleġġ Ewropew tas-Sigurtà u tad-Difiża (KESD) qed jaħdem fuq il-ħiliet taċ-ċibersigurtà tal-forza tax-xogħol ċivili u militari fil-kuntest tal-Politika tas-Sigurtà u tad-Difiża Komuni, l-organizzazzjonijiet privati qed jipprovaw jindirizzaw il-kwistjoni, u l-industrija taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà qed tiżviluppa pjan direzzjonali u taħriġ maħsuba biex jonqos id-distakk tal-ħiliet. Anki l-Istati Membri qed jipprovaw jindirizzaw din il-kwistjoni b’diversi inizjattivi varji, li jinkludu regolamentazzjoni biex jinfetħu akkademji tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà jew kampusijiet ċibernetiċi, Ċentri ta’ Eċċellenza fiċ-Ċiberkriminalità, jew bi sħubijiet pubbliċi privati. Iżda spiss il-ħidma ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati kollha ssir mingħajr il-koordinazzjoni u s-sinerġiji meħtieġa u għalhekk ma tilħaqx il-potenzjal kollu tagħha li tagħmel differenza sostanzjali fis-suq tax-xogħol, bħalma turi l-iskarsezza dejjem akbar ta’ forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà fl-UE. Għalhekk neħtieġu wkoll aktar sinerġiji fost il-komunitajiet ċibernetiċi għax ħafna drabi l-ħiliet meħtieġa biex insostnu ċ-ċibersigurtà, niġġieldu ċ-ċiberkriminalità jew nibnu risponsi tad-difiża ċibernetika jkollhom karatteristiċi simili.
Finalment, kif inhi s-sitwazzjoni llum, l-UE għandha mezzi limitati biex tivvaluta l-istat u l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol taċ-ċibersigurtà u l-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħha. L-Istati Membri u l-EUIBAs jistrieħu fuq id-data miġbura mill-entitajiet privati jew inkella fuq sett usa’ ta’ data miġbura mill-UE, l-aktar mill-Eurostat u miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) dwar il-professjonisti fl-ICT. Fi kliem ieħor, il-perspettiva tal-UE dwar il-ħtiġijiet tagħha hija parzjali u frammentata, u ma tippermettilhiex tikkonsolida perspettiva aggregata tal-istat tas-suq tax-xogħol taċ-ċibersigurtà.
3.Rispons ikkoordinat madwar l-UE kollha: l-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà
3.1. L-objettiv
Biex jirnexxilha tegħleb l-isfida tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà u xxejjen id-distakk fis-suq tax-xogħol, il-Kummissjoni qed tipproponi Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà, kif ħabbret il-President tal-Kummissjoni Ewropea fl-Ittra ta’ Intenzjoni tagħha tal-Istat tal-Unjoni tal-2022, u fil-kuntest tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet.
L-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà (fil-qosor, “l-Akkademja”) għandha l-għan li toħloq punt uniku tad-dħul u sinerġiji fl-offerti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fiċ-ċibersigurtà u fl-opportunitajiet tal-finanzjament u ta’ azzjonijiet speċifiċi ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà. Se żżid l-inizjattivi tal-partijiet ikkonċernati biex tinkiseb massa kritika li tagħmel differenza fis-suq tax-xogħol, inkluż fid-difiża. Biex jitħalla impatt akbar, dawk l-attivitajiet jiġbdu ħabel wieħed bis-saħħa tal-għanijiet komuni u tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni.
Il-fokus tal-Akkademja se jkun it-taħriġ tal-professjonisti taċ-ċibersigurtà. L-attività tal-Akkademja se tgħin għall-politiki tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà, u anki għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja. Se tikkumplimenta liż-żewġ Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill relatati mal-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali proposti mill-Kummissjoni flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni.
L-Akkademja se tissejjes fuq erba’ pilastri, jiġifieri li: (1) trawwem ġenerazzjoni tal-għarfien bl-edukazzjoni u t-taħriġ billi ssir ħidma fuq qafas komuni għall-profili tar-rwoli taċ-ċibersigurtà u l-ħiliet assoċjati, u ttejjeb l-offerta Ewropea tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet, jinbnew mogħdijiet tal-karriera u tingħata viżibbiltà u ċarezza lit-taħriġ u liċ-ċertifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà, u b’hekk tissaħħaħ in-naħa tal-provvista tas-suq tax-xogħol; (2) tiżgura direzzjonar u viżibbiltà aħjar tal-opportunitajiet tal-finanzjament disponibbli għall-attivitajiet relatati mal-ħiliet biex timmassimizza l-impatt tagħhom; (3) issejjaħ lill-partijiet ikkonċernati jieħdu azzjoni; u (4) tiddefinixxi indikaturi għall-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-suq u biex tkun kapaċità tivvaluta l-effettività tal-azzjonijiet tagħhom.
L-implimentazzjoni tal-Akkademja se tkun appoġġata b’finanzjament ta’ EUR 10 miljun mill-programm Ewropa Diġitali (DEP).
3.2. Il-governanza tal-Akkademja
Fl-aħħar mill-aħħar, biex ikollna infrastruttura li tkun punt uniku tad-dħul li jrawwem il-kooperazzjoni bejn l-akkademja, il-fornituri tat-taħriġ u l-industrija, fejn in-naħat tal-provvista u tad-domanda tal-ekosistema taċ-ċibersigurtà tal-UE jistgħu jiltaqgħu u jitħarrġu, l-Akkademja tista’ tieħu l-forma ta’ Konsorzju tal-Infrastruttura Diġitali Ewropea (EDIC). B’dan l-istrument, l-Istati Membri jkunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jonqos id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà, u jikkooperaw mill-qrib mal-Kummissjoni, mal-ENISA u maċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-Qasam taċ-Ċibersigurtà (ECCC), skont il-mandati u l-kompetenzi tagħhom, u biex jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, iżda anki biex l-investiment Ewropew, nazzjonali u privat jimmira lejn objettiv komuni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri interessati huma mħeġġa jissottomettu notifika bil-quddiem lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Mejju 2023 tal-applikazzjoni futura tagħhom għal dan l-EDIC. B’din in-notifika bil-quddiem volontarja, il-Kummissjoni tkun tista’ tagħti kummenti bikrija dwar l-abbozz tal-applikazzjoni tal-EDIC, u b’hekk l-applikazzjoni tkun tista’ tkompli tiġi żviluppata ħalli s-sottomissjoni formali tagħha jsir b’aktar ħeffa. Tul il-proċess kollu u sa fejn mitlub mill-Istati Membri, il-Kummissjoni, li taġixxi bħala aċċelleratur tal-proġetti li jinvolvu bosta pajjiżi, se tiffaċilita t-tħejjija tal-applikazzjoni tal-EDIC. Imbagħad, wara valutazzjoni pożittiva tal-applikazzjoni mill-Kummissjoni u l-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Programm Deċennju Diġitali, il-Kummissjoni toħroġ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-EDIC u sussegwentement tgħin fil-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-EDIC.
Fil-frattemp, u waqt li l-EDIC ikun qed jiġi stabbilit formalment, il-Kummissjoni se toħloq punt uniku tad-dħul virtwali billi ttejjeb il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali tal-Kummissjoni bl-appoġġ tal-proġett ta’ Appoġġ tal-Komunità Ewropea taċ-Ċibersigurtà (ECCO)
.
L-ENISA se tgħin fl-implimentazzjoni tal-Akkademja skont l-objettivi tal-aġenzija, notevolment fejn tidħol l-assistenza fl-edukazzjoni u t-taħriġ fiċ-ċibersigurtà, u se tqis l-obbligi tar-rappurtar tagħha skont id-Direttiva NIS2. L-ECCC se jaħdem skont l-Aġenda Strateġika tiegħu biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà. B’mod partikolari, l-ECCC se jimplimenta l-Objettiv Strateġiku 3 (Ċibersigurtà) tal-programm Ewropa Diġitali. Se jibbenefika mill-appoġġ tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, permezz taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCCs). U meta rilevanti se jiġi solleċitat il-Grupp ta’ Kooperazzjoni stabbilit skont id-Direttiva NIS2. Fl-aħħar nett, l-industrija u l-akkademja se jkollhom jgħaqqdu l-isforzi tagħhom biex jintlaħaq l-għan tal-Akkademja li jonqos id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.
4.Ġenerazzjoni u taħriġ tal-għarfien: noħolqu approċċ komuni tal-UE għat-taħriġ fiċ-ċibersigurtà
Fil-pilastru tal-ġenerazzjoni tal-għarfien u t-taħriġ tal-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà, se jiġi żviluppat approċċ strutturat bl-objettiv ċar li jiżdied l-għadd ta’ persuni bil-ħiliet fiċ-ċibersigurtà fl-UE, biex it-taħriġ ikun immirat aħjar għall-ħtiġijiet tas-suq, u tinkiseb viżibbiltà fuq il-mogħdijiet tal-karriera.
4.1. Nitkellmu l-istess lingwa: approċċ komuni dwar il-profili tar-rwoli taċ-ċibersigurtà u l-ħiliet assoċjati
L-ENISA diġà ħadmet biex tiddefinixxi l-profili tar-rwoli tal-professjonisti taċ-ċibersigurtà skont il-Qafas Ewropew tal-Kompetenza tal-Ħiliet fil-qasam taċ-Ċibersigurtà (ECSF). Dan għandu jsir il-bażi biex l-Akkademja tiddefinixxi u tivvaluta l-ħiliet rilevanti, timmonitorja l-evoluzzjoni tad-distakki tal-ħiliet u tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-ħtiġijiet ġodda. Għal kull rwol taċ-ċibersigurtà tal-ECSF, hemm inkorporat sett ta’ Qafas Ewropew ta’ Kompetenzi Elettroniċi applikabbli bħala element tad-deskrizzjoni tal-profil.
Għalhekk, l-ENISA se tirrevedi l-ECSF u se tidentifika l-ħtiġijiet u d-distakki tal-ħiliet li qed jevolvu fil-forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà, inkluż b’għodod avvanzati bħall-Intelliġenza Artifiċjali (AI), il-Big Data, l-estrazzjoni tad-data. Għal dak il-għan, l-ENISA se taħdem bit-tmexxija tal-EDIC, meta jiġi stabbilit, tal-ECCC, u flimkien mal-NCCs, il-Kummissjoni, il-proġett ECCO, u l-atturi tas-suq. Għall-forza tax-xogħol taċ-ċiberdifiża, l-ENISA se tqis kif xieraq il-ħidma li għamel il-Kulleġġ Ewropew tas-Sigurtà u tad-Difiża (KESD). Bl-istess mod, fil-qasam tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, l-ENISA se tqis l-attivitajiet imwettqa mill-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u mill-Europol biex tistabbilixxi Analiżi tal-Ħtiġijiet tat-Taħriġ Operazzjonali dwar iċ-ċiberattakki.
L-ECSF se jiġi kkumplimentat u rieżaminat b’mod regolari mill-Akkademja matul iċ-ċiklu ta’ sentejn. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jgħin biex jiġu definiti profili speċifiċi u l-ħiliet assoċjati għas-setturi kif meħtieġ, bl-appoġġ tal-aġenziji u l-korpi tal-UE, bħall-KESD, il-Europol u s-CEPOL.
Se jsiru wkoll rabtiet bejn l-ECSF u l-istrumenti rilevanti tal-politika tal-impjiegi tal-UE. B’mod partikolari, il-profili tal-impjiegi tal-ECSF u l-ħiliet relatati se jiġu integrati fil-klassifikazzjoni tal-ESCO. Dan se jtejjeb il-klassifikazzjoni u r-rabtiet bejn l-okkupazzjonijiet u l-ħiliet fil-qasam taċ-ċibersigurtà, u b’hekk jagħmilha aktar faċli għall-individwi li jtejbu l-ħiliet u jitħarrġu mill-ġdid, u jappoġġa t-tqabbil tal-impjiegi abbażi tal-ħiliet, u l-mobbiltà transfruntiera.
4.2. Inrawmu l-kooperazzjoni fit-tfassil tal-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ fiċ-ċibersigurtà
Ladarba jiġi stabbilit l-EDIC, l-Akkademja għandha tirċievi appoġġ mill-Istati Membri biex issir il-post ta’ referenza fl-Ewropa għat-tfassil u l-għoti tat-taħriġ fiċ-ċibersigurtà li jindirizza l-aktar ħiliet imfittxija u jipprovdi opportunitajiet ta’ taħriġ fuq il-lant tax-xogħol u traineeships lin-negozji ġodda u l-SMEs u lill-amministrazzjonijiet pubbliċi ma’ kumpaniji innovattivi taċ-ċibersigurtà u ma’ ċentri ta’ kompetenza taċ-ċibersigurtà. L-EDIC għandu jaħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż mal-industrija, biex ifassal dan it-taħriġ u jibni fuq proġetti bħal CyberSecPro iffinanzjati mill-programm Ewropa Diġitali, li jiġbor flimkien 17-il istituzzjoni tal-edukazzjoni ogħla u 13-il kumpanija tas-sigurtà minn 16-il Stat Membru biex isir l-aqwa prattika għall-programmi kollha tat-taħriġ fiċ-ċibersigurtà.
L-Akkademja se taħdem mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha biex tattira liż-żgħażagħ jagħżlu karrieri fiċ-ċibersigurtà. Skont il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-titjib tal-forniment tal-ħiliet diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jsaħħu l-miżuri tar-reklutaġġ u tat-taħriġ tal-għalliema u tal-ħarrieġa speċjalizzati u jiffaċilitaw il-kisba tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà, inkluż b’kollokamenti ta’ apprendistati. Iċ-ċibersigurtà jeħtieġ tkun integrata fil-programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li tkun żgurata l-aċċessibbiltà tagħhom, tittejjeb l-offerta tal-apprendistati u tat-traineeships, jitrawmu approċċi innovattivi inkluż, pereżempju, b’logħob serju u pjattaformi komuni tas-simulazzjoni, jiġu organizzati ġimgħat immersivi f’impjiegi taċ-ċibersigurtà, u jiġu spjegati l-profili tar-rwoli mhux tekniċi. F’dawn l-opportunitajiet tat-tagħlim taċ-ċibersigurtà għandha tiġi appoġġata wkoll il-parteċipazzjoni ta’ dawk il-gruppi li diffiċli jintlaħqu, fosthom iż-żgħażagħ b’diżabbiltà, iż-żgħażagħ li jgħixu f’żoni remoti jew rurali, u ż-żgħażagħ minn gruppi minoritarji oħra.
Se jkompli jingħata appoġġ mill-Kummissjoni biex jiġu żviluppati mikrokredenzjali u programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. B’mod partikolari, b’Erasmus+ se jkomplu jiġu ffinanzjati programmi konġunti ta’ baċellerat u masters, korsijiet jew moduli konġunti li jistgħu jwasslu għal mikrokredenzjali u programmi intensivi mħallta dwar is-suġġetti kollha, inkluż dwar iċ-ċibersigurtà. Se jingħata appoġġ biex ikomplu jixterdu l-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali ħalli jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-edukazzjoni ogħla u l-istituzzjonijiet rilevanti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-Ewropa. Il-programmi tal-finanzjament tal-UE, inkluż Erasmus+ u l-programm Ewropa Diġitali, se jappoġġaw dan il-għan ta’ kooperazzjoni aħjar, hekk ukoll se jagħmlu l-fondi tal-UE għall-iżvilupp ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment.
Biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali fost l-akkademiċi u l-fornituri tat-taħriġ b’rabta mal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà ma’ impjegaturi fis-settur privat u pubbliku, u jitrawmu sinerġiji bejn is-settur pubbliku u privat, l-NCCs huma mistiedna jesploraw il-possibbiltà li jistabbilixxu kampusijiet ċibernetiċi fl-Istati Membri. Il-kampusijiet ċibernetiċi jkollhom l-għan li jipprovdu ċentri ta’ eċċellenza fil-livell nazzjonali għall-komunità taċ-ċibersigurtà, u l-Akkademja tgħinhom fin-networking u fil-koordinazzjoni ulterjuri tal-attivitajiet tagħhom.
L-ENISA se ttejjeb ukoll l-offerta tagħha tat-taħriġ fiċ-ċibersigurtà billi tallinja l-katalgu tal-korsijiet tagħha mal-profili tal-ECSF u telabora moduli ta’ taħriġ għal kull profil, li jistgħu jtejbu l-offerti tat-taħriġ tal-Istati Membri. L-ENISA se twessa’ wkoll il-programm tagħha ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” billi timmira għall-ħtiġijiet professjonali tal-EUIBAs, u l-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri u l-operaturi kritiċi pubbliċi u privati fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva NIS2.
Barra minn hekk, anki l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE se jsaħħu l-offerta tagħhom tat-taħriġ fiċ-ċibersigurtà. Pereżempju, billi jimplimenta l-politika tal-UE dwar id-difiża ċibernetika, il-KESD se jiżviluppa sett ġdid ta’ korsijiet taċ-ċibersigurtà u se jallinja wħud mill-korsijiet attwali tiegħu mal-ECSF. Dawn il-korsijiet se jwasslu għal ċertifikazzjoni tal-eżiti tat-tagħlim. Il-KESD, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, se jesplora l-possibbiltà li ċ-ċertifikati jiġu integrati fil-Portafoll tal-EUeID. Il-KESD se jesplora ukoll il-possibbiltà ta’ valutazzjoni tal-mekkaniżmi tal-ħiliet, li skontha jingħataw iċ-ċertifikati. Bl-istess mod, fil-qasam tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, se jiġu mfittxija rabtiet mill-qrib mal-Akkademja taċ-Ċiberkriminalità tas-CEPOL biex jitrawmu sinerġiji u kumplimentarjetajiet fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-kurrikuli tat-taħriġ.
4.3. Nibnu sinerġiji u nagħtu viżibbiltà lit-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà madwar l-Istati Membri
L-Akkademja għandha tindirizza l-kwistjoni tal-viżibbiltà u s-sinerġiji tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni. Dan ikun ta’ ġid għall-komunitajiet ċibernetiċi ċivili, tad-difiża, tal-infurzar tal-liġi u diplomatiċi, għax is-setturi kollha kważi dejjem ikunu jeħtieġu l-istess għarfien espert, abbażi ta’ kurrikuli u eżiti tar-tagħlim simili.
L-Akkademja tipprovdi punt uniku tad-dħul għal dawk interessati jagħmlu karriera fiċ-ċibersigurtà. Fl-immedjat, dan se jsir billi tissaħħaħ il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali tal-Kummissjoni bl-appoġġ tal-proġett ECCO. Taqsima speċifika għall-karrieri fiċ-ċibersigurtà se tintrabat ma’ għodod eżistenti minn programmi tal-edukazzjoni ogħla għal opportunitajiet tat-taħriġ, inkluż korsijiet li jwasslu għal mikrokredenzjali u programmi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u għal offerti tal-impjieg. Dan se jiksbuh billi jirreferu għall-ħidma u l-inizjattivi attwali, jew jintegrawhom fil-pjattaforma, bħal dawk tal-ENISA li b’kollaborazzjoni mal-akkademiċi bniet mappa tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni li jipprovdu programmi taċ-ċibersigurtà. Din se tkompli tittejjeb bl-appoġġ tal-NCCs. Barra minn hekk, l-ENISAs se tiżviluppa u tikkonsolida żewġ repożitorji tat-taħriġ eżistenti mis-setturi pubbliċi u privati u taċ-ċertifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bl-appoġġ tal-NCCs, tal-Kummissjoni u tal-proġett ECCO, u b’kollaborazzjoni mal-entitajiet li jiċċertifikaw u b’referenza wkoll għal inizjattivi rilevanti oħra. Dawn se jiġu integrati wkoll fil-punt uniku tad-dħul tal-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali. Din il-ħidma se tkun ta’ ġid ukoll għall-NCCs inkarigati b’mod partikolari li jippromwovu u jxerrdu l-programmi edukattivi taċ-ċibersigurtà.
Il-professjonisti jeħtieġ jingħataw assigurazzjonijiet li t-taħriġ li jagħtu jkollu l-kwalità meħtieġa. F’dan ir-rigward, l-ENISA se tiżviluppa proġett pilota li jesplora it-twaqqif ta’skema Ewropea tal-attestazzjoni għall-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.
Barra minn hekk, hu essenzjali li jiġu identifikati l-ħiliet u t-taħriġ, u l-assoċjazzjoni tagħhom mal-profili tal-impjieg, iżda hu importanti wkoll li jkun żgurat li s-servizzi taċ-ċibersigurtà jingħataw il-kompetenza, l-għarfien espert u l-esperjenza meħtieġa. Dan hu partikolarment il-każ għall-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti, f’oqsma bħar-rispons għall-inċidenti, l-ittestjar tal-penetrazzjoni, l-awditjar tas-sigurtà u l-konsulenza. Id-Direttiva NIS2 u l-proposta tal-Att dwar iċ-Ċibersolidarjetà jistabbilixxu kompiti speċifiċi għal dawk il-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll emenda mmirata għall-Att dwar iċ-Ċibersigurtà biex tippermetti skemi taċ-ċertifikazzjoni tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti fil-livell tal-UE. Skemi taċ-ċertifikazzjoni bħal dawn għandu jkollhom l-għan li fost l-oħrajn jiżguraw li dawn is-servizzi jagħtuhom persuni b’livell għoli ħafna ta’ għarfien tekniku u kompetenza fl-oqsma rilevanti.
Il-mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tar-rikonoxximent għall-mikrokredenzjali jiffaċilitaw it-trasparenza, il-komparabbiltà u l-portabbiltà tal-eżiti tat-tagħlim. Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, l-Istati Membri huma mħeġġa jinkludu l-mikrokredenzjali taċ-ċibersigurtà fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki tagħhom. B’hekk ikunu jistgħu jorbtu l-mikrokredenzjali taċ-ċibersigurtà mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. L-infrastruttura tal-Kredenzjali Diġitali Ewropej għat-Tagħlim hi disponibbli biex toħroġ kwalifiki u mikrokredenzjali taċ-ċibersigurtà ffirmati b’mod diġitali għall-individwi. Dawn fihom data dettaljata, inkluż dwar l-eżiti tat-tagħlim taċ-ċibersigurtà, u jistgħu jinħażnu fil-portafoll diġitali futur tal-EUeID.
|
Azzjonijiet permezz tal-Akkademja
L-Istati Membri u l-industrija
·Jiżguraw l-appoġġ għall-iżvilupp u r-rikonoxximent tal-mikrokredenzjali tat-tagħlim fiċ-ċibersigurtà, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali.
·Jinkludu l-kwalifiki taċ-ċibersigurtà, inkluż il-mikrokredenzjali, fl-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki.
·Jipprovdu opportunitajiet tat-tagħlim fuq il-lant tax-xogħol b’apprendistati għall-persuni li jkunu qed jieħdu sehem f’inizjattivi tal-iżvilupp tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.
Il-Kummissjoni
·Fl-immedjat, toħloq punt uniku tad-dħul għall-programmi taċ-ċibersigurtà, għat-taħriġ eżistenti, u għaċ-ċertifikazzjonijiet taċ-ċibersigurtà fuq il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali sa tmiem l-2023.
·Tipproponi emenda għall-Att dwar iċ-Ċibersigurtà biex ikunu jistgħu jiġu ċċertifikati l-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestita fit-18 ta’ April 2023.
Il-korpi u l-aġenziji tal-UE
·Jistabbilixxu l-ECSF bħala approċċ komuni għall-profili tar-rwoli taċ-ċibersigurtà u l-ħiliet assoċjati sa tmiem l-2023.
·L-ENISA tibda tiżviluppa proġett pilota li jistabbilixxi skema Ewropea tal-attestazzjoni għall-ħiliet fiċ-ċibersigurtà fit-tieni trimestru tal-2023.
·L-ENISA tirrevedi l-katalgu tal-korsijiet tagħha u tiftaħ il-programm tagħha ta’ “ħarreġ lil min iħarreġ” għall-operaturi kritiċi pubbliċi u privati sa tmiem l-2023.
·L-allinjament tal-kurrikuli tal-KESD mal-ECSF se jintemm sa nofs l-2023.
|
5.L-involviment tal-partijiet ikkonċernati: impenn biex jonqos id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà
Bl-Akkademja se jiġi żviluppat approċċ ikkoordinat għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati ħalli jiġi indirizzat id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà. L-għan se jkun li jiġu massimizzati l-viżibbiltà u l-impatt tad-diversi impenji tal-partijiet ikkonċernati maħsuba biex jonqos id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.
Il-Kummissjoni tistieden lill-partijiet ikkonċernati biex jagħmlu impenji konkreti b’wegħdiet biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u jerġgħu jħarrġuhom b’azzjonijiet apposta msejsa kemm jista’ jkun fuq id-distakk identifikat tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà. Dawk il-wegħdiet taċ-ċibersigurtà tal-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu rrapportati fuq il-Pjattaforma tal-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, kif diġà jiġri fil-każ tal-wegħdiet diġitali l-oħra li hemm fuq il-pjattaforma. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-partijiet ikkonċernati jagħmlu wegħda taċ-ċibersigurtà fuq il-Pjattaforma biex jissieħbu fis-Sħubija Diġitali fuq Skala Kbira skont il-Patt għall-Ħiliet. Hu mħeġġeġ li l-impenji taċ-ċibersigurtà li jsiru fis-Sħubija Diġitali fuq Skala Kbira jiġu ppreżentati fuq il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali. Bl-istess mod hu mħeġġeġ li l-impenji li jsiru fuq il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali jiġu rrappurtati fis-Sħubija Diġitali fuq Skala Kbira tal-Patt għall-Ħiliet.
Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri biex iwettqu sforzi fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar in-Nisa fid-Dinja Diġitali biex iħeġġu lin-nisa jieħdu rwol attiv u prominenti fis-settur tat-teknoloġija diġitali ħalli jiksbu konverġenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi taċ-ċibersigurtà. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw sinerġiji mal-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+) tagħhom biex ikomplu jappoġġaw l-objettiv tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-parteċipazzjoni fix-xogħol, pereżempju billi jistabbilixxu programmi ta’ mentoring għall-bniet u n-nisa. Dawn jistgħu jiffaċilitaw it-tiswir ta’ mudelli eżemplari biex jattiraw lill-bniet lejn il-professjonijiet taċ-ċibersigurtà u fl-istess ħin jiġġieldu l-isterjotipi relatati mal-ġeneru. Dawn iħeġġu wkoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tan-nisa u jrawmu l-iżvilupp tal-komunità, li tista’ tgħin lin-nisa jidħlu u jirnexxu fis-suq tax-xogħol taċ-ċibersigurtà.
L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri speċifiċi, bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali tagħhom għaċ-ċibersigurtà, biex itaffu l-iskarsezza tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà, jidentifikaw u jindirizzaw aħjar l-isforzi biex jonqsu d-distakki tal-ħiliet u finalment biex jiżguraw implimentazzjoni xierqa tal-obbligi tagħhom skont id-Direttiva NIS2.
Xi Stati Membri jużaw sinerġiji bejn inizjattivi ċivili, tad-difiża u tal-infurzar tal-liġi. Pereżempju, it-tkabbir tal-forza tax-xogħol permezz tas-servizz militari nazzjonali obbligatorju, jew l-użu ta’ riżervisti ċibernetiċi, li jkunu ċittadini mħarrġa militarjament biex jimlew il-karigi taċ-ċibersigurtà fil-forzi armati, jippermettu lill-popolazzjoni, speċjalment lill-adulti żgħażagħ, iżidu l-ħiliet tagħhom fiċ-ċibersigurtà u fiċ-ċiberdifiża. L-istess japplika fil-qasam tal-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, għax jeżisti ħafna xebh bejn l-isforzi ġenerali taċ-ċibersigurtà u l-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà. Il-Kummissjoni tħeġġeġ diskussjonijiet fost l-Istati Membri dwar inizjattivi bħal dawn u tistedinhom jivvalutaw kif forza tax-xogħol imħarrġa tista’ taqdi bl-aħjar mod il-komunitajiet taċ-ċibersigurtà tad-difiża u ċivili.
Il-Kummissjoni se tirrifletti fuq proposti dwar kif iridu jixxejnu d-distakki attwali u antiċipati identifikati fir-rieżami tagħha tal-ħtiġijiet tal-EUIBAs. B’mod partikolari se tħeġġeġ lill-ħaddiema jibbenefika mill-fellowship futura taċ-ċibersigurtà bejn l-UE u l-Istati Uniti (US) li ġiet stabbilita bid-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti.
|
Azzjonijiet permezz tal-Akkademja
L-industrija
·Tipproponi wegħdiet taċ-ċibersigurtà speċifiċi dwar il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali mit-18 ta’ April 2023.
L-Istati Membri
·Jinkludu miżuri speċifiċi fl-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà biex jindirizzaw id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.
L-Istati Membri u l-industrija
·Jimplimentaw id-Dikjarazzjoni dwar in-Nisa fid-Dinja Diġitali u jiksbu konverġenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi taċ-ċibersigurtà sal-2030.
|
6.Finanzjament: nibnu sinerġiji biex nimmassimizzaw l-impatt tal-infiq għall-iżvilupp tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà
Permezz tal-Akkademja, l-impatt tal-investimenti fil-ħiliet taċ-ċibersigurtà se jiġi massimizzat għax jinkiseb punt uniku tad-dħul li jgħin biex il-fondi jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tas-suq filwaqt li jissimplifika l-użu tal-finanzjament, jiffaċilita s-sinerġiji bejn strumenti differenti, u jevita d-duplikazzjoni tal-isforzi.
6.1. Inqabbdu l-fondi mal-ħtiġijiet
Permezz tal-Akkademja, l-ECCC, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, il-proġett tal-ECCO u l-NCCs, se jiġbru l-informazzjoni dwar kif il-fondi tal-UE qed jiffinanzjaw il-ħiliet fiċ-ċibersigurtà, u se jivvalutaw kif il-fondi tal-UE qed jappoġġaw it-tnaqqis tad-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà. Meta titqies din l-informazzjoni aggregata, l-ECCC se jiżgura li l-fondi tal-UE jkunu jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet identifikati. Se jiffinanzja azzjonijiet li jindirizzaw l-aktar id-distakki urġenti fil-forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà, inkluż dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-ħtiġijiet tal-politika taċ-ċibersigurtà.
6.2. Nagħtu viżibbiltà lill-fondi disponibbli u lill-inizjattivi tas-sħubija għall-ħiliet fiċ-ċibersigurtà
Fl-immedjat, il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali se ssir il-punt uniku tad-dħul għall-partijiet ikkonċernati li jipprovdilhom l-informazzjoni kollha dwar l-opportunitajiet tal-finanzjament għall-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.
L-UE qed tinvesti fin-nies u fil-ħiliet tagħhom u qed tuża s-sħubijiet b’mod partikolari mal-industrija biex timmobilizza azzjoni dwar it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid b’diversi strumenti identifikati fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa
, b’mod partikolari l-Patt għall-Ħiliet
u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali. Il-programm Ewropa Diġitali jiffinanzja l-opportunitajiet tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà, notevolment b’inizjattivi ta’ proġetti f’diversi pajjiżi, li jikkumplimentaw b’mod ċar l-appoġġ ta’ Orizzont Ewropa għar-riċerka u s-soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi fiċ-ċibersigurtà. Il-Fond Ewropew għad-Difiża jiffinanzja r-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija biex jitwettqu operazzjonijiet ċibernetiċi effiċjenti, inkluż taħriġ u eżerċizzji. Erasmus+ se jkompli jappoġġa inizjattivi bħal dawn inkluż bi programmi intensivi mħallta u proġetti tal-kooperazzjoni.
L-Istati Membri huma mħeġġa jimmobilizzaw il-fondi tal-UE li jmexxu b’mod dirett biex jappoġġaw il-ħiliet u l-impjiegi fiċ-ċibersigurtà. Il-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-FSE+ għandhom potenzjal importanti ta’ sinerġiji f’dan ir-rigward. L-ambitu tal-azzjonijiet skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) u InvestEU jinkludi aktar kumplimentarjetajiet ewlenin fit-twettiq tal-objettivi tal-Akkademja.
|
Azzjonijiet permezz tal-Akkademja
Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u l-ENISA
·Jimmappjaw il-finanzjament eżistenti tal-UE għall-ħiliet fiċ-ċibersigurtà mal-ħtiġijiet tas-suq, jivvalutaw l-effettività u jidentifikaw il-prijoritajiet tal-finanzjament sa tmiem l-2024.
Il-Kummissjoni
·Toħloq punt uniku tad-dħul għall-opportunitajiet tal-finanzjament għall-ħiliet fiċ-ċibersigurtà fuq il-Pjattaforma tal-Ħiliet u tal-Impjiegi Diġitali sa tmiem l-2023.
|
7.Kejl tal-progress: responsabbiltà integrata
Permezz tal-Akkademja tiġi żviluppata metodoloġija biex ikun jista’ jitkejjel il-progress b’rabta mat-tnaqqis tad-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà.
7.1. Niddefinixxu indikaturi taċ-ċibersigurtà għall-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol taċ-ċibersigurtà
L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) jiġbor fil-qosor l-indikaturi rilevanti dwar il-prestazzjoni diġitali tal-Ewropa u jsegwi l-progress tal-Istati Membri tal-UE. Permezz tal-Akkademja tal-Ħiliet taċ-Ċibersigurtà u b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni u mal-Grupp ta’ Kooperazzjoni tal-NIS, l-ENISAse tiżviluppa indikaturi, inkluż dawk relatati mal-ġeneru, biex issegwi l-progress li jagħmlu l-Istati Membri tal-UE fejn jidħlu ż-żidiet fl-ammonti tal-professjonisti taċ-ċibersigurtà, filwaqt li tikkonsulta wkoll lil atturi rilevanti tas-suq u lill-NCCs. L-ENISA se tibbaża fuq il-metodoloġija tad-DESI u se tiżgura li l-indikaturi jkunu konformi mal-miri diġitali tal-Ewropa dwar il-professjonisti fl-ICT u dwar il-kisba ta’ konverġenza bejn il-ġeneri fl-ICT. Imbagħad il-Kummissjoni se taħdem biex tintegra dawn l-indikaturi fid-DESI, u b’hekk tippermetti t-traċċar annwali tal-istat tal-ħiliet taċ-ċibersigurtà u tas-suq tax-xogħol.
7.2. Niġbru d-data u nwettqu r-rappurtar
L-ENISA se tiġbor id-data dwar l-indikaturi bl-appoġġ tal-proġett ECCO u tal-NCCs. Abbażi tad-data miġbura, l-ENISA se tfassal rapport annwali li jikkontribwixxi għall-istat tar-Rapport dwar id-Deċennju Diġitali u li, flimkien mad-DESI, se jkompli jikkontribwixxi għall-analiżi u għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tas-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, l-indikaturi dwar il-ħiliet fiċ-ċibersigurtà se jikkontribwixxu għar-rapport biennali tal-ENISA dwar l-istat taċ-ċibersigurtà fl-UE previst mid-Direttiva NIS2, li jkopri l-kapaċitajiet, l-għarfien u l-iġjene taċ-ċibersigurtà madwar l-UE.
7.3. Inħejju indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) għaċ-ċibersigurtà
Biex ixxejjen id-distakk tat-talent Ewropew fiċ-ċibersigurtà, l-ENISA, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u l-NCCs, se tipproponi KPIs lill-Kummissjoni, abbażi tal-metodoloġija tal-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali, u skont l-esperjenza tal-industrija. L-ENISA se tqis kif xieraq il-KPIs li jużaw l-Istati Membri biex jivvalutaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għaċ-ċibersigurtà.
|
Azzjonijiet permezz tal-Akkademja
L-ENISA
·Tħejji indikaturi u KPIs dwar il-ħiliet fiċ-ċibersigurtà sa tmiem l-2023.
·Tiġbor data dwar l-indikaturi u tirrappurta dwarhom, bl-ewwel ġbir isir sal-2025.
Il-Kummissjoni
·Taħdem għall-integrazzjoni tal-indikaturi dwar iċ-ċibersigurtà fid-DESI u l-istat tar-Rapport dwar id-Deċennju Diġitali.
|
8.Konklużjoni
Din il-Komunikazzjoni tifrex is-sisien biex jerġa’ jitfassal l-approċċ tal-UE ħalli jiżdiedu l-ħiliet fiċ-ċibersigurtà tal-professjonisti fl-UE. L-għan hu li jonqos id-distakk tal-ħiliet fiċ-ċibersigurtà u biex l-UE jkollha l-forza tax-xogħol meħtieġa li tista’ twieġeb għax-xenarju tat-theddid li kontinwament qed jevolvi, biex jitwettqu l-politiki tal-UE maħsuba biex iħarsu lill-UE miċ-ċiberattakki, u anki biex jinfetħu beraħ l-opportunitajiet tan-negozji u tiżdied il-kompetittività. Forza tax-xogħol taċ-ċibersigurtà bil-ħiliet meħtieġa tista’ tkun ta’ ġid għall-komunitajiet ċivili, tad-difiża, diplomatiċi u tal-infurzar tal-liġi, u tiffaċilita s-sinerġiji bejniethom.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jilħqu l-ambizzjoni tal-Akkademja tal-Ħiliet fiċ-Ċibersigurtà.