Brussell, 10.12.2021

COM(2021) 773 final

2021/0405(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment

{SEC(2021) 417 final} - {SWD(2021) 368 final} - {SWD(2021) 369 final} - {SWD(2021) 370 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Is-suċċess kemm tat-tranżizzjonijiet diġitali kif ukoll ta’ dawk ekoloġiċi jiddependi fuq ħaddiema bil-ħiliet xierqa, u l-ħtieġa li tittieħed azzjoni rapida tqiegħed pressjoni qawwija fuq is-sistemi ta’ appoġġ tal-Istati Membri għall-apprendiment kontinwu. Barra minn hekk, it-tibdil demografiku fl-Ewropa jfisser li jeħtieġ li nattivaw il-potenzjal sħiħ ta’ kulħadd, sabiex niżguraw tkabbir sostenibbli. Fl-aħħar nett, l-irkupru mill-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 jeħtieġ politika msaħħa dwar il-ħiliet biex jiġu appoġġati tranżizzjonijiet professjonali ta’ suċċess fejn meħtieġ.

L-iżvilupp tal-ħiliet huwa parti fundamentali mir-rispons għal dawn l-isfidi. Il-ħiliet huma element ċentrali tal-mod tal-ħajja Ewropew peress li huma fattur ewlieni għas-suċċess tal-individwi f’suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr. Sett b’saħħtu ta’ ħiliet jiftaħ opportunitajiet, jipprovdi xibka ta’ sikurezza fi żminijiet inċerti, u jippromwovi l-inklużjoni u l-avvanz soċjali. Madankollu, madwar l-Ewropa, ftit wisq nies jieħdu sehem f’apprendiment regolari ladarba jkunu lestew l-edukazzjoni inizjali tagħhom. Ħafna jsibu ruħhom esklużi mill-opportunitajiet għal titjib tal-ħiliet jew għal taħriġ mill-ġdid minħabba l-istatus tal-forza tax-xogħol jew iċ-ċirkostanzi personali tagħhom, bħan-nuqqas ta’ finanzi, ħin jew motivazzjoni għat-taħriġ. Għarfien limitat tal-ħtiġijiet tal-ħiliet proprji tagħhom, trasparenza limitata tal-offerti ta’ taħriġ, inċertezza dwar il-kwalità u r-rikonoxximent ta’ programm ta’ taħriġ, u adattament insuffiċjenti tal-offerti disponibbli għall-ħtiġijiet individwali, kollha jikkontribwixxu għal motivazzjoni baxxa biex wieħed jieħu t-taħriġ f’kuntest ta’ opportunitajiet limitati għal appoġġ finanzjarju. 1  

B’riżultat ta’ dan, illum 1 biss minn kull 10 adulti fl-Ewropa jwettqu taħriġ f’perjodu partikolari ta’ erba' ġimgħat 2 u anqas minn nofs l-adulti kollha jirrappurtaw kwalunkwe attività ta’ edukazzjoni jew taħriġ formali jew mhux formali fuq perjodu ta’ 12-il xahar. Barra minn hekk, dawk li jwettqu edukazzjoni jew taħriġ ma humiex neċessarjament dawk li jeħtiġuhom l-aktar. Pereżempju, l-impjegati permanenti huma aktar probabbli minn adulti oħra li jinvolvu ruħhom fl-apprendiment (45 % meta mqabbla ma’ 29 %); u s-setturi, l-okkupazzjonijiet u t-tipi ta’ impjiegi bi proporzjonijiet ogħla ta’ ħaddiema bi kwalifiki aktar baxxi jsibu ruħhom fil-qiegħ tal-klassifikazzjoni tat-titjib tal-ħiliet. 3 B’mod ġenerali, in-nisa jipparteċipaw ftit aktar fl-apprendiment għall-adulti mill-irġiel (38,4 % vs 36,4 %). Madankollu, l-irġiel huma kemxejn aktar probabbli min-nisa li jirrappurtaw l-apprendiment għal raġunijiet relatati max-xogħol. 4

Forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin hija wkoll fattur ewlieni għall-produttività, għas-sostenibbiltà u għall-innovazzjoni tan-negozji ta’ kull daqs, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Tippermettilhom jikbru u jikkontribwixxu għal transizzjoni ekoloġika u diġitali ta’ suċċess, u b’hekk jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja. L-għoti tal-ħiliet it-tajba lill-persuni jippermetti wkoll lin-negozji jieħdu vantaġġ mit-teknoloġiji avvanzati.

Madankollu, l-ispariġġi u d-diskrepanzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol għadhom jippersistu u qed jikbru. 5 Pereżempju, dawn diġà jillimitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika, li jenfasizza l-importanza tal-investiment fil-ħiliet biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-UE, inklużi l-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. 6 Huma jżommu lura wkoll it-tranżizzjoni diġitali, u aktar minn 70 % tan-negozji jirrapportaw in-nuqqas ta’ persunal bil-ħiliet diġitali adegwati bħala ostaklu għall-investiment. 7 B’mod partikolari, l-SMEs spiss ikunu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ kumpaniji akbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-appoġġ għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-persunal tagħhom. L-impjegati f’kumpaniji kbar huma aktar probabbli li jipparteċipaw fit-taħriġ (55 %) milli l-impjegati tal-SMEs (42 %). L-SMEs jinkludu mikrointrapriżi b’anqas minn 10 impjegati, li l-anqas għandhom it-tendenza li jipparteċipaw fit-taħriġ (36 %). 8

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 9 għall-Kompetittività Sostenibbli, il-Ġustizzja Soċjali u r-Reżiljenza ġiet ippubblikata f’Lulju 2020, fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19. Hija appellat għal rivoluzzjoni fil-ħiliet u għal bidla fundamentali fil-politiki dwar il-ħiliet u ħabbret 12-il azzjoni biex dan isir realtà. Waħda mill-azzjonijiet tagħha ħabbret inizjattiva dwar kontijiet individwali tal-apprendiment li jippermettu lill-persuni jakkumulaw u jippreservaw l-intitolamenti ta’ taħriġ biex jużawhom għat-taħriġ, il-gwida jew il-validazzjoni.

Din il-bidla fundamentali fil-politiki dwar il-ħiliet qed issawwar ukoll bosta inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni:

·Il-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali kien jinkludi mira ewlenija ambizzjuża dwar il-ħiliet: sal-2030, jenħtieġ li 60 % tal-adulti fl-età tax-xogħol fl-UE jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena. Il-mexxejja tal-UE laqgħu dan fid-Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021 u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Ġunju 2021 10 .

·Il-Patt Ekoloġiku Ewropew 11 jirrikonoxxi l-ħiliet bħala abilitatur kruċjali għat-tranżizzjoni ekoloġika għal ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Lulju 2021, “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” 12 tirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk l-UE jkollha l-forza tax-xogħol bi kwalifiki għoljin li teħtieġ sabiex tibqa’ kompetittiva.

·Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, il-President von der Leyen enfasizzat l-importanza tal-investiment fil-ħiliet diġitali u l-ħtieġa li tinġibed l-attenzjoni tal-mexxejja tal-UE għal dan. Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa 13 itenni l-objettiv ta’ minimu ta’ 80 % tal-popolazzjoni tal-UE tal-anqas b’ħiliet diġitali bażiċi u jistabbilixxi l-mira ta’ 20 miljun speċjalist tal-ICT impjegati, b’konverġenza bejn is-sessi, sal-2030. Il-proposta adottata dan l-aħħar dwar Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali 14 tistabbilixxi qafas biex dan jitmexxa ’l quddiem.

·Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa 15 tappella għal azzjoni deċiżiva sabiex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd u jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu l-pass u jgħinu fit-twettiq tat-tranżizzjonijiet doppji.

·Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 16 , parti minn Next Generation EU, u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali qed jipprovdu finanzjament tal-UE mingħajr preċedenti għall-Istati Membri biex jinvestu fil-ħiliet. Il-Pjanijiet nazzjonali kollha għall-Irkupru u r-Reżiljenza adottati mill-Kummissjoni sa issa, jinkludu miżuri għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid tal-adulti.

Din l-inizjattiva hija meħtieġa minħabba li l-inizjattivi tal-passat urew li ma humiex suffiċjenti biex iżidu b’mod sostanzjali l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-taħriġ u biex jagħlqu l-lakuni tal-appoġġ fl-aċċess għat-taħriġ. Filwaqt li s-sitwazzjoni tvarja bejn l-Istati Membri, kollha jiffaċċjaw sfidi simili, kif rifless fl-analiżi tas-Semestru Ewropew u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. 17

L-analiżi mill-Valutazzjoni tal-Impatt 18 turi li hemm żewġ fatturi ewlenin tal-problema: l-individwi jirċievu appoġġ finanzjarju insuffiċjenti għat-taħriġ, inkluż biex jingħelbu l-ostakli għad-dedikazzjoni tal-ħin għat-taħriġ, u ma hemmx motivazzjoni suffiċjenti biex jinbeda t-taħriġ.

Il-konsegwenzi tal-problema huma diversi, li jvarjaw minn riskju ogħla ta’ qgħad u pagi aktar baxxi u anqas sodisfazzjon fl-impjieg għall-individwu, għal tnaqqis fil-produttività fil-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, u konsegwentement PDG aktar baxx u anqas reżiljenza fl-ekonomija kollha kemm hi. 19

Sakemm ma titteħidx azzjoni deċiża, il-parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti hija mistennija li tilħaq biss madwar 49 % sal-2030, li hija ferm anqas mill-mira ta’ 60 %. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi approċċ ġdid biex jiġu appoġġati t-titjib fil-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid fl-UE, f’konformità mal-Aġenda għall-Ħiliet, li tqiegħed lill-individwi fil-kontroll, u tagħtihom l-appoġġ u l-għodod li jeħtieġu biex jinvolvu ruħhom regolarment fl-apprendiment.

L-objettiv ġenerali tal-inizjattiva huwa li tappoġġa lill-Istati Membri b’riformi li jippermettu lill-adulti jipparteċipaw fit-taħriġ sabiex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet. Il-proposta tkopri l-adulti kollha fl-età tax-xogħol, irrispettivament mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali 20 . Għalhekk din tieħu approċċ kompletament ġdid għall-apprendiment tul il-ħajja, billi tiddiżakkoppja l-intitolamenti għat-taħriġ mill-finanzjatur oriġinali tagħhom u tagħti lill-individwi sjieda sħiħa fuq l-intitolamenti. L-inizjattiva b’hekk tikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali tal-UE li tippromwovi ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, bil-ħsieb ta’ impjieg sħiħ u progress soċjali. L-analiżijiet tax-xenarji jissuġġerixxu li l-approċċ propost iżid il-parteċipazzjoni fit-taħriġ fl-2030 għal livelli ogħla mill-mira ta’ 60 % tal-UE. 21  

F’termini konkreti, din il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jenħtieġ li jippermettu lill-adulti jipparteċipaw fit-taħriġ sabiex iżidu r-rati ta’ parteċipazzjoni u jnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet billi:

(a)jappoġġaw lill-adulti kollha fl-età tax-xogħol biex jaċċessaw it-taħriġ, inkluż għat-tranżizzjonijiet professjonali u irrispettivament mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom;

(b)iżidu l-inċentivi u l-motivazzjoni tal-individwi biex ifittxu t-taħriġ.

Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, din ir-Rakkomandazzjoni proposta tistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment. Dawn se jinkorporaw id-dritt għall-apprendiment tul il-ħajja, permezz ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment bħala mezz biex l-individwi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol, u qafas ta' abilitazzjoni li jinkludi opportunitajiet ta’ gwida u validazzjoni, biex jiġi appoġġat l-użu reali tat-taħriġ. Dan jikkorrispondi għal-linja gwida 6 fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-2021 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri 22 (“Linji Gwida dwar l-Impjiegi”) li tikkonferma l-verżjoni tal-2020 23 , li tenfasizza l-aċċess għall-impjiegi u għall-ħiliet, u titlob lill-Istati Membri biex “isaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-intitolamenti għal taħriġ individwali u jiżguraw it-trasferibbiltà tagħhom waqt tranżizzjonijiet professjonali”.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mal-inizjattivi ta’ politika eżistenti tal-UE u tikkomplementahom . Il-biċċa l-kbira tagħhom jiffukaw fuq it-tfassil tal-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti (“in-naħa tal-provvista”), pjuttost milli fuq li dawn ikunu aċċessibbli għall-adulti u li jiġu mħeġġa li jużawhom (“in-naħa tad-domanda”).

Barra minn hekk, l-inizjattivi eżistenti spiss huma limitati fl-ambitu tagħhom, u jiffukaw biss fuq ċerti gruppi, pjuttost milli fuq l-adulti kollha fl-età tax-xogħol. Pereżempju, fl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2016 dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 24 (l-aktar att legali ewlieni reċenti tal-UE dwar il-politika tal-apprendiment għall-adulti), l-Istati Membri qablu li jieħdu approċċ strateġiku u kkoordinat biex jipprovdu opportunitajiet ta’ apprendiment għat-58 miljun persuna adulta bi kwalifiki baxxi tal-UE. 25 L-għan huwa li dawn jiġu megħjuna jtejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom (jiġifieri l-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali), u/jew li jiksbu sett aktar wiesa’ ta’ ħiliet billi jimxu lejn kwalifiki ogħla. Ir-rapport tal-2019 dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni juri firxa ta’ risponsi ta’ politika nazzjonali. Jissottolinja wkoll li l-indirizzar tal-isfida tat-taħriġ ta’ persuni bi kwalifiki baxxi jirrikjedi approċċ sistemiku fit-tul, akkumpanjat minn finanzjament, ħidma biex jintlaħqu n-nies u gwida xierqa, li ħafna drabi ma huwiex il-każ. Ir-Rakkomandazzjoni għandha grupp fil-mira u kamp ta’ applikazzjoni aktar limitati minn din il-proposta, peress li tiffoka prinċipalment fuq dawk bi kwalifiki baxxi, u ma tirrakkomandax appoġġ finanzjarju għal studenti individwali.

Din l-inizjattiva tikkomplementa għadd ta’ strumenti msemmija fil-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 26 ta’ Marzu 2021, li jappellaw lill-UE u lill-Istati Membri biex iżidu l-politiki u l-investiment dwar il-ħiliet:

·Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali, azzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet u strument ewlieni għall-kisba ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 27 , hija ppreżentata flimkien ma’ din il-proposta. Din għandha l-għan li tgħin lill-persuni jadattaw għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-suq tax-xogħol billi tippromwovi l-kwalità, it-trasparenza u r-rikonoxximent ta’ programmi qosra ta’ taħriġ. Il-mikrokredenzjali jistgħu jgħinu biex jiġi żgurat li l-individwi li jużaw il-kontijiet individwali tal-apprendiment tagħhom ikunu kunfidenti dwar il-kwalità tat-taħriġ u r-rikonoxximent sussegwenti tal-isforzi tagħhom, inkluż mill-impjegaturi attwali u futuri tagħhom. Flimkien, dawn iż-żewġ inizjattivi jinċentivaw it-teħid tat-taħriġ: billi jagħtu lill-adulti l-mezzi għalih, u billi jiżguraw li dan jiswielhom.

·Il-Patt għall-Ħiliet 28 , li tnieda f’Novembru 2020, għandu l-għan li jimmobilizza l-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi biex jieħdu azzjoni konkreta għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-persuni fis-suq tax-xogħol, u, fejn ikun rilevanti, jgħaqqdu l-isforzi fi sħubijiet. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni organizzat diskussjonijiet madwar mejda ta’ livell għoli mar-rappreżentanti tal-industrija, mas-sħab soċjali u mal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) bil-ħsieb li tniedi sħubijiet fuq skala kbira fl-14-il ekosistema industrijali tal-Istrateġija Industrijali tal-UE. Sal-aħħar ta’ Novembru 2021, kienu ġew stabbiliti ħames sħubijiet bħal dawn 29 , li impenjaw ruħhom għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ta’ 1,5 miljun ruħ fis-snin li ġejjin. Il-Patt għall-Ħiliet sa issa kien ġabar aktar minn 500 membru, inklużi organizzazzjonijiet tan-negozju settorjali, kumpaniji kbar u żgħar, universitajiet, fornituri tal-VET, sħab soċjali, kmamar tal-kummerċ, awtoritajiet reġjonali u lokali u servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi.

·L-adozzjoni ta’ din il-proposta għal rakkomandazzjoni se tiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi (EASE) 30 , adottata f’Marzu 2021. Dan se jgħin lill-Istati Membri “jiżviluppaw pakketti ta’ politika biex jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol għall-ħaddiema, b’mod partikolari billi jrawmu opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid u miżuri ta’ appoġġ”.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għar-rakkomandazzjoni proposta hija l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) flimkien mal-Artikolu 149 tat-TFUE, minħabba li l-fini predominanti ta’ din l-inizjattiva huwa li tappoġġa lill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-politika dwar l-impjiegi. L-Artikolu 149 tat-TFUE jippermetti miżuri mhux vinkolanti fil-qasam tal-impjiegi bil-għan li jipprovdu analiżi u pariri komparattivi u jippromwovu approċċi innovattivi. Ir-rakkomandazzjoni se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 145 tat-TFUE, li jirrikjedi li l-Istati Membri u l-Unjoni “jaħdmu lejn żvilupp ta’ strateġija koordinata għall-impjieg u partikolarment sabiex il-ħaddiema jkunu kwalifikati, imħarrġa u flessibbli u sabiex is-suq tax-xogħol jirrispondi għat-tibdil ekonomiku”.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif previst fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TFUE).

Filwaqt li l-inizjattiva hija mistennija li tappoġġa u taċċellera l-isforzi nazzjonali, hija se tirrispetta b’mod sħiħ il-prinċipju tas-sussidjarjetà, billi tħalli lill-Istati Membri jiddeċiedu dwar il-parametri ewlenin tad-disinn, b’mod partikolari s-sorsi ta’ finanzjament, il-livell tal-intitolamenti għat-taħriġ, il-gruppi fil-mira ta’ prijorità (jiġifieri l-individwi li l-aktar jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid) u l-opportunitajiet ta’ taħriġ eliġibbli. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali, inizjattiva tal-UE tista’ tappoġġa, tikkoordina u taċċellera l-isforzi nazzjonali billi taqsam l-esperjenzi u tippromwovi approċċi innovattivi. Hija tista’ tgħin ukoll biex jiġu stabbiliti l-aspettattivi u tinħoloq fiduċja fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għal żieda fl-investiment pubbliku u privat fil-ħiliet, billi tindika li kollha kemm huma se jikkontribwixxu għall-assi kondiviż ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin tal-UE u jibbenefikaw minnu. Fil-konsultazzjoni pubblika, 84 % tar-rispondenti 31 qablu li l-inizjattiva tista’ twassal ukoll għal użu aktar effiċjenti tal-fondi tal-UE għall-iżvilupp tal-ħiliet.

L-inizjattiva tista’ tiffaċilita l-aċċess għat-taħriġ għall-għadd dejjem jikber ta’ ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor, u b’hekk tikkontribwixxi għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE u għal aktar integrazzjoni tas-suq uniku.  32 Hija tista’ tgħin ukoll biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq uniku billi ttejjeb il-kwalità u t-trasparenza tas-suq tat-taħriġ madwar l-UE.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif previst fl-Artikolu 5(4) tat-TFUE.

L-azzjonijiet proposti huma proporzjonati mal-objettivi segwiti minħabba l-urġenza tal-isfida u l-ambizzjoni espressa tal-Istati Membri li jżidu l-parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti b’mod sinifikanti sal-2030 ’il fuq mil-livelli li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jintlaħqu skont ix-xenarju bażi, isaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali u jiżguraw it-trasferibbiltà tagħhom matul it-tranżizzjonijiet professjonali.

Ir-rakkomandazzjoni li jiġu stabbiliti kontijiet personali għall-intitolamenti għat-taħriġ hija proporzjonata minħabba li tali kontijiet jippermettu d-diżakkoppjament tal-intitolamenti għat-taħriġ mill-finanzjatur oriġinali tagħhom u jagħtu lill-individwi sjieda sħiħa fuq l-intitolamenti, li hija essenzjali biex tiġi żgurata t-trasferibbiltà tal-intitolamenti. Il-kontijiet personali jiffaċilitaw ukoll mudelli ta’ finanzjament flessibbli b’kondiviżjoni tal-kostijiet bejn il-finanzjaturi differenti tal-intitolamenti għat-taħriġ u appoġġ modulat mill-gruppi fil-mira, li jakkomodaw firxa wiesgħa ta’ mudelli nazzjonali possibbli ta’ finanzjament u implimentazzjoni. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni proposta dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta' abilitazzjoni tista’ tibni fuq id-dispożizzjonijiet fl-Istati Membri li diġà jeżistu jew li huma previsti fil-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan jippermetti approċċi differenzjati li jirriflettu s-sitwazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u soċjali differenti tal-Istati Membri u l-kundizzjonijiet differenti tal-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol.

Għalhekk, il-kontenut ta’ din ir-rakkomandazzjoni proposta ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

Għażla tal-istrument

Fid-dawl tal-objettiv (appoġġ għar-riforma fl-Istati Membri) u tal-bażi ġuridika prevista, qed jiġu kkunsidrati biss strumenti mhux vinkolanti. L-ewwel għażla hija li tiġi proposta reviżjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi, sabiex jiġu appoġġati r-riformi tal-Istati Membri permezz tal-proċess tas-Semestru Ewropew u tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. L-aktar Linji Gwida reċenti minn Ottubru 2021 33 jikkonfermaw il-verżjoni tal-2020, li diġà titlob lill-Istati Membri biex “isaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-intitolamenti għal taħriġ individwali u jiżguraw it-trasferibbiltà tagħhom waqt tranżizzjonijiet professjonali, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ kontijiet ta’ tagħlim individwali”. Madankollu, peress li l-Linji Gwida dwar l-Impjiegi huma ta’ natura ġenerali, huma ma jipprovdux aktar gwida dwar kif dan għandu jsir.

Għażla oħra hija komunikazzjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tista’ tipprovdi lill-Istati Membri b’aktar gwida u tinforma l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż. Madankollu, din ma jkollhiex is-sjieda politika tal-Istati Membri, u għalhekk ma tkunx suffiċjenti biex tinċentiva r-riformi meħtieġa.

L-istrument preferut huwa proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan jipprovdi lill-Istati Membri b’rakkomandazzjonijiet maqbula b’mod komuni dwar għodda konkreta li tista’ tgħinhom jilħqu l-mira ewlenija tal-UE għall-2030 dwar il-parteċipazzjoni fit-taħriġ. Huwa jipprovdi wkoll qafas komuni għal azzjoni li jista’ jservi bħala bażi għal analiżi sussegwenti tar-riformi u l-progress. Filwaqt li tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar parametri tad-disinn bħall-gruppi fil-mira ta’ prijorità, il-finanzjament jew l-opportunitajiet ta’ taħriġ eliġibbli, il-proposta tipprovdi gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-ambitu tas-Semestru Ewropew li jqisu ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull Stat Membru.

Fil-konsultazzjoni pubblika, 61 % 34 tar-rispondenti qablu li l-leġiżlazzjoni tal-UE segwita mill-Istati Membri fuq bażi volontarja bħal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tkun mezz xieraq biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva.

3.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu kienet disponibbli online għall-feedback mill-pubbliku bejn it-23 ta’ Marzu u l-20 ta’ April 2021. Waslu total ta’ 23 tweġiba, li fil-biċċa l-kbira enfasizzaw l-importanza tat-tfassil ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment f’kollaborazzjoni mas-sħab soċjali, il-ħtieġa li jiġi żgurat li t-taħriġ ikun ta’ kwalità għolja, li jkunu disponibbli gwida u informazzjoni u li tingħata attenzjoni suffiċjenti lill-gruppi vulnerabbli.

Il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika ta’ 12-il ġimgħa bejn it-23 ta’ April 2021 u s-16 ta’ Lulju. Din attirat 216-il tweġiba minn 78 ċittadin, 26 awtorità pubblika, 46 assoċjazzjoni tan-negozju u intrapriżi, 26 trade union u 40 NGOs/rispondenti oħra. Il-maġġoranza tar-rispondenti (35), li minnhom 23 kienu organizzazzjonijiet fil-livell tal-UE, kienu bbażati fil-Belġju, segwit mill-Italja (24). Barra minn hekk, waslu 38 tweġiba bil-miktub.

Il-konsultazzjoni pubblika kkonfermat id-definizzjoni tal-problema u l-valur miżjud potenzjali tal-UE. Kien hemm appoġġ wiesa’ għall-isforzi ta’ politika biex jiġi faċilitat l-apprendiment fost l-adulti, iżda l-appoġġ kien anqas b’saħħtu għat-taħriġ mhux relatat max-xogħol. 84 % tar-rispondenti qablu li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jistgħu jkunu effettivi biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet finanzjarji għall-parteċipazzjoni fit-taħriġ. 82 % tar-rispondenti qablu li l-motivazzjoni biex wieħed jipparteċipa fit-taħriġ tista’ tiżdied permezz ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment, b’punteġġi għoljin simili għall-gwida għall-karriera, l-opportunitajiet għall-validazzjoni tal-apprendiment informali u mhux formali, reġistru pubbliku ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ b’assigurazzjoni tal-kwalità, kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fil-livelli tal-UE u nazzjonali u pjattaforma diġitali ta’ punt uniku ta’ servizz. Kien hemm appell ġenerali biex jiġu evitati l-kumplessità u l-burokrazija, u biex jiġi żgurat aċċess faċli għall-individwi.

Saru ħdax-il avveniment ta’ konsultazzjoni mmirati  ma’ gruppi differenti ta’ partijiet ikkonċernati u ma' sħab soċjali, inkluż fl-ogħla livell politiku. 35 Matul is-seduta ddedikata tas-sħab soċjali 36 , is-sħab soċjali esprimew il-qbil tagħhom mal-objettivi ġenerali tal-inizjattiva, iżda enfasizzaw li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jenħtieġ li jitqiesu bħala “għodda waħda fis-sett ta’ għodod” biex dawn jintlaħqu.

Fl-Opinjoni tiegħu 37 , il-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali (ACTV) qabel li l-inizjattiva tista’ ttejjeb il-motivazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Fl-istess ħin, huwa jargumenta li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jenħtieġ li jikkomplementaw pjuttost milli jissostitwixxu l-għoti ta’ taħriġ eżistenti ffinanzjat mill-gvern u/jew immexxi mis-sħab soċjali.

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati u tas-sħab soċjali, u speċjalment dawk mill-Istati Membri b’sistemi ta’ taħriġ żviluppati sewwa, eż. il-pajjiżi Nordiċi, enfasizzaw l-importanza li l-inizjattivi l-ġodda jiġu integrati mal-infrastruttura tat-taħriġ nazzjonali (jew reġjonali) eżistenti, filwaqt li jiġu rrispettati l-ftehimiet kollettivi għat-taħriġ diġà fis-seħħ, li normalment jinvolvu l-impjegaturi, it-trade unions, u l-gvernijiet. Kien hemm qbil ġenerali li l-fokus tat-taħriġ ta’ inizjattiva ġdida ta’ intitolament għat-taħriġ jenħtieġ li jkun orjentat lejn is-suq tax-xogħol u li l-impatti jissaħħu meta l-intitolamenti għat-taħriġ ikunu kkoordinati ma’ gwida, sistemi ta’ kwalità assigurata u taħriġ akkreditat.

Il-Parlament Ewropew fl-opinjoni tiegħu dwar l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 38 jissottolinja l-potenzjal tal-kontijiet individwali tal-apprendiment, mekkaniżmu ta’ finanzjament meqjus bħala kruċjali biex jgħin fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid speċjalment għall-aktar gruppi vulnerabbli.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet 39 jistiednu lill-Istati Membri biex; “jesploraw mudelli possibbli għal finanzjament pubbliku u privat ta’ apprendiment tul il-ħajja u l-iżvilupp ta’ ħiliet fuq livell individwali”, u jistiednu lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dawn l-isforzi.

Fl-opinjoni tiegħu tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar l-apprendiment għall-adulti, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 40 iqis li t-tagħlim tul il-ħajja jenħtieġ li jsir stil ta’ ħajja għal kulħadd u realtà fuq il-post tax-xogħol, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jilħqu u jżidu l-mira ta’ 60 % ta’ parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti fis-sena. Huwa jirrakkomanda lill-Istati Membri biex isaħħu l-politika, il-governanza u l-finanzjament għat-tagħlim għall-adulti u biex jiżguraw aċċess ugwali għat-tagħlim tul il-ħajja għall-adulti kollha.

Forum ta’ livell għoli dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment attira kważi 800 parteċipant minn 48 pajjiż u l-workshop ta’ validazzjoni għall-istudju ta’ appoġġ għall-Valutazzjoni tal-Impatt (b’madwar 25 parteċipant, l-aktar NGOs u awtoritajiet pubbliċi) iffoka fuq l-analiżi tal-problema u tal-impatt.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-bażi tal-evidenza biex issostni l-inizjattiva tinkludi:

·studju estern biex jappoġġa l-Valutazzjoni tal-Impatt;

·data rilevanti minn stħarriġ fil-livell tal-UE, eż. l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol, l-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti, l-Istħarriġ dwar it-Taħriġ Vokazzjonali Kontinwu, stħarriġ rilevanti mmexxi mill-Eurofound u mis-Cedefop, dwar il-parteċipazzjoni u l-forniment tat-tagħlim għall-adulti, u dwar l-ostakoli u l-inċentivi;

·letteratura rilevanti li tkopri l-evalwazzjonijiet tal-esperjenzi internazzjonali;

·diversi outputs interkonnessi min-network indipendenti ta’ esperti dwar l-apprendiment għall-adulti: rapporti tal-pajjiżi dwar l-iskemi ta’ inċentivi finanzjarji disponibbli, analiżi tal-evidenza statistika disponibbli, u analiżi tal-ambjent biex l-individwi jingħataw inċentivi finanzjarji diretti għat-taħriġ;

·evidenza minn konsultazzjonijiet dwar l-Aġenda għall-Ħiliet u l-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-eżiti ta’ diskussjonijiet madwar mejda ta’ livell għoli dwar il-Patt għall-Ħiliet. 41

Valutazzjoni tal-Impatt

Il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt tal-għażliet ta’ politika. Din il-ħidma kienet appoġġata minn konsultazzjoni strutturata fi ħdan il-Kummissjoni permezz ta’ Grupp ta’ Tmexxija Interservizzi. 42 Il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet diskussa mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fid-29 ta’ Settembru 2021. Fl-1 ta’ Ottubru 2021, l-RSB ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi, li ġew indirizzati billi żdiedu kjarifiki għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva, ix-xenarju bażi, id-deskrizzjoni tal-impatti mistennija u l-għażla tal-għażla ppreferuta. 43  

L-għażliet ta’ politika kienu jvarjaw f’termini tal-mod ta’ twassil tal-intitolamenti ta’ taħriġ (vawċers ta’ taħriġ jew kontijiet personali), id-daqs tal-grupp fil-mira u l-libertà tal-individwi li jagħżlu l-opportunitajiet ta’ taħriġ. L-għażla ta’ politika ppreferuta hija li l-adulti kollha fl-età tax-xogħol jingħataw intitolamenti ta’ taħriġ fil-forma ta’ kontijiet personali, filwaqt li l-ammonti jiġu modulati skont il-ħtiġijiet ta’ appoġġ u l-individwi jitħallew jagħżlu liberament fost opportunitajiet ta’ taħriġ li l-kwalità, ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol u r-rikonoxximent tagħhom ikunu żgurati bl-inklużjoni tagħhom f’reġistru pubbliku. Din l-għażla hija l-aktar effettiva biex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva peress li hija tnaqqas b’mod komprensiv il-lakuni fl-appoġġ u l-frammentazzjoni filwaqt li tfassal it-taħriġ skont il-ħtiġijiet individwali. 44  

Fid-dawl tal-objettivi tal-inizjattiva, il-bażi ġuridika u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-istrument leġiżlattiv preferut huwa proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan l-istrument jagħmilha possibbli li tiġi rakkomandata kombinament ta’ intitolamenti ta’ taħriġ individwali u kundizzjonijiet qafas ta' abilitazzjoni, filwaqt li l-Istati Membri jitħallew jimplimentaw il-miżuri f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali.

Benefiċċji tal-għażla ppreferuta: L-analiżijiet tax-xenarji jissuġġerixxu li l-implimentazzjoni tal-għażla ppreferuta tista’ żżid il-parteċipazzjoni fit-taħriġ fl-2030 għal livelli ogħla mill-mira ta’ 60 % tal-UE, u tnaqqas id-diskrepanzi fil-parteċipazzjoni madwar l-Istati Membri. L-impatti prinċipali mistennija huma pagi ogħla għall-individwi, produttività akbar għall-intrapriżi, u PDG u koeżjoni soċjali ogħla.

Kostijiet tal-għażla ppreferuta: L-analiżijiet tax-xenarji jistmaw kost annwali dirett tal-intitolamenti għat-taħriġ ta’ madwar EUR 17,6 sa 24,5 biljun. 45 Kostijiet addizzjonali jirriżultaw minn użu akbar tal-liv bi ħlas għat-taħriġ u minn kostijiet tal-istabbiliment u amministrattivi, iżda dawn huma mistennija li jkunu limitati minħabba l-infrastruttura rilevanti sinifikanti li diġà teżisti f’bosta Stati Membri. Jekk l-inizjattiva tiġi implimentata sewwa, il-kalkoli tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji jissuġġerixxu li l-benefiċċji msemmija hawn fuq jegħlbu b’mod sinifikanti l-kostijiet.

Effett fuq il-kumpaniji (inklużi l-SMEs): Il-kumpaniji huma mistennija li jibbenefikaw minn forza tax-xogħol aktar imħarrġa u produttiva u minn tnaqqis fid-diskrepanzi fil-ħiliet, b’benefiċċji partikolari għall-SMEs li l-impjegati tagħhom bħalissa jipparteċipaw anqas fit-taħriġ.

Impatt fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali: L-arranġamenti ta’ finanzjament jitħallew f’idejn l-Istati Membri. Il-kalkoli tal-kostijiet meta mqabbla mal-benefiċċji jissuġġerixxu li l-benefiċċji jisbqu b’mod sinifikanti l-kostijiet, sabiex arranġamenti xierqa ta’ finanzjament u ta’ kondiviżjoni tal-kostijiet jistgħu jippromwovu finanzi pubbliċi sostenibbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Skont l-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE “kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa”: dan huwa rifless ukoll fil-prinċipji 1, 4 u 5 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-inizjattiva hija mistennija li jkollha impatt pożittiv fuq id-drittijiet fundamentali billi tnaqqas id-diskrepanzi fl-aċċess għat-taħriġ kontinwu. Dan l-impatt huwa pjuttost b’saħħtu, peress li l-inizjattiva tkopri l-adulti kollha fl-età tax-xogħol, filwaqt li tipprovdi wkoll appoġġ speċifiku għall-persuni l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva ma teħtieġx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE. L-implikazzjonijiet għall-baġits nazzjonali se jiddependu mill-mudell ta’ finanzjament magħżul mill-Istat Membru inkwistjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Din ir-Rakkomandazzjoni proposta tistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħha. Tirrakkomanda li l-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipji tagħha mill-aktar fis possibbli u jippreżentaw pjan li jistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali. Il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet jenħtieġ li jiġi diskuss fil-kuntest tas-sorveljanza multilaterali tas-Semestru Ewropew fil-Kumitat tal-Impjiegi, b’enfasi fuq l-istrumenti stabbiliti mill-Istati Membri kif ukoll fuq l-eżiti (bħall-parteċipazzjoni fit-taħriġ u l-eżiti sussegwenti tas-suq tax-xogħol).

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tistabbilixxi flimkien mal-Kumitat tal-Impjiegi qafas ta’ monitoraġġ b’indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi komuni maqbula, bħala bażi għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u għar-rieżami tagħha. Sabiex jiġu simplifikati l-obbligi ta’ rapportar tal-Istati Membri, dan il-qafas, sa fejn ikun possibbli, juża informazzjoni diġà miġbura permezz ta’ oqfsa oħra ta’ monitoraġġ u jevita d-duplikazzjonijiet ta’ monitoraġġ u rapportar (eż. għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni).

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tivvaluta u tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni proposta, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara li tikkonsulta lill-partijiet interessati kkonċernati, u tirrapporta lill-Kunsill mhux aktar kmieni minn ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

(Il-paragrafi 1-2) L-aspett innovattiv ta’ din il-proposta huwa li tpoġġi lill-individwu direttament fiċ-ċentru tal-iżvilupp tal-ħiliet. Hija tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżviluppaw politiki u strumenti biex jappoġġaw lill-adulti kollha fl-età tax-xogħol biex jaċċessaw it-taħriġ, inkluż għat-tranżizzjonijiet professjonali, irrispettivament mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom, kif ukoll biex iżidu l-inċentivi u l-motivazzjoni tal-individwi biex ifittxu t-taħriġ. Il-kontijiet individwali tal-apprendiment u qafas ta' abilitazzjoni, inklużi opportunitajiet ta’ gwida u validazzjoni, jistgħu jippromwovu l-użu effettiv ta’ dan it-taħriġ.

(Il-paragrafu 3) Il-grupp fil-mira għall-inizjattiva huwa l-adulti kollha fl-età tax-xogħol li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, indipendentement mil-livell edukattiv milħuq tagħhom u mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew it-tip ta’ relazzjoni ta’ impjieg attwali tagħhom, u b’hekk jinkludi l-impjegati, dawk li jaħdmu għal rashom, u oħrajn f’forom atipiċi ta’ xogħol, il-persuni qiegħda u l-persuni barra mill-forza tax-xogħol. Il-proposta għalhekk tirrakkomanda l-istabbiliment ta’ kont individwali ta' apprendiment għal kull adult fl-età tax-xogħol fl-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi legalment.

Madankollu, għall-ħaddiema tal-fruntiera tal-UE u dawk li jaħdmu għal rashom li huma ċittadini tal-UE u li jaħdmu fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat fejn jirrisjedu, hija ġustifikata eċċezzjoni. Peress li l-kontijiet individwali tal-apprendiment huma primarjament immirati lejn l-iżvilupp ta’ ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, il-post ta’ residenza ma jkunx kriterju xieraq biex jiġi determinat f’liema Stat Membru jenħtieġ li jiġi stabbilit il-kont individwali ta' apprendiment għal dan il-grupp. Għalhekk, il-proposta tirrakkomanda l-post tal-impjieg (indipendenti) bħala l-kriterju li jiddetermina fejn jenħtieġ li jiġi stabbilit il-kont individwali ta' apprendiment għall-ħaddiema tal-fruntiera. Dan it-trattament ikun konformi mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-aċċess għall-vantaġġi soċjali stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament 492/2011 46 .

(Il-paragrafi 5-7) Il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu approċċ universali billi jistabbilixxu kont individwali ta' apprendiment għal kull individwu kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva u jiżguraw l-għoti annwali adegwat ta’ intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Fl-istess ħin, hija tistieden lill-Istati Membri biex jimmodulaw il-finanzjament skont il-ħtiġijiet tal-individwi. Dan l-approċċ “universali iżda differenzjat” kien appoġġat mill-partijiet ikkonċernati fil-konsultazzjoni pubblika. Il-proposta tirrakkomanda l-għoti ta’ intitolamenti addizzjonali ta’ taħriġ għall-individwi li l-aktar jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. Skont il-kuntest nazzjonali, dawn jistgħu jkunu individwi f’sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ impjieg (eż. forom atipiċi ta’ xogħol), skont l-istatus tal-forza tax-xogħol tagħhom (impjegati, qiegħda jew barra mill-forza tax-xogħol), jaħdmu għal ditti f’setturi affettwati b’mod sinifikanti mit-tranżizzjoni diġitali jew ekoloġika), jew tipi speċifiċi ta’ kumpaniji (eż. mikrointrapriżi, SMEs, jew dawk bi ħtiġijiet ta’ ħiliet speċifiċi (bħal individwi bi kwalifiki baxxi), jew fi gruppi ta’ età speċifiċi jew gruppi vulnerabbli. Il-gruppi li jirċievu intitolamenti ta’ taħriġ addizzjonali jistgħu jinbidlu hekk kif is-suq tax-xogħol jevolvi.

(Il-paragrafi 8-9) Il-kontijiet individwali tal-apprendiment jappoġġaw l-idea tal-kondiviżjoni tal-kostijiet, peress li jippermettu li kontribuzzjonijiet minn sorsi differenti, bħall-awtoritajiet pubbliċi u l-impjegaturi, jiġu raggruppati u ġestiti f’kont wieħed. Dan jiffaċilita l-modulazzjoni tal-appoġġ bil-ħtieġa ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid (eż. b'Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi li jiffinanzjaw intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-persuni qiegħda), u żidiet mill-impjegaturi għall-impjegati tagħhom, volontarji jew bħala riżultat ta’ ftehimiet ta’ negozjar kollettiv.

(Il-paragrafu 10) L-akkumulazzjoni ta’ intitolamenti ta’ taħriġ individwali fuq perjodu stabbilit f’kont personali tippermetti lill-individwi jaħżnu l-intitolamenti indipendentement mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom, biex jibdew taħriġ itwal jew aktar għali, jitħarrġu għat-tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi jew biex jirrispondu għall-ħtiġijiet emerġenti ta’ ħiliet matul perjodi ta’ kriżi u fil-kuntest tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli dwar il-limiti massimi għal tali akkumulazzjoni jew dwar l-iskadenza tal-intitolamenti, sabiex jinkoraġġixxu lill-individwi jagħmlu użu minnhom.

(Il-paragrafu 11) Il-proposta tirrakkomanda li l-individwi jirċievu intitolamenti ta’ taħriġ fil-post tar-residenza legali tagħhom, ħlief għall-ħaddiema tal-fruntiera u l-persuni li jaħdmu għal rashom li jaħdmu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat fejn jirrisjedu u li jenħtieġ li jkunu koperti fl-Istat Membru fejn jaħdmu. Peress li l-intitolamenti jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali ta’ dawk li jiċċaqilqu fi ħdan l-UE 47 , hija tirrakkomanda li l-Istati Membri jippermettu lill-persuni jippreservaw il-kont individwali ta' apprendiment tagħhom u l-intitolamenti ta’ taħriġ akkumulati matul perjodi mqattgħa jgħixu fi Stat Membru differenti. Dan jippermetti lill-persuni li jonfquhom mar-ritorn tagħhom jew fuq offerti ta’ apprendiment mill-bogħod f’konformità mar-regoli fis-seħħ għall-kontijiet individwali tal-apprendiment fl-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom. Fl-istess ħin, il-persuni jkunu intitolati għal kont individwali ta' apprendiment ġdid fl-Istat Membru li jkunu qed jirrisjedu fih f’dak il-mument. Dan jiffaċilita l-mobbiltà transfruntiera u jissottolinja l-prinċipju li, ladarba jingħataw, l-intitolamenti għat-taħriġ jappartjenu għall-individwi. It-trasferibbiltà tal-intitolamenti għat-taħriġ bejn l-Istati Membri se tiġi esplorata aktar, meta jkunu ġew stabbiliti kontijiet individwali tal-apprendiment nazzjonali u se tiġi koperta fl-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni. L-UE tista’ tiffaċilita d-diskussjoni dwar it-trasferibbiltà tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali bejn l-Istati Membri.

(Il-paragrafi 12-20) Huwa essenzjali li jiġi stabbilit qafas ta' abilitazzjoni li jiffaċilita l-użu tal-opportunitajiet ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni. Qed jiġi propost li dan jenħtieġ li jinkludi gwida għall-karriera u opportunitajiet ta’ validazzjoni, reġistru nazzjonali pubbliku u portal diġitali nazzjonali uniku li jappoġġa l-kontijiet individwali tal-apprendiment billi jippermetti awtentikazzjoni elettronika sigura u konnessjoni mar-reġistru. Il-qafas se jaqdi rwol kruċjali biex jimmotiva lill-persuni jiddeċiedu li jieħdu t-taħriġ, billi se jipprovdi għażla ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ affidabbli u ta’ kwalità assigurata, flimkien ma’ gwida għall-karriera u ma' għażliet ta’ validazzjoni. Il-kooperazzjoni tal-impjegaturi, b’mod partikolari l-mikrointrapriżi u l-SMEs, se tkun ukoll kruċjali għall-ħolqien b’suċċess tal-qafas.

(Il-paragrafu 12) Il-konsultazzjonijiet identifikaw is-servizzi ta’ gwida għall-karriera bħala l-aktar element importanti ta’ qafas ta' abilitazzjoni. Għalkemm dawn is-servizzi huma disponibbli fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-ħidma tagħhom biex jintlaħqu n-nies spiss hija limitata. Biex l-individwi jiġu ggwidati għall-opportunitajiet ta’ taħriġ li jindirizzaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet tagħhom, huwa rakkomandat li l-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-gwida dwar il-karrieri b’mod personali għall-adulti kollha, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi ta’ gwida b’mezzi diġitali (b’mod partikolari permezz ta’ reġistru faċli biex jintuża ta’ opportunitajiet rikonoxxuti).

Il-validazzjoni tal-apprendiment preċedenti tippermetti lill-individwi jagħtu prova li kisbu ċerti ħiliet. L-evalwazzjoni reċenti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali 48 tindika progress sostanzjali, iżda tidentifika wkoll sfidi persistenti u r-risposti proposti. B’mod partikolari, huwa neċessarju li jiġi żgurat l-għoti ta’ appoġġ għall-individwi, koordinazzjoni aktar mill-qrib mas-servizzi ta’ gwida u tfassil effettiv tal-inizjattivi ta’ validazzjoni għall-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli. Il-proposta tfittex li tindirizza l-isfidi ta’ validazzjoni li fadal billi tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jkunu jistgħu jintużaw biex jiġu aċċessati l-opportunitajiet ta’ validazzjoni u li tali opportunitajiet, inkluża l-valutazzjoni tal-ħiliet personalment jew online, ikunu disponibbli u aċċessibbli. B’hekk din tikkomplementa l-proposta dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali, li jista’ jiffaċilita wkoll il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-eżiti tat-taħriġ.

(Il-paragrafu 13-17) Reġistru nazzjonali pubbliku ta’ offerti ta’ taħriġ rikonoxxuti u ta’ kwalità assigurata, gwida għall-karriera u validazzjoni jista’ jżid il-motivazzjoni tal-persuni biex jieħdu t-taħriġ billi jippreżenta l-opportunitajiet disponibbli b’mod faċilment aċċessibbli u jnaqqas l-inċertezza dwar il-kwalità u r-rikonoxximent tal-eżiti tat-taħriġ. Reġistri simili diġà jeżistu jew qed jiġu żviluppati f’mill-anqas 12-il Stat Membru. Il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu tali reġistru u jżommuh aġġornat, flimkien ma’ mudell ta’ governanza sostenibbli b’regoli trasparenti għall-inklużjoni ta’ offerti ġodda ta’ taħriġ. Huma biss l-offerti ta’ taħriġ, ta’ gwida għall-karriera u ta’ validazzjoni inklużi fir-reġistru li jenħtieġ li jkunu eliġibbli għal finanzjament minn intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Jenħtieġ li f’dan ir-reġistru jkunu inklużi wkoll is-servizzi ta’ gwida għall-karriera u l-opportunitajiet ta’ validazzjoni pprovduti mill-Istati Membri mingħajr ħlas għall-individwi. Jenħtieġ li l-kriterji għall-inklużjoni tal-opportunitajiet fir-reġistri jiġu fformulati fil-livell tal-Istati Membri, abbażi ta’ kriterji ta’ kwalità trasparenti u f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, billi jintużaw l-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-oqfsa Ewropej tal-kompetenzi. 49 Jenħtieġ li l-korsijiet qosra ta’ taħriġ inklużi fir-reġistru jiġu żviluppati f’konformità mal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali sabiex tiġi promossa t-trasparenza dwar il-kwalità u r-rikonoxximent tal-eżiti tat-taħriġ. L-Istati Membri huma mħeġġa jiftħu r-reġistru nazzjonali b’mod trasparenti għall-opportunitajiet ta’ taħriġ offruti minn fornituri f’pajjiżi oħra, sakemm dawn ikunu ta’ kwalità affidabbli. Kif ikkonfermat mill-konsultazzjonijiet, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti huma kapaċi u lesti li jżidu l-valur għall-governanza ta’ tali reġistri.

 (Il-paragrafu 18) Il-proposta tirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu portal diġitali nazzjonali uniku, faċilment aċċessibbli permezz ta’ apparat mobbli (eż. permezz ta’ app diġitali), biex tiżdied it-trasparenza dwar l-opportunitajiet ta’ taħriġ u appoġġ disponibbli fil-livell nazzjonali u biex l-utenti jkunu jistgħu jaċċessaw il-kontijiet individwali tagħhom, jirrieżaminaw l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali disponibbli tagħhom u jikkonsultaw ir-reġistru nazzjonali.

(Il-paragrafu 19-20) Il-liv bi ħlas għat-taħriġ jippermetti lill-ħaddiema jżommu s-salarju tagħhom jew dħul ta’ sostituzzjoni matul perjodi ta’ taħriġ li jvarjaw minn ftit jiem sa diversi xhur. Dispożizzjonijiet bħal dawn diġà jeżistu f’24 Stat Membru, li minnhom 12 huma firmatarji tal-Konvenzjoni dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). 50 Madankollu, l-aċċess għal-liv bi ħlas għat-taħriġ spiss ikun ristrett minn karatteristiċi partikolari tar-relazzjoni tal-impjieg. Kriterji restrittivi ta’ eliġibbiltà u nuqqas ta’ informazzjoni minn benefiċjarji potenzjali jfissru li anqas minn 1 % tal-popolazzjoni impjegata għandhom it-tendenza li jagħmlu użu mid-dispożizzjonijiet eżistenti. 51 L-Istati Membri għalhekk huma mistiedna wkoll jadottaw dispożizzjonijiet dwar il-liv bi ħlas għat-taħriġ disponibbli b’mod universali jew jirrieżaminaw id-dispożizzjonijiet eżistenti biex jiżguraw li dawn ikopru lill-individwi impjegati kollha, u jinkludu appoġġ finanzjarju għall-impjegaturi li l-impjegati tagħhom jagħmlu użu minn liv bi ħlas għat-taħriġ (b’mod partikolari l-SMEs, li jiffaċċjaw sfidi akbar). Il-proposta tirrakkomanda t-tisħiħ tar-rabtiet bejn id-dispożizzjonijiet dwar il-liv bi ħlas għat-taħriġ u miżuri oħra ta’ appoġġ disponibbli filwaqt li l-arranġamenti dettaljati jitħallew f’idejn l-Istati Membri.

(Il-paragrafu 21) Il-proposta tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jorganizzaw attivitajiet wiesgħa ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta' kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari fost dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Dawn huma kruċjali biex tiġi żgurata rata ogħla ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fl-opportunitajiet ta’ apprendiment, b’mod partikolari fost gruppi b’għarfien baxx tal-ħtiġijiet u l-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra tista’ żżid l-effettività ta’ dawn l-attivitajiet.

(Il-paragrafu 22) Sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ din l-inizjattiva, huwa rakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu arranġamenti ta’ monitoraġġ biex jiżguraw it-titjib kontinwu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u tal-qafas ta' abilitazzjoni. Aġġustamenti sussegwenti biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni bl-aktar mod effiċjenti jistgħu jikkonċernaw l-ammont ta’ intitolamenti ta’ taħriġ individwali, id-definizzjoni tal-individwi li l-aktar jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid jew l-integrazzjoni faċli għall-utent tad-diversi elementi tal-qafas ta' abilitazzjoni.

(Il-paragrafu 23-26) L-arranġamenti biex jiġi żgurat il-finanzjament adegwat u sostenibbli tal-kontijiet individwali tal-apprendiment għandhom jiġu determinati fil-livell nazzjonali, f’konformità maċ-ċirkostanzi nazzjonali u b’attenzjoni partikolari għall-SMEs. Filwaqt li r-responsabbiltà dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tibqa’ f’idejn l-Istat Membru, il-proposta tirrakkomanda li tiġi faċilitata l-kombinament ta’ sorsi pubbliċi u privati differenti ta’ finanzjament, li jistgħu pereżempju jinkludu żidiet volontarji mill-impjegaturi. L-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn appoġġ minn diversi fondi tal-UE, b’mod partikolari l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew Plus 52 , il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 53 u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta 54 , kif ukoll il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza 55 fl-ambitu ta’ Next Generation EU, jekk ikunu inkludew riformi u investimenti rilevanti fil-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza. L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jista’ jipprovdi għarfien espert imfassal apposta għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi li jappoġġaw l-istabbiliment ta’ kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta' abilitazzjoni tagħhom.

(Il-paragrafu 27) Kif spjegat hawn fuq, l-appoġġ mill-UE se jiffoka fuq l-isfruttar tal-finanzjament mingħajr preċedenti tal-UE disponibbli għall-Istati Membri għall-iżvilupp tal-ħiliet minn Next Generation EU u l-qafas finanzjarju pluriennali. L-UE se tappoġġa wkoll l-iżvilupp tal-ħiliet permezz ta’ inizjattivi rilevanti bħall-Patt għall-Ħiliet, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet, il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim għall-Adulti fl-Ewropa (EPALE) u miżuri xierqa oħra tal-Erasmus+, u proġetti ta’ kooperazzjoni fost is-sħab soċjali fil-livell tal-UE. Hija tista’ tappoġġa wkoll l-apprendiment reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajba fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Jenħtieġ li ssir aktar ħidma fuq il-pjattaforma tal-Europass li tiffoka fuq l-iżgurar tal-interoperabbiltà, jiġifieri l-konnessjoni mal-portali diġitali nazzjonali uniċi għall-kontijiet individwali tal-apprendiment.

(Il-paragrafu 28-30) Ir-rapportar u l-evalwazzjoni se jkunu bbażati fuq il-monitoraġġ fis-sorveljanza multilaterali mwettqa fil-Kumitat tal-Impjiegi bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, abbażi ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta' arranġamenti ta’ monitoraġġ miftiehma. Huwa rakkomandat li l-Istati Membri jħejju pjan ta’ implimentazzjoni fi żmien 12-il xahar mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni. L-ewwel evalwazzjoni hija ssuġġerita mhux qabel ħames snin wara l-adozzjoni.

2021/0405 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

Dwar kontijiet individwali tal-apprendiment

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 149 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin hija kruċjali għat-tisħiħ tal-kompetittività sostenibbli tal-UE, għall-appoġġ għal irkupru rikk fl-impjiegi mill-pandemija tal-COVID-19 u għall-iżgurar ta’ tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi soċjalment ġusti. Hekk kif is-swieq tax-xogħol jevolvu, il-persuni jeħtieġ li jżommu l-pass billi jtejbu l-ħiliet tagħhom. Ħiliet ġodda u aħjar joħolqu aktar opportunitajiet u jgħammru lill-persuni biex ikollhom rwol attiv fil-ġestjoni tat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol u jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà, fl-isfond tat-tibdil demografiku. Barra minn hekk, it-titjib tal-ħiliet tal-adulti jista’ jkun għodda b’saħħitha fil-promozzjoni tal-ġustizzja soċjali u l-inklużjoni għal tranżizzjoni ġusta.

(2)L-Artikolu 14(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jsostni li kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa. L-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 56 jsostni li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex jinżammu u jinkisbu ħiliet li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fis-soċjetà u jiġġestixxu b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Ir-raba’ prinċipju jittratta l-appoġġ attiv għall-impjiegi, biex jiġi sostnut id-dritt ta’ kull persuna għal assistenza f’waqtha u mfassla apposta biex ittejjeb il-prospetti tagħha ta’ impjieg jew impjieg indipendenti. Il-ħames prinċipju dwar l-impjieg sigur u adattabbli jenfasizza li, irrispettivament mit-tip u d-durata tar-relazzjoni ta’ impjieg, jenħtieġ li l-ħaddiema jgawdu minn trattament ġust u ugwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, tal-aċċess għall-protezzjoni soċjali u tat-taħriġ.

(3)Fil-25 ta’ Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew esprima s-sodisfazzjoni tiegħi bil-miri ewlenin tal-UE tal-pjan ta’ azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni ta’ Porto 57 , u b’hekk appoġġa l-ambizzjoni li jiġi żgurat li, sal-2030, mill-anqas 60 % tal-adulti kollha jipparteċipaw f’taħriġ kull sena. Madankollu, il-parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti fl-UE staġnat matul l-aħħar għaxar snin; u 21 Stat Membru ma laħqux il-mira fil-livell tal-UE għall-2020. Ħafna adulti, bħal dawk f’forom atipiċi ta’ xogħol, l-impjegati ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs), il-persuni qiegħda, dawk inattivi u bi kwalifiki baxxi spiss ma jkunux jistgħu jilħqu l-opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ħiliet.

(4)L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 58 , adottata f’Lulju 2020, tappella għal rivoluzzjoni fil-ħiliet biex it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali jinbidlu f’opportunitajiet għal irkupru fil-pront u ġust. Fost l-oħrajn, hija tħabbar li l-Kummissjoni se tesplora l-kontijiet individwali tal-apprendiment bħala għodda biex tappoġġa t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-adulti fl-età tax-xogħol, filwaqt li tikkomplementa azzjonijiet oħra mmirati lejn l-impjegaturi u l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

(5)Il-ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol se jkunu meħtieġa fil-kuntest tal-bidla għal ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, kif stipulat skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew 59 għan-newtralità klimatika sal-2050. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” 60 tirrikonoxxi li t-tranżizzjoni ekoloġika tista’ tirnexxi biss jekk l-UE jkollha l-ħaddiema bi kwalifiki għoljin li teħtieġ biex tibqa’ kompetittiva u tindika l-azzjonijiet ewlenin tal-Aġenda għall-Ħiliet biex il-persuni jingħataw il-ħiliet li huma meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

(6)Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa 61 ttenni l-objettiv li jiġi żgurat li mill-anqas 80 % tal-popolazzjoni tal-UE jkollha mill-anqas ħiliet diġitali bażiċi sal-2030, u tistabbilixxi l-mira ta’ 20 miljun speċjalist tal-ICT impjegati, b’konverġenza bejn is-sessi, sal-2030. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali 62 tissuġġerixxi li jiġi stabbilit qafas biex dan jitmexxa ’l quddiem. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 63 jenfasizza li jenħtieġ li jintużaw mezzi teknoloġiċi biex tiġi faċilitata l-aċċessibbiltà u tissaħħaħ il-flessibbiltà tal-opportunitajiet ta’ apprendiment, inkluż it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

(7)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa 64 tappella għal azzjoni deċiżiva sabiex l-apprendiment tul il-ħajja jsir realtà għal kulħadd u jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ iżommu l-pass u jgħinu fit-twettiq tat-tranżizzjonijiet doppji.

(8)Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 65 jistiednu lill-Istati Membri biex “jesploraw mudelli possibbli għal finanzjament pubbliku u privat ta’ apprendiment tul il-ħajja u l-iżvilupp ta’ ħiliet fuq livell individwali”, u jistiednu lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri f’dawn l-isforzi.

(9)L-appoġġ finanzjarju insuffiċjenti għall-individwi huwa wieħed mill-ostakli ewlenin li jinfluwenzaw il-parteċipazzjoni fl-apprendiment. B’mod ġenerali, l-investimenti pubbliċi u privati ma humiex suffiċjenti. Il-biċċa l-kbira tat-taħriġ relatat mal-impjiegi fl-UE huwa sponsorjat mill-impjegatur. Madankollu, ħafna kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, ma jipprovdux jew ma jiffinanzjaw taħriġ għall-persunal tagħhom, u individwi f’xogħol atipiku għandhom anqas jew ma għandhom l-ebda aċċess għal taħriġ sponsorjat mill-impjegatur. Tali inugwaljanzi jimminaw il-benesseri u s-saħħa tal-individwi, inaqqsu l-kompetittività ekonomika, jirriżultaw f’opportunitajiet mitlufa u ostakli għall-innovazzjoni u jirriskjaw li jħallu lill-persuni lura fit-tranżizzjoni lejn attivitajiet ekonomiċi aktar sostenibbli.

(10)Minbarra l-kostijiet diretti, ir-restrizzjonijiet taż-żmien huma fattur importanti li jipprevjeni lill-adulti milli jfittxu t-taħriġ. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma firmatarji tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni u ttrasponewha fil-liġi nazzjonali. Madankollu, l-għarfien dwar, u l-użu tal-liv għat-taħriġ huma baxxi f’bosta Stati Membri, u d-dispożizzjonijiet ħafna drabi ma jkoprux ħaddiema atipiċi jew ma jippermettux lill-adulti jfittxu edukazzjoni u taħriġ matul perjodi ta’ qgħad jew attività ekonomika baxxa.

(11)Ħafna adulti, speċjalment fost dawk bi kwalifiki baxxi u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, ma humiex motivati biex jieħdu t-taħriġ. Dawn jistgħu ma jkunux konxji tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet proprji tagħhom, jistgħu ma jkunux jafu jekk ikunux disponibbli appoġġ u taħriġ, ikunux ta’ kwalità tajba u rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-persuni jistgħu ma jkunux motivati biex jinvolvu ruħhom f’taħriġ li jkun intgħażel mingħajr ma ġew ikkonsultati u li ma jkunx imfassal skont il-ħtiġijiet tagħhom.

(12)Hemm bżonn ta’ approċċ ġdid għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid fl-UE. Dan jenħtieġ li jikkomplementa l-istrumenti eżistenti u jsegwi l-impenji politiċi billi jpoġġi lill-individwi fil-kontroll u jagħtihom l-appoġġ u l-għodod li jeħtieġu biex itejbu l-ħiliet jew jitħarrġu mill-ġdid, fil-livelli kollha tal-ħiliet.

(13)Fl-Opinjoni tiegħu ta’ Awwissu 2021 66 dwar l-inizjattiva tal-UE dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment u t-tisħiħ tal-għoti tat-taħriġ fl-Ewropa, il-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ Vokazzjonali jargumenta li inizjattiva bħal din jenħtieġ li ttejjeb l-involviment, il-motivazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-adulti fl-edukazzjoni u t-taħriġ. L-isfida ewlenija hija li jittejjeb it-tqabbil tal-ħiliet u l-impjiegi u li jiġi żgurat l-aċċess għal għażliet diversifikati ta’ taħriġ ta’ kwalità permezz ta’ forniment aktar rilevanti u mmirat aħjar.

(14)Il-problemi deskritti hawn fuq jistgħu jiġu indirizzati billi l-persuni jingħataw appoġġ finanzjarju dirett permezz ta’ intitolamenti ta’ taħriġ f’kontijiet individwali tal-apprendiment, u jiġi stabbilit qafas ta' abilitazzjoni wiesa’ li jagħtihom aċċess għal opportunitajiet ta’ taħriġ, ta' informazzjoni, ta' gwida, ta' liv bi ħlas għat-taħriġ u ta' rikonoxximent tal-eżiti tat-taħriġ.

(15)Intitolament adegwat għat-taħriġ jenħtieġ li jiġi definit fil-livell nazzjonali, f’konformità mal-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-persuni; pereżempju li jiġu previsti attivitajiet ta’ taħriġ rikonoxxuti b’valur ta’ 30 siegħa fis-sena għall-individwi kollha, u li jitilgħu għal 50 siegħa għall-individwi l-aktar fil-bżonn. Il-modulazzjoni tal-finanzjament skont il-ħtiġijiet tista’ żżid l-effiċjenza tal-inizjattiva. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu intitolamenti addizzjonali ta’ taħriġ għall-individwi l-aktar fil-bżonn, skont il-kuntest nazzjonali u s-suq tax-xogħol li qed jinbidel. Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu jżidu l-kontijiet individwali tal-apprendiment f’setturi strateġiċi 67 , biex jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Minbarra l-intitolamenti finanzjarji, ir-rilevanza, l-utilità u r-rikonoxximent tat-taħriġ huma fatturi ewlenin li jaffettwaw it-teħid tiegħu. Jenħtieġ li s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati dwar dawn il-kwistjonijiet.

(16)Jenħtieġ li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jippermettu lill-persuni jakkumulaw u jużaw l-intitolamenti ta’ taħriġ fuq perjodu stabbilit, sabiex ikunu jistgħu jieħdu taħriġ aktar fit-tul jew aktar għali jew jitħarrġu matul tnaqqis fir-ritmu ekonomiku b’reazzjoni għall-ħtiġijiet ta’ ħiliet emerġenti. Jenħtieġ li l-individwi jkunu jistgħu jżommu l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tagħhom indipendentement mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom u matul bidliet fil-karriera. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu regoli għall-iskadenza tal-intitolamenti li jagħtu inċentiv lill-istudenti biex jagħmlu użu sħiħ minnhom.

(17)Jenħtieġ li l-individwi jitħallew jużaw l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tagħhom anke barra mill-pajjiż, jekk jaċċessaw taħriġ rikonoxxut u ta’ kwalità assigurata mir-reġistru nazzjonali tal-kont tal-apprendiment tagħhom. It-trasferibbiltà tal-intitolamenti bejn l-Istati Membri hija karatteristika mixtieqa fuq perjodu fit-tul, li jeħtieġ li tiġi esplorata aktar.

(18)Biex l-individwi jiġu megħjuna jidentifikaw perkors ta’ taħriġ xieraq u b’hekk tiżdied il-motivazzjoni tagħhom biex jitgħallmu, kif ukoll jaċċessaw opportunitajiet ta’ gwida u validazzjoni tal-karriera, jenħtieġ li r-reġistri pubbliċi aġġornati ta’ taħriġ rikonoxxut ikunu disponibbli permezz ta’ portali diġitali nazzjonali uniċi ddedikati aċċessibbli għal kulħadd, inklużi għall-persuni b’diżabilità, u jkunu interkonnessi b’mod xieraq mal-pjattaforma tal-Europass.

(19)Jenħtieġ li jkun possibbli li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jintużaw biex tiġi aċċessata l-validazzjoni, inklużi opportunitajiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet. L-evalwazzjoni reċenti tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali 68 tindika progress sostanzjali, iżda tidentifika wkoll sfidi persistenti u r-risposti proposti. B’mod partikolari, huwa neċessarju li l-individwi jingħataw appoġġ imfassal apposta, u li tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib mas-servizzi ta’ gwida u tfassil effettiv ta’ inizjattivi ta’ validazzjoni għall-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu l-għoti ta’ mikrokredenzjali fejn ikun rilevanti, abbażi tal-ħtiġijiet identifikati, u f’konformità mal-approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali.

(20)Din ir-Rakkomandazzjoni tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ liv bi ħlas għat-taħriġ. L-għoti xieraq ta’ liv bi ħlas għat-taħriġ, f’konformità mal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni 69 (kif ratifikata minn 12-il Stat Membru), jippermetti lill-ħaddiema jżommu s-salarju tagħhom jew introjtu ta’ sostituzzjoni matul perjodi ta’ taħriġ li jvarjaw minn ftit jiem sa diversi xhur. L-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jidħlu fi djalogu mas-sħab soċjali dwar arranġamenti li jippermettu lill-impjegati jipparteċipaw fit-taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol bl-użu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment tagħhom. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li titqies is-sitwazzjoni speċifika tal-SMEs u b’mod partikolari tal-mikrointrapriżi.

(21)Attivitajiet u kampanji usa’ ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta' sensibilizzazzjoni huma kruċjali biex jiġu żgurati rati għoljin ta’ parteċipazzjoni tal-adulti fl-opportunitajiet ta’ apprendiment, b’mod partikolari fost gruppi b’għarfien baxx dwar it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, bħal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, ibbażata fuq il-fehim komuni li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid huma mezz ta’ investiment, tista’ żżid l-effettività tal-attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta’ sensibilizzazzjoni. Jenħtieġ li l-attenzjoni għall-aċċessibbiltà tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-adulti b’diżabilità.

(22) L-arranġamenti ta’ monitoraġġ u t-titjib kontinwu tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u tal-qafas ta' abilitazzjoni huma kruċjali biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni. L-aġġustamenti sussegwenti jistgħu jikkonċernaw l-ammont ta’ intitolamenti ta’ taħriġ individwali, il-gruppi ta’ prijorità jew l-integrazzjoni faċli għall-utent tad-diversi elementi tal-qafas ta' abilitazzjoni.

(23)Finanzjament adegwat huwa karatteristika ewlenija ta’ skemi ta’ suċċess għall-kontijiet individwali tal-apprendiment. Jenħtieġ li l-kontijiet individwali tal-apprendiment jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-kostijiet bejn sorsi differenti ta’ finanzjament, bħall-awtoritajiet pubbliċi u l-impjegaturi, billi jippermettu lill-finanzjaturi differenti jikkontribwixxu għall-kont. Jenħtieġ li kombinament ta’ sorsi pubbliċi u privati ta’ finanzjament jiżgura s-sostenibbiltà tal-inizjattiva fl-Istati Membri, li hija fundamentali għas-suċċess tagħha. Dan jiffaċilita l-modulazzjoni tal-appoġġ u ż-żidiet mill-impjegaturi għall-impjegati tagħhom, volontarji jew bħala riżultat ta’ ftehimiet ta’ negozjar kollettiv.

(24)Fondi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus 70 , il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, u, fejn rilevanti, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza taħt Next Generation EU 71 u l-għarfien espert imfassal apposta permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku jistgħu jappoġġaw l-istabbiliment tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta' abilitazzjoni tagħhom. L-apprendiment reċiproku, iffaċilitat mill-Kummissjoni, jista’ jappoġġa wkoll il-proċess.

(25)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri fir-rigward tal-organizzazzjoni u tal-kontenut tas-sistemi ta’ apprendiment/taħriġ għall-adulti tagħhom. Jenħtieġ li ma twaqqafhomx milli jżommu jew jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar avvanzati dwar l-apprendiment/it-taħriġ għall-adulti minn dawk rakkomandati hawnhekk.

(26)Jenħtieġ li l-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fit-tfassil tar-riformi. Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tillimitax l-awtonomija tas-sħab soċjali fejn dawn ikunu responsabbli għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ skemi ta’ taħriġ.

(27)Jenħtieġ li l-miżuri deskritti f’din ir-Rakkomandazzjoni ma jissostitwixxux l-għoti ta’ taħriġ mill-impjegaturi, mis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, l-appoġġ pubbliku għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew tipi oħra ta’ appoġġ.

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Objettivi

1.Din ir-Rakkomandazzjoni għandha l-għan li tappoġġa r-riformi tal-Istati Membri biex aktar adulti jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fit-taħriġ sabiex jiżdiedu r-rati ta’ parteċipazzjoni u jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet. B’hekk hija tikkontribwixxi għall-objettiv ġenerali tal-UE li tippromwovi ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, li timmira għal impjieg sħiħ u progress soċjali. B’mod speċifiku, hija għandha l-għan li:

(a)tappoġġa lill-adulti kollha fl-età tax-xogħol biex jaċċessaw it-taħriġ, inkluż għat-tranżizzjonijiet professjonali u irrispettivament mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali tagħhom;

(b)iżżid l-inċentivi u l-motivazzjoni tal-individwi biex ifittxu t-taħriġ.

2.Għal dan il-għan, huwa rakkomandat li l-Istati Membri jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment bħala mezz biex l-individwi jkunu jistgħu jipparteċipaw f’taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol, u qafas ta' abilitazzjoni, li jinkludi opportunitajiet ta’ gwida u validazzjoni, biex jiġi appoġġat it-teħid reali tat-taħriġ.

Kamp ta’ applikazzjoni

3.Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-adulti fl-età tax-xogħol li jirrisjedu legalment fi Stat Membru, indipendentement mil-livell edukattiv milħuq tagħhom u mill-istatus tal-forza tax-xogħol jew mill-istatus professjonali attwali tagħhom.  Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu kont individwali ta' apprendiment għal kull persuna li tappartjeni għal dan il-grupp.

B’deroga, jenħtieġ li l-ħaddiema tal-fruntiera u l-persuni li jaħdmu għal rashom li jaħdmu fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat fejn jirrisjedu jkunu koperti fl-Istat Membru fejn jaħdmu.

Definizzjonijiet

4.Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“intitolament ta’ taħriġ individwali” tfisser id-dritt ta’ aċċess għal baġit personali għad-dispożizzjoni ta’ individwu biex ikopri l-kostijiet diretti tat-taħriġ, tal-gwida u tal-konsulenza rilevanti għas-suq tax-xogħol, tal-valutazzjoni jew tal-validazzjoni tal-ħiliet li huma eliġibbli għall-finanzjament.

(b)“kont individwali ta' apprendiment” huwa mod ta’ twassil tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Dan huwa kont personali li jippermetti lill-individwi jakkumulaw u jippreservaw l-intitolamenti tagħhom maż-żmien, sabiex jużawhom għal kwalunkwe opportunità eliġibbli ta’ taħriġ, gwida jew validazzjoni li huma jqisu l-aktar utli u kull meta jkunu jridu, f’konformità mar-regoli nazzjonali. Huwa jagħti lill-individwu sjieda sħiħa tal-intitolamenti, irrispettivament mis-sors ta’ finanzjament.

(c)“trasferibbiltà” tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tfisser li, ladarba jingħataw, tali intitolamenti jibqgħu fil-pussess tal-individwu kkonċernat, inkluż matul it-tranżizzjonijiet bejn l-impjiegi, mill-impjieg għat-tagħlim, mill-impjieg għall-qgħad, u bejn l-attività u l-inattività.

(d) “qafas ta' abilitazzjoni” jinkludi l-appoġġ li jippromwovi l-użu effettiv tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali. Dan jinkludi gwida għall-karriera u opportunitajiet ta’ validazzjoni, reġistru nazzjonali tal-opportunitajiet li huma eliġibbli għal finanzjament mill-intitolamenti ta’ taħriġ individwali, portal diġitali nazzjonali uniku biex jiġi aċċessat il-kont individwali ta' apprendiment u r-reġistru nazzjonali, u liv bi ħlas għat-taħriġ.

Il-kont individwali ta' apprendiment

5.Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu kont individwali ta' apprendiment għal kull individwu kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-inizjattiva wara li jkunu kkonsultaw mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

6.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw proviżjon annwali adegwat għal kull kont individwali ta' apprendiment li jista’ jiġi akkumulat u użat matul perjodu stabbilit, biex jippermettu taħriġ aktar sostanzjali;

7.Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet tal-individwi li l-aktar jeħtieġu titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid, abbażi tal-ħtiġijiet nazzjonali jew settorjali, l-istatus tal-forza tax-xogħol jew kuntrattwali jew il-livell ta’ kwalifika tal-individwu, u kwalunkwe ċirkostanza rilevanti oħra u skont kriterji ċari u trasparenti, wara li jkunu kkonsultaw lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

8.Jenħtieġ li l-Istati Membri jistiednu lill-impjegaturi sabiex jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet individwali tal-apprendiment tal-ħaddiema tagħhom u ta’ persuni oħra li jaħdmu fil-katina tal-valur industrijali tagħhom, b’mod partikolari dawk li jaħdmu fl-SMEs;

9.Jenħtieġ li l-Istati Membri jistiednu lis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi biex jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet individwali tal-apprendiment tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid;

10.Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali jistgħu jiġu akkumulati u maħżuna, bil-għan li jinstab bilanċ bejn li l-individwi jitħallew jakkumulaw l-intitolamenti tagħhom biex jiffinanzjaw korsijiet ta’ taħriġ itwal u li jitħeġġu jagħmlu użu regolari mill-intitolamenti tagħhom matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom;

11.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali akkumulati f’kont fi Stat Membru jinħażnu jew ikunu jistgħu jintużaw għal taħriġ, gwida għall-karriera u opportunitajiet ta’ validazzjoni eliġibbli f’dak l-Istat Membru, anki matul perjodi li fihom l-individwu jkun qed jgħix fi Stat Membru ieħor.

Il-qafas ta' abilitazzjoni

Huwa rakkomandat li l-Istati Membri jinkorporaw il-kontijiet individwali tal-apprendiment f’qafas ta' abilitazzjoni li jinkludi:

Gwida għall-karriera u validazzjoni

12.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li s-servizzi ta’ gwida għall-karriera u l-opportunitajiet ta’ validazzjoni 72 , inklużi l-opportunitajiet ta’ valutazzjoni tal-ħiliet, personalment jew online, ikunu disponibbli u aċċessibbli għal kull sid ta’ kont individwali ta' apprendiment, mingħajr ħlas jew bl-użu tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali tagħhom.

Reġistru nazzjonali ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni ta’ kwalità eliġibbli

13.Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu aġġornat reġistru pubbliku ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u validazzjoni li jkunu eliġibbli għal finanzjament mill-intitolamenti ta’ taħriġ individwali, kompatibbli mal-mudell ta’ apprendiment Ewropew. Jenħtieġ li f’dan ir-reġistru jiġu inklużi wkoll is-servizzi ta’ gwida għall-karriera u l-opportunitajiet ta’ validazzjoni pprovduti mill-Istati Membri mingħajr ħlas għall-individwi;

14.Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu u jippubblikaw regoli ċari għall-inklużjoni fir-reġistru ta’ diversi forom ta’ taħriġ, gwida għall-karriera u opportunitajiet ta’ validazzjoni rilevanti għas-suq tax-xogħol, ibbażati fuq rekwiżiti trasparenti ta’ kwalità u informazzjoni dwar il-ħiliet u f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Jenħtieġ li huma jirrieżaminaw dawn b’mod regolari biex jiżguraw ir-rispons għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

15.Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lill-fornituri ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment formali u mhux formali biex jiżviluppaw u jwessgħu l-offerta tagħhom abbażi tal-ħtiġijiet identifikati, inkluż fejn rilevanti billi jipprovdu mikrokredenzjali skont l-approċċ tal-UE 73 u permezz tal-użu ta’ oqfsa ta’ kompetenza tal-UE u nazzjonali;

16.Jenħtieġ li l-Istati Membri jinkoraġġixxu lis-sħab soċjali u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jipparteċipaw fil-proċess tad-definizzjoni tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għat-taħriġ inkluż fir-reġistru;

17.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiftħu r-reġistru nazzjonali tagħhom b’mod trasparenti għall-opportunitajiet ta’ taħriġ offruti minn fornituri f’pajjiżi oħra.

Portal diġitali nazzjonali uniku li jappoġġa l-kontijiet individwali tal-apprendiment

18.Jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu u jappoġġaw lill-individwi biex jaċċessaw il-kont individwali ta’ apprendiment tagħhom u jinnavigaw fir-reġistru faċilment permezz ta’ awtentikazzjoni elettronika sigura fuq portal 74 diġitali nazzjonali uniku aċċessibbli 75 li jista’ jiġi aċċessat faċilment minn apparati mobbli u jenħtieġ li jkun interkonness mal-pjattaforma tal-Europass.

Liv bi ħlas għat-taħriġ

19.Jenħtieġ li l-Istati Membri jidħlu fi djalogu mas-sħab soċjali dwar l-arranġamenti li jippermettu lill-impjegati jipparteċipaw fit-taħriġ matul il-ħinijiet tax-xogħol billi jużaw il-kontijiet individwali tal-apprendiment tagħhom;

20.Jenħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu dispożizzjonijiet dwar il-liv bi ħlas għat-taħriġ jew jirrieżaminaw l-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet eżistenti, f’konformità mal-Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni, filwaqt li jikkunsidraw:

(a)il-kopertura tagħhom tat-tipi kollha ta’ relazzjoni ta’ impjieg, u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom;

(b)l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għall-impjegaturi (b’mod partikolari l-SMEs) li l-impjegati tagħhom jagħmlu użu mil-liv bi ħlas għat-taħriġ;

(c)il-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ tali dispożizzjonijiet.

Ħidma biex jintlaħqu n-nies u sensibilizzazzjoni

21.Jenħtieġ li l-Istati Membri flimkien mas-sħab soċjali, mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, mal-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali u ma' atturi rilevanti oħra, iwettqu attivitajiet u kampanji wiesgħa ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta' sensibilizzazzjoni, imfassla skont il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji potenzjali tal-iskema għall-kontijiet individwali tal-apprendiment, b’mod partikolari dawk l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid kif definiti fil-livell nazzjonali, biex jinfurmaw u jimmotivaw lill-individwi eliġibbli dwar id-drittijiet u l-benefiċċji tagħhom fir-rigward tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta' abilitazzjoni. Jenħtieġ li l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni jindirizzaw ukoll b’mod partikolari lill-ħaddiema fl-SMEs.

Monitoraġġ u titjib kontinwu

22.Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod sistematiku l-operat tal-kontijiet individwali tal-apprendiment u l-qafas ta' abilitazzjoni u jagħmlu aġġustamenti kif meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni bl-aktar mod effiċjenti, pereżempju fir-rigward tal-ammont ta’ intitolamenti ta’ taħriġ, tad-definizzjoni tal-individwi l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid u tal-integrazzjoni faċli għall-utent tad-diversi elementi tal-qafas ta' abilitazzjoni. Jenħtieġ li s-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti jiġu kkonsultati f’dan il-proċess.

Finanzjament

 

23.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw il-finanzjament adegwat u sostenibbli tal-kontijiet individwali tal-apprendiment, filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, b’attenzjoni partikolari għall-SMEs;.

24.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiffaċilitaw il-kombinament ta’ sorsi ta’ finanzjament pubbliċi u privati differenti biex jikkontribwixxu għall-intitolamenti ta’ taħriġ individwali inkluż bħala eżitu tan-negozjar mis-sħab soċjali;

25.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw finanzjament adegwat u sostenibbli għall-qafas ta' abilitazzjoni u għall-attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta' sensibilizzazzjoni msemmija hawn fuq;

26.Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu l-użu massimu u l-aktar effiċjenti mill-fondi u mill-istrumenti tal-UE, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku biex:

(a)jistabbilixxu kontijiet individwali tal-apprendiment nazzjonali, inkorporati f’qafas ta' abilitazzjoni, inkluż billi jiżviluppaw portal diġitali nazzjonali uniku għall-kontijiet individwali tal-apprendiment u għas-servizzi rikonoxxuti relatati, u joħolqu reġistri nazzjonali ta’ taħriġ rikonoxxut;

(b)jipprovdu intitolamenti ta’ taħriġ individwali addizzjonali għall-kontijiet ta’ dawk l-aktar fil-bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, li jirriflettu l-prijoritajiet tal-UE inkluż għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali;

(c)jistabbilixxu u jipprovdu gwida għall-karriera u opportunitajiet ta’ validazzjoni;

(d)jorganizzaw attivitajiet ta’ ħidma biex jintlaħqu n-nies u ta’ sensibilizzazzjoni.

Appoġġ tal-Unjoni

27.Il-Kunsill jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, bl-użu tal-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF), tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) u tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA):

(a)billi tiffaċilita t-tagħlim reċiproku fost l-Istati Membri biex jappoġġaw it-tfassil u t-twettiq ta’ riformi xierqa għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(b)billi tespandi l-bażi tal-għarfien dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment u kwistjonijiet relatati u tiżviluppa materjal ta’ gwida rilevanti;

(c)billi tesplora aktar żviluppi fil-pjattaforma tal-Europass, b’mod partikolari biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà mal-portali diġitali nazzjonali uniċi għall-kontijiet individwali tal-apprendiment, u billi tagħmel viżibbli l-opportunitajiet ta’ apprendiment, gwida għall-karriera u validazzjoni li għalihom jistgħu jintużaw l-intitolamenti ta’ taħriġ individwali nazzjonali differenti.

Rapportar u evalwazzjoni

28.Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni mill-aktar fis possibbli u jippreżentaw lill-Kummissjoni pjan li jistabbilixxi l-miżuri korrispondenti li għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali sa (daħħal id-data ta' 12-il xahar wara l-adozzjoni mill-Kunsill). Jenħtieġ li l-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet jiġi mmonitorjat fil-kuntest tas-sorveljanza multilaterali fil-Kumitat tal-Impjiegi bħala parti miċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Il-qafas ta’ monitoraġġ għandu, fejn ikun rilevanti, juża l-informazzjoni diġà miġbura permezz ta’ oqfsa oħra ta’ monitoraġġ u jevita d-duplikazzjonijiet.

29.Sa (daħħal id-data ta' 12-il xahar wara l-adozzjoni mill-Kunsill), jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Kumitat tal-Impjiegi jistabbilixxu b’mod konġunt qafas ta’ monitoraġġ b’indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi komuni maqbula biex jivvalutaw l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u l-eżiti tagħha, u l-arranġamenti ta’ monitoraġġ li jippermettu r-rieżami tagħha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-qafas ta’ monitoraġġ juża evidenza mill-oqfsa ta’ monitoraġġ l-oħra tal-UE, u li ma joħloqx piż amministrattiv żejjed.

30.Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta u tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u wara li tikkonsulta mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, u tirrapporta lill-Kunsill fi żmien ħames snin mid-data tal-adozzjoni tagħha. Filwaqt li tivvaluta r-rilevanza tal-inizjattiva, din l-evalwazzjoni tista’ tindirizza wkoll it-trasferibbiltà tal-intitolamenti ta’ taħriġ individwali bejn l-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ara t-taqsima 2.2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt għal analiżi tal-fatturi problematiċi li jwasslu għal parteċipazzjoni baxxa u mhux uniformi fit-taħriġ.
(2)    Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2020, varjabbli TRNG_LFSE_01 .
(3)     Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti 2016 , etajiet bejn 25-64 sena, eskluż it-taħriġ iggwidat fuq il-post tax-xogħol. Din hija l-aktar sena reċenti li għaliha hija disponibbli data dwar il-parteċipazzjoni fil-apprendiment għall-adulti f’dawn l-aħħar 12-il xahar.
(4)    79 % tal-apprendiment mhux formali tal-irġiel kien relatat max-xogħol meta mqabbel ma’ 71 % għan-nisa. Ma hemm disponibbli l-ebda data korrispondenti għall-apprendiment formali.
(5)    Fl- istħarriġ tal-BEI dwar l-investiment , is-sehem tal-impjegaturi tal-UE li jqisu d-diffikultajiet biex isibu ħaddiema bil-ħiliet it-tajba bħala ostaklu għall-investiment żdied minn 66 % fl-2016 għal 76 % fl-2019, bi tnaqqis żgħir biss għal 73 % fis-sena 2020 tal-COVID-19.
(6)    ILO (2019), Skills for a greener future: A global view based on 32 country studies .
(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali ( COM/2021/118 final ).
(8)     Stħarriġ dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti 2016 , etajiet bejn 25-64 sena, eskluż it-taħriġ iggwidat fuq il-post tax-xogħol.
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-Kompetittività Sostenibbli, il-Ġustizzja Soċjali u r-Reżiljenza, ( COM(2020) 274 final ).
(10)     Id-dikjarazzjoni ta’ Porto - Consilium (europa.eu) u 2425-06-21-euco-conclusions-en.pdf (europa.eu)
(11)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ( COM/2019/640 final ).
(12)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lesti għall-Mira ta’ 55 %: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika ( COM(2021) 550 final ).
(13)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali ( COM (2021)118 final ).
(14)    Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali ( COM(2021)574 ).
(15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa ( COM(2021) 350 final ).
(16)    Ir- Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17–75 .
(17)    Ara l-Anness 6.3 tal-Valutazzjoni tal-Impatt għad-dettalji dwar l-inugwaljanzi fil-parteċipazzjoni fl-apprendiment għall-adulti, u l-Anness 6.4 għal ħarsa ġenerali lejn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż dwar il-ħiliet.
(18)    Ara t-taqsima 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(19)    Ara t-taqsima 2.3 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(20)    It-terminu “status tal-forza tax-xogħol” jinkludi l-persuni kollha f’impjieg, il-persuni qiegħda u l-persuni barra mill-forza tax-xogħol. It-terminu “status professjonali” jinkludi l-impjegati kollha indipendentement mill-istatus kuntrattwali tagħhom, jiġifieri inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom u persuni oħra f’forom ta’ xogħol atipiċi.
(21)    Ara t-taqsima 6.1 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(22)    Id- Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1868 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, ĠU L 379, 26.10.2021, p. 1–5
(23)    Id- Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, p.22
(24)    Ir- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet : Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti. ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1–6
(25)    Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol 2020, varjabbli edat_lfs_9901 .
(26)    Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ( COM(2021) 102 final ).
(27)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kisba sal-2025 ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni ( COM(2020)625 final ).
(28)    Il- Patt għall-Ħiliet.
(29)    Dawn ikopru l-ekosistemi industrijali li ġejjin: l-industrija tal-karozzi; il-mikroelettronika; l-ajruspazju u d-difiża; il-bini tal-vapuri; u l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta.
(30)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Marzu 2021 dwar appoġġ attiv effettiv għall-impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE), ( COM(2021) 1372 final ).
(31)    Li jvarja minn 69 % għan-negozji sa 93 % għall-NGOs u oħrajn. Il-qbil kien 12-il punt perċentwali ogħla fost ir-rispondenti mill-Istati Membri b’rati baxxi ta’ parteċipazzjoni (89 %) meta mqabbla ma’ rati għoljin ta’ parteċipazzjoni (77 %).
(32)    Ara Kummissjoni Ewropea (2020), Annual report on intra-EU labour mobility , għax-xejriet fil-mobilità tal-forza tax-xogħol tal-UE u Dorn and Zweigmüller (2021), Migration and Labor Market Integration in Europe (Journal of Economic Perspectives) għal argument li l-ħiliet neqsin jillimitaw il-mobilità tal-forza tax-xogħol intra-UE.
(33)    Id- Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 344/22) u kkonfermata mill-ġdid mid- Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1868 tal-15 ta’ Ottubru 2021 (ĠU L 379/1).
(34)    Li jvarjaw minn 49 % fost in-negozji għal 83 % fost l-NGOs u rispondenti oħra.
(35)

   Dawn kienu jinkludu seduta ddedikata tas-sħab soċjali f’livell politiku għoli, konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO), skambju ta’ fehmiet mal-membri tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) u l-Kumitat tar-Reġjuni (KtR), skambju ta’ fehmiet mal-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali (ACTV) u mad-Diretturi Ġenerali għat-Taħriġ Vokazzjonali (DGTV), u konsultazzjonijiet immirati ma’ gruppi rilevanti oħra ta’ partijiet ikkonċernati inkluż il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u l-Gruppi Konsultattivi tal-Europass u n-networks ta’ politika u n-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

(36)    Is-seduta tas-Sħab Soċjali tal-15 ta’ April 2021
(37)    L- Opinjoni tal-ACVT dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment  
(38) Ir- Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Frar 2021 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza ( 2020/2818(RSP) )
(39)    Il- Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 dwar it-Taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta’ appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali .
(40)    L- Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-7 ta’ Lulju 2021 dwar l-apprendiment għall-adulti .
(41)    Il- Patt għall-Ħiliet .
(42)    Li jinkludi d-DĠ CNECT, EAC, ECFIN, ESTAT, GROW, JRC, JUST, LS, REFORM u SG.
(43)    Ara l-Anness 1 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(44)    Ara t-Taqsimiet 2.2 u 7 tal-Valutazzjoni tal-Impatt għal diskussjoni aktar dettaljata dwar kif il-miżuri ta’ politika rakkomandati f’din il-proposta jindirizzaw l-ostakli identifikati għall-parteċipazzjoni.
(45)    Dawn l-istimi huma meħuda mill-analiżijiet tax-xenarji ppreżentati fit-Taqsima 6.1 tal-valutazzjoni tal-impatt. Dawn huma bbażati fuq intitolament għat-taħriġ b’valur ta’ 30 siegħa għall-adulti kollha fl-età tax-xogħol u 50 siegħa għall-individwi li l-aktar għandhom bżonn ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Il-kostijiet monetarji għal kull benefiċjarju jiddependu mill-kostijiet tat-taħriġ tal-Istati Membri, b’medja stmata tal-UE ta’ EUR 381 għal 30 siegħa u EUR 631 għal 50 siegħa ta’ taħriġ.
(46)    Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 141, 27.5.2011, p. 1–12)
(47)    L-intitolamenti għat-taħriġ jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU   L 166, 30.04.2004, p. 1-123.
(48)    Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Study supporting the evaluation of the Council Recommendation of 20 December 2012 on the validation of non-formal and informal learning.
(49)    Pereżempju, l-oqfsa Ewropej tal-kompetenzi dwar il-kompetenza diġitali (DigiComp), dwar il-kompetenzi personali, soċjali u li titgħallem kif titgħallem (LifeComp), dwar il-kompetenzi intraprenditorjali (EntreComp) u dwar il-kompetenzi tas-sostenibbiltà (GreenComp).
(50)    Fl-1 ta’ Frar 2020, skont verżjoni preliminari tal-bażi tad-data aġġornata “Financing Adult Learning” mis-Cedefop (aġġornament imminenti) ippreżentata fl-Anness 8.2. L-aħħar ratifika tal- Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni minn Stat Membru saret fl-1993.
(51)    Cedefop (2012), Training leave. Policies and practice in Europe .
(52)    Ir- Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013, ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21-59.
(53)    Ir- Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60-93.
(54)    Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1-20.
(55)    Ir- Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17–75.
(56)

   Il- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .  

(57)    Il- Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew , 24-25 ta’ Ġunju 2021. Dan isegwi d- Dikjarazzjoni ta’ Porto tat-8 ta’ Mejju 2021.
(58)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza ( COM(2020)274 final ).
(59)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ( COM/2019/640 final ).
(60)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lesti għall-Mira ta’ 55 %: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi triqitna lejn in-newtralità klimatika ( COM(2021) 550 final ).
(61)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni; Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali ( COM (2021)118 final ).
(62)    Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” ( COM(2021)574 ).
(63)    Il- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (COM/2018/022 final)
(64)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa ( COM(2021) 350 final ).
(65)    Il- Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2020 dwar it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet bħala bażi biex jiżdiedu s-sostenibbiltà u l-impjegabbiltà, fil-kuntest ta’ appoġġ għall-irkupru ekonomiku u l-koeżjoni soċjali.
(66)    L- opinjoni tal-ACVT dwar il-Kontijiet Individwali tal-Apprendiment .
(67)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa ( COM(2021) 350 final ) tidentifika 14-il ekosistema industrijali għal appoġġ dedikat, inkluż dwar l-iżvilupp tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol attwali u futura tagħhom.
(68)    Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Study supporting the evaluation of the Council Recommendation of 20 December 2012 on the validation of non-formal and informal learning.
(69)    Fl-1 ta’ Frar 2020, skont verżjoni preliminari tal-bażi tad-data aġġornata “Financing Adult Learning” mis-Cedefop (aġġornament imminenti) ippreżentata fl-Anness 8.2. L-aħħar ratifika tal- Konvenzjoni tal-ILO dwar il-Liv bi Ħlas għall-Edukazzjoni minn Stat Membru saret fl-1993.
(70)    Ir- Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013, ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21-59.
(71)     Next Generation EU hija bbażata fuq l-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-Unjoni, li jgħin fil-bini mill-ġdid ta’ Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti.
(72)    F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali. ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1–5 2012.
(73)    F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali għat-tagħlim tul il-ħajja u l-impjegabbiltà
(74)    F’konformità mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70–115.
(75)    Jenħtieġ li l-portali jiġu stabbiliti b’mod konformi mal-prinċipji tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, COM(2017) 134 final .