EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1512

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

OJ L 344, 19.10.2020, p. 22–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1512/oj

19.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 344/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1512

tat-13 ta’ Ottubru 2020

dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi (3),

Billi:

(1)

L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu biex tiġi żviluppata strateġija koordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari biex tiġi promossa forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u adattabbli, kif ukoll swieq tax-xogħol li jkunu orjentati lejn il-ġejjieni u jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta’ livell massimu ta’ impjiegi u progress soċjali, tkabbir ibbilanċjat, livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta’ interess komuni u jridu jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f’dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill, filwaqt li jqisu l-prattiki nazzjonali marbutin mar-responsabbiltajiet ta’ min imexxi u tal-ħaddiema.

(2)

L-Unjoni jenħtieġ li tiġġieled kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u tippromwovi l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali, kif ukoll l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal. Meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni jenħtieġ li tqis rekwiżiti marbuta mal-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata, il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-ħarsien tas-saħħa tal-bniedem kif stabbilit fl-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

(3)

F’konformità mat-TFUE, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta’ koordinazzjoni tal-politika għall-politiki ekonomiċi u dwar l-impjiegi. Bħala parti minn dawn l-istrumenti, il-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri (‘il-Linji Gwida’) stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, flimkien mal-Linji Gwida ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 (4), jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati. Dawn għandhom jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li tiġi riflessa l-interdipendenza bejn l-Istati Membri. Il-ġabra li tirriżulta ta’ politiki u riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali għandha tikkostitwixxi taħlita sostenibbli ġenerali adatta ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi, li jenħtieġ li tikseb effetti kollaterali pożittivi.

(4)

Il-Linji gwida huma konsistenti mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni u inizjattivi tal-Unjoni varji, inkluż ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 (5) (il-‘Garanzija għaż-Żgħażagħ’), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 (6), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 (7), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 (8), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 (9), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 (10), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 (11) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 (12).

(5)

Is-Semestru Ewropew jgħaqqad flimkien strumenti differenti f’qafas ġenerali għal koordinazzjoni u sorveljanza multilaterali u integrati tal-politiki dwar l-ekonomija u l-impjiegi. Filwaqt li jaħdem għas-sostenibbiltà ambjentali, il-produttività, il-ġustizzja u l-istabbiltà, is-Semestru Ewropew jintegra l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż impenn qawwi mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra. Dan jappoġġa t-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Jenħtieġ li l-politiki dwar l-impjiegi u dawk ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri jimxu id f’id mat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija b’impatt newtrali fuq il-klima, ambjentalment sostenibbli u diġitali, filwaqt li jtejbu l-kompetittività, irawmu l-innovazzjoni, jippromwovu l-ġustizzja soċjali u l-opportunitajiet indaqs, kif ukoll jindirizzaw l-inugwaljanzi u d-disparitajiet reġjonali.

(6)

It-tibdil fil-klima u l-isfidi relatati mal-ambjent, il-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tibdil demografiku ser jittrasformaw l-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaħdmu flimkien biex jindirizzaw b’mod effettiv dawn il-fatturi strutturali u jadattaw is-sistemi eżistenti kif meħtieġ, filwaqt li jirrikonoxxu l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri u l-politiki relatati. Dan jirrikjedi azzjoni ta’ politika koordinata, ambizzjuża u effettiva kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell nazzjonali, f’konformità mat-TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-governanza ekonomika. Jenħtieġ li azzjoni ta’ politika bħal din tħaddan fiha spinta għall-investiment sostenibbli, impenn imġedded għal riformi strutturali f’sekwenza xierqa li jtejbu l-produttività, tkabbir ekonomiku, koeżjoni soċjali u territorjali, konverġenza ’l fuq, reżiljenza u l-eżerċizzju ta’ responsabbiltà fiskali. Jenħtieġ li tikkombina miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, filwaqt li tqis l-impatti tagħhom mil-lat ambjentali, soċjali u tal-impjiegi.

(7)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (13)(‘il-Pilastru’). Il-Pilastru jistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt biex jappoġġaw swieq tax-xogħol u sistemi ta’ protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb, strutturati fuq il-bażi ta’ tliet kategoriji: opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Il-prinċipji u d-drittijiet jagħtu direzzjoni lill-istrateġija tal-Unjoni, filwaqt li jiżguraw li t-tranżizzjonijiet għan-newtralità klimatika u s-sostenibbiltà ambjentali, id-diġitalizzazzjoni u l-bidla demografika jkunu soċjalment ekwi u ġusti. Il-Pilastru jikkostitwixxi qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali tal-Istati Membri, biex imexxi r-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u biex jirrikonċilja s-suq “soċjali” u s- “suq” fl-ekonomija moderna tal-lum, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-ekonomija soċjali.

(8)

Ir-riformi fis-suq tax-xogħol, inkluż il-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi nazzjonali, jenħtieġ li jsegwu prattiki nazzjonali ta’ djalogu soċjali u jagħtu lok għall-opportunità meħtieġa għal kunsiderazzjoni ġenerali tal-kwistjonijiet soċjoekonomiċi, inkluż it-titjib fis-sostenibbiltà, fil-kompetittività, fl-innovazzjoni, fil-ħolqien tal-impjiegi, fil-politiki tat-tagħlim tul il-ħajja u tat-taħriġ, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fis-saħħa pubblika u l-inklużjoni u fid-dħul reali.

(9)

Jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jiżguraw li l-impatt soċjali, ekonomiku u fuq l-impjiegi tal-kriżi tal-COVID-19 jittaffa u li t-trasformazzjonijiet ikunu ekwi u soċjalment ġusti, li jsaħħu l-irkupru u l-isforzi biex tiġi stabbilita soċjetà inklużiva u reżiljenti li fiha n-nies ikunu protetti u jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jimmaniġġaw il-bidla, u li fiha jkunu jistgħu jieħdu sehem attiv fis-soċjetà u fl-ekonomija. Jenħtieġ li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni fl-għamliet kollha tagħha. Jenħtieġ li jiġu żgurati l-aċċess u l-opportunitajiet għal kulħadd u jenħtieġ li jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali,inkluż dawk tat-tfal, b’mod partikolari billi jiġi żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u billi jitneħħew l-ostakli għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta’ investimenti fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal u fil-ħiliet diġitali. L-aċċess f’waqtu u ugwali għal servizzi tal-kura fit-tul u tal-kura tas-saħħa bi prezz li jintlaħaq, inkluż il-prevenzjoni u l-promozzjoni tal-kura tas-saħħa, huwa partikolarment rilevanti, fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19 u f’kuntest ta’ soċjetajiet li qed jixjieħu. Jenħtieġ li l-potenzjal tal-persuni b’diżabilità li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali jkompli jitwettaq. Mas-seħħ ta’ mudelli ekonomiċi u kummerċjali ġodda fil-postijiet tax-xogħol tal-Unjoni, ir-relazzjonijiet tax-xogħol qed jinbidlu wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-relazzjonijiet tax-xogħol li jirriżultaw minn forom ġodda ta’ xogħol iżommu u jsaħħu l-mudell soċjali tal-Ewropa.

(10)

Jenħtieġ li dawn il-Linji Gwida Integrati jsawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew Plus u fondi oħrajn tal-Unjoni, fosthom il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u InvestEU, biex irawmu l-impjiegi, l-investimenti soċjali, l-inklużjoni soċjali, u l-aċċessibbiltà, u jippromwovu l-opportunitajiet għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja għal kulħadd, inkluż il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali. Filwaqt li l-Linji Gwida Integrati huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, jenħtieġ li jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll is-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(11)

Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jenħtieġ li jissorveljaw il-mod li bih il-politiki rilevanti jiġu implimentati fid-dawl tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi, skont il-mandati rispettivi tagħhom ibbażati fuq it-Trattati. Dawk il-kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi u soċjali jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib. Jenħtieġ li jibqa’ għaddej id-djalogu dwar politiki bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.

(12)

Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Linji Gwida għall-Politiki dwar l-Impjiegi tal-Istati Membri (‘il-Linji Gwida’), kif jinsabu fl-Anness, huma b’dan adottati. Dawk il-Linji Gwida għandhom jiffurmaw parti mil-Linji Gwida Integrati.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iqisu l-Linji Gwida fil-politika dwar l-impjiegi u l-programmi ta’ riforma tagħhom, li għandhom jiġu rappurtati f’konformità mal-Artikolu 148(3) TFUE.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  L-Opinjoni tal-10 ta’ Lulju 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 232, 14.7.2020, p. 18.

(3)  L-Opinjoni tat-18 ta’ Settembru 2020 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).

(5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).

(6)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2016 dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1).

(7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1).

(8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2018 dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja (ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1).

(10)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2019 dwar Sistemi ta’ Edukazzjoni u Kura Bikrija ta’ Kwalità Għolja tat-Tfal (ĠU C 189, 5.6.2019, p. 4).

(11)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).

(12)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1).

(13)  Il-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (ĠU C 428, 13.12.2017, p. 10).


ANNESS

Il-Linja Gwida nru 5: Nagħtu spinta lid-domanda għax-xogħol

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b’mod attiv ekonomija tas-suq soċjali sostenibbli u jiffaċilitaw u jappoġġaw l-investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jnaqqsu l-ostakli li n-negozji jiffaċċjaw biex jimpjegaw in-nies, irawmu l-intraprenditorija responsabbli u l-impjieg indipendenti ġenwin u, b’mod partikolari, jappoġġaw il-ħolqien u t-tkabbir ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, inkluż permezz ta’ aċċess għall-finanzi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu b’mod attiv l-iżvilupp tal-ekonomija soċjali, irawmu l-innovazzjoni soċjali u l-intrapriżi soċjali, u jinkoraġġixxu dawk il-forom innovattivi ta’ xogħol, li joħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità u jiġġeneraw benefiċċji soċjali fil-livell lokali.

Fid-dawl tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li jkunu disponibbli skemi mfassla tajjeb ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u arranġamenti simili biex jiġu ppreservati l-impjiegi, jiġi kkontrollat it-telf ta’ impjiegi u jiġu evitati effetti negattivi fit-tul fuq l-ekonomija, il-kumpanniji u l-kapital uman. Jenħtieġ li jiġu kkunsidrati inċentivi ta’ reklutaġġ u miżuri ta’ taħriġ mill-ġdid imfassla sew sabiex jiġi appoġġat il-ħolqien tal-impjiegi matul l-irkupru.

Jenħtieġ li tonqos it-tassazzjoni fuq ix-xogħol u titmexxa għal sorsi oħrajn ta’ tassazzjoni li jappoġġaw l-impjiegi u t-tkabbir inklużiv u huma konformi mal-objettivi klimatiċi u ambjentali, waqt li jitqies l-effett ridistributtiv tas-sistema tat-taxxa, u filwaqt li jiġi protett id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir.

Jenħtieġ li l-Istati Membri li għandhom fis-seħħ mekkaniżmi nazzjonali għall-iffissar ta’ pagi minimi statutorji jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali b’mod trasparenti u prevedibbli, u b’hekk ikun possibbli rispons adegwat tal-pagi għal żviluppi fil-produttività u jiġu pprovduti pagi ġusti li jippermettu standard ta’ għajxien deċenti, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi bi dħul baxx u medju bl-għan ta’ konverġenza ’l fuq. Jenħtieġ li dawn il-mekkaniżmi ta’ ffissar ta’ pagi jqisu l-prestazzjoni ekonomika fir-reġjuni u s-setturi kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv bil-għan li jiġu ffissati l-pagi. Filwaqt li jirrispettaw il-prattiki nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali jenħtieġ li jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom pagi adegwati u ġusti billi jibbenefikaw, direttament jew indirettament, minn ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.

Il-Linja Gwida nru 6: Insaħħu l-provvista ta’ ħaddiema u ntejbu l-aċċess għall-impjiegi, għall-ħiliet u għall-kompetenzi

Fil-kuntest ta’ tranżizzjonijiet teknoloġiċi u ambjentali, kif ukoll ta’ tibdil demografiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu s-sostenibbiltà, il-produttività, l-impjegabbiltà u l-kapital uman, billi jrawmu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti tul il-ħajjiet tal-persuni u jwieġbu għall-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol. Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jadattaw u jinvestu fis-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ tagħhom biex jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità għolja u inklużiva, inkluż l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u aċċess għat-tagħlim diġitali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-intrapriżi u partijiet ikkonċernati oħra biex jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, u jtejbu l-kwalità tagħhom u r-rilevanza tagħhom għas-suq tax-xogħol, bil-ħsieb ukoll li jħaffu t-tranżizzjoni ambjentali u dik diġitali. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom il-professjoni tat-tagħlim, inkluż billi jsir investiment fil-kompetenzi diġitali tal-għalliema. Jenħtieġ li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jgħammru lill-istudenti kollha b’kompetenzi kruċjali, fosthom ħiliet bażiċi u diġitali kif ukoll kompetenzi trasversali, biex jitqiegħdu s-sisien għall-adattabbiltà u r-reżiljenza tul il-ħajja. L-Istati Membri għandhom jippruvaw isaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-intitolamenti għal taħriġ individwali u jiżguraw it-trasferibbiltà tagħhom waqt tranżizzjonijiet professjonali, inkluż, fejn xieraq, permezz ta’ kontijiet ta’ tagħlim individwali. Dawn jenħtieġ li jippermettu lil kulħadd jantiċipa aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jadatta għalihom, b’mod partikolari permezz ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid kontinwi u l-għoti ta’ gwida u konsulenza integrati, bil-ħsieb li jiġu appoġġati tranżizzjonijiet ekwi u ġusti għal kulħadd, jissaħħu l-eżiti soċjali, jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, tittejjeb ir-reżiljenza ġenerali tal-ekonomija għall-iskossi u jeħfiefu l-aġġustamenti meħtieġa wara l-kriżi tal-COVID-19.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu opportunitajiet indaqs għal kulħadd billi jindirizzaw l-inugwaljanzi fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż billi jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità tajba fit-tfulija bikrija. Jenħtieġ li jgħollu l-livelli ġenerali tal-edukazzjoni, inaqqsu l-għadd ta’ żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola, iżidu l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u għall-edukazzjoni terzjarja u t-tlestija tagħhom, kif ukoll li jżidu l-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim kontinwu, partikolarment fost studenti ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u dawk l-inqas kwalifikati. Filwaqt li jqisu r-rekwiżiti ġodda ta’ soċjetajiet diġitali, ekoloġiċi u li qed jixjieħu, jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tagħhom, inkluż permezz ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi, u jżidu l-għadd ta’ gradwati fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (Science, Technology, Engineering and Mathematics - STEM) kemm fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kif ukoll fl-edukazzjoni terzjarja, speċjalment nisa. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jtejbu r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni terzjarja u, fejn xieraq, tar-riċerka; itejbu l-monitoraġġ u t-tbassir tal-ħiliet; jagħmlu l-ħiliet aktar viżibbli u l-kwalifiki komparabbli, inkluż dawk miksuba barra mill-pajjiż; u jżidu l-opportunitajiet għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali. Jenħtieġ li jaġġornaw u jżidu l-provvista u l-użu ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi flessibbli. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ukoll lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet biex iżommu jew jiżviluppaw l-impjegabbiltà fit-tul tagħhom billi jżidu l-aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità u l-użu tagħhom, permezz tal-implimentazzjoni ta’ Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet, inkluż valutazzjoni tal-ħiliet, offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ li tikkorrispondi għall-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-persuni qiegħda u lill-persuni inattivi assistenza effettiva, f’waqtha, koordinata u mfassla apposta bbażata fuq appoġġ għat-tiftix tax-xogħol, taħriġ, rikwalifikazzjoni u aċċess għal servizzi abilitanti oħra, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil gruppi vulnerabbli u lil persuni affettwati b’mod partikolari mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u mill-kriżi tal-COVID-19. Jenħtieġ li mill-aktar fis possibbli jitwettqu strateġiji komprensivi li jinkludu valutazzjoni individwali fil-fond ta’ persuni qiegħda, mhux aktar tard minn wara 18-il xahar qiegħda, bil-ħsieb li jitnaqqas b’mod sinifikanti u jiġi evitat il-qgħad fit-tul u strutturali. Il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), jenħtieġ li jkomplu jiġu indirizzati permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż bl-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għan li jneħħu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, u jipprovdu l-inċentivi għaliha, b’mod partikolari għal ħaddiema bi dħul baxx, dawk li huma t-tieni sors ta’ dħul f’darhom u dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jappoġġaw ambjent adattat għax-xogħol għal persuni b’diżabilità, inkluż permezz ta’ appoġġ u servizzi finanzjarji mmirati li jippermettulhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Id-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi u fil-pagi jenħtieġ li tiġi indirizzata. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jiġu żgurati opportunitajiet u progressjoni tal-karriera ugwali u jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni fit-tmexxija fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jenħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm paga ugwali għal xogħol ugwali, jew xogħol ta’ valur ugwali, u t-trasparenza fil-pagi. Jenħtieġ li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-familja u l-ħajja privata kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess għal kura fit-tul u servizzi tal-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità u bi prezz li jintlaħaq. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ġenituri u persuni oħra b’responsabbiltajiet ta’ kura jkollhom aċċess għal liv tal-familja adegwat u arranġamenti flessibbli tax-xogħol sabiex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja u l-ħajja privata, u jippromwovu użu bilanċjat ta’ dawk l-intitolamenti bejn in-nisa u l-irġiel.

Il-Linja Gwida nru 7: Insaħħu l-funzjonament tas-swieq tax-xogħol u l-effettività tad-djalogu soċjali

Sabiex jibbenefikaw minn forza tax-xogħol dinamika u produttiva u xejriet tax-xogħol u mudelli kummerċjali ġodda, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħdmu flimkien mas-sħab soċjali fuq kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, trasparenti u prevedibbli, li jibbilanċjaw id-drittijiet u l-obbligi. Jenħtieġ li jnaqqsu u jipprevjenu s-segmentazzjoni fis-swieq tax-xogħol, jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-impjieg indipendenti fittizju u jrawmu t-tranżizzjoni lejn forom ta’ impjieg ta’ tul indefinit. Jenħtieġ li r-regoli dwar il-protezzjoni tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u l-istituzzjonijiet jipprovdu kemm ambjent xieraq għar-reklutaġġ kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa għal min iħaddem biex jadatta malajr għall-bidliet fil-kuntest ekonomiku, filwaqt li jipproteġu d-drittijiet tax-xogħol u jiżguraw il-protezzjoni soċjali, livell xieraq ta’ sigurtà u ambjenti tax-xogħol tajbin għas-saħħa, sikuri u adattati tajjeb għall-ħaddiema, inkluż fid-dawl tar-riskji li nħolqu mill-kriżi tal-COVID-19. Il-promozzjoni tal-użu ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli bħat-telexogħol hija importanti biex jinżammu l-impjiegi u l-produzzjoni fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19. Jenħtieġ li jiġu evitati relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kondizzjonijiet tax-xogħol prekarji, inkluż fil-każ ta’ ħaddiema tal-pjattaformi u billi jiġi miġġieled l-abbuż ta’ kuntratti atipiċi. L-aċċess għal riżoluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, jenħtieġ li jiġu żgurati f’każijiet ta’ tkeċċija inġusta.

Jenħtieġ li l-politiki jkollhom l-għan li jtejbu u jappoġġaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, it-tlaqqigħ tal-offerta mad-domanda tax-xogħol u t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol, inkluż f’reġjuni żvantaġġati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jattivaw u jsostnu b’mod effettiv lil dawk li jistgħu jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-effettività ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jżidu l-mira, il-firxa u l-ambitu tagħhom u billi jorbtuhom aħjar mas-servizzi soċjali u l-appoġġ għall-introjtu għal persuni qiegħda, waqt li jkunu qed ifittxu x-xogħol u fuq il-bażi tad-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri jenħtieġ li jimmiraw għal servizzi pubbliċi tal-impjiegi aktar effettivi u effiċjenti billi jiżguraw assistenza f’waqtha u mfassla apposta li tappoġġa lil dawk li qed ifittxu impjieg, jappoġġaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol attwali u futuri u jimplimentaw ġestjoni bbażata fuq il-prestazzjoni.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lil persuni qiegħda b’benefiċċji tal-qgħad adegwati fuq tul ta’ żmien raġonevoli, konformi mal-kontribuzzjonijiet tagħhom u r-regoli ta’ eliġibbiltà nazzjonali. Filwaqt li jenħtieġ li jiġu kkunsidrati llaxkar temporanju tar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u estensjoni tat-tul ta’ żmien tal-benefiċċji biex jittaffa l-impatt tal-COVID-19, jenħtieġ li l-benefiċċji tal-qgħad ma jiddiżinċentivawx ritorn minnufih lejn l-impjieg u jenħtieġ li jkunu akkumpanjati minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

Jenħtieġ li l-mobbiltà tal-istudenti u tal-ħaddiema tiġi appoġġata b’mod adegwat bil-għan li jittejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, filwaqt li jiġu żgurati wkoll kundizzjonijiet ġusti għal dawk kollha li qed iwettqu attività transfruntiera u tiżdied il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-amministrazzjonijiet nazzjonali fir-rigward tal-ħaddiema mobbli, bil-benefiċċju tal-assistenza tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol li għadha kif twaqqfet. Jenħtieġ li l-mobbiltà tal-ħaddiema f’impjiegi kritiċi u ta’ ħaddiema transfruntiera, staġonali u stazzjonati tiġi appoġġata f’każijiet ta’ għeluq temporanju tal-fruntieri kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, soġġett għal kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika. Jenħtieġ li jitneħħew l-ostakli għal mobbiltà fl-edukazzjoni u t-taħriġ, fil-pensjonijiet okkupazzjonali u personali u fir-rikonoxximent tal-kwalifiki u li jsir aktar faċli r-rikonoxximent tal-kwalifiki. Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi ma jkunux ostaklu bla bżonn għal ħaddiema minn Stati Membri oħra li jkunu ser jibdew impjieg, inkluż għal ħaddiema transkonfinali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevjenu wkoll l-abbuż tar-regoli eżistenti u jindirizzaw l-għeruq tal-“eżodu ta’ mħuħ” minn ċerti reġjuni permezz ta’ miżuri xierqa ta’ żvilupp reġjonali.

Filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, u sabiex jiksbu djalogu soċjali aktar effettiv u eżiti soċjoekonomiċi aħjar, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw involviment f’waqtu u sinifikanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi u politiki tal-impjiegi, soċjali, u, meta rilevanti, ekonomiċi, inkluż permezz ta’ appoġġ għal kapaċità akbar tas-sħab soċjali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jrawmu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv. Jenħtieġ li s-sħab soċjali jiġu mħeġġa jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi fi kwistjonijiet rilevanti għalihom, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ l-awtonomija tagħhom u d-dritt għal azzjoni kollettiva.

Fejn rilevanti u filwaqt li jibnu fuq prattiki nazzjonali eżistenti, l-Istati Membri għandhom iqisu l-esperjenza rilevanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u soċjali.

Il-Linja Gwida nru 8: Nippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, inrawmu l-inklużjoni soċjali u niġġieldu l-faqar

Jenħtieġ li l-Istati Membri jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi u miftuħa għal kulħadd, billi jdaħħlu fis-seħħ miżuri effettivi għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, u b’mod partikolari għal gruppi li mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jagħtu attenzjoni xierqa lid-dimensjoni reġjonali u territorjali. Jenħtieġ li jiżguraw it-trattament ugwali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjiegi, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa u l-kura fit-tul, l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jimmodernizzaw is-sistemi ta’ protezzjoni soċjali biex jipprovdu protezzjoni soċjali adegwata, effettiva, effiċjenti u sostenibbli għal kulħadd, matul l-istadji kollha tal-ħajja, filwaqt li jrawmu l-inklużjoni soċjali u l-mobbiltà soċjali għall-aħjar, jinċentivaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jappoġġaw l-investiment soċjali, jiġġieldu kontra l-faqar u jindirizzaw l-inugwaljanzi, inkluż permezz tat-tfassil tas-sistemi tat-taxxa u tal-benefiċċji tagħhom u billi jivvalutaw l-impatt distributtiv tal-politiki. Li nikkumplementaw approċċi universali b’approċċi selettivi ser itejjeb l-effettività tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jenħtieġ li jkollha l-għan ukoll li ttejjeb ir-reżiljenza tagħhom għal sfidi multidimensjonali, bħal dawk maħluqa mit-tifqigħa tal-COVID-19.

Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw u jintegraw it-tliet fergħat ta’ inklużjoni attiva: appoġġ adegwat għall-introjtu, swieq tax-xogħol inklużivi u aċċess għal servizzi ta’ sostenn ta’ kwalità, biex jitwieġbu l-ħtiġijiet individwali. Jenħtieġ li s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali jiżguraw benefiċċji adegwati għall-introjtu minimu għal dawk kollha li ma għandhomx biżżejjed riżorsi u jippromwovu l-inklużjoni soċjali billi jħeġġu lin-nies jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà, inkluż bil-provvediment immirat ta’ servizzi soċjali.

Id-disponibbiltà ta’ servizzi bi prezz li jintlaħaq, aċċessibbli u ta’ kwalità bħall-edukazzjoni u l-kura fit-tfulija bikrija, il-kura barra l-iskola, l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul hija kundizzjoni neċessarja biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-faqar fost it-tfal, inkluż b’rabta mal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kulħadd, inkluż it-tfal, ikollu aċċess għas-servizzi essenzjali. Għal dawk fil-bżonn jew f’qagħda vulnerabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw aċċess għal akkomodazzjoni soċjali adegwata jew assistenza għall-akkomodazzjoni u jindirizzaw il-faqar enerġetiku. B’rabta ma’ dawk is-servizzi, jenħtieġ li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni b’diżabilità, inkluż l-aċċessibilità. Jenħtieġ li tiġi indirizzata b’mod speċifiku l-problema ta’ persuni mingħajr dar. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa preventiva u kurattiva u kura fit-tul ta’ kwalità tajba u bi prezz li jintlaħaq, filwaqt li jħarsu s-sostenibbiltà fit-tul.

F’kuntest tat-tul ta’ ħajja li qed jiżdied u t-tibdil demografiku, jenħtieġ li l-Istati Membri jassiguraw l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet għall-ħaddiema u l-persuni li jaħdmu għal rashom, filwaqt li jipprovdu opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel biex jiksbu drittijiet tal-pensjoni, inkluż permezz ta’ skemi supplimentari biex jiġi żgurat introjtu adegwat fix-xjuħija. Ir-riformi tal-pensjonijiet jenħtieġ li jkunu appoġġati minn politiki li jkollhom l-għan li jnaqqsu d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri u miżuri li jtawlu l-ħajja tax-xogħol, pereżempju biż-żieda tal-età effettiva tal-irtirar, u jenħtieġ li jitqiegħdu f’kuntest ta’ strateġiji għat-tixjiħ attiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu djalogu kostruttiv mas-sħab soċjali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, u jippermettu introduzzjoni gradwali xierqa tar-riformi.


Top