EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0274

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza

COM/2020/274 final

Brussell, 1.7.2020

COM(2020) 274 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza






{SWD(2020) 121 final}
{SWD(2020) 122 final}


“L-aqwa investiment fil-futur tagħna huwa l-investiment f’niesna. Il-ħiliet u l-edukazzjoni jmexxu l-kompetittività u l-innovazzjoni tal-Ewropa. Iżda l-Ewropa għadha mhix lesta. Se niżgura li nużaw l-għodod u l-fondi kollha disponibbli għalina biex nindirizzaw mill-ġdid dan il-bilanċ.” 

Il-President Von der Leyen

“Kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jakkwista ħiliet li jippermettulu jipparteċipa b’mod sħiħ fis-soċjetà u jimmaniġġja b’suċċess tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.”

Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali

Qegħdin ngħixu fi żminijiet ta’ tranżizzjoni. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tewmin qed isawru mill-ġdid il-mod kif aħna ngħixu, naħdmu u ninteraġixxu. Il-mixja tal-UE lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ċirkolari, diġitalizzata u b’impatt newtrali fuq il-klima u l-użu mifrux tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika huma mistennija li joħolqu impjiegi ġodda 1 filwaqt li impjiegi oħra se jinbidlu jew saħansitra jisparixxu. Il-bidla demografika se teħtieġ li l-Ewropa tuża t-talenti u d-diversità kollha tagħha. Fl-istess ħin, se tiġġenera wkoll opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi fl-ekonomiji tal-anzjani u tal-kura. Dawn it-tranżizzjonijiet juru l-ħtieġa għal bidla bla preċedent fis-settijiet ta’ ħiliet biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom.

Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat it-tranżizzjoni diġitali. Filwaqt li t-telexogħol u l-apprendiment mill-bogħod saru realtà għal miljuni ta’ nies fl-UE, ħafna drabi ġew żvelati wkoll il-limitazzjonijiet tal-preparazzjoni diġitali attwali tagħna. Il-pandemija aċċentwat id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali li diġà kienet teżisti u qed jitfaċċaw inugwaljanzi ġodda billi ħafna nies ma għandhomx il-livell meħtieġ ta’ ħiliet diġitali jew jinsabu f’postijiet tax-xogħol jew fi skejjel li għadhom lura fid-diġitalizzazzjoni.

Il-pandemija kellha wkoll impatt sinifikanti fuq l-opportunitajiet ta’ karriera għal ħafna nies fl-UE. Bħalissa l-PDG tal-UE hu stmat li se jonqos b’aktar minn 7 % fl-2020 u l-qgħad se jilħaq 9 %, minn 6,6 % fi tmiem l-2019 - b’xi pajjiżi jintlaqtu saħansitra aktar. L-istimi tal-Kummissjoni 2  juru li ċertu setturi se jirreġistraw l-akbar telf f’termini ta’ valur miżjud gross reali fl-2020, li jvarja minn 20 % għal 40 % meta mqabbel mal-livelli tal-2019. Barra minn hekk, setturi speċifiċi jistgħu jirreġistraw tnaqqis fil-fatturat ta’ aktar minn 70 % fit-tieni kwart tal-2020. Il-pajjiżi u r-reġjuni fejn l-ekonomija tiddependi ħafna fuq dawn is-setturi, se jiffaċċjaw diffikultajiet akbar biex jirkupraw.

Sabiex tiffaċċja din l-isfida u biex tmexxi ’l quddiem it-tranżizzjonijiet tewmin, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ rkupru ambizzjuż biex tibni Ewropa aktar sostenibbli, reżiljenti u ġusta għall-ġenerazzjoni li jmiss 3 . Hekk kif l-Ewropa qed taqbad triqtha lejn l-irkupru, qed issir essenzjali l-ħtieġa li jittejbu u jiġu adattati l-ħiliet. Dan se jkun kruċjali wkoll biex l-UE, bħala attur ġeopolitiku, tkun tista’ tissokta bit-tmexxija tagħha lejn il-proċess ta’ rkupru globali.

Issa, aktar minn qatt qabel, l-UE teħtieġ bidla paradigmatika fuq il-ħiliet. Bidla li tipprovdi aġenda kuraġġuża għall-ħiliet b’rabta mal-impjiegi biex jiġu xprunati t-tranżizzjonijiet tewmin u jiġi żgurat l-irkupru mill-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 u biex:

·Tissaħħaħ il-kompetittività sostenibbli: Il-ħiliet u l-apprendiment tul il-ħajja huma kruċjali għat-tkabbir sostenibbli u fit-tul, għall-produttività u għall-innovazzjoni u għalhekk huma fattur ewlieni għall-kompetittività tan-negozji ta’ kull daqs, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) 4 . Meta l-persuni jiksbu l-ħiliet it-tajbin, ikunu jistgħu jaħdmu b’mod aktar effettiv u jisfruttaw it-teknoloġiji avvanzati, 5 jiġi eliminat l-akbar ostaklu identifikat għall-investimenti ekonomiċi 6 , jiġu evitati spariġġi fis-suq tax-xogħol 7 u titwitta t-triq għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u għall-innovazzjoni azjendali. Huwa biss bil-ħiliet it-tajba li l-Ewropa tista’ ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fil-kompetizzjoni globali u jkollha rilanċ ekonomiku sostenibbli mmirat lejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dan ifisser, b’mod partikolari, li jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir, kif ukoll fis-setturi strateġiċi u fl-ekosistemi identifikati fl-Istrateġija Industrijali l-ġdida tal-UE.

·Tiġi żgurata l-ġustizzja soċjali: L-aċċess għall-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid huwa vitali għall-għexieren ta’ miljuni ta’ ħaddiema li jaħdmu għal żmien qasir jew li jkunu qiegħda, irrispettivament mil-livell attwali tagħhom ta’ ħiliet jew qasam ta’ kwalifiki. L-irkupru tal-Ewropa se jkun suċċess biss jekk ikun hemm koeżjoni u ħadd ma jibqa’ lura. Li wieħed ikollu l-ħiliet it-tajba jfisser li jkun aktar faċli biex wieħed iżomm il-post tax-xogħol tiegħu u jimmaniġġja t-tranżizzjonijiet professjonali. Dan jirrikjedi li jingħata aċċess ugwali għal opportunitajiet addizzjonali ta’ titjib tal-ħiliet għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u li jiġu inklużi adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki u ħiliet u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. B’mod simili, għandhom ikunu inklużi t-territorji kollha, minn bliet kbar għal żoni rurali, kostali jew remoti fl-UE kollha.

·Nibnu r-reżiljenza tagħna: l-aħħar ftit xhur għadd ta’ professjonijiet sfaw taħt pressjoni qawwija. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tal-professjonisti fil-qasam tas-saħħa u tal-kura, kif ukoll tal-ħaddiema tal-ewwel linja fis-setturi tal-bejgħ bl-imnut, tat-trasport, tas-servizzi soċjali jew sanitarji, kif ukoll l-għalliema u l-ħarrieġa. Huwa kruċjali li jkun hemm biżżejjed ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati f’dawn is-setturi strateġiċi biex jiġi żgurat aċċess effettiv għas-servizzi bażiċi tas-saħħa, soċjali jew edukattivi għaċ-ċittadini f’perjodu ta’ kriżi. Għall-individwu, it-titjib tar-reżiljenza permezz tal-ħiliet ifisser li titnaqqas id-dipendenza fuq il-kundizzjonijiet tas-suq u jiżdied il-potenzjal tiegħu jew tagħha li jimxi fit-tranżizzjonijiet professjonali u tal-ħajja. Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 uriet ukoll il-ħtieġa li wieħed ikun preparat b’mod diġitali biex jissokta l-attività edukattiva u kummerċjali. L-isfidi għall-infrastruttura tal-IT u għas-sistemi elettroniċi wrew il-ħtieġa li tittejjeb il-kapaċità umana tagħna fil-livell ta’ preparazzjoni u rispons fejn għandha x’taqsam iċ-ċibersigurtà.

Sabiex nimxu ’l quddiem, l-apprendiment tul il-ħajja għal kulħadd irid isir realtà fl-Ewropa. L-Ewropej kollha għandu jkollhom aċċess għal programmi ta’ apprendiment attraenti, innovattivi u inklużivi anki minħabba li l-ħiliet isiru obsoleti aktar malajr. L-edukazzjoni f’età żgħira tibqa’ fundamentali, iżda hija biss il-bidu ta’ ħajja mimlija bl-apprendiment: mill-aktar edukazzjoni bikrija tat-tfal żgħar, kif ukoll fl-edukazzjoni primarja u sekondarja, sa meta jaslu għall-edukazzjoni u t-taħriġ tekniċi u vokazzjonali u għall-edukazzjoni terzjarja u finalment l-apprendiment għall-adulti. L-apprendiment tul il-ħajja, inkluż f’età akbar, huwa dak li se jagħmel id-differenza. Madankollu, inqas minn tnejn minn kull ħames adulti jipparteċipaw fl-apprendiment kull sena. Dan mhuwiex biżżejjed biex l-ekonomija tagħna titnieda mill-ġdid u jinkisbu l-benefiċċji kollha tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Kull persuna fl-UE għandha tingħata l-possibbiltà li ttejjeb il-ħiliet tagħha u li titħarreġ mill-ġdid u li tiġi ppremjata talli tagħmel hekk.

Il-prinċipju ta’ gwida f’dan l-isforz għandu jkun il-ksib tal-ħiliet b’rabta mal-impjieg. Dan ifisser li wieħed jibda mill-immappjar tas-sett ta’ ħiliet ta’ kull individwu, filwaqt li jingħata taħriġ li jissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid, u l-individwu jiġi megħjun isib impjieg li hemm domanda għalih fis-suq tax-xogħol.

Għalkemm il-biċċa l-kbira tar-responsabbiltajiet għall-politiki dwar il-ħiliet tibqa’ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, l-Ewropa xorta għandha rwol importanti x’taqdi. Ħafna nies jaħdmu għal kumpaniji żgħar li jappartjenu għal katini ta’ valur mifruxa mal-Ewropa kollha. Fis-setturi kollha, mill-karozzi sat-tessuti, mill-farmaċewtiċi sal-enerġija, hemm katina Ewropea ta’ talent. It-tisħiħ ta’ din il-katina se jsaħħaħ is-Suq Uniku u r-reżiljenza tal-ekonomija tagħna. L-UE tista’ tħeġġeġ u tappoġġa lill-Istati Membri biex jadottaw politiki li jmorru fl-istess direzzjoni u jindirizzaw b’mod effettiv it-tranżizzjonijiet tewmin u jsaħħu r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetà tagħna.

L-Ewropa tipprovdi wkoll appoġġ siewi permezz tal-baġit tagħha. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Next Generation EU 8 tuża l-baġit tal-UE biex tappoġġa l-irkupru tal-Istati Membri u tistartja l-ekonomija. Permezz ta’ baġit ġdid fit-tul ta’ EUR 1,1 triljun, imsaħħaħ bi strument temporanju ddedikat “Next Generation EU” ta’ EUR 750 biljun, l-UE qed timmobilizza biex tinvesti fi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. L-investimenti fil-ħiliet huma fil-qalba ta’ dawn il-proposti. Huma jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri opportunitajiet bla preċedent biex jiffinanzjaw il-politiki dwar il-ħiliet li jsaħħu r-reżiljenza għall-iskossi ekonomiċi u l-kapaċità li jirpiljaw aktar malajr mit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali u joqorbu lejn it-tranżizzjonijiet tewmin.

Abbażi tal-Aġenda għall-Ħiliet 9 li ġiet adottata l-ewwel darba fl-2016 u billi tiżblokka l-potenzjal tal-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa, din l-Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet tirrigwarda dawn il-ħames elementi importanti li ġejjin:

L-Aġenda l-ġdida għall-Ħiliet twettaq il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u b’mod partikolari l-ewwel prinċipju tagħha li jispjega d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi. Hija ankrata sew mal-Patt Ekoloġiku Ewropew 10 , mal-Istrateġija Diġitali 11 l-ġdida, u mal-Istrateġiji l-ġodda Industrijali u tal-SMEs 12 , billi l-ħiliet huma kruċjali għas-suċċess tagħhom. Barra minn hekk, tappoġġa wkoll il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar “Pont għall-Impjiegi – Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ” li l-Kummissjoni adottat illum u tqis is-sejbiet tar-Rapport reċenti dwar l-Impatt tat-Tibdil Demografiku 13 . Il-Pjan ta’ Azzjoni Ġdid u Ambizzjuż għal Ekonomija Ċirkolari u l-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE għall-2030 jenfasizzaw ukoll ir-rwol ewlieni tal-ħiliet fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika.

Hija torbot ma’ inizjattivi ta’ politika oħrajn li jappoġġaw l-approċċ ta’ apprendiment tul il-ħajja. Se tkun segwita minn aktar proposti li jipprovdu impetu ġdid fil-qasam tal-edukazzjoni, b’mod partikolari inizjattiva li tagħmel iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni realtà sal-2025 billi tnaqqas l-ostakli għall-apprendiment fl-Unjoni kollha u billi tippromwovi l-edukazzjoni u t-taħriġ innovattivi u inklużivi għal kulħadd. Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka tippromwovi wkoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tat-talent, speċjalment fid-dinja akkademika. Flimkien, dawn l-inizjattivi se jgħinu fl-iżvilupp ta’ kultura ta’ apprendiment tul il-ħajja fl-Ewropa, se jrawmu approċċ immexxi mid-domanda biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-industrija u se jagħtu spinta lill-impjegabbiltà taċ-ċittadini.



1.Naħdmu flimkien fi ħdan il-Patt għall-Ħiliet

Hemm potenzjal qawwi biex tingħata spinta lil azzjoni konġunta biex jiġi massimizzat l-impatt tal-investiment fil-ħiliet. Il-politiki u l-azzjonijiet dwar il-ħiliet huma kondiviżi bejn bosta atturi. Il-ministeri, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-industrija nnifisha, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, is-sħab soċjali, il-kmamar tal-kummerċ u l-aġenziji tal-impjiegi huma biss uħud minn dawk li jikkontribwixxu biex it-tijib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid isiru realtà. Permezz ta’ sforzi komuni, tista’ tingħata ċarezza lill-individwi u lill-kumpaniji tul il-katina tal-valur kollha, jitnaqqsu l-ispejjeż u ssir enfasi fuq il-prijoritajiet.

Il-programmi ta’ ħiliet ta’ suċċess jikkombinaw il-fażijiet differenti sabiex jakkumpanjaw lil kull ħaddiem fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid: mill-identifikazzjoni tal-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjonijiet tewmin, l-iżvilupp ta’ dawk il-ħiliet permezz ta’ programmi ta’ taħriġ immirati u l-appoġġ tal-użu tagħhom fuq il-post tax-xogħol jew biex iwasslu għal impjiegi ġodda.

L-ewwel element importanti tal-Aġenda għall-Ħiliet huwa li titrawwem il-kooperazzjoni permezz ta’ Patt għall-Ħiliet.

Azzjoni 1: Patt għall-Ħiliet

Il-Patt se jimmobilizza sforz komuni għall-investiment ta’ kwalità fil-ħiliet għal dawk kollha ta’ età tax-xogħol fl-Unjoni kollha.

Il-Patt għall-Ħiliet se jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati kollha, kemm dawk privati kif ukoll dawk pubbliċi, li għandhom l-għan li jtejbu l-ħiliet tal-forza tax-xogħol fl-Ewropa u li jħarrġuha mill-ġdid, biex il-persuni jkunu jistgħu jipparteċipaw fit-tranżizzjonijiet tewmin. Dawn il-partijiet ikkonċernati kollha se jiffirmaw Karta, li se tiddefinixxi l-prinċipji ewlenin 14 li huma essenzjali għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom iżda wkoll tul il-katina tal-valur jew l-ekosistema tagħhom. Il-Karta se tinħoloq flimkien mal-partijiet ikkonċernati.

Il-Patt se jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat. B’mod partikolari, se jistabbilixxi sħubiji fuq skala kbira inkluż fil-livell reġjonali, fl-ekosistemi industrijali strateġiċi 15 u fl-oqsma ta’ prijorità identifikati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew biex jinkisbu impenji ambizzjużi. Dawn is-sħubiji se jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha, b’mod partikolari l-SMEs li jbatu biex jiksbu aċċess għall-ħiliet. Il-partijiet ikkonċernati se jiġu mħeġġa jiġbru flimkien l-għarfien espert, ir-riżorsi (pereżempju l-faċilitajiet ta’ taħriġ fi ħdan il-katina tal-valur) u l-finanzjament għal azzjonijiet konkreti ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid li jippermettu lin-nies iżommu jew jibdlu l-impjieg tagħhom jew isibu impjieg ġdid.

Il-Patt se jiffaċilita wkoll l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE għall-ħiliet billi joffri punt ta’ kuntatt waħdieni fil-livell tal-UE.

It-tnedija tal-Patt matul il-Ġimgħa Ewropea għall-Ħiliet Vokazzjonali f’Novembru 2020 se tinvolvi lis-Sħab Soċjali Ewropej, il-Parlament Ewropew, il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-partijiet ikkonċernati mill-ekosistema industrijali strateġika u partijiet ikkonċernati oħra.

Miguel jamministra kumpanija żgħira li tipprovdi parts speċjalizzati għall-karozzi elettriċi, qasam fejn it-teknoloġija qed tiżviluppa b’rata mgħaġġla. Bis-saħħa tal-Patt għall-Ħiliet, il-kumpanija tiegħu ngħaqdet ma’ sħubija wiesgħa li tinvolvi l-katina tal-provvista kollha. Il-persunal tiegħu issa jista’ jibbenefika minn taħriġ avvanzat, imfassal flimkien ma’ istitut tar-riċerka, f’faċilitajiet li huma proprjetà ta’ kumpaniji akbar.

Is-Sħab Soċjali f’settur partikolari jaqblu li jintroduċu f’kull kumpanija kkonċernata għadd ta’ “ambaxxaturi tat-taħriġ”. Dawn huma impjegati li jinfurmaw lill-kollegi tagħhom dwar il-possibbiltajiet ta’ taħriġ kif ukoll dwar id-drittijiet tagħhom ta’ taħriġ u li jimmotivawhom biex jużawhom. B’mod partikolari, jista’ jkun li l-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet joqogħdu lura milli jitkellmu mas-superviżuri tagħhom dwar il-ħtiġijiet ta’ taħriġ tagħhom. L-ambaxxaturi jgħinuhom jegħlbu dan l-ostaklu.

Il-Patt għall-Ħiliet se jibni pontijiet bejn l-inizjattivi tal-UE preeżistenti għall-kooperazzjoni u se jsir, fejn rilevanti, punt ta' kuntatt waħdieni għal dawn li ġejjin:

·Il-Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet biex jiddefinixxi l-informazzjoni dwar il-ħiliet settorjali, ifassal mappa tal-ħtiġijiet okkupazzjonali ewlenin, jiddefinixxi l-profili okkupazzjonali u jniedi l-programmi ta’ taħriġ. Il-kunċett ta’ ksib tal-ħiliet b'rabta mal-impjieg għandu għeruq fondi fid-DNA tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni, li se jiġu mtejba, jinfetħu għal aktar setturi u jibbenefikaw minn baġit imsaħħaħ. Il-proċess tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni se jitħaffef b’mod sinifikanti biex jiġi żgurat li jwassal għal eżiti f’waqthom u b’mod koerenti mal-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet tal-intrapriżi u tal-individwi. Il-Pjan ta’ Azzjoni mġedded se jżid ukoll rabta mal-opportunitajiet ta’ impjieg fi tmiem il-programm ta’ taħriġ.

·L-Alleanza Ewropea msaħħa għall-Apprendistati. Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Appoġġ għall-Impjiegi taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss 16 , se timmobilizza impenji ġodda biex jiġu sostnuti l-offerti ta’ apprendistat minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali u biex jiġu żviluppati programmi ta’ apprendistat. L-Alleanza mġedda se tniedi koalizzjonijiet nazzjonali ġodda ta’ apprendistat, li jagħtu vuċi lill-apprendisti u jsaħħu d-djalogu soċjali.

·Il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali se tixpruna lill-Istati Membri, lill-kumpaniji, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ u lill-fornituri tal-edukazzjoni biex jimpenjaw ruħhom favur programmi ġodda ta’ taħriġ, reklutaġġ jew taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol eżistenti biex jittejbu l-ħiliet diġitali. Sejħa li saret reċentement għal impenji fil-kuntest tal-COVID-19 irċeviet aktar minn 70 impenn ġdid 17 . Billi ssaħħaħ l-appoġġ amministrattiv għall-Koalizzjoni, il-Kummissjoni se tipprovdi punt ta' kuntatt waħdieni li jippermetti l-kondiviżjoni tal-kontenut diġitali, tal-aħjar prattiki u tal-opportunitajiet ta’ taħriġ, inkluż għall-SMEs. 

Il-Patt għall-Ħiliet huwa pansettorjali u miftuħ għall-partijiet ikkonċernati kollha. Se jiffoka prinċipalment fuq dawk l-ekosistemi industrijali milquta bil-kbir mill-kriżi attwali u fuq l-oqsma ta’ prijorità identifikati fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għalihom se jkunu essenzjali strateġiji ambizzjużi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid sabiex jitmexxa ’l quddiem l-irkupru, filwaqt li jkopri ekosistemi u oqsma oħrajn aktar tard:

·Is-Saħħa: il-pandemija tal-COVID-19 fakkritna kemm niddependu fuq il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, li jridu jiksbu l-ħiliet u jgħaddu minn taħriġ dwar it-trażżin tal-infezzjonijiet, il-protokolli ta’ kwarantina, l-użu ta’ tagħmir protettiv u r-responsabbiltajiet ta’ ġestjoni klinika. Filwaqt li s-settur tas-saħħa u tal-kura soċjali jirrappreżenta 10 % tal-impjiegi totali fl-UE, l-istimi jipprevedu żieda ta’ aktar minn 830 000 impjieg ġdid, li flimkien mal-ħtiġijiet ta’ sostituzzjoni jfissru 8 miljun opportunità ta’ xogħol fl-10 snin li ġejjin. 18 . Barra minn hekk, sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-organizzazzjonijiet tal-kura tas-saħħa biex jużaw b’suċċess it-teknoloġiji diġitali ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, li jtejbu l-kwalità tal-kura u jżidu l-effiċjenza fis-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri, id-domanda għal ħiliet diġitali bażiċi u avvanzati se tikber b’mod sinifikanti sal-2030 19 . Dan jiżvela diskrepanza sinifikanti fil-ħiliet li se tkompli tiġi aggravata minħabba t-tixjiħ demografiku u ż-żieda ta’ mard kroniku. Sabiex tiġi indirizzata din id-diskrepanza, huwa kruċjali li jiġi ggarantit livell għoli ta’ reżiljenza u ġustizzja tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali nazzjonali fl-UE kollha.

·Is-settur tal-kostruzzjoni: il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt importanti fuq is-settur 20 , li huwa magħmul l-aktar minn kumpaniji żgħar u mikro li jipprovdu impjieg lokali (aktar minn 90 % huma SMEs 21 ). Dan is-settur ta’ 12-il miljun ħaddiem isibha diffiċli li jattira ż-żgħażagħ u l-persuni kkwalifikati 22 . Id-diskrepanzi fil-ħiliet huma viżibbli fid-disinn, fit-teknoloġiji u fil-materjali ekoloġiċi. Hekk kif qed jibda l-irkupru, huma evidenti l-ħtiġijiet ta’ titjib tal-ħiliet li jiffokaw fuq l-effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi, is-soluzzjonijiet għal enerġija rinnovabbli deċentralizzata, iċ-ċirkolarità, id-diġitalizzazzjoni, u r-rinnovazzjoni tal-kostruzzjonijiet eżistenti, filwaqt li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà 23 . Id-disponibbiltà tal-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati fil-qasam tal-kostruzzjoni hija essenzjali biex tirnexxi l-mewġa ta’ rinnovazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

·Is-settur Awtomobilistiku u tat-Trasport: ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ddaħħlu fis-seħħ waqt il-pandemija tal-COVID-19 kellhom impatt sinifikanti fuq is-setturi tat-trasport bl-ajru, ferrovjarju, marittimu, b’navigazzjoni interna u tat-toroq u affettwaw bil-kbir is-settur tat-trasport li jimpjega aktar minn 9 miljun persuna fl-UE 24 . Il-miżuri ta’ konteniment ukoll fixklu b’mod sinifikanti lill-industrija awtomobilistika u l-katina ta’ provvista estensiva tagħha, b’mill-inqas 1,1 miljun impjieg milquta mill-għeluq tal-fabbriki 25 . Is-settur awtromobilistiku, li jammonta għal 7 % tal-PDG tal-UE, diġà kellu jħabbat wiċċu ma’ bidliet strutturali kbar, u mal-ħtieġa li jinvesti fid-diġitalizzazzjoni, fit-teknoloġija ekoloġika, (eż. il-batteriji 26 biex jaslu għall-elettrifikazzjoni tat-trasport u soluzzjonijiet oħra ta’ fjuwils alternattivi) u f’konnettività u awtomazzjoni akbar, kif ukoll li jittrasforma l-mudelli kummerċjali u l-katini ta’ valur eżistenti. Is-settur tat-trasport u b’mod speċjali dak awtomobilistiku jeħtieġ aġenda ċara biex jagħti spinta lil firxa ta’ ħiliet ġodda inkluża l-analiżi tal-big data, l-iżvilupp ta’ softwer, l-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, il-kimika, l-inġinerija elettronika u firxa ġdida ta’ ħiliet personali. Jeħtieġ li tiġi mħeġġa l-massimizzazzjoni tal-użu ta’ dawn il-ħiliet fl-ekosistema u fil-katini tal-provvista kollha, pereżempju fl-introduzzjoni tal-infrastruttura ta’ ċċarġjar bl-elettriku.

·Is-settur tat-Turiżmu: il-pandemija tal-COVID-19 naqqset l-attività bi 80 % u jekk ma titteħidx azzjoni urġenti, sitt miljun impjieg jinsabu fir-riskju 27 . Il-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet ivarjaw minn kummerċjalizzazzjoni online, riċiklaġġ u ġestjoni tas-servizzi tal-iskart, tal-ilma u tal-enerġija għat-traniżizzjoni lejn turiżmu aktar sostenibbli, għal fehim u komunikazzjoni transkulturali, kif ukoll protokolli tal-iġjene ġodda 28 . L-ottimizzazzjoni tal-esperjenza tal-vjaġġaturi se tkun ibbażata fuq taħlita ta’ data diġitali u servizzi umani. Il-Pjan ta’ Azzjoni 29 eżistenti diġà identifika dawn id-diskrepanzi fil-ħiliet u l-profili tal-impjiegi ġodda. Issa jeħtieġ li jiġi aġġornat billi l-innovazzjoni teknoloġika u x-xejriet soċjali qed jinbidlu b’rata aktar mgħaġġla u xi kumpaniji qed ibatu biex ilaħħqu magħhom. Jeħtieġ li l-persunal ikun kapaċi jaħdem f’dipartimenti differenti, f’livelli differenti u juża diversi għodod u applikazzjonijiet.

2. Ksib tal-ħiliet b’rabta mal-impjieg: l-allinjament tal-politiki sabiex jinkisbu r-riżultati

L-inkorporazzjoni tal-idea ta’ “ħiliet b'rabta mal-impjiegi”, it-tieni element importanti tal-Aġenda għall-Ħiliet, tfisser li jittieħed approċċ komprensiv lejn it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, li jkopri l-katina tal-valur kollha.

Il-punt ta’ tluq huwa informazzjoni affidabbli dwar il-ħiliet biex jingħata taħriġ rilevanti għas-suq tax-xogħol. Dan jeħtieġ li jiġi inkorporat fl-istrateġiji nazzjonali tal-ħiliet u fis-sistemi ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni. Il-kumpaniji individwali għandhom jiżviluppaw ukoll proċessi interni biex jidentifikaw id-diskrepanzi fil-ħiliet u l-miżuri biex jindirizzaw it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol tagħhom stess.

Din it-taqsima tistabbilixxi l-komponenti ewlenin tal-approċċ tal-“ħiliet b’rabta mal-impjiegi”, li jimmira li jappoġġa l-forza tax-xogħol tal-UE biex din tieħu vantaġġ sħiħ mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

2.1.Titjib fl-informazzjoni dwar il-ħiliet: il-pedament għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid

L-ewwel pass biex niżguraw li l-persuni jkunu jistgħu jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu għal impjieg attwali jew futur, huwa tagħrif aġġornat dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet. Iżda ħafna drabi l-informazzjoni dwar il-ħiliet tiġi tard wisq biex tinforma l-għażliet. L-għan huwa informazzjoni aċċessibbli, immirata, aġġornata u li tinftiehem faċilment. Minbarra l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati u t-tqabbil tad-data amministrattiva, l-intelliġenza artifiċjali u l-analiżi tal-big data għandhom potenzjal kbir. L-intelliġenza artifiċjali u l-big data jistgħu jiġu applikati għad-definizzjoni ta’ profili ta’ impjiegi ġodda f’setturi differenti abbażi tas-settijiet ta’ ħiliet speċifiċi meħtieġa.

L-Aġenzija tal-UE Cedefop kienet qed twettaq proġetti pilota dwar l-użu tal-analiżi tal-big data bl-użu ta’ avvviżi online dwar l-impjiegi biex jiġu eżaminati l-ħiliet mitluba mill-impjegaturi fil-livell reġjonali 30 , filwaqt li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet kienu qed iħarsu lejn il-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet fis-setturi ewlenin. Fuq il-bażi ta’ dawn l-istejjer ta’ suċċess, huma meħtieġa sforzi mġedda biex tkompli tissaħħaħ l-informazzjoni dwar il-ħiliet, filwaqt li jiġu kkunsidrati kemm id-dimensjoni reġjonali kif ukoll dik settorjali, tinġabar flimkien it-tali informazzjoni u tiġi ppreżentata b’mod aċċessibbli, anki għall-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Azzjoni 2: Tisħiħ tal-informazzjoni dwar il-ħiliet

Sabiex issaħħaħ u xxerred l-informazzjoni dwar il-ħiliet, il-Kummissjoni se:

·Tappoġġa l-iżvilupp ta’ informazzjoni ġdida u approfondita dwar il-ħiliet, inkluż fil-livelli reġjonali u settorjali. Filwaqt li tibni fuq il-proġett pilota tas-Cedefop tal-analiżi tal-big data, se tinħoloq għodda online permanenti fejn se tiġi ppubblikata informazzjoni “f’ħin reali” sabiex tkun tista’ tintuża mill-partijiet interessati kollha 31 . Se jiġu esplorati s-sħubijiet biex tintuża d-data minn portali privati tal-impjiegi u l-informazzjoni nazzjonali dwar il-ħiliet.

·Tiċċentralizza u xxerred informazzjoni dwar il-ħiliet permezz tal-Patt għall-Ħiliet, f’sinerġija maż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

·Tippromwovi l-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fil-projezzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tat-taħriġ għall-iżvilupp tal-informazzjoni dwar il-ħiliet

·Tħeġġeġ l-użu tal-informazzjoni dwar il-ħiliet mis-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi u b’mod partikolari, tħeġġeġ in-netwerk tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) biex tippromwovi l-identifikazzjoni bikrija tan-nuqqasijiet ta’ ħiliet u x-xejriet marbuta mal-opportunitajiet ta’ impjieg li qegħdin jiżdiedu, inkluż biex jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tal-mobilità intra-UE u tal-migrazzjoni minn pajjiżi terzi.

·Tippreżenta informazzjoni dwar il-ħiliet imfassla apposta għall-ħtiġijiet tal-individwi fil-Europass, il-pjattaforma tal-UE għall-persuni biex jimmaniġġjaw l-apprendiment u l-karrieri tagħhom. Dan se jgħin lill-individwi fl-istudju, fit-taħriġ u fl-għażliet ta’ xogħol tagħhom, u jgħin lill-counsellors u lill-mentors, fost l-oħrajn fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

2.2.It-trawwim ta’ Strateġiji Nazzjonali tal-Ħiliet, ir-rwol tas-Servizzi tal-Impjiegi u l-migrazzjoni legali

Il-ksib tal-ħiliet b’rabta mal-impjieg jirrikjedi strateġiji nazzjonali tal-ħiliet, li jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha. L-istrateġiji nazzjonali tal-ħiliet, imfassla u mwettqa permezz ta’ approċċ ta’ gvern sħiħ, jallinjaw l-isforzi fil-politiki kollha dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-industrija u l-iżvilupp reġjonali. Dawn għandhom jinvolvu lis-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati fis-suq tax-xogħol u jibnu fuq l-istrateġiji nazzjonali eżistenti tal-ħiliet.

Fid-dawl tal-kriżi li għaddejja u l-impatt tagħha fuq il-qgħad, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, is-servizzi tal-impjiegi, kemm pubbliċi (PES) kif ukoll privati, b’kollaborazzjoni mal-fornituri u mal-korpi pubbliċi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll il-koalizzjonijiet nazzjonali għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, għandhom kontribut kruċjali x’jagħtu lill-istrateġiji nazzjonali tal-ħiliet. Il-PES jista’ jkollhom rwol akbar biex jiggwidaw lill-persuni lejn it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid b’mod aħjar u aktar spiss u biex iżidu r-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fis-suq tax-xogħol. L-istrateġiji nazzjonali tal-ħiliet jallinjaw il-politiki u l-investiment nazzjonali u reġjonali mal-isfidi kbar maqbula b’mod komuni. Jorjentaw ukoll lill-Istati Membri fil-proġetti li jikkofinanzjaw bil-fondi Ewropej.

Huwa possibbli li jkun hemm il-ħiliet it-tajba għat-tranżizzjonijiet tewmin u li jkun hemm rispons għall-isfidi demografiċi billi jiġi adottat approċċ aktar strateġiku għall-migrazzjoni legali, orjentat lejn l-attrazzjoni u ż-żamma aħjar tat-talent. L-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jiddeċiedu dwar kemm ħaddiema migranti jaċċettaw iżda qafas b’saħħtu tal-UE jista’ jappoġġahom biex jattiraw il-ħaddiema migranti li l-UE teħtieġ u jiżgura li l-migrazzjoni tax-xogħol tkun ta’ benefiċċju għal kulħadd. Sabiex il-migrazzjoni legali tiġi indirizzata lejn ir-reġjuni u l-impjiegi li jesperjenzaw nuqqas ta’ ħiliet, jenħtieġu tqabbil aħjar tal-ħiliet u proċeduri ċari. Jeħtieġ li jsir aktar biex jittejbu l-perkorsi legali lejn l-UE u r-rikonoxximent tal-kompetenzi taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fis-suq tax-xogħol tal-UE. Dan għandu jsir fi sħubija ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġu promossi kemm l-iżvilupp kif ukoll il-mobilità billi jiżdiedu l-investimenti fil-ħiliet. Fl-aħħar nett, huwa importanti wkoll li jintużaw b’mod aktar strateġiku l-potenzjal u l-ħiliet tal-migranti minn pajjiżi terzi li diġà jirrisjedu fl-UE. Minkejja ż-żieda fil-livell ta’ edukazzjoni, dawn xorta waħda għadhom jiffaċċjaw livelli aktar baxxi ta’ kwalifiki, li jaġixxu bħala ostaklu għall-inklużjoni fit-tul fis-suq tax-xogħol.

Azzjoni 3: L-appoġġ tal-UE għal azzjoni strateġika nazzjonali ta’ titjib tal-ħiliet

Il-Kummissjoni se tappoġġa lill-Istati Membri kollha fit-tħejjija tal-istrateġiji nazzjonali għall-ħiliet li jkunu olistiċi u li jkopru l-gvern sħiħ. Dan se jibni fuq il-ħidma li diġà saret mal-OECD fi 11-il Stat Membru kif ukoll fuq strateġiji ta’ ħiliet oħra eżistenti fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-istabbiliment jew ir-rieżami ta’ strateġiji fejn meħtieġ u se tgħin biex jiġi mmonitorjat il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni se tħeġġeġ l-eliminazzjoni tal-istereotipi tal-ġeneri u ta’ mġiba diskriminatorja oħra. Se tiffoka b’mod partikolari fuq l-importanza tal-ħiliet trasversali u intraprenditorjali kif ukoll tal-ħiliet li jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi bħal dawk li jitwettqu permezz tal-istudji tax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika (STEM).

Il-Kummissjoni se tingħaqad flimkien man-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi biex tiżviluppa avvenimenti ta’ apprendiment bejn il-pari biex tingħata attenzjoni lill-ħiliet li huma meħtieġa fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-persuni qiegħda u għall-ħaddiema li jaħdmu ħinijiet iqsar. L-attivitajiet se jiffukaw aktar fuq it-tisħiħ tal-forniment tas-servizzi ta’ gwida, anki għal persuni b’impjieg u, b’mod partikolari, għall-gruppi ta’ persuni vulnerabbli, u fuq it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet, b’mod partikolari d-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali. Barra minn hekk, se jiġi eżaminat l-isfruttament bis-sħiħ tal-opportunitajiet ta’ kooperazzjoni transfruntiera.

Permezz tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li jmiss, il-Kummissjoni se timmira li ttejjeb il-perkorsi legali lejn l-UE, inkluż permezz ta’ tnedija mill-ġdid tan-negozjati dwar id-Direttiva dwar il-Karta Blu biex jiġu attirati ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet. Il-Patt se jipprovdi wkoll offerti kredibbli ta’ postijiet ta’ migrazzjoni legali bħala parti minn sħubiji ġodda ta’ talenti ma’ pajjiżi terzi u se jeżamina strumenti ġodda ta’ migrazzjoni legali.

Minħabba l-perċentwal għoli ħafna ta’ adulti b’livell baxx ta’ ħiliet fi Stat Membru wieħed, l-Istrateġija Nazzjonali tal-Ħiliet tiegħu tefgħet dawl fuq il-ħtieġa li titrawwem kultura ta’ apprendiment għall-adulti u li jitjiebu l-parteċipazzjoni u l-koerenza. B’riżultat ta’ dan, Peter, li jaħdem fis-settur tal-lukandi u tat-turiżmu, seta’ jikseb aċċess għal programm ġdid ta’ taħriġ vokazzjonali għall-adulti fir-reġjun tiegħu. Il-programm ipoġġi enfasi ġdida fuq il-ħiliet diġitali u l-ħiliet trasversali meħtieġa dejjem aktar fost il-ħaddiema tas-settur tat-turiżmu.

2.3.Nadattaw l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) biex ikunu validi għall-ġejjieni

L-organizzazzjonijiet li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jipprovdu ħiliet rilevanti fil-kontinwità sħiħa tal-apprendiment tul il-ħajja. Sa mill-ewwel jiem ta’ kooperazzjoni Ewropea, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) kienu fil-qalba tal-proġett tal-UE u minn dak iż-żmien ’l hawn saru parti mill-qafas usa’ għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u miż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Illum il-ġurnata, madwar nofs l-istudenti żgħażagħ fl-UE huma studenti tal-VET, f’livelli dejjem aktar ogħla 32 . L-Ewropa teħtieġ sistemi tal-VET aġli, reżiljenti u li jibqgħu validi fil-futur, li jistgħu jappoġġaw liż-żgħażagħ biex jimmaniġġjaw id-dħul tagħhom f’suq tax-xogħol li qed jinbidel u jiżguraw li l-adulti jkollhom aċċess għal programmi vokazzjonali mfassla apposta għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tewmin.

Azzjoni 4: Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza

Illum il-Kummissjoni qed tadotta proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza. L-inizjattiva:

·Tipproponi viżjoni modernizzata ta’ politika tal-UE għall-VET, bil-ħsieb li tipprovdi liż-żgħażagħ u l-adulti bil-ħiliet biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol u li tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inklużi l-ħiliet trasversali, filwaqt li tiżgura l-inklużività u l-opportunitajiet indaqs, u tistabbilixxi l-VET Ewropej bħala punt ta’ referenza globali għall-iżvilupp tal-ħiliet;

·Tippreżenta l-prinċipji biex tiġi implimentata din il-viżjoni, inkluża enfasi akbar fuq il-permeabbiltà ma’ setturi oħra tal-edukazzjoni, żieda fil-mobilità għall-apprendiment u ħidma fi sħubija mill-qrib ma’ min iħaddem. Tippromwovi wkoll il-VET bħala għażla attraenti kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, u tippromwovi l-inklużjoni tal-gruppi vulnerabbli;

·Tistabbilixxi l-objettivi għas-sistemi tal-VET biex tissaħħaħ id-disponibbiltà ta’ opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ mobilità bbażati fuq ix-xogħol u l-impjegabbiltà tal-gradwati vokazzjonali;

·Tressaq għadd ta’ azzjonijiet li jiġu jridu implimentati fil-livell tal-UE biex tiġi appoġġata r-riforma tal-VET b’mod partikolari dwar it-tisħiħ tal-prontezza diġitali tal-istituzzjonijiet tal-VET, inkluż għall-għalliema tal-VET, l-apprendistati u ċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali marbuta mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u/jew mal-istrateġiji reġjonali ta’ innovazzjoni u tkabbir.  33

X’inhu Ċentru ta’ Eċċellenza Vokazzjonali?

Jeżistu ħafna tipi differenti ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali (CoVE). Minkejja din id-diversità, jistgħu jiġu identifikati żewġ tipi ġenerali ta’ CoVEs: 1. Iċ-Ċentri li huma entitajiet “mibnija għal skop partikolari” jew iddeżinjati bħala parti minn arranġamenti nazzjonali/reġjonali għall-eċċellenza vokazzjonali, u; 2. Iċ-Ċentri li huma fornituri individwali tal-VET, li jaħdmu għal reġjun, għal sottoreġjun jew għal settur 34 . Huma jappoġġaw l-inizjattivi intraprenditorjali u jaġixxu bħala ċentri ta’ għarfien u innovazzjoni għall-kumpaniji, b’mod partikolari għall-SMEs. Ir-Rakkomandazzjoni proprosta għandha l-ambizzjoni li tappoġġa l-istabbiliment ta’ 50 Ċentru ta’ Eċċellenza Vokazzjonali 35 biex ikunu punti ta’ referenza ta’ klassi dinjija kemm għat-taħriġ inizjali taż-żgħażagħ kif ukoll għat-tkomplija tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid tal-adulti 36 .

Pereżempju, ċentru tal-VET li jaħdem fis-settur tal-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCI), iffinanzjat minn Erasmus, qed jistabbilixxi netwerk ta’ produtturi tal-għarfien (il-fornituri tar-riċerka u tal-VET) u kumpaniji bi sħab f’pajjiżi oħra. In-netwerk jistabbilixxi ċentri ta’ innovazzjoni biex jiġu appoġġati l-SMEs settorjali, il-professjonisti kwalifikati, u l-istudenti tal-VET. Huwa jiżviluppa u jfassal programm ta’ taħriġ li jiffoka fuq l-intraprenditorija, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħsieb kritiku u l-innovazzjoni tal-proċess/tal-prodott, kif ukoll inkubaturi tan-negozju għall-istudenti tal-VET u għall-persunal tas-CCIs kif ukoll għall-ħarrieġa.

2.4. It-tnedija tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u t-titjib tal-ħiliet tax-xjenzati

L-edukazzjoni għolja hija mezz essenzjali biex l-istudenti jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu fil-ġejjieni. L-universitajiet jiġġeneraw l-għarfien u l-ħiliet avvanzati li jgħinu lis-soċjetà tkun innovattiva biex tindirizza l-isfidi kbar tagħha. Huma jagħtu s-setgħa lin-nies b’ħiliet ta’ livell għoli li permezz tagħhom jistgħu jagħtu spinta lill-iżvilupp professjonali, soċjali u personali tagħhom. Is-suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla u t-tranżizzjonijiet tas-soċjetà jirrikjedu t-trasformazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja u t-titjib tal-allinjament tagħhom mal-ambjent ekonomiku biex ikun żgurat li l-gradwati jkollhom l-edukazzjoni u l-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol, u b’mod speċjali dawk li huma meħtieġa għat-tranżizzjonijiet tewmin.

Ir-riċerkaturi jinsabu fuq quddiem nett fix-xjenza u fl-innovazzjoni u jeħtieġu sett speċifiku ta’ ħiliet. Jista’ jsir aktar biex jiġu definiti dawn il-ħiliet kif ukoll il-ħiliet ewlenin meħtieġa għal karriera ta’ suċċess fid-dinja akkademika u lil hinn minnha, anki biex titrawwem il-mobilità tax-xjenzati fl-Ewropa kollha.

Azzjoni 5: It-tnedija tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u t-titjib tal-ħiliet tax-xjenzati

Sabiex tintroduċi l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, se:

·tinvolvi ruħha fit-tnedija sħiħa tal-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej taħt il-programm Erasmus (2021-2027) u Orizzont Ewropa, inkluż billi tneħħi l-ostakli għal kooperazzjoni transnazzjonali effettiva u aktar profonda bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u billi tapprofondixxi l-kooperazzjoni mal-operaturi ekonomiċi, b’mod partikolari biex trawwem it-tranżizzjonijiet tewmin. L-universitajiet Ewropej se jistabbilixxu standards għat-trasformazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u b’hekk l-apprendiment tul il-ħajja u ċ-ċirkolazzjoni tat-talenti jsiru realtà.

·tesplora għażliet addizzjonali li jirriżultaw mid-dimensjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni tagħhom biex tgħin fit-tneħħija tal-ostakli għal kooperazzjoni transnazzjonali effettiva bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, abbażi tat-tagħlimiet miksuba matul is-sejħiet pilota taħt Erasmus+ u Orizzont 2020. Il-Kummissjoni se tidentifika l-oqsma fejn l-azzjoni tal-Istati Membri trid tiġi appoġġata, se tesplora approċċ konkret għal “lawrja Ewropea” u l-fattibbiltà ta’ statut Universitarju Ewropew (biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet legali transfruntiera) u ta’ Sistema Ewropea ta’ Rikonoxximent u Assigurazzjoni tal-Kwalità.

·taħdem flimkien mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u inizjattivi rilevanti oħra ta’ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka biex tlaqqa’ flimkien l-organizzazzjonijiet ewlenin mid-dinja tan-negozju, l-edukazzjoni u r-riċerka, b’mod partikolari permezz tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni biex jiżviluppaw tagħlim u apprendiment innovattivi, iħarrġu l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ innovaturi, u jakkumpanjaw it-tranżizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja lejn organizzazzjonijiet aktar intraprenditorjali.

·Tlaqqa’ flimkien lill-akkademja u lill-industrija billi tittestja skambju ta’ għarfien ġdid dwar it-talenti skont id-domanda biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ riċerka u innovazzjoni tal-kumpaniji, filwaqt li jikkomplementa l-kollaborazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji.

Sabiex ittejjeb il-ħiliet tax-xjenzati, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri, il-Kummissjoni se:

·tiżviluppa Qafas Ewropew ta’ Kompetenza għar-riċerkaturi u tappoġġa l-iżvilupp ta’ sett ta’ ħiliet ewlenin għar-riċerkaturi.

·tiddefinixxi tassonomija tal-ħiliet għar-riċerkaturi, li tippermetti l-monitoraġġ statistiku taċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ, u tiftiehem mal-Istati Membri dwar sett ta’ indikaturi li jippermettu l-monitoraġġ u l-analiżi statistika. 

·tiżviluppa kurrikuli xjentifiċi u ta’ ġestjoni tax-xjenza miftuħa għar-riċerkaturi.

2.5.Il-ħiliet li għandhom jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fl-impjiegi u lil hinn minnhom

L-impjiegi ta’ għada jeħtieġu ħiliet għat-tranżizzjonijiet tewmin. It-tranżizzjoni ekoloġika tirrikjedi investimenti fil-ħiliet tal-persuni biex jiżdied l-għadd ta’ professjonisti li jiżviluppaw u jiksbu ħiliet fit-teknoloġiji ekoloġiċi, inklużi dawk diġitali, biex jiġu żviluppati prodotti, servizzi u mudelli tan-negozju ekoloġiċi, biex jinħolqu soluzzjonijiet innovattivi u bbażati fuq in-natura u biex tiġi mminimizzata l-impronta ambjentali tal-attivitajiet 37 . Barra minn hekk, l-Ewropa tista’ ssir kontinent b’impatt newtrali fuq il-klima, soċjetà effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekonomija ċirkolari biss permezz ta’ popolazzjoni infurmata u forza tax-xogħol li taf taħseb u taġixxi b’mod ekoloġiku.

Bl-istess mod, il-kisba ta’ tranżizzjoni diġitali ċċentrata fuq il-bniedem teħtieġ bidla gradwali fil-ħiliet diġitali. Illum l-Ewropej, kemm nisa kif ukoll irġiel, diġà jeħtieġu l-ħiliet diġitali fil-ħajja u fuq il-post tax-xogħol: f’xi kategoriji ta’ impjiegi aktar minn 90 % tal-impjiegi jeħtieġu tipi speċifiċi ta’ ħiliet diġitali 38 . Il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha fuq ħajjitna u fuq l-ekonomiji tagħna enfasizzaw l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fl-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. Tabilħaqq, kważi 4 minn kull 10 impjegati bdew it-telexogħol waqt il-miżuri ta’ konteniment 39 . Barra minn hekk, 40 % tal-impjiegi l-ġodda nħolqu f’setturi diġitalment intensivi bejn l-2005 u l-2016 40 . Madankollu, id-domanda dejjem tikber għal esperti diġitali ma tistax tintlaħaq. Pereżempju, hemm diskrepanza ta’ 291 000 professjonist fiċ-ċibersigurtà 41 .

Barra minn hekk, l-użu ta’ teknoloġiji diġitali fis-setturi ekonomiċi kollha, inkluż f’setturi mhux tat-teknoloġija, se jkun jeħtieġ forza tax-xogħol b’aktar ħiliet diġitali fil-livelli kollha tal-ħiliet u f’kull età. Il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment li rriżultaw kienu tfakkira ċara li l-forza tax-xogħol tal-Ewropa - u b’mod usa’ l-popolazzjoni kollha - jeħtieġ li jżidu b’mod rapidu l-livell ta’ ħiliet diġitali tagħhom 42 . Dan kien partikolarment viżibbli fis-settur tal-edukazzjoni, kemm għall-istudenti, kif ukoll għall-għalliema u għall-ħarrieġa.

Azzjoni 6: Il-ħiliet biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet tewmin

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-kisba ta’ ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika billi:

·Tiddefinixxi t-tassonomija ta’ ħiliet għat-tranżizzjoni ekoloġika, li se tippermetti l-monitoraġġ statistiku tal-ekoloġizzazzjoni tal-professjonijiet tagħna.

·Taqbel mal-Istati Membri dwar sett ta’ indikaturi li jippermettu l-monitoraġġ u l-analiżi statistika tal-iżviluppi fil-ħiliet ekoloġiċi.

·Tiżviluppa qafas Ewropew ta’ kompetenza dwar l-edukazzjoni għat-tibdil fil-klima, il-kwistjonijiet ambjentali, it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u l-iżvilupp sostenibbli, li se jiddefinixxi l-livelli differenti ta’ kompetenza ekoloġika.

·Tappoġġa l-iżvilupp ta’ sett ta’ ħiliet ekoloġiċi ewlenin għas-suq tax-xogħol biex jiggwida t-taħriġ fl-ekonomija kollha bil-ħsieb li tinħoloq ġenerazzjoni ta’ professjonisti u ta’ operaturi ekonomiċi “ekoloġiċi” li jkunu konxji dwar il-klima, l-ambjent u s-saħħa.

·Tgħin biex tintegra l-kunsiderazzjonijiet ambjentali u klimatiċi fl-iskola, fl-edukazzjoni għolja u fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll fit-taħriġ professjonali.

Il-Kummissjoni se tappoġġa l-ħiliet diġitali għal kulħadd, b’mod partikolari billi:

·Taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali u tippreżenta viżjoni għat-titjib tal-litteriżmu, il-ħiliet u l-kapaċità diġitali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ u għal-livelli kollha tal-ħiliet diġitali (minn baxxi għal avvanzati). Abbażi tat-tagħlimiet miksuba mill-kriżi tal-COVID-19 f’oqsma bħall-apprendiment online, il-Pjan ta’ Azzjoni jimmira li jappoġġa l-iżvilupp ta’ kompetenzi diġitali robusti u kapaċitajiet organizzattivi fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ (inkluż għall-apprendiment mill-bogħod) filwaqt li jisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal tat-teknoloġiji emerġenti, tad-data, tal-kontenut, tal-għodod u tal-pjattaformi biex l-edukazzjoni u t-taħriġ jkunu adattati għall-era diġitali.

·Timplimenta l-programm Ewropa Diġitali, li għandu l-għan li jibni l-kapaċitajiet diġitali strateġiċi tal-UE, permezz tat-tisħiħ tal-investimenti fis-supercomputing, fl-intelliġenza artifiċjali, fiċ-ċibersigurtà u fl-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali avvanzati.

·Tappoġġa l-Crash Courses Diġitali għall-SMEs u l-programm ta’ “voluntiera diġitali” biex ittejjeb il-ħiliet tal-forza tax-xogħol attwali f’oqsma diġitali, kif diġà tħabbar fl-istrateġija tal-UE dwar l-SMEs. Barra dan, il-Kummissjoni se tappoġġa u tlaqqa’ flimkien l-intermedjarji tal-SMEs bħal clusters, in-Network Enterprise Europe u ċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali biex tgħin fit-titjib tal-ħiliet tal-persunal tal-SMEs, inkluż fil-qasam tas-sostenibbiltà.

·Tappoġġa t-taħriġ għat-tisħiħ tal-ICT fl-UE biex jingħata taħriġ intensiv fuq terminu qasir biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet fl-ICT, b’enfasi fuq il-parteċipazzjoni b’bilanċ bejn il-ġeneri.

Anna timmaniġġja kumpanija żgħira tal-loġistika. Billi pparteċipat f’taħriġ għat-tisħiħ tal-ħiliet tal-ICT, hi u t-tim tagħha bnew il-ħiliet ġodda li jeħtieġu biex jippjanaw u jwettqu rotot ta’ kunsinna li ma jagħmlux ħsara lill-klima.

Il-ħiliet STEM (ix-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika) huma kruċjali biex imexxu ’l quddiem it-tranżizzjonijiet tewmin. Fi żmien ta’ innovazzjoni teknoloġika rapida, il-kumpaniji jeħtieġu persuni b’ħiliet ta’ livell għoli fis-suġġetti STEM. Ħiliet bħal dawn huma meħtieġa biex jintużaw teknoloġiji ġodda, u livell għoli ta’ ħiliet STEM huwa kruċjali biex titrawwem l-innovazzjoni f’oqsma ta’ ICT avvanzati bħall-intelliġenza artifiċjali jew iċ-ċibersigurtà. Madankollu, wieħed minn kull ħames żgħażagħ biss jiggradwaw fl-edukazzjoni terzjarja STEM, inqas minn żewġ miljun gradwat STEM kull sena 43 . Dan in-numru jeħtieġ li jiżdied, u dan jista’ jinkiseb billi jiġu promossi l-perkorsi STEM b’mod partikolari fost in-nisa żgħażagħ. Bħalissa, in-nisa li jiggradwaw fl-oqsma STEM fl-UE huma biss in-nofs meta mqabbla mal-irġiel, għalkemm b’varjazzjonijiet kbar fost l-Istati Membri 44 . In-numru ta’ dawk irreġistrati fi STEM minflok fi programmi ta’ edukazzjoni għolja oħra jiddependi ħafna drabi mill-prestazzjoni fl-iskejjel sekondarji 45 , iżda billi l-bniet imorru aħjar mis-subien fil-litteriżmu diġitali, 46 jidher ċar li huma influwenzati mill-perċezzjonijiet u mill-attitudnijiet soċjali ġenerali 47 . Hemm bżonn li l-opportunitajiet offruti mill-għażla tal-perkors STEM jiġu spjegati aħjar lill-istudenti żgħażagħ, u b’mod partikolari lill-bniet.

Għadd sinifikanti ta’ nies fl-Ewropa għandhom aspirazzjonijiet intraprenditorjali, inkluża xejra li qed tiżdied lejn l-intraprenditorija soċjali. It-tnejn li huma jrawmu l-ħolqien tal-impjiegi u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku billi jżidu l-kompetizzjoni, il-produttività u l-innovazzjoni. Sabiex dawn l-aspirazzjonijiet isiru realtà, jeħtieġ li ssir bidla radikali biex titqiegħed enfasi fuq l-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali. Is-sistemi u l-prattiki ta’ gwida għall-karriera għandhom ikopru b’mod xieraq id-dimensjoni intraprenditorjali. Is-sensibilizzazzjoni dwar l-intraprenditorija soċjali u mudelli oħra tan-negozju tal-ekonomija soċjali jistgħu jgħinu wkoll biex l-intraprenditorija ssir aktar attraenti u interessanti. L-ekonomija soċjali bħala pijuniera fil-ħolqien tal-impjiegi, pereżempju b’rabta mal-ekonomija ċirkolari, tappoġġa wkoll l-inklużjoni soċjali u t-tranżizzjoni ekoloġika.

Lil hinn mill-ħiliet tekniċi, is-suq tax-xogħol jeħtieġ dejjem aktar ħiliet trasversali bħall-ħidma flimkien, il-ħsieb kritiku, u s-soluzzjonijiet kreattivi tal-problemi. L-influwenza dejjem tiżdied tar-robots u tal-algoritmi fis-swieq tax-xogħol tagħna tkompli żżid il-ħtieġa għal ħiliet unikament “umani” bħall-empatija u l-adattament għall-bidla f’ambjenti kumplessi. Dawn il-ħiliet huma wkoll importanti b’mod speċjali fid-dawl tat-tkabbir tal-ekonomija tal-anzjani u tal-kura minħabba l-bidla demografika u hemm domanda kbira għalihom fis-suq tax-xogħol. Filwaqt li l-iskejjel għandhom rwol x’jaqdu, ħafna drabi dawn il-ħiliet jiġu żviluppati barra mill-apprendiment formali, fuq il-post tax-xogħol u tul il-ħajja. Jista’ jkun diffiċli li jiġu identifikati, rikonoxxuti u kkomunikati dawk il-ħiliet, u għalhekk fil-fażi li jmiss tal-azzjoni tal-UE dwar il-ħiliet trasversali, jeħtieġ li jsir aktar biex dawn jiġu rreġistrati.

Azzjoni 7: Iż-żieda tal-gradwati STEM u t-trawwim ta’ ħiliet intraprenditorjali  
u trasversali

Sabiex tikkontribwixxi għaż-żieda meħtieġa tal-gradwati STEM il-Kummissjoni:

·se żżid l-attrattività tal-istudji u tal-karrieri STEM, b’azzjonijiet iffukati biex jattiraw lill-bniet u lin-nisa, u billi tħeġġeġ approċċ ta’ tagħlim u apprendiment interdixxiplinari u innovattiv fl-iskejjel, fil-VET u fl-edukazzjoni għolja.

·bħala parti mill-Komunikazzjoni dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, se tintroduċi attivitajiet għall-għalliema, filwaqt li tgħin biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ għalliema STEM fil-pajjiżi u fir-reġjuni tal-UE.

·se trawwem l-edukazzjoni xjentifika f’azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni pereżempju billi jiġi żviluppat qafas ta’ valutazzjoni u ta’ kompetenzi ewlenin; it-tixrid tar-riżultati tar-riċerka dwar l-edukazzjoni xjentifika fi sħubija mal-European SchoolNet; u l-użu ta’ portali li jkollhom setgħa soċjali li jlaqqgħu flimkien l-iskejjel minn pajjiżi Ewropej differenti, b’mod partikolari dawk li għandhom esperjenza fil-kultura tal-iskola miftuħa.

·se tippromwovi qafas integrat u kontinwazzjoni tal-apprendiment fost l-oħrajn bejn is-sistemi tal-edukazzjoni sekondarja u għolja, l-edukazzjoni u n-negozju fi sħubija mal-professjonisti tan-negozju u tkompli ssegwi l-iskola miftuħa u l-metodi bbażati fuq ir-riċerka, il-konkorsi, u x-xjenza mill-pubbliku.

Sabiex trawwem il-ħiliet intraprenditorjali, il-Kummissjoni se tniedi Azzjoni Ewropea dwar il-Ħiliet Intraprenditorjali, li tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ mentalitajiet intraprenditorjali u ta’ forza tax-xogħol aktar reżiljenti. L-azzjoni se tinkludi:

·it-tħaddim u l-kollegament tan-netwerks eżistenti biex jingħata appoġġ intraprenditorjali Ewropew lill-imprendituri aspiranti, li jkun jiffoka fuq l-intraprendituri żgħażagħ nisa u l-opportunitajiet ta’ impjieg indipendenti fl-ekonomija diġitali u ekoloġika, u li jkun jinkorpora pjattaforma ta’ għarfien ta’ riżorsi online dwar il-ħiliet intraprenditorjali u l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni 48 .

·l-appoġġ fi programmi ta’ finanzjament għall-attivitajiet ta’ ħiliet intraprenditorjali, għall-mobilità Ewropea għall-imprendituri u għall-użu sistematiku tal-EntreComp: il-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza Intraprenditorjali.

·il-promozzjoni tal-ħiliet intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ - mill-edukazzjoni tal-iskola primarja u sekondarja, għall-VET u l-edukazzjoni għolja biex l-istudenti jingħataw l-għarfien u l-motivazzjoni biex jinkoraġġixxu l-attività intraprenditorjali.

Din l-azzjoni se tikkomplementa l-Pjan ta’ Azzjoni li jmiss tal-Kummissjoni għall-Ekonomija Soċjali, li se jippromwovi, fost l-oħrajn, l-opportunitajiet intraprenditorjali ġġenerati mill-ekonomija soċjali, bħall-għajnuna lill-komunitajiet lokali, in-negozjar ta’ patti ekoloġiċi lokali u l-attivazzjoni ta’ gruppi vulnerabbli.

Sabiex trawwem il-ħiliet trasversali, il-Kummissjoni:

·se tipprovdi qafas strateġiku għar-rikonoxximent tal-ħiliet trasversali biex jappoġġa lill-operaturi fil-proċess ta’ validazzjoni fl-Ewropa.

·se tiżviluppa riżorsi biex jappoġġaw il-validazzjoni tal-ħiliet trasversali mill-impjegaturi u mis-servizzi tal-impjiegi. Dan se jinkludi l-esplorazzjoni ta’ korsijiet online fl-UE kollha u ta’ mikrokredenzjali relatati għall-operaturi fil-proċess ta’ validazzjoni, u l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ organizzazzjonijiet pijunieri ta’ validazzjoni li jistgħu jikkondividu l-aħjar prattiki.

Il-Konkors Annwali tal-Unjoni Ewropea għal Xjenzjati Żgħażagħ (EUCYS) huwa wieħed mill-avvenimenti ewlenin tal-Ewropa fejn jiġi ppreżentat it-talent żagħżugħ fil-qasam xjentifiku. Dan jagħti bidu għal kompetizzjonijiet nazzjonali tax-xjenza (għaż-żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-20 sena) u jlaqqa’ flimkien ir-rebbieħa biex jikkompetu mal-kontropartijiet Ewropej tagħhom.

Il-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment relatati magħha enfasizzaw l-importanza tal-ħiliet għall-ħajja u l-kapaċità tagħna li nadattaw, niġġestixxu l-bidla, u nieħdu ħsieb lil xulxin bħala komunità. Ir-reżiljenza, il-litteriżmu medjatiku, il-kompetenza ċivika, il-litteriżmu finanzjarju, ambjentali u dwar is-saħħa huma kruċjali f’dan il-kuntest. Is-soċjetajiet miftuħa u demokratiċi jiddependu fuq ċittadini attivi li jistgħu jagħrfu l-informazzjoni minn diversi sorsi, jidentifikaw id-diżinformazzjoni, jieħdu deċiżjonijiet infurmati, ikunu reżiljenti u jaġixxu b’mod responsabbli.

L-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti ffaċilitat il-kooperazzjoni Ewropea f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar għaxar snin. Jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu appoġġati l-persuni biex jiksbu dawn il-ħiliet, u biex jissaħħu l-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 49 għall-adulti, b’mod partikolari għal dawk b’livelli aktar baxxi ta’ ħiliet u kwalifiki. Dan imur lil hinn mill-ksib tal-ħiliet b’rabta mal-impjieg iżda jinkludi wkoll ix-xogħol volontarju u l-persuni akbar fl-età li wkoll jeħtieġu ħiliet ġodda.

Azzjoni 8: Il-Ħiliet għall-Ħajja

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se taħdem fuq prijoritajiet ġodda għall-Aġenda Ewropea għat-Tagħlim tal-Adulti biex tikkomplementa l-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ u biex tappoġġa l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti. Se jkollha l-għan li tibni sistemi ta’ apprendiment għall-adulti li jkunu komprensivi, ta’ kwalità u inklużivi, li jilħqu lil kulħadd, inklużi l-anzjani u b’mod partikolari dawk l-aktar fil-bżonn ta’ aċċess għall-apprendiment, inkluż permezz tal-apprendiment mill-bogħod u online. Se tagħti prijorità lill-apprendiment mhux formali, fl-aspetti kollha tal-ħajja, kif ukoll lill-apprendiment interġenerazzjonali, interkulturali u komunitarju. Iċ-ċentri lokali ta’ apprendiment, il-libreriji u l-komunità u s-soċjetà ċivili usa’ se jiġu appoġġati biex jaħdmu flimkien biex jimmotivaw lill-adulti u jagħtuhom il-possibbilta li jitgħallmu, u b’hekk jappoġġaw ir-reżiljenza għall-kriżijiet.

Krzysztof ta’ 74 sena, irreġistra f’kors tal-ħiliet diġitali fil-librerija lokali tiegħu. Bis-saħħa ta’ dan il-kors, tgħallem kif jagħmel appuntament mediku u jixtri biljett tal-ferrovija online. In-namra ġdida tiegħu hija ċ-chat group tal-komunità lokali, fejn bħalissa qed jorganizza kampanja dwar iż-żieda ta’ spazji ħodor.

3.L-iżvilupp ta’ għodod li jgħinu lill-persuni jiżviluppaw il-ħiliet tul ħajjithom kollha

It-tielet element importanti tal-Aġenda għall-Ħiliet għandu jiżviluppa l-għodod meħtieġa biex kull persuna, kemm jekk impjegata, qiegħda jew inattiva, tingħata l-possibbiltà li tiżviluppa l-ħiliet tul ħajjitha kollha. Il-ħiliet jistgħu jgħinu lill-individwu biex jimxi ’l quddiem fil-karriera tiegħu u biex jiġġestixxi b’suċċess it-tranżizzjonijiet professjonali. Huwa biss permezz ta’ trawwim ta’ kultura ġenwina ta’ apprendiment tul il-ħajja li nistgħu niggarantixxu ekonomija kompetittiva u soċjetà koeżiva u niżguraw li d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi, kif spjegat fil-Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, isir realtà.

3.1.Il-possibbiltà għal kulħadd li jieħu sehem fl-apprendiment: Kontijiet individwali tal-apprendiment

In-nuqqas ta’ żmien għat-taħriġ, il-kost tat-taħriġ, kif ukoll in-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa jew l-opportunitajiet ta’ taħriġ huma ostakli importanti għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid 50 . Permezz ta’ inċentivi diretti għall-persuni biex jitħarrġu, bħall-kontijiet individwali tal-apprendiment, l-apprendiment tul il-ħajja jista’ jsir realtà. Huma jipprovdu finanzjament biex il-persuni jadattaw ruħhom għall-ħtiġijiet dejjem jevolvu b’rabta mal-ħiliet, jew biex ibiddlu l-okkupazzjoni jew is-settur, jew anki biex jittrasferixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor. Il-kontijiet individwali tal-apprendiment jistgħu jiżguraw li l-intitolamenti ta’ taħriġ ikunu jistgħu jiġu ttrasferiti minn impjieg għal impjieg (jew minn impjieg għal qgħad għal impjieg) u l-introduzzjoni tagħhom tista’ tiġi kkombinata ma’ titjib sinifikanti fis-sistemi ta’ gwida u ta’ validazzjoni u tal-kwalità u t-trasparenza tal-offerti ta’ taħriġ.

Il-finanzjament tal-kontijiet individwali tal-apprendiment, fejn dawn ġew introdotti, ivarja minn pajjiż għal ieħor, skont l-għażliet strateġiċi li jsiru fil-livell nazzjonali. Pereżempju, fi Franza jiġu ffinanzjati primarjament permezz ta’ imposta tal-impjegaturi, filwaqt li fin-Netherlands hu previst l-użu ta’ finanzjament pubbliku. Meta tivvaluta dawn il-kontijiet, il-Kummissjoni se tkopri dan l-aspett fundamentali, u se tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li jkun adattat għall-SMEs.

Il-kontijiet individwali tal-apprendiment jistgħu jiżguraw ukoll li jkun hemm biżżejjed fondi għat-taħriġ disponibbli matul il-perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Dawn jippermettu lill-individwi jakkumulaw l-intitolamenti ta’ taħriġ fuq perjodi itwal, biex ikunu jistgħu jużawhom matul il-perjodi ta’ attività ekonomika baxxa, eż. matul il-perjodi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar meta jkollhom aktar ħin għat-taħriġ. B’hekk jiġi evitat id-deprezzament tal-ħiliet marbut mal-inattività involontarja u l-individwi jkunu jistgħu jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu għal tranżizzjonijiet professjonali b’suċċess.

Azzjoni 9: L-inizjattiva dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment

Il-Kummissjoni se tivvaluta kif il-possibbiltà ta’ inizjattiva Ewropea dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment tista’ tgħin biex jitneħħew id-diskrepanzi eżistenti fl-aċċess għat-taħriġ għall-adulti tal-età tax-xogħol u tagħtihom is-setgħa biex jimmaniġġjaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll liema servizzi ta’ sostenn u fatturi oħra jistgħu jappoġġaw il-kontijiet individwali tal-apprendiment. Dan jista’ jinkludi gwida, validazzjoni, u trasparenza dwar il-kwalità tal-opportunitajiet ta’ taħriġ, kif ukoll l-għoti ta’ leave edukattiv jew għal taħriġ. Fil-ħidma tagħha, il-Kummissjoni se tieħu sehem f’konsultazzjonijiet wiesgħa mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

3.2.Valutazzjoni tal-eżiti tal-apprendiment: Mikrokredenzjali

Li tingħata s-setgħa lill-ħaddiema li jtejbu l-ħiliet u li jitħarrġu mill-ġdid tul ħajjithom kollha tfisser ukoll li jiġi żgurat li l-esperjenzi kollha ta’ apprendiment jiġu apprezzati kif xieraq. Il-ħaddiema qed jattendu dejjem aktar taħriġ qasir u mfassal apposta u jeħtieġ li jiksbu rikonoxximent għal dan. Dawn il-korsijiet jistgħu jiġu offruti minn varjetà ta’ fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ (eż. l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, il-fornituri tal-VET, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, l-industrija, is-sħab soċjali, il-Kmamar tal-Kummerċ, l-Industrija jew l-Artiġjanat, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili).

Il-mikrokredenzjali 51 jirrikonoxxu r-riżultati ta’ dawn il-korsijiet qosra, ħafna drabi fil-qasam diġitali, u jiġbru r-riżultati tagħhom. Jistgħu jżidu l-permeabbiltà bejn il-perkorsi/is-sistemi ta’ edukazzjoni differenti u jtejbu l-flessibbiltà. Jistgħu jagħmlu l-apprendiment aktar adattat għall-ħtiġijiet individwali, u b’hekk irawmu approċċi aktar innovattivi u inklużivi u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol u t-tranżizzjonijiet professjonali. Jistgħu wkoll jiffaċilitaw aktar l-apprendiment, billi jistgħu jiġu akkumulati biex tinkiseb kredenzjali akbar, filwaqt li jippermettu lill-individwi jakkumulaw l-eżiti tal-apprendiment tul iż-żmien u fost l-istituzzjonijiet, is-setturi u l-fruntieri u anki online permezz ta’ skemi ta’ apprendiment elettroniku. Madankollu, sal-lum ma jeżistux standards Ewropej li jappoġġaw il-kwalità, it-trasparenza u l-adozzjoni ta’ mikrokredenzjali fl-UE kollha.

Azzjoni 10: Approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali

Il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva ġdida biex tappoġġa l-kwalità, it-trasparenza u l-adozzjoni ta’ mikrokredenzjali fl-UE kollha. B'mod partikolari, se:

·Tiżviluppa, flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha (il-fornituri pubbliċi jew privati tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali, il-kmamar tal-kummerċ, l-impjegaturi) l-istandards Ewropej li jindirizzaw ir-rekwiżiti minimi għall-kwalità u t-trasparenza. B’dan il-mod tinbena l-fiduċja fil-mikrokredenzjali u jiġu ffaċilitati l-portabbiltà u r-rikonoxximent tagħhom fl-UE kollha.

·Teżamina l-inklużjoni tal-mikrokredenzjali fl-oqfsa tal-kwalifiki, fi djalogu mal-awtoritajiet tal-kwalifiki nazzjonali.

·Tagħmilha aktar faċli għall-individwi li jaħżnu u jippreżentaw lill-impjegaturi l-mikrokredenzjali li jkunu kisbu permezz tal-Europass u l-Kredenzjali Diġitali tiegħu.

Din l-inizjattiva tibni, fost l-oħrajn, fuq ir-riżultati tal-evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-Validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali, li huma ppubblikati b’mod parallel ma’ din l-Aġenda għall-Ħiliet.

Ivana hija maniġer tal-istokks b’esperjenza f’supermarket. Permezz ta’ softwer ġdid, hemm il-possibbiltà li jitnaqqas l-iskart - jekk hi u l-persunal tagħha jirnexxielhom jitgħallmu kif jużawh korrettament. Billi ssegwi modulu ta’ taħriġ qasir u mmirat ipprovdut mill-federazzjoni tal-industrija tagħha, se tingħata mikrokredenzjali bħala prova tal-ħiliet ġodda tagħha - lesti biex jintużaw mal-impjegatur attwali jew futur tagħha.

3.3.Preżentazzjoni tal-ħiliet: il-pjattaforma ġdida tal-Europass

Ladarba l-individwu jkollu ċertifikat li juri l-ħiliet tiegħu, jeħtieġ li jkun jista’ jikkomunikahom meta japplika għal impjieg jew għal apprendiment ulterjuri. It-teknoloġija ġdida toffri possibbiltajiet ta’ komunikazzjoni tal-ħiliet lil hinn mis-CV tradizzjonali u ta’ tlaqqigħ bejn il-persuni u l-opportunitajiet ta’ apprendiment u ta’ impjieg.

Il-Europass il-ġdid, li tnieda flimkien mal-Aġenda għall-Ħiliet, ġie żviluppat biex isir l-għodda online tal-UE biex tgħin lin-nies jikkomunikaw b’mod effettiv il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom u biex tiggwidahom b’mod proattiv għal opportunità ta’ impjieg jew ta’ apprendiment. Joffri għodod u informazzjoni b’xejn fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE għall-istudenti, il-ħaddiema u l-persuni li qed ifittxu impjieg biex jimmaniġġjaw kull stadju tal-karrieri u tal-apprendiment tagħhom.

Azzjoni 11: Il-pjattaforma ġdida tal-Europass

Il-pjattaforma ġdida tal-Europass se tappoġġa lill-persuni biex jimmaniġġaw il-karrieri tagħhom f’suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla. Permezz ta’ għodod u informazzjoni modernizzati dwar l-apprendiment u x-xogħol fl-Ewropa, l-għodda mtejba se:

·tiggwida lill-utenti biex jivvalutaw u jiddeskrivu l-ħiliet tagħhom u jikkomunikaw il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom lill-fornituri tat-taħriġ u lill-impjegaturi, sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-pass li jmiss fit-taħriġ jew fix-xogħol;

·tissuġġerixxi lill-utenti tal-Europass impjiegi rilevanti (permezz tal-portali tal-impjiegi tal-EURES 52 u l-Euraxess 53 ) u opportunitajiet ta’ apprendiment;

·tuża l-informazzjoni dwar il-ħiliet biex tipprovdi lill-utenti tagħrif personalizzat dwar ix-xejriet u l-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet, meta jippjanaw bidla fil-karriera jew meta jiċċaqilqu lejn pajjiż ieħor;

·tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ joħorġu diplomi u ċertifikati diġitali lil dawk li qed jitgħallmu f’format diġitali mifrux mal-Ewropa kollha tal-“Kredenzjali Diġitali tal-Europass”, u b’hekk tippromwovi r-rikonoxximent aktar sempliċi;

·tappoġġa “rotta rapida” għar-rikonoxximent, filwaqt li tnaqqas il-piż amministrattiv u l-frodi billi tappoġġa l-awtentikazzjoni awtomatika tal-kwalifiki mill-impjegaturi u mill-fornituri tat-taħriġ; kif ukoll

·tappoġġa lill-migranti li jkunu residenti legalment biex jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom u tiffaċilita r-rikonoxximent tagħhom permezz ta’ informazzjoni aħjar 54 . L-Għodda tal-UE għall-Profili tal-Ħiliet għaċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi li bħalissa tintuża fiċ-ċentri ta’ akkoljenza u minn organizzazzjonijiet li jiggwidaw u jappoġġaw l-integrazzjoni ta’ dawk li qed ifittxu ażil u tar-refuġjati, se tkun marbuta mal-Europass il-ġdid.

Daniela ilha taħdem f’varjetà ta’ impjiegi bħala mekkanik tal-karozzi minn mindu telqet mill-iskola postsekondarja u mhijiex ċerta dwar il-pass li jmiss fil-karriera tagħha. Bis-saħħa tal-Europass il-ġdid, Daniela tista’ toħloq profil personali tal-Europass biex tirreġistra l-ħiliet u l-esperjenzi kollha tagħha u taħżen id-diplomi u ċ-ċertifikati tagħha. Il-Europass se jissuġġerixxi lil Daniela impjiegi u korsijiet u hija tista’ taċċessa l-informazzjoni dwar is-servizzi ta’ gwida qrib tagħha, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-istudju u x-xogħol fl-UE kollha.

4.L-iffissar ta’ objettivi ambizzjużi għall-ħiliet

B’din l-Aġenda, il-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ġdid u dinamiku għall-politika tal-ħiliet fil-livell tal-UE, bl-għan li jiggwida lill-Istati Membri u jgħin biex jixpruna t-tranżizzjonijiet tewmin filwaqt li jiġi żgurat l-irkupru mill-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. Sabiex nirnexxu, l-apprendiment tul il-ħajja għal kulħadd irid isir realtà fl-Ewropa, f’kull Stat Membru u f’kull reġjun.

Sabiex tikseb ir-riżultati, filwaqt li tqis il-momentum impost mill-irkupru u t-tranżizzjonijiet li qed jaċċelleraw, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi objettivi kwantitattivi bbażati fuq indikaturi eżistenti 55 , li jridu jiġu mmonitorjati sal-2025. 

L-ewwel nett jeħtieġ li nżidu s-sehem tal-adulti li qed jipparteċipaw fl-apprendiment b’mod ġenerali - b’dan il-mod biss jista’ jiġi ggarantit approċċ ta’ apprendiment tul il-ħajja. Barra minn hekk, biex tiżgura li l-irkupru u t-tranżizzjonijiet tewmin ikunu soċjalment ġusti, il-Kummissjoni tipproponi wkoll objettivi distinti dwar il-parteċipazzjoni fl-apprendiment tal-adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki u tal-persuni qiegħda.

®Sal-2025, 120 miljun adult fl-UE għandhom jipparteċipaw fl-apprendiment kull sena. Dan jikkorrispondi għal 50 % tal-popolazzjoni adulta u għal madwar 540 miljun attività ta’ taħriġ għal dan il-grupp fuq il-perjodu ta’ ħames snin.

®Sal-2025, 14-il miljun adult bi kwalifiki baxxi fl-UE għandhom jipparteċipaw fl-apprendiment kull sena. Dan jikkorrispondi għal 30 % ta’ dan il-grupp u għal madwar 60 miljun attività ta’ taħriġ għal dan il-grupp matul il-perjodu ta’ ħames snin. 

Il-monitoraġġ ta’ dan l-indikatur, flimkien mal-azzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni, se jikkontribwixxi wkoll b’mod pożittiv biex jitnaqqas is-sehem ta’ adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki li jammonta għal 22 % (2019) u fejn l-Ewropa taqa’ lura meta mqabbla mal-kompetituri globali tagħha.    

®Sal-2025, 2 miljun persuna li qed ifittxu impjieg, jew wieħed minn kull ħamsa, għandu jkollhom esperjenza ta’ apprendiment reċenti. Dan jikkorrispondi għal madwar 40 miljun attività ta’ apprendiment għal dan il-grupp matul il-perjodu ta’ ħames snin 56 . 

Fir-rigward tal-kontenut tal-apprendiment, se tkun meħtieġa varjetà wiesgħa ta’ ħiliet biex jiġi żgurat li l-irkupru u t-tranżizzjonijiet tewmin jirnexxu. Il-miżuri ta’ konteniment dovuti għall-COVID-19 aggravaw is-sitwazzjoni tal-ħiliet diġitali li huma ta’ valur kritiku għax-xogħol, għall-apprendiment u għall-interazzjoni soċjali. Huwa għalhekk li r-raba’ objettiv li jrid jiġi mmonitorjat huwa s-sehem ta’ adulti li jkollhom tal-anqas ħiliet diġitali bażiċi.

®Sal-2025, 230 miljun adult għandu jkollhom tal-anqas ħiliet diġitali bażiċi, li jkopru 70 % tal-popolazzjoni adulta fl-UE.

It-tranżizzjoni ekoloġika jeħtieġ li tkun ġusta u trid tagħti attenzjoni speċjali lil dawk il-ħaddiema u r-reġjuni li ntlaqtu partikolarment. Il-ħiliet huma kruċjali f’dan ir-rigward. F’dan l-istadju, ma jeżisti l-ebda indikatur kwantitattiv dwar il-ħiliet ekoloġiċi. Il-Kummissjoni se tiżviluppa dawn l-indikaturi (Azzjoni 6).

L-Istati Membri, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali, in-negozji, ir-rappreżentanti tal-istudenti u l-partijiet ikkonċernati kollha huma mistiedna jiddiskutu, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, kif għandhom jintlaħqu dawn l-objettivi.

Il-progress lejn l-objettivi se jiġi mmonitorjat regolarment fis-Semestru Ewropew 57 . Se jiġi ppubblikat fir-Rapport Konġunt annwali dwar l-Impjiegi u jservi bħala bażi analitika għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi u aktar iffokati fil-qasam tal-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Kull meta jkun possibbli, il-Kummissjoni se timmonitorja l-objettivi skont il-ġeneru, iż-żoni ġeografiċi u għal gruppi vulnerabbli minbarra dawk qiegħda u bi kwalifiki baxxi, bħall-persuni b’diżabbiltà.

Indikaturi

Objettivi għall-2025

Livell attwali (l-aħħar sena disponibbli)

Żieda (f’%)

Il-parteċipazzjoni tal-adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena fl-apprendiment matul dawn l-aħħar 12-il xahar 
(f’%) 58

50 %

38 % (2016)

+32%

Il-parteċipazzjoni fl-apprendiment tal-adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena b’livell baxx ta’ kwalifiki, matul dawn l-aħħar 12-il xahar (f’%) 59

30 %

18 % (2016)

+67 %

Is-sehem ta’ adulti qiegħda ta’ bejn il-25 u l-64 sena b’esperjenza reċenti fl-apprendiment (f’%) 60

20 %

11 % (2019)

+82 %

Is-sehem ta’ adulti ta’ bejn is-16 u l-74 sena li għandhom tal-anqas ħiliet diġitali bażiċi (f’%) 61

70 %

56 % (2019)

+25 %

Barra minn hekk, l-opportunitajiet ta’ mobilità għall-apprendiment għall-istudenti tal-VET fl-UE kollha għandhom jingħataw spinta ulterjuri, kif propost fl-Erasmus+ il-ġdid u mħabbar mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET, fejn il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-mobilità tal-UE tal-istudenti tal-VET minn 6 % għal 8 %.

5.Kif niksbu riżultati konkreti: niżblokkaw l-investiment

Sabiex nilħqu dawn l-objettivi ambizzjużi sal-2025 hemm bżonn ta’ mobilizzazzjoni konsiderevoli tal-investiment privat u pubbliku fil-ħiliet. Il-mira ġenerali tal-parteċipazzjoni tal-adulti fl-apprendiment tirrikejdi investiment addizzjonali li hu stmat għal EUR 48 biljun fis-sena 62 . 

Lil hinn minn dan, l-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Ħiliet teħtieġ ukoll finanzjament addizzjonali biex tiġi żgurata l-introduzzjoni ta’ diversi azzjonijiet fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali.

5.1.Baġit tal-UE biex isostni u jiżblokka l-investiment fil-kapital uman 63

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Next Generation EU tipprovdi riżorsi sinifikanti bħala parti minn inizjattiva baġitarja ewlenija biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi. Il-Kummissjoni se tiżgura li l-istrumenti tagħha jintużaw tajjeb biex jappoġġaw u jiżblukkaw l-investiment fil-kapital uman, filwaqt li jiġu promossi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-inklużività. L-Istati Membri se jiġu mħeġġa jużaw ir-riżorsi finanzjarji tal-UE biex jimplimentaw l-iskemi nazzjonali għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol.

Fuq medda qasira ta’ żmien, l-inizjattiva REACT-EU, iffinanzjata mill-istrument Next Generation EU u mill-proposta għall-adattament tal-qafas finanzjarju attwali għall-2020, se talloka finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ EUR 55 biljun għall-2020-22. B’dan il-mod, il-Fond Soċjali Ewropew se jkun jista’ jidderieġi finanzjament addizzjonali lejn l-opportunitajiet ta’ ksib tal-ħiliet li jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li taħdem b’EUR 560 biljun f’għotjiet u self, tipprovdi lill-Istati Membri b’ħafna opportunitajiet biex jiffinanzjaw l-azzjonijiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Il-proposta tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fl-2020 iffukat fuq il-miżuri immedjati biex itaffu l-impatt soċjoekonomiku tal-pandemija u identifikat il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala prijorità fuq terminu ta’ żmien qasir għal 22 Stat Membru. Il-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru u ta’ reżiljenza li l-Istati Membri se jħejju biex jaċċessaw il-finanzjament minn din il-Faċilità jenħtieġ li jirriflettu l-fatt li l-ħiliet huma prijorità għall-ipprogrammar.

Matul il-perjodu 2021-2027, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, b’baġit propost ta’ EUR 86 biljun, se jibqa’ sors ta’ finanzjament importanti għall-attivitajiet nazzjonali ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid.

Barra minn hekk, l-EUR 24,6 biljun proposti tal-Erasmus+ se jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-ħiliet u jiffinanzjaw uħud mill-azzjonijiet deskritti hawn fuq, bħall-Universitajiet Ewropej, iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet. Barra minn hekk, Erasmus+ jista’ jappoġġa żieda sostanzjali fil-mobilità fiżika u virtwali għall-apprendiment fl-UE kollha li toffri opportunitajiet ġodda ta’ apprendiment li jistgħu ma jkunux aċċessibbli fid-dar.

Orizzont Ewropa se jkollu rwol ewlieni fl-irkupru, b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu t-tranżizzjonijiet tewmin, l-industrija u l-SMEs, iżda wkoll billi tappoġġa lill-universitajiet u lir-riċerkaturi u billi tippromwovi ċ-ċirkolazzjoni u l-mobilità tal-imħuħ. Il-programm ġdid Ewropa Diġitali se jinvesti fl-iżvilupp tal-offerta akkademika fl-oqsma diġitali, kif ukoll f’opportunitajiet ta’ taħriġ speċjalizzat f’oqsma bħad-data, iċ-ċibersigurtà u l-intelliġenza artifiċjali, biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet attwali ta’ dawn il-professjonisti.

Riżorsi oħra jistgħu jappoġġaw direttament it-tijib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol Ewropea. L-investimenti tal-Istati Membri fl-“infrastruttura b’impatt soċjali għoli” għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluża l-infrastruttura diġitali, jistgħu jiġu appoġġati ulterjorment mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-InvestEU, li permezz tat-tieqa tal-Investiment Soċjali u l-Ħiliet tiegħu (b’garanzija tal-baġit proposta ta’ EUR 3,6 biljun) jista’ jappoġġa, fost l-oħrajn, l-investimenti fl-infrastruttura kritika fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika, il-Kummissjoni identifikat investiment fil-ħiliet għal tranżizzjoni ekoloġika bħala prijorità għas-27 Stat Membru kollha fl-użu tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-baġit totali propost tagħha ta’ EUR 40 biljun. Il-faċilità ta’ self tas-settur pubbliku, fi ħdan il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, li mistennija timmobilizza bejn EUR 25 u 30 biljun, tista’ tinvesti wkoll fil-ħiliet 64 . Il-limitu massimu tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ġie propost li jirdoppja fil-qafas finanzjarju futur biex jappoġġa t-titjib tal-ħiliet għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom li jkunu ngħataw is-sensja minħabba r-ristrutturar industrijali tal-massa. Programmi oħra, bħall-Fond għall-Modernizzazzjoni, se jiffinanzjaw ukoll il-programmi ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid biex jgħinu lill-ħaddiema fir-reġjuni u fis-setturi milquta mit-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ tagħhom għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid, jaħtfu l-opportunità unika li jimmobilizzaw għexieren ta’ biljuni ta’ Euro tal-baġit futur tal-UE għal dan il-għan u jagħtu prijorità lill-operazzjonijiet imsemmija hawn taħt, b’mod partikolari r-riformi li jtejbu l-offerta u l-adozzjoni ta’ skemi biex jinbnew il-ħiliet.

Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha b’mod attiv mal-awtoritajiet nazzjonali u ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex tiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati tal-UE biex jappoġġaw id-diversi aspetti tal-Aġenda għall-Ħiliet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se tħeġġeġ u tappoġġa lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw l-investimenti fil-ħiliet fi ħdan il-Faċilità għall-Irkupru u għar-Reżiljenza u jimmonitorjaw il-progress tul is-Semestru Ewropew.

Ħarsa ġenerali mhux eżawrjenti lejn l-operazzjonijiet li jistgħu jiġu appoġġati mill-baġit futur tal-UE biex titwettaq l-Aġenda għall-Ħiliet, inkluż il-Patt għall-Ħiliet, b’mod partikolari billi jintużaw ir-riżorsi tan-Next Generation EU, tinkludi:

Investiment fiċ-ċentri ta’ taħriġ bejn il-kumpaniji, fejn il-kumpaniji f’katina ta’ valur jistgħu jiġbru flimkien ir-riżorsi għal taħriġ imfassal apposta għall-persunal.

It-tnedija sħiħa tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni aġġornati għal kooperazzjoni settorjali fil-qasam tal-ħiliet fil-livelli nazzjonali u reġjonali. 

L-iżvilupp u t-tħaddim tas-sistemi ta’ previżjoni tal-ħiliet, li jipprovdu informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid fil-livell nazzjonali/reġjonali u settorjali, inkluż għat-tranżizzjonijiet tewmin, li jkopru l-fażijiet kollha tal-ġbir, l-analiżi u t-tixrid tal-informazzjoni.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ Strateġiji Nazzjonali għall-Ħiliet, imfassla u mwettqa f’approċċ intergovernattiv, li jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet tewmin, li jallinjaw l-isforzi f’firxa ta’ politiki u bl-involviment qawwi tal-partijiet ikkonċernati inklużi s-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-atturi tas-suq tax-xogħol u s-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

L-implimentazzjoni tar-riformi tal-VET u tal-apprendistati, li jistgħu jinkludu investimenti fir-riformi fil-kurrikuli biex tiżdied ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol, l-integrazzjoni tal-ħiliet ekoloġiċi u diġitali, il-flessibbiltà u l-modularizzazzjoni, l-espansjoni tal-programmi tal-VET f’livell ogħla, l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, it-taħriġ għall-għalliema u għall-ħarrieġa fil-VET, l-appoġġ għall-mobilità tal-istudenti, tal-għalliema u tal-ħarrieġa tal-VET, u t-twaqqif ta’ Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali marbuta mal-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u/jew mal-istrateġiji ta’ tkabbir u ta’ innovazzjoni reġjonali.

Is-sussidji diretti għall-apprendisti fl-SMEs inklużi r-remunerazzjoni, il-bonusijiet tar-reklutaġġ u l-kopertura temporanja tal-kontribuzzjonijiet soċjali (sa 12-il xahar), kif ukoll il-pagi tal-ħarrieġa u/jew il-kontribuzzjonijiet soċjali tagħhom biex jistabbilizzaw u jżidu l-provvista ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi.

Investimenti fit-tagħmir u fit-teknoloġiji tal-apprendiment diġitali u fit-tagħmir u fit-teknoloġiji industrijali avvanzati għall-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ. 

Inċentivi għall-iżvilupp tal-kontenut tal-apprendiment diġitali u tal-moduli ta’ kurrikuli bażiċi skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b’enfasi fuq il-ħiliet diġitali u ekoloġiċi, inkluż permezz ta’ pjattaformi ta’ taħriġ online.

It-tfassil u t-twettiq ta’ korsijiet qosra biex il-ħaddiema jitħarrġu mill-ġdid għal impjiegi emerġenti u rekwiżiti tal-ħiliet ġodda marbuta mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, inkluż it-twettiq ta’ taħriġ għat-tisħiħ tal-ħliet fl-ICT u l-Crash Courses Diġitali għall-SMEs biex jipprovdu taħriġ intensiv għal żmien qasir sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta’ ħiliet fl-ICT.

It-tfassil u t-twassil ta’ korsijiet tal-Masters biex l-esperti diġitali jitħarrġu fil-ħiliet diġitali avvanzati meħtieġa għat-trasformazzjoni diġitali u ta’ korsijiet tal-Masters biex l-esperti jitħarrġu fil-ħiliet ekoloġiċi għall-ekonomija ekoloġika.

Iċ-ċentri reġjonali u lokali tal-ħiliet intraprenditorjali biex jappoġġaw in-negozji ġodda, l-impjegati intraprenditorjali u l-innovaturi.

Investiment fil-kwalità, fl-ekwità u fir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiġi żgurat li l-persuni jkunu mgħammra bil-kompetenzi ewlenin meħtieġa fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà.

Investiment f’ċentri komunitarji għall-apprendiment tal-adulti, fejn persuni ta’ kull età jistgħu jitgħallmu u jiskambjaw, filwaqt li jibnu soċjetà reżiljenti u koeżiva. 

It-twaqqif, l-isperimentazzjoni u t-tħaddim ta’ skema biex jiġu pprovduti kontijiet individwali tal-apprendiment.

Inċentivi biex jappoġġaw il-parteċipazzjoni fit-taħriġ, eż. is-self/l-għotjiet għall-istudju għall-adulti, finanzjament ta’ liv għat-taħriġ, allowances għat-taħriġ għall-persuni qiegħda.

Appoġġ għall-programmi ta’ taħriġ li jakkumpanjaw l-iskemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar li jipproteġu lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom b’mod partikolari kontra r-riskju ta’ qgħad.

5.2.Titjib tal-qafas li jippermetti l-iżblokkar tal-investimenti tal-Istati Membri u ta’ dawk privati fil-ħiliet

Il-fondi tal-UE jistgħu jaġixxu bħala katalizzatur, iżda jeħtieġ li l-investiment fil-ħiliet jiġi ffinanzjat minn investimenti pubbliċi u privati oħra. Dan jagħti l-frott: għall kull euro investit fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid, jiġi ġġenerat dħul jew tfaddil ta’ mill-inqas EUR 2 65 . Għal dan il-għan, u flimkien ma’ opportunitajiet ta’ finanzjament konkreti permezz tal-programmi tal-UE, il-Kummissjoni se twettaq għadd ta’ azzjonijiet biex tappoġġa l-investiment pubbliku u privat fil-ħiliet u fil-kapital uman.

Azzjoni 12: Titjib tal-qafas li jippermetti l-iżblokkar tal-investimenti tal-Istati Membri u ta’ dawk privati fil-ħiliet

Sabiex tinċentiva l-investiment fil-ħiliet, il-Kummissjoni se:

·tkompli tivvaluta kemm il-qafas fiskali jista’ jikkontrobwixxi għall-bini ta’ soċjetajiet aktar reżiljenti, filwaqt li jappoġġa aħjar ir-riformi u l-investiment fil-kapital uman u fil-ħiliet bħala parti mid-dibattitu pubbliku li għaddej bħalissa mibdi bir-rieżami tal-Kummissjoni dwar il-governanza ekonomika u fid-dawl tal-irkupru, filwaqt li jissalvagwardja s-sostenibbiltà fiskali;

·tfittex li ttejjeb ir-rappurtar dwar il-kapital uman minn kumpaniji kbar, inkluż dwar l-iżvilupp tal-ħiliet tal-impjegati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tistudja wkoll modi oħra kif iżżid it-trasparenza tan-nefqa tal-kumpaniji fuq il-kapital uman, pereżempju billi tiġi ppreżentata b’mod aktar viżibbli fil-kontijiet tagħhom;

·taħdem fuq l-istatistika dwar l-investiment pubbliku u privat fil-ħiliet tal-adulti flimkien mal-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika, inkluż billi tiżviluppa “kontijiet satellita” biex ittejjeb it-trasparenza tar-rappurtar dwar il-ħiliet fil-kontijiet u fil-baġits nazzjonali;

·tivvaluta l-mekkaniżmi ta’ finanzjament innovattivi li jistgħu jwasslu għal investimenti addizzjonali fil-ħiliet. Il-programm InvestEU imsaħħaħ propost jipprevedi l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati l-ħiliet u l-attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, inkluż permezz ta’ kuntratti pilota bbażati fuq l-eżiti soċjali bħala mod kif jiġi sfruttat l-investiment privat għall-għanijiet soċjali. Flimkien mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni, il-Kummissjoni se tesplora, għalhekk, il-potenzjal ta’ diversi tipi ta’ skemi ta’ kuntratti bbażati fuq l-eżiti soċjali, pereżempju l-bonds b’impatt soċjali, biex tingħata spinta lill-investiment fil-ħiliet.

X’inhu bond b’impatt soċjali?

Bond b’impatt soċjali huwa mekkaniżmu ta’ finanzjament innovattiv li permezz tiegħu l-gvernijiet jidħlu fi ftehimiet mal-fornituri tas-servizzi soċjali, bħal intrapriżi soċjali jew organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, u mal-investituri li jħallsu biex jiksbu eżiti soċjali predefiniti, pereżempju dwar il-ħiliet 66 . L-objettiv huwa li jiġu ffinanzjati s-servizzi soċjali. B’mod partikolari dawk iffokati fuq is-soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi soċjali jew fuq il-miżuri ta’ prevenzjoni.

Permezz ta’ dan il-mekkaniżmu, il-gvern jew intermedjarju jiġbor fondi mingħand l-investituri tas-settur privat, l-għaqdiet tal-karità jew il-fondazzjonijiet. Dawn il-fondi jitqassmu lill-fornituri tas-servizzi biex ikopru l-ispejjeż operattivi tagħhom. Jekk l-eżiti li jistgħu jitkejlu u li jkunu miftiehma minn qabel jinkisbu, il-gvern jipproċedi bil-pagamenti lill-organizzazzjoni intermedjarja jew direttament lill-investituri.

Konklużjoni

Wasal iż-żmien li tittieħed azzjoni. Permezz ta’ din is-sejħa għal azzjoni, il-Kummissjoni għandha l-għan li tqiegħed il-ħiliet fil-qalba tal-aġenda tal-politika Ewropea għall-ħames snin li ġejjin biex id-dritt għat-tagħlim tul il-ħajja jsir realtà u jiġi implimentat il-Prinċipju 1 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-irkupru tal-ekonomija tagħna, it-tisħiħ tal-kompetittività globali tal-Ewropa u l-ixprunar tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tewmin, jirrikjedu politika soda fir-rigward tal-ħiliet. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se:

·tipproponi lin-negozji, lis-sħab soċjali u lil partijiet ikkonċernati oħra BIEX JAĦDMU FLIMKIEN, fi ħdan Patt ambizzjuż għall-Ħiliet;

·tiżviluppa ĦILIET B’RABTA MAL-IMPJIEGI, bis-saħħa ta’ approċċ li jħares ’il quddiem lejn l-iżvilupp tal-ħiliet, abbażi ta’ informazzjoni soda dwar il-ħiliet u ta’ forniment ta’ edukazzjoni u taħriġ modern u dinamiku li jorbot direttament mas-suq tax-xogħol u mal-ħtiġijiet tas-soċjetà;

·TAGĦTI S-SETGĦA LILL-PERSUNI biex jibnu l-ħiliet tagħhom billi tiżviluppa għodod innovattivi, u tagħmel il-perkorsi ta’ apprendiment aktar flessibbli u aċċessibbli.

Sabiex din l-ambizzjoni ssir realtà, il-Kummissjoni tipproponi objettivi kwantitattivi ambizzjużi li jippermettu li jitkejjel il-progress fuq bażi annwali. Il-Kummissjoni qed titlob lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jikkontribwixxu għar-rivoluzzjoni tal-ħiliet u jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet bla preċedent offruti min-Next Generation EU.

(1) Qabel it-tifqigħa tal-pandemija COVID-19, ġie stmat li se jinħolqu 1 miljun impjieg sal-2030. Employment and Social Developments in Europe (ESDE), 2019. B’mod simili, hu mistenni li dawn it-teknoloġiji joħolqu kważi 60 miljun impjieg ġdid madwar id-dinja kollha fil-ħames snin li ġejjin.
(2)  Identifying the recovery needs; SWD (2020) 98 final
(3) COM(2020)442 final.
(4) Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Investment in Human CapitalAssessing the Efficiency of Public Spending on Education, Nota għall-Grupp tal-Euro fis-6 ta’ Novembru 2017.
(5)  Woessmann, L., The Economic Case for Education, Rapport Analitiku tal-EENEE Nru 20, l-Istitut Ifo u l-Università ta’ Munich, 2017.
(6) Fl-Istħarriġ tal-2017 tal-Bank Ewropew tal-Investiment, kważi 80 % tad-ditti indikaw in-nuqqas ta’ persunal b’ħiliet speċjalizzati bħala ostaklu għall-investiment tagħhom.
(7) Il-Kummissjoni Ewropea (2014), The Economic Case for Education. Dokument ta’ informazzjoni mħejji mis-servizzi tal-Kummissjoni biex jinformaw id-dibattitu politiku tal-Kunsill fit-12 ta’ Diċembru 2014.
(8) COM(2020)441 final/2.
(9) COM(2016) 381 final.
(10) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM (2020) 640 final.
(11)

Strateġija Diġitali Ewropea, 2020 https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/content/european-digital-strategy

(12) COM(2020) 102 final u COM(2020) 103 final.
(13) COM (2020) 241 final.
(14) Dawn se jinkludu kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ġeneru u mal-antidiskriminazzjoni.
(15)  Kif hemm indikat fl-Istrateġija Industrijali tal-UE adottata f’Marzu 2020.
(16) COM(2020) 276 final.
(17)  Dawn huma impenji li jsiru minn organizzazzjonijiet privati jew pubbliċi biex jikkontribwixxu direttament għat-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa, pereżempju impenji biex jiġu pprovduti taħriġ tal-ħiliet, kollokamenti jew aċċess għall-opportunitajiet ta’ żvilupp tal-ħiliet diġitali. Dan l-istħarriġ jinsab fuq l-internet fl-indirizz li ġej:  https://pledgeviewer.eu/
(18) CEDEFOP Skills Panorama, Health professionals and associate professionals.
(19)  EIT Health and McKinsey, 2020, “Transforming healthcare with AI: The impact on the workforce and organisations”.
(20) OECD, Evaluating the initial impact of COVID-19 containment measures on economic activity, Figura 1
(21) Fl-2017, 94 % tal-kumpaniji fis-settur tal-kostruzzjoni kienu SMEs, Eurostat [sbs_sc_con_r2].
(22)  European Builders Construction, paġna web dwar il-ħiliet
(23) Id-Direttiva (UE) 2019/882 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi.
(24)  Transport in Figures 2019 https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/f0f3e1b7-ee2b-11e9-a32c-01aa75ed71a1  
(25) L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Vetturi (ACEA), Employment impact of COVID-19 on the European auto industry
(26) Tnieda proġett ta’ Pjan ta’ Azzjoni dwar il-ħiliet meħtieġa għas-settur tal-batteriji “ALBATTS” li se jkun importanti mhux biss għas-settur awtomobilistiku iżda wkoll għas-settur tal-ħżin tal-enerġija li qed jikber.
(27) COM(2020) 550 final: It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn.
(28)  C (2020) 3251 Gwida tal-UE għall-issoktar progressiv tas-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità – COVID-19 2020/C 169/01.
(29) https://nexttourismgeneration.eu/
(30)  CedefopSkills Ovate”, il-livell NUTS 2.
(31)  L-għodda online se tipprovdi informazzjoni granulari u aġġornata dwar il-ħiliet, speċjalment fil-livelli reġjonali u settorjali, li tipprovdi stampa tad-domanda għall-ħiliet fis-suq tax-xogħol, li tista’ tiġi ripetuta f’intervalli qosra ħafna u tippermetti li jiġu identifikati x-xejriet fil-ħtiġijiet b’rabta mal-ħiliet u li jiġu individwati l-ħtiġijiet emerġenti ġodda b’rabta mal-ħiliet.
(32) Il-programmi tal-VET jikkonċernaw il-livelli differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. F’ċifri assoluti, l-akbar numru ta’ studenti tal-VET (8,5 miljun student) huma rreġistrati fi programmi fil-livell sekondarju tat-tieni livell. Dawn jitqabblu ma’ 1,5 miljun student fil-livell postsekondarju mhux terzjarju, 1,2 miljun student fil-livell terzjarju ta’ ċiklu qasir, 1,2 miljun student fil-livell ta’ baċellerat u 0,7 miljun student fi programmi vokazzjonali/professjonali fil-livell ta’ masters. Sors: Ġabra konġunta ta’ data dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ mill-Unesco-Oecd-Eurostat (UOE).
(33) Bil-għan li jappoġġaw l-eċċellenza u l-internazzjonalizzazzjoni tal-VET, il-profili ewlenin vokazzjonali Ewropej jiddefinixxu ċertu sehem ta’ kontenut ta’ taħriġ komuni fil-livell Ewropew. Il-profili – bħala parti mill-pjattaforma tal-Europass u kkumplimentati, fejn possibbli, minn għodod ta’ apprendiment diġitali vokazzjonali – għandhom il-potenzjal li jiffaċilitaw b’mod sinifikanti l-mobilità ta’ min jitgħallem u tal-ħaddiema, ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki, u l-iżvilupp ta’ kurrikuli, kwalifiki u mikrokredenzjali konġunti tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali.
(34) Studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Immappjar taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=8250&furtherPubs=yes
(35) Din l-ambizzjoni hi bbażata fuq il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
(36) Din l-azzjoni se tiġi kkoordinata mal-inizjattiva taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
(37)  L-introduzzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bijoekonomija hija eżempju tajjeb f’din id-direzzjoni b’azzjonijiet li jippermettu l-iżvilupp tal-ħiliet u s-sinerġiji mal-edukazzjoni u mal-apprendiment tul il-ħajja.
(38)   ICT for work : Digital Skills in the Workplace : studju tal-Kummissjoni Ewropea mwettaq minn Ecorys u mill-Istitut tat-Teknoloġija Daniż, 2017
(39)   Eurofound , Living , working and Covid-19, April 2020.
(40)  OECD (2019), Going Digital: Shaping Policies, Improving Lives, OECD Publishing, Paris. Ara OECD Employment Outlook 2019 : The Future of Work, kaxxa 2.1.
(41) ENISA, Cybersecurity skills development in the EU, Marzu 2020.
(42) L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali tal-Kummissjoni (DESI) jimmonitorja fuq bażi annwali l-livell ta’ ħiliet diġitali bażiċi kif ukoll avvanzati f’kull Stat Membru u fl-UE. 
(43)  https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Tertiary_education_statistics#Graduates
(44)  Data tal-Eurostat dwar il-gradwati tal-edukazzjoni terzjarja STEM [educ_uoe_grad04].
(45) OECD, Why don’t more girls choose STEM careers  
(46) 2018 International Computer and Information Literacy Study (ICILS)
(47) Il-Kummissjoni Ewropea, 2016, Does the EU need more STEM graduates ?, it-taqsima 3.3.1.
(48)   L- Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tenfasizza l-appoġġ għall-intraprenditorija tan-nisa mill-politika ta’ koeżjoni tal-UE.
(49) ĠU C 484/01 24.12.2016
(50) Abbażi tad-data mill-Istħarriġ tal-UE dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti.
(51) Il-mikrokredenzjali jistgħu jiġu ddefiniti bħala dikjarazzjonijiet dokumentati li jirrikonoxxu l-eżiti tal-apprendiment ta’ persuna, li huma relatati ma’ volumi żgħar ta’ apprendiment u li għall-utent ikunu viżibbli f’ċertifikat, badge jew approvazzjoni (maħruġa f’format diġitali jew fuq il-karta).
(52) Il-EURES huwa l-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol li jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE kollha. Jipprovdi bażi ta’ data online dwar l-impjiegi u minjiera ta’ informazzjoni dwar il-mobilità intra-UE għal min qed ifittex impjieg u għall-impjegaturi. https://ec.europa.eu/eures/public/homepage
(53)

EURAXESS - Riċerkaturi Attivi  https://euraxess.ec.europa.eu/  jipprovdi informazzjoni u servizzi ta’ appoġġ lir-riċerkaturi professjonisti, jappoġġa l-mobilità tar-riċerkaturi u l-iżvilupp tal-karrieri, filwaqt li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni xjentifika bejn l-Ewropea u d-dinja.

(54) Il-migranti residenti legalment għadhom qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom miksuba barra mill-UE. Ara JRC (2020) “Foreign Degrees, Region of Birth and Under-utilisation of Tertiary Education in the EU”.
(55) L-indikaturi disponibbli ħafna drabi ma jippermettux li jiġi rreġistrat l-aspett kwalitattiv tat-taħriġ. Evidentement, din l-Aġenda għall-Ħiliet tixpruna bidla gradwali anki f’termini ta’ kwalità billi timbotta fuq quddiem nett il-prinċipju ta’ “ksib tal-ħiliet b’rabta mal-impjieg”.
(56) Jekk wieħed jassumi tul medju ta’ tliet xhur tal-attivitajiet ta’ apprendiment.
(57)  L-erba’ indikaturi huma marbuta mat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali li takkumpanja l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Minbarra ż-żewġ indikaturi dwar il-parteċipazzjoni tal-adulti fl-apprendiment matul dawn l-aħħar 12-il xahar u l-ħiliet diġitali bażiċi, li diġà jinsabu fit-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali, qed jiġu proposti żewġ indikaturi oħra dwar il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ adulti qiegħda u b’livell baxx ta’ kwalifiki. Dawn l-indikaturi huma wkoll rikonoxxuti tajjeb, ġew approvati mill-Kumitat tal-Impjiegi fl-2018 (ir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2019) u ilhom minn dak iż-żmien jintużaw fis-Semestru Ewropew. L-indikatur dwar il-ħiliet diġitali huwa l-istess bħal dak użat fl-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI).
(58) L-indikatur juri s-sehem ta’ adulti ta’ bejn il-25 u l-64 sena li ħadu sehem f’mill-inqas attività waħda ta’ edukazzjoni jew taħriġ formali jew mhux formali (iżda esklużi l-attivitajiet ta’ taħriġ iggwidat fuq il-post tax-xogħol) matul it-12-il xahar qabel l-intervista tal-istħarriġ. Is-sors attwali tad-data għal dan l-indikatur huwa l-Istħarriġ dwar l-Edukazzjoni tal-Adulti tal-UE. Mill-2022, id-data għal dan l-indikatur se tinsilet mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE.
(59) Id-definizzjoni u s-sorsi tal-indikatur huma simili għall-ewwel indikatur dwar il-parteċipazzjoni tal-adulti fl-apprendiment. Id-differenza ewlenija hija l-enfasi fuq adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki, jiġifieri dawk l-adulti li l-aktar li kisbu hi kwalifika sekondarja baxxa (jew anqas) bħala l-ogħla kwalifika edukattiva formali tagħhom. B’hekk, l-indikatur ikejjel is-sehem ta’ adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki li jirrappurtaw li jkunu pparteċipaw f’edukazzjoni u taħriġ formali jew mhux formali fuq perjodu ta’ 12-il xahar.
(60) Id-data hija disponibbli mill-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE. “Esperjenza reċenti fl-apprendiment” tirreferi għal parteċipazzjoni f’edukazzjoni u taħriġ formali jew mhux formali matul l-aħħar erba’ ġimgħat.
(61) Is-sors tad-data għal dan l-indikatur huwa l-istħarriġ tal-Komunità tal-UE dwar l-użu tal-ICT fl-unitajiet domestiċi u minn individwi.
(62) Din l-istima hija bbażata fuq l-għadd ta’ studenti adulti addizzjonali meħtieġa f’kull pajjiż biex tintlaħaq il-marka ta’ parteċipazzjoni ta’ 50 % (meta mqabbla mal-livelli ta’ parteċipazzjoni attwali), flimkien mas-somom f’daqqa speċifiċi għal kull pajjiż għal kull siegħa ta’ taħriġ tal-impjegati għall-fini ta’ rimborżi mill-Fond Soċjali Ewropew skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 2019/2170 u billi wieħed jassumi perjodu ta’ edukazzjoni jew taħriġ ta’ 100 siegħa fis-sena.
(63) L-ammonti f’din it-taqsima huma msemmija fil-prezzijiet tal-2018.
(64) a għal Regolament dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta COM(2020) 453 final.
(65) “A Strategist’s Guide to Upskilling”, PwC, 15 ta’ Lulju 2019.
(66)  Understanding Social Impact Bonds, Dokument ta’ Ħidma tal-OECD 2016, p. 4.
Top