Brussell, 24.8.2021

COM(2021) 489 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali





1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 1  (“ir-Regolament”) jistabbilixxi regoli komuni għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea (UE). Din l-istatistika tkopri l-flussi tal-migrazzjoni internazzjonali lejn, minn u ġewwa l-UE, l-istokks tal-popolazzjoni tal-migranti fl-UE kif ukoll l-akkwist u t-telf taċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru tal-UE. Tkopri wkoll l-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita li tikkonċerna:

·applikazzjonijiet għall-ażil, inkluż dawk minn minorenni mhux akkumpanjati, deċiżjonijiet tal-prim’istanza u deċiżjonijiet ta’ appell li jagħtu jew li jirtiraw diversi forom ta’ status ta’ protezzjoni internazzjonali, u persuni risistemati fl-UE;

·statistika dwar l-applikazzjoni mill-Istati Membri tar-Regolament Dublin III 2 ;

·ċittadini mhux tal-UE (ta’ pajjiżi terzi) li ma tħallewx jidħlu fl-Istat Membru fil-fruntiera esterna jew li nstabu li kienu preżenti b’mod illegali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni;

·permessi ta’ residenza maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, it-tul tal-validità tal-permess u r-raġuni (kategorija tal-immigrazzjoni) għaliex ikun inħareġ il-permess; u

·ċittadini ta’ pajjiżi terzi ordnati jħallu t-territorju ta’ Stat Membru skont il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni jew li ġew irreġistrati li se jitilqu wara li tkun inħarġitilhom tali ordni, diżaggregati skont iċ-ċittadinanza.

L-Artikolu 12 tar-Regolament jesiġi li “Sal-20 ta’ Awwissu 2012 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kompilata skont dan ir-Regolament u l-kwalità tagħha.”

Dan huwa r-raba’ rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament, li jsegwu r-rapporti adottati fl-2012 3 , fl-2015 4 , u fl-2018 5 . Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar il-progress li għamlu l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni (Eurostat), biex jimplimentaw ir-Regolament mill-2018 u jippreżenta l-passi li jmiss biex titkompla tittejjeb il-kwalità ta’ din l-istatistika. It-Taqsima 2 tiddeskrivi fil-qosor l-aktar żviluppi importanti. It-Taqsima 3 tindirizza l-progress ġenerali u l-aspetti ta’ kwalità tal-istatistika prodotta għall-perjodi ta’ referenza bejn l-2018 u l-2020. It-Taqsima 4 tiffoka fuq ix-xogħol li għaddej biex jiġu implimentati r-rekwiżiti riveduti tal-istatistika għall-perjodi ta’ referenza mill-2021 ’il quddiem u inizjattivi ġodda biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ politika li qed jevolvu matul is-snin li ġejjin. It-Taqsima 5 tikkonkludi r-rapport u tiddeskrivi l-passi li jmiss.

2.L-aktar żviluppi importanti mill-2018

Wara perjodu ta’ titjib kontinwu li wassal għar-rapport preċedenti tal-2018, id-disponibbiltà u l-kwalità ġenerali tad-data – b’mod partikolari l-kompletezza, il-puntwalità, il-komparabbiltà u l-akkuratezza – stabbilizzaw f’livell għoli fil-ġabriet tad-data kollha kemm huma. Madankollu, minħabba n-natura tal-migrazzjoni li qed tinbidel malajr, tfaċċaw ħtiġijiet ġodda fl-UE għal statistika aktar f’waqtha u aktar dettaljata dwar l-ażil, ir-ritorn, ir-risistemazzjoni u l-permessi ta’ residenza.

F’Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament 6 biex jiġu estiżi r-rekwiżiti tad-data dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita. Ir-Regolament (UE) 2020/851 7 jaġġorna sostanzjalment l-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita f’termini ta’ varjabbli ġodda, ta’ tqassimiet aktar dettaljati u ta’ ġabriet tad-data aktar frekwenti għall-perjodi ta’ referenza mill-2021 ’il quddiem. Ir-rekwiżiti l-ġodda kellhom jiġu introdotti gradwalment mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament fit-12 ta’ Lulju 2020 sal-1 ta’ Lulju 2021. F’konformità mal-Artikolu 11a tar-Regolament, il-Kummissjoni tat derogi temporanji 8 lil 16-il Stat Membru 9 abbażi ta’ talbiet iġġustifikati. Il-Eurostat se jissorvelja regolarment il-progress dwar l-adattamenti meħtieġa fis-sistemi ta’ produzzjoni nazzjonali fl-Istati Membri affettwati. Id-disponibbiltà tad-data diġà tjiebet bil-ħruġ ta’ data ta’ kull xahar (l-applikazzjonijiet għall-ażil) u trimestrali (id-deċiżjonijiet tal-prim’istanza dwar l-ażil, ir-ritorn) minn Marzu 2021 ’il quddiem.

Rekwiżiti ġodda għall-ġabriet tad-data obbligatorji dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita jridu jiġu implimentati għall-perjodi ta’ referenza applikabbli kollha minn Jannar 2021 ’il quddiem. Sabiex ikun żgurat proċess bla xkiel, matul l-2020 il-Eurostat ħadem ma’ esperti nazzjonali biex jirrevedi l-linji gwida tekniċi rilevanti għall-ġabriet tad-data skont dan, u f’Novembru 2020, il-Grupp ta’ Esperti approva l-verżjonijiet il-ġodda kollha. Barra minn hekk, il-proċessi ta’ produzzjoni kollha qegħdin jiġu aġġornati f’konformità mal-iskedi ta’ żmien rispettivi għall-ġabriet tad-data riveduti ta’ kull xahar, trimestrali u annwali – inklużi metodoloġiji aġġornati, mudelli ta’ rapportar, proċeduri u formati ta’ trażmissjoni tad-data, u regoli ta’ validazzjoni.

Kif meħtieġ mill-Artikolu 9b tar-Regolament, il-Kummissjoni qed tipprovdi kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit tal-UE biex tappoġġa l-azzjonijiet ta’ żvilupp jew ta’ implimentazzjoni meħtieġa fl-Istati Membri. L-istrumenti rilevanti huma għotjiet ipprovduti mill-Eurostat u appoġġ fil-qafas tal-Fond il-ġdid għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni 10 .

Barra minn hekk, il-Eurostat u l-Istati Membri komplew jinvestu fil-kwalità tad-data u fit-titjib metodoloġiku. L-ewwel nett, sar progress fix-xogħol fuq il-klassifikazzjoni ħażina tal-avvenimenti demografiċi; l-inklużjoni/l-esklużjoni ta’ persuni li jfittxu l-ażil u tar-refuġjati; il-koerenza bejn id-dominji bejn id-data dwar il-migrazzjoni, l-ażil u l-permessi ta’ residenza; u l-iżgurar ta’ bilanċ demografiku konsistenti. It-tieni nett, ġew stabbiliti ġabriet tad-data volontarji biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ politika li qed jevolvu malajr u b’hekk tinżamm rilevanza għolja fit-terminu qasir, inkluż data dwar minorenni mhux akkumpanjati li japplikaw għall-ażil, dwar ir-ritorn skont it-trimestru, u dwar il-migrazzjoni minn/lejn il-kompożizzjoni l-ġdida tal-UE wara l-ħruġ tar-Renju Unit. Dan l-aħħar, bil-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri u l-Eurostat żguraw li t-trażmissjonijiet u l-pubblikazzjonijiet tad-data jirrispettaw il-kalendarju tar-rilaxx tagħhom.

It-titjib tekniku għen biex tinżamm ir-rilevanza għolja tal-eżiti tal-istatistiċi iżda wkoll biex il-validazzjoni u l-ipproċessar tad-data jsiru aktar effiċjenti. Flimkien ma’ dan, bil-ġbir regolari kontinwu ta’ metadata ta’ kwalità estensiva, huwa possibbli li tiġi vvalutata u ssorveljata l-kwalità tad-data li tidħol. Fejn meħtieġ, intbagħtu ittri amministrattivi sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-obbligi legali.

3.Kwalità tal-istatistika prodotta 

Biex ixxerred din l-istatistika Ewropea, il-Kummissjoni (Eurostat) kompliet taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha. L-istituti nazzjonali tal-istatistika huma l-fornituri ewlenin tal-istatistika dwar il-flussi migratorji, l-akkwisti taċ-ċittadinanza u l-istokks tal-popolazzjoni. L-istatistika dwar il-permessi ta’ residenza u l-ażil normalment tingħata direttament mill-ministeri tal-intern jew mis-servizzi tal-immigrazzjoni. L-istatistika dwar il-kontrolli tal-fruntieri u t-tneħħija ta’ migranti mhux awtorizzati tiġi fornuta wkoll mill-ministeri tal-intern jew mis-servizzi tal-immigrazzjoni, jew inkella mill-awtoritajiet tal-pulizija.

Sabiex tiġi evalwata l-kwalità tad-data li tidħol, il-Eurostat jiġbor metadata estensiva u informazzjoni ta’ kwalità mill-Istati Membri. Ir-rapporti nazzjonali dwar il-metadata li jirriżultaw, li huma pubbliċi, iservu bħala għajnuna għall-kontrolli tal-kwalità, għall-evalwazzjoni u għal aktar titjib 11 . Dawn jgħinu lill-utenti jinterpretaw u jużaw l-istatistika b’mod korrett. Fit-taqsimiet li ġejjin, diversi dimensjonijiet ta’ kwalità huma indirizzati separatament.

3.1.Ir-rilevanza

Mir-rapport tal-2018, it-trażmissjonijiet tad-data ġeneralment baqgħu f’livell għoli ħafna ta’ kompletezza. Madankollu għad hemm xi kwistjonijiet, l-aktar għall-istatistika dwar il-proċeduri ta’ Dublin.

L-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali tintuża għall-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, l-affarijiet interni, l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, il-ġustizzja, ir-relazzjonijiet esterni, u d-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni tiddependi fuq id-data biex tħejji rapporti regolari, proposti ta’ politika u rapporti ta’ implimentazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u biex twettaq analiżi tal-politika.

Għall-perjodu 2014-2020, l-istatistika skont ir-Regolament intużat biex jiġu ddeterminati l-allokazzjonijiet baġitarji lill-Istati Membri skont il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, l-għotjiet ta’ status ta’ protezzjoni, il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet biex jibqgħu għal raġunijiet speċifiċi, ir-ritorn) u l-Fond għas-Sigurtà Interna – Fruntieri u Viżi (numru ta’ persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma tħallewx jidħlu fil-fruntieri esterni). Regoli simili ta’ allokazzjoni huma previsti mill-ġdid għal xi fondi ġodda tal-UE matul l-2021-2027. L-allokazzjonijiet ta’ finanzjament nazzjonali skont il-Fond il-ġdid għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ara n-nota f’qiegħ il-paġna 10) jiddependu fuq l-aħħar statistika annwali tal-Eurostat (li tkopri t-3 snin kalendarji preċedenti) dwar persuni li applikaw għal protezzjoni internazzjonali jew li ngħataw protezzjoni internazzjonali, persuni risistemati, għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti b’mod legali, persuni obbligati jitilqu, u persuni rritornati. L-Istrument il-ġdid għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi 12 (bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri) jibbaża fuq l-aktar statistika Ewropea reċenti dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma tħallewx jidħlu fil-fruntieri esterni tal-art jew tal-baħar jew fl-ajruporti.

Aġenziji tal-UE relatati mal-migrazzjoni bħall-Frontex u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil, li magħhom il-Eurostat jaħdem mill-qrib fuq il-ġbir tad-data u l-metodoloġija statistika, jużaw ukoll din l-istatistika. Eżempji oħrajn huma l-pubblikazzjonijiet taċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija 13 , li jopera taħt iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni, u tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni 14 . L-Eurostat huwa kontributur ewlieni bi statistika għal pubblikazzjonijiet bħal dawn.

Fl-aħħar nett, utenti regolari tal-istatistika jinkludu amministrazzjonijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet internazzjonali, riċerkaturi akkademiċi u gruppi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti, inkluż l-integrazzjoni tal-immigranti, l-iżvilupp u l-monitoraġġ ta’ proċeduri tal-ażil u l-immigrazzjoni nazzjonali, u l-projezzjonijiet tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol.

3.2.L-akkuratezza

B’mod ġenerali, l-Istati Membri qed iżommu b’mod kostanti jew saħansitra qed itejbu l-akkuratezza tal-istatistika f’livell għoli. Madankollu, għad hemm kwistjonijiet speċifiċi ta’ akkuratezza għad-data dwar il-migrazzjoni internazzjonali. Dawn huma relatati kemm man-nuqqas ta’ kopertura (jiġifieri persuni li ma jirreġistrawx fil-post ta’ residenza tagħhom) kif ukoll mal-kopertura żejda (jiġifieri persuni li ma jagħmlux dereġistrazzjoni, minħabba li spiss ma jkun hemm l-ebda obbligu jew inċentiva biex isir dan). Biex tkompli tittejjeb l-akkuratezza f’dan il-qasam, l-Istati Membri jiskambjaw id-data ma’ Stati Membri oħrajn, u jużaw tekniki ta’ stima u sorsi ta’ data amministrattiva addizzjonali. Il-libertà tal-moviment fl-UE u kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data personali jillimitaw aktar titjib fil-kwalità tal-istatistika dwar il-migrazzjoni, speċjalment fir-rigward taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqilqu u jirrisjedu fi Stat Membru ieħor.

3.3.Il-prontizza u l-puntwalità

Skont it-tip ta’ data kkonċernata, l-iskadenza għat-tressiq tad-data hija ta’ bejn xahrejn (2) u 12-il xahar wara d-data ta’ referenza jew wara tmiem il-perjodu ta’ referenza. Il-proċeduri ta’ estrazzjoni awtomatizzati fil-livell nazzjonali u l-monitoraġġ regolari mill-Eurostat ġeneralment jiżguraw l-għoti puntwali tad-data. B’mod partikolari, l-iskadenzi għat-trażmissjoni tad-data huma ġeneralment osservati, b’xejriet fil-biċċa l-kbira kostanti jew bi ftit titjib mill-2018, b’xi kwistjonijiet jibqgħu biss għall-istatistika dwar il-proċeduri ta’ Dublin. Kwistjonijiet oħrajn mhux rikorrenti jibqgħu rari, pereżempju l-interruzzjonijiet iżolati minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-persunal jew in-nuqqas ta’ funzjonament tas-sistemi komputazzjonali. Il-pandemija tal-COVID-19 ma affettwatx l-implimentazzjoni tal-kalendarju tar-rilaxx.

3.4.L-aċċessibbiltà

Id-data statistika u l-metadata huma disponibbli liberament fuq is-sit web tal-Eurostat taħt it-tema Popolazzjoni 15 . Barra minn hekk, din l-istatistika tidher f’artikli ta’ Statistics Explained aġġornati regolarment 16 u f’pubblikazzjonijiet ta’ kompendju bħal Key figures on Europe (edizzjoni tal-2020) 17 jew bħal Report on the impact of demographic change tal-2020 18 (li jippreżenta data dwar il-flussi migratorji u l-istokk tal-popolazzjoni skont iċ-ċittadinanza).

L-istatistika prodotta skont ir-Regolament tibqa’ fost l-aktar statistika Ewropea kkonsultata b’mod wiesa’. Mill-2016, l-“istatistika internazzjonali dwar il-migrazzjoni” kklassifikat l-ewwel fost it-taqsimiet tematiċi fuq is-sit web, b’interess tal-utent dejjem għoli sa dan il-jum. Bl-istess mod, fuq is-sit web Statistics Explained, l-artiklu kontinwu dwar l-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-popolazzjoni tal-migranti 19 stabbilixxa lilu nnifsu mill-2016 bħala waħda mill-aktar paġni li nqraw. Mill-2018, il-Eurostat ipproduċa 42 pubblikazzjoni dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita. L-artiklu kontinwu Statistics Explained dwar l-istatistika annwali dwar l-ażil 20 kien popolari ħafna b’madwar 200 000 żjara fis-sena mill-2018. Din l-istatistika hija wkoll viżibbli ħafna fil-kanali tal-midja soċjali tal-Eurostat.

3.5.Il-komparabbiltà

Il-linji gwida metodoloġiċi u ta’ kompilazzjoni ilhom fis-seħħ u tjiebu regolarment għall-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali, l-akkwist taċ-ċittadinanza, l-ażil, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni, u l-permessi ta’ residenza. Dawn jgħinu lill-Istati Membri jiżguraw il-komparabbiltà li ġeneralment tkun f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet internazzjonali.

L-istatistika internazzjonali dwar il-migrazzjoni qed tibqa’ tkun konsistenti ħafna mal-ġabriet tad-data demografiċi koperti mir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 21 , wara ftehim milħuq mal-Istati Membri biex japplikaw l-istess definizzjonijiet u tqassimiet ta’ età, u dwar id-definizzjoni tal-aggregati tal-UE. Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà, il-Eurostat jivverifika jekk id-data riċevuta hijiex konsistenti internament u maż-żmien, u jekk hijiex komparabbli bejn ir-reġjuni u l-pajjiżi. Fir-rigward tal-komparabbiltà bejn il-pajjiżi, ir-Regolament jistabbilixxi definizzjonijiet armonizzati għad-data dwar il-fluss migratorju. Il-problemi li japplikaw definizzjonijiet speċifiċi għall-istatistika dwar il-flussi migratorji u l-akkwist taċ-ċittadinanza kienu fost dawk l-aktar diffiċli li jiġu indirizzati. Mir-rapport tal-2018, id-data mibgħuta ġeneralment baqgħet konformi ħafna għall-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-akkwist taċ-ċittadinanza. Madankollu, id-data dwar il-popolazzjoni tal-migranti skont ir-Regolament tista’ tkun abbażi tad-definizzjonijiet ta’ residenza abitwali jew residenza legali jew irreġistrata. Din il-flessibbiltà tintuża biex jinkiseb sett konsistenti bis-sħiħ ta’ data dwar il-popolazzjoni fil-livell nazzjonali għad-detriment ta’ komparabbiltà mnaqqsa bejn il-pajjiżi (ara t-Taqsima 3.6). Dan huwa wieħed mill-punti tat-tluq għal armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u kunċettwali usa’ fl-istatistika għad-demografija u l-migrazzjoni internazzjonali (ara t-Taqsima 4.2).

Fir-rigward tal-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita, l-Istati Membri ġeneralment għandhom livell tajjeb ta’ konformità mad-definizzjonijiet. Xi kwistjonijiet speċifiċi jippersistu fi ftit Stati Membri, iżda l-aktar fil-livell tat-tqassimiet tas-subkategoriji. Il-Eurostat, f’kooperazzjoni mal-esperti nazzjonali, qed iħejji glossarju dedikat biex jiġu armonizzati aktar dawn id-dominji. Dan ix-xogħol diġà huwa avvanzat ħafna, u l-glossarju huwa mistenni li jiġi ppubblikat fl-2021.

3.6.Il-koerenza

Ir-Regolament iħalli lill-Istati Membri jiddefinixxu l-popolazzjoni ta’ migranti bħala li normalment tkun residenti jew, f’inadempjenza, tkun residenti legalment jew irreġistrata. Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li d-data dwar il-popolazzjoni skont l-Artikolu 3 tiegħu tkun konsistenti mad-data dwar il-popolazzjoni ta’ migranti meħtieġa skont l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, peress li l-istatistiċi u d-demografi jużaw sistematikament din id-data dwar il-popolazzjoni flimkien. Madankollu, għad hemm kwistjonijiet ġenerali. Pereżempju, minħabba diskrepanza kurrenti fl-armonizzazzjoni fil-bażijiet legali kollha, id-definizzjonijiet u l-applikazzjonijiet tal-bażi tal-popolazzjoni bejn il-flussi tal-migrazzjoni internazzjonali u statistika demografika oħra ma humiex koerenti biżżejjed. Dan se jkun punt kruċjali meta armonizzazzjoni tad-definizzjonijiet u kunċettwali usa’ fl-istatistika tal-popolazzjoni kollha kemm hi – li tkopri ċ-ċensiment, id-demografija u l-migrazzjoni internazzjonali – tiġi indirizzata b’mod aktar komprensiv fil-livell tal-UE (ara t-Taqsima 4.2).

Mill-2018, il-Eurostat għamel ukoll sforzi biex jivvaluta kemm il-konsistenza bejn id-dominju (eż. fid-dominji tal-ażil jew tal-permessi ta’ residenza) kif ukoll il-koerenza bejn id-dominji (bejn l-ażil, il-permessi ta’ residenza u l-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali). F’dan ix-xogħol, ġew identifikati kemm sinerġiji kif ukoll differenzi bejn l-istatistika dwar il-permessi ta’ residenza għall-ewwel darba maħruġa lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali fit-tul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Sejbiet aktar dettaljati huma ppubblikati fil-metadata tal-Eurostat 22 u ġew ippreżentati lis-Sessjoni ta’ Ħidma dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni fl-2018 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

Fejn ikun possibbli li jsiru paraguni, grad għoli ta’ koerenza ġeneralment jista’ jidher b’data miġbura u ppubblikata x’imkien ieħor minn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Il-Eurostat jikkoopera mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil u mal-Frontex biex jiżgura l-koerenza tal-metodoloġija u tal-istatistika mal-metodoloġiji applikati u mad-data miġbura minn dawn l-aġenziji.

Il-Eurostat jipparteċipa fil-Grupp ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatistika tar-Refuġjati u tal-Persuni Spostati Internament (EGRIS) 23 . Il-Eurostat kien wieħed mill-fundaturi ta’ dan il-grupp ta’ esperti internazzjonali u għadu membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija tiegħu. L-Eurostat qed jikkontribwixxi għax-xogħol tal-grupp mhux biss b’kontribuzzjonijiet metodoloġiċi u bil-miktub għad-diversi eżiti tal-grupp iżda wkoll b’mod amministrattiv u finanzjarju. Ix-xogħol ta’ dan il-grupp wassal għall-approvazzjoni min-Nazzjonijiet Uniti (NU), fl-2018, tar-Rakkomandazzjonijiet Internazzjonali dwar l-Istatistika tar-Refuġjati 24 u, fl-2020, tar-Rakkomandazzjonijiet Internazzjonali dwar l-Istatistika tal-Persuni Spostati Internament 25 akkumpanjati mill-Manwal tal-Kumpilaturi dwar l-Istatistika tal-Ispostament 26 . Dawn ir-rakkomandazzjonijiet stabbilixxew l-istandards globali għall-produzzjoni tal-istatistika dwar l-ispostament furzat. Pereżempju, huma jitolbu li jingħalqu l-lakuni u li jiġu żgurati standards xierqa fl-istatistika dwar it-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati u l-persuni b’diżabbiltà spostati b’mod furzat. Matul l-2020, l-EGRIS kompla wkoll bix-xogħol tiegħu dwar ir-Rakkomandazzjonijiet Internazzjonali dwar l-Istatistika tal-Apolidija, skedati għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2022.

Il-Eurostat huwa membru tal-Grupp ta’ Tmexxija tal-UNECE dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni 27 u jipparteċipa regolarment fis-Sessjonijiet tax-Xogħol tal-UNECE dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni. F’dan il-kuntest, il-Eurostat ippreżenta xogħol dwar il-komparabbiltà tal-permessi ta’ residenza u l-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali u dwar il-karatteristiċi tal-produzzjoni tal-istatistika dwar il-migrazzjoni ċirkolari. L-Eurostat ikkontribwixxa wkoll għall-Gwida dwar l-Integrazzjoni tad-Data għall-Kejl tal-Migrazzjoni 28 u għall-Gwida dwar l-użu ta’ data lonġitudinali għall-istatistika dwar il-migrazzjoni 29 tal-UNECE. Fl-aħħar nett, il-Eurostat jipparteċipa fil-Grupp ta’ Esperti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni 30 , li qed jaħdem fuq reviżjoni tar-Rakkomandazzjonijiet dwar l-Istatistika tal-Migrazzjoni Internazzjonali tan-NU . B’mod partikolari, il-Eurostat ikkontribwixxa għal diskussjonijiet fit-Task Force tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Kunċetti u Definizzjonijiet Ewlenin relatati mal-Migrazzjoni Internazzjonali, li l-mandat tagħhom ikopri prattiki madwar id-dinja fl-istatistika dwar il-migrazzjoni nazzjonali u jesplora definizzjonijiet alternattivi tal-migrazzjoni.

4.Xogħol li għaddej biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ politika kurrenti u li qed jevolvu

4.1.Il-pilotaġġ ta’ statistika ġdida dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita

Fl-ambjent dinamiku tal-politika, pereżempju fid-dawl tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil li l-Kummissjoni adottat f’Settembru 2020 31 , il-ħtiġijiet għal statistika ġdida għadhom qed jevolvu malajr 32 . Ir-Regolament, kif emendat fl-2020, antiċipa dan sa ċertu punt billi fl-Artikolu 9a introduċa mekkaniżmu għall-pilotaġġ tal-ġbir u t-tixrid ta’ statistika ġdida dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita. Dan il-mekkaniżmu jinkludi żewġ approċċi komplementari, jiġifieri fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali. F’konformità mal-Artikolu 9a, sa Lulju 2022, il-Eurostat se jirrapporta pubblikament dwar il-progress ġenerali li jkun sar.

L-Artikolu 9a(2) jagħti mandat lill-Eurostat biex jivvaluta jekk l-istatistika l-ġdida tistax tkun ibbażata fuq informazzjoni disponibbli f’sorsi amministrattivi rilevanti fil-livell tal-UE. Ir-Regolament jirrikonoxxi li tali produzzjoni fil-livell tal‑UE, fejn possibbli u fattibbli, tibbenefika minn aktar effiċjenza u armonizzazzjoni minn sforzi nazzjonali ġodda. Is-sorsi potenzjali rilevanti tal-UE f’dan il-kuntest huma żviluppati u miżmuma mill-eu-LISA 33 . B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Eurostat jibbenefika mir-repożitorju ċentrali għar-rapportar u għall-istatistika (CRRS) li l-eu‑LISA bħalissa qed tiżviluppa biex tipprovdi data statistika trasversali għal finijiet ta’ politika abbażi ta’ data anonimizzata estratta mis-sistemi tal-IT fuq skala kbira tal-UE 34 . Il-Eurostat diġà beda x-xogħol esploratorju inizjali f’din id-direzzjoni sa mill-2018, bi sforzi saħansitra akbar mill-2020 biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni bla xkiel possibbli tar-Regolament.

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 35 jistabbilixxi qafas wiesa’ li jippermetti dan l-ipproċessar għal finijiet statistiċi, u l-Artikolu 17a tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 36 jagħti lill-Eurostat mandat speċjali fil-livell tal-UE għal dan. Madankollu, il-leġiżlazzjoni li bħalissa hija fis-seħħ li tirregola kull sistema mħaddma mill-eu-LISA, inkluż is-CRRS, ma tippermettix il-produzzjoni ta’ rapporti statistiċi oħrajn għajr dawk iddikjarati b’mod espliċitu f’dawn it-testi legali. Dan jeskludi ħafna mill-informazzjoni statistika rilevanti disponibbli fis-sistemi tas-sors mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRRS u għalhekk jillimita l-utilità tas-CRRS ferm taħt il-potenzjal sħiħ tagħha. Filwaqt li l-Kummissjoni kollha kemm hi se tkompli tesplora soluzzjonijiet xierqa biex tuża aħjar dawn is-sistemi tas-sors għal finijiet statistiċi fit-terminu medju jew twil, il-ħtiġijiet urġenti ta’ politika għal statistika ġdida jiġġustifikaw il-proċediment malajr b’mod parallel mal-approċċ nazzjonali ta’ pilotaġġ.

Wara l-valutazzjoni fil-livell tal-UE, skont ir-Regolament, il-Eurostat għandu l-mandat li jistabbilixxi studji pilota volontarji mal-Istati Membri biex jittestja l-fattibbiltà fil-livell nazzjonali ta’ ġabriet tad-data ġodda jew ta’ tqassimiet tad-data ġodda. Tali studji pilota se jkopru d-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ data xierqa, metodi u tekniki ta’ kompilazzjoni, kwalità u komparabbiltà tal-istatistika, u kostijiet u piżijiet addizzjonali involuti. Jeħtieġ li l-istudji pilota jkunu rappreżentattivi fil-livell tal-UE, sabiex il-Eurostat ikun jista’ jevalwa r-riżultati fil-livell tal-UE bil-ħsieb li jitqiesu l-atti ta’ implimentazzjoni biex jiġu rregolati il-ġabriet tad-data rispettivi.

Il-Eurostat nieda proġett biex jorganizza l-pilotaġġ ta’ statistika ġdida. Għal dan il-għan, il-ħtiġijiet tad-data tal-politika ġew ikklassifikati skont il-prijorità. Il-Eurostat bħalissa qed janalizza r-rispons mill-fornituri nazzjonali tad-data dwar id-disponibbiltà ta’ sorsi ta’ data xierqa fil-livell nazzjonali. Soġġett għas-sorsi disponibbli u għall-Istati Membri volontarji, l-ewwel studji pilota nazzjonali huma mistennija li jibdew fl-2022.

4.2.Ir-rieżami tal-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali

Jeżistu xi lakuni fid-data fl-istatistika internazzjonali dwar il-migrazzjoni, eż. it-tqassimiet tal-istokks tal-popolazzjoni skont il-pajjiż uniku taċ-ċittadinanza, u l-migrazzjoni skont il-pajjiż ta’ residenza preċedenti/li jmiss uniku. Il-puntwalità u l-frekwenza tal-ġabriet tad-data mhumiex biżżejjed biex jipprovdu informazzjoni adegwata dwar il-migrazzjoni relatata mas-sitwazzjoni ta’ wara l-Brexit u l-COVID-19. Dettall ġeografiku insuffiċjenti jikkontribwixxi għan-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata tal-politiki reġjonali jew lokali. Dawn id-dgħufijiet probabbilment ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta’ ġabriet tad-data volontarji. Hemm bżonn ta’ aktar titjib fil-kwalità fil-futur, b’mod partikolari biex jiżdiedu l-puntwalità, il-komparabbiltà u l-koerenza, u biex jimtlew il-lakuni fid-data. Dawn il-kwistjonijiet huma konnessi mal-problema aktar fundamentali li tirriżulta mill-bażijiet legali separati kurrenti għall-istatistika Ewropea relatata mal-popolazzjoni, u n-nuqqas ta’ approċċ integrat dwar ir-rekwiżiti tad-data.

B’konsegwenza ta’ dan, fir-rigward tal-istatistika dwar l-istokk tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni internazzjonali, il-qafas legali kurrenti seta’ laħaq il-limiti tiegħu biex jindirizza l-kwistjonijiet kunċettwali u ta’ armonizzazzjoni msemmija hawn fuq. Dan qed jiġi indirizzat f’reviżjoni futura komprensiva u koerenti tal-qafas legali li jkopri ċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar, id-demografija u l-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali. Bħalissa qed titħejja inizjattiva ġdida korrispondenti dwar l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni 37 . Soġġett għal evalwazzjoni u valutazzjoni tal-impatt, se jkollha l-għan li timmodernizza u tintegra l-aspetti rilevanti kollha tal-istatistika tal-popolazzjoni Ewropea f’qafas legali koerenti u aktar flessibbli.

Dan ikun jinvolvi xi emendi konsegwenzjali għar-Regolament, essenzjalment il-ħtieġa li jitħassar l-Artikolu 3 dwar l-istokks tal-popolazzjoni tal-migranti u l-istatistika dwar il-migrazzjoni internazzjonali. Fir-rigward tal-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita, minħabba l-emenda riċenti tal-Artikoli 4 sa 7 tar-Regolament, il-kontinwità u l-istabbiltà issa huma meħtieġa għall-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita biex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa mal-fornituri nazzjonali tad-data. Barra minn hekk, huwa ppjanat l-ittestjar ta’ statistika ġdida biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet emerġenti tal-politika tal-UE.

5.Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

Ir-Regolament tejjeb b’mod ċar l-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali. L-emenda reċenti tagħha tejbet l-istatistika dwar l-ażil u l-migrazzjoni ġestita, speċifikament dwar ir-ritorn, ir-risistemazzjoni, il-permessi ta’ residenza u t-tfal migranti. Barra minn hekk, mir-rapport tal-2018, il-kwalità ġenerali stabbilizzat ruħha f’livell ġeneralment għoli. L-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 kienet ta’ benefiċċju wkoll għall-kwalità tal-istatistika. L-istatistika prodotta għall-perjodi ta’ referenza bejn l-2018 u l-2020 tibqa’ fost l-aktar statistika Ewropea rilevanti u użata b’mod wiesa’, li taqdi l-politiki tal-UE u nazzjonali, il-korpi mhux governattivi u l-pubbliku ġenerali. Madankollu, il-limitazzjonijiet strutturali tar-Regolament biex iwieġeb għall-ħtiġijiet ta’ politika li qed jevolvu saru aktar stabbiliti f’dawn l-aħħar snin, speċjalment għall-istatistika dwar il-flussi tal-migrazzjoni internazzjonali, l-istokks tal-popolazzjoni, u l-akkwisti taċ-ċittadinanza. Huwa probabbli li l-leġiżlazzjoni kurrenti ma tistax tindirizza dawn il-lakuni fid-data u l-kwistjonijiet ta’ komparabbiltà.

Għalhekk qed jittieħdu l-azzjonijiet li ġejjin:

1.L-implimentazzjoni tar-Regolament, kif emendat fl-2020, jiġifieri l-aspetti metodoloġiċi u tekniċi tal-produzzjoni ta’ statistika obbligatorja riveduta mill-perjodi ta’ referenza fl-2021 ’il quddiem. Dan jinkludi t-titjib tas-sorsi tad-data u tas-sistemi tal-IT, bil-fornituri nazzjonali tad-data jirċievu appoġġ finanzjarju xieraq mill-baġit tal-UE biex jagħmlu dan matul is-snin li ġejjin.

2.Il-pilotaġġ ta’ statistika ġdida prevista mir-Regolament biex jiġu indirizzati l-aħħar ħtiġijiet ta’ politika li jirriżultaw mill-Patt il-Ġdid propost dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Kif stipulat, l-Eurostat l-ewwel qed jivvaluta jekk l-istatistika l-ġdida tistax tkun ibbażata fuq informazzjoni disponibbli f’sorsi amministrattivi fil-livell tal-UE, fejn is-sistemi sorsi tal-IT miżmuma mill-eu-LISA huma l-aktar rilevanti. B’mod parallel, il-Eurostat qed jistabbilixxi wkoll studji pilota u appoġġ finanzjarju fil-livell nazzjonali biex tiġi indirizzata l-aktar statistika ġdida meħtieġa b’mod urġenti.

3.It-tħejjija ta’ qafas legali koerenti futur għall-istatistika tal-popolazzjoni Ewropea f’kuntest usa’. Dan il-qafas jinkorpora u jestendi l-istatistika dwar il-flussi ta’ migrazzjoni internazzjonali u intra-UE, l-istokks tal-popolazzjoni u l-akkwist u t-telf taċ-ċittadinanza billi jiżgura data affidabbli, dettaljata u komparabbli dwar l-avvenimenti ta’ migrazzjoni, dwar id-daqs, id-destinazzjonijiet u l-oriġini tal-flussi ta’ migrazzjoni, u dwar il-karatteristiċi demografiċi, migratorji u soċjoekonomiċi tal-popolazzjonijiet ta’ migranti. 38

(1)  Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta’ statistika dwar ħaddiema barranin ( ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23 ).
(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31 ).
(3)   COM(2012) 528 .
(4)   COM(2015) 374 .
(5)   COM(2018) 594 .
(6)   COM(2018) 307 .
(7)  Ir-Regolament (UE) 2020/851 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali ( ĠU L 198, 22.6.2020, p. 1 ).
(8)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/431 tal-10 ta’ Marzu 2021 li tagħti derogi lil ċerti Stati Membri mir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali ( ĠU L 86, 12.3.2021, p. 5 ).
(9) Il-Belġju, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Iżvezja.
(10)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ( ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1 ).
(11)   http://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/EN/migr_eil_esqrs.htm (bl-Ingliż biss); http://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/migr_res_esms.htm (bl-Ingliż biss); https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/demo_pop_esms.htm (bl-Ingliż biss); https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/migr_immi_esms.htm (bl-Ingliż biss); https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/migr_acqn_esms.htm (bl-Ingliż biss).
(12)

 Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi ( ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48 ).

(13)   https://knowledge4policy.ec.europa.eu/organisation/kcmd-knowledge-centre-migration-demography_en .
(14)

  Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN) , eż.  . https://ec.europa.eu/home-affairs/content/emn-annual-report-migration-and-asylum-2019_en (bl-Ingliż biss).

(15)   https://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography/overview   ( bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).
(16)   http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Population u https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Asylum_and_migration (bl-Ingliż biss).
(17)   https://ec.europa.eu/eurostat/en/web/products-statistical-books/-/KS-EI-20-001   ( bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż).
(18)   COM(2020) 241 u SWD(2021) 46 li jakkumpanjawha (bl-Ingliż biss).
(19)   http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Migration_and_migrant_population_statistics .
(20)   https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Asylum_statistics .
(21)  Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea ( ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39 ).
(22)   https://ec.europa.eu/eurostat/cache/metadata/en/migr_immi_esms.htm (bl-Ingliż biss).
(23)   http://ec.europa.eu/eurostat/web/expert-group-on-refugee-statistics/home (bl-Ingliż biss).
(24)   https://unstats.un.org/unsd/statcom/49th-session/documents/BG-Item3m-RefugeeStat-E.pdf (bl-Ingliż biss).
(25)   https://unstats.un.org/unsd/statcom/51st-session/documents/BG-item-3n-international-recommendations-on-IDP-statistics-E.pdf (bl-Ingliż biss).
(26)   https://unstats.un.org/unsd/statcom/51st-session/documents/BG-item-3n-compilers-manual-E.pdf (bl-Ingliż biss).
(27)   https://unece.org/statistics/networks-of-experts/steering-group-migration-statistics  
(28)   https://unece.org/DAM/stats/publications/2018/ECECESSTAT20186.pdf  
(29)   https://unece.org/sites/default/files/2021-03/ECECESSTAT20206.pdf  
(30)   https://unstats.un.org/unsd/demographic-social/migration-expert-group/
(31)   COM(2020) 609 .
(32) Il-ħtiġijiet tad-data ġodda tentattivi jinkludu karatteristiċi ġodda tal-applikazzjonijiet għall-ażil (il-proċedura aċċellerata jew tal-fruntiera, id-dokumenti tal-identità ppreżentati, il-kura u l-aċċess għall-edukazzjoni ta’ minorenni mhux akkumpanjati), statistika aktar frekwenti (trimestrali) dwar persuni risistemati, il-proċeduri ta’ Dublin u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma tħallewx jidħlu jew li nstabu li kienu preżenti b’mod illegali, id-diżaggregazzjoni għal ċerti indikaturi (jiġifieri d-dħul miċħud, l-arrest u l-qsim illegali tal-fruntieri diżaggregati minn minorenni mhux akkumpanjati; iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi żbarkati wara operazzjonijiet ta’ tiftix u ta’ salvataġġ diżaggregati skont in-nazzjonalità, l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u minorenni mhux akkumpanjati), kif ukoll karatteristiċi ġodda ta’ persuni obbligati jitilqu (it-tip u d-durata tad-detenzjoni, jekk applikabbli) jew irritornati (il-pajjiż tad-destinazzjoni, it-tip ta’ ftehim/arranġament ta’ riammissjoni bilaterali jew fil-livell tal-UE użat).
(33)  L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operazzjonali tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA). Is-sistemi eu-LISA potenzjalment rilevanti huma s-sistema Ewropea għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-ażil (Eurodac), is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES).
(34)  L-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża ( ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27 );L-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni ( ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85 ).
(35)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-movement liberu ta’ tali data ( ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39 ).
(36)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea ( ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164 ).
(37)   https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12958-Gbir-tad-data-l-istatistika-Ewropea-dwar-il-popolazzjoni-ESOP-_mt  
(38) L-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt se jindirizzaw il-ħtiġijiet għal karatteristiċi addizzjonali tal-popolazzjoni, eż. diversi dettalji tal-lokalizzazzjoni subnazzjonali jew subreġjonali, l-ugwaljanza, il-karatteristiċi kontra d-diskriminazzjoni, il-vulnerabbiltà u d-diżabbiltà ta’ gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni, inklużi l-popolazzjonijiet ta’ migranti.