EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015DC0374

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali (Text with EEA relevance)

COM/2015/0374 final

Brussell, 30.7.2015

COM(2015) 374 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali

(Text with EEA relevance)


1.L-Introduzzjoni

L-għan ewlieni tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali 1 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament") huwa l-ġbir u l-kompilazzjoni ta’ statistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali.

Dan ir-rapport huwa segwitu tal-ewwel wieħed li ġie addottat mill-Kummissjoni f'Settembru 2 2012 bi qbil mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

B’mod partikolari, l-Artikolu 12 tiegħu jistipula li "Sal-20 ta’ Awwissu 2012 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istatistika kompilata skont dan ir-Regolament u l-kwalità tagħha."

Dan ir-rapport jiddokumenta l-livell ta' progress tal-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni (Eurostat), fl-implimentazzjoni tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

2.L-istatistika koperta b’dan ir-Regolament

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 jikkonċerna l-kompilazzjoni tal-istatistika Ewropea relatata mal-migrazzjoni u mal-protezzjoni internazzjonali (l-ażil). L-oqsma ewlenin tal-istatistika rregolati mir-Regolament huma:

Il-flussi tal-migrazzjoni internazzjonali diżaggregati skont il-grupp taċ-ċittadinanza, il-grupp tal-pajjiż tat-twelid, il-grupp tal-pajjiżi tar-residenza preċedenti/li jmiss u skont l-età u s-sess; l-istokkijiet tal-popolazzjoni diżaggregati skont il-grupp taċ-ċittadinanza u l-grupp tal-pajjiż tat-twelid u skont l-età u s-sess, l-akkwist taċ-ċittadinanza skont il-pajjiż taċ-ċittadinanza preċedenti (l-Artikolu 3);

L-applikazzjonijiet għall-ażil, id-deċiżjonijiet tal-ewwel istanza u fuq appell li jagħtu jew jirtiraw forom differenti ta' status ta' protezzjoni internazzjonali, l-applikazzjonijiet għall-ażil minn minorenni mhux akkumpanjati, diżaggregati skont iċ-ċittadinanza; u l-istatistika dwar l-applikazzjoni tar-Regolament ta' Dublin III 3 mill-Istati Membri (l-Artikolu 4);

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma tħallewx jidħlu fl-Istat Membru fil-fruntiera esterna, ċittadini ta' pajjiżi terzi li nstab li kienu fl-Istat Membru b’mod illegali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-immigrazzjoni, diżaggregati skont iċ-ċittadinanza (l-Artikolu 5);

Permessi ta' residenza maħruġa lil ċittadini ta' pajjiżi terzi, diżaggregati skont iċ-ċittadinanza, it-tul tal-validità tal-permess u skont ir-raġuni (kategorija tal-immigrazzjoni) għalfejn ikun inħareġ il-permess (l-Artikolu 6);

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li ngħataw l-ordni li jħallu t-territorju tal-Istat Membru skont il-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni, u ċittadini ta' pajjiżi terzi li ġew irreġistrati li se jitilqu wara li tkun inħarġitilhom tali ordni, diżaggregati skont iċ-ċittadinanza (l-Artikolu 7).

Bħala parti mill-proċess tal-implimentazzjoni, il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa u tmantni kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali differenti involuti fil-produzzjoni u l-forniment tad-dejta għar-Regolament. L-istatistika dwar il-flussi migratorji u l-istokkijiet tal-popolazzjonijiet huma ġeneralment fornuti lill-Kummissjoni (Eurostat) mill-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSI). L-istatistika dwar il-permessi ta’ residenza u l-ażil normalment tingħata direttament mill-Ministeri tal-Intern jew mis-servizzi tal-immigrazzjoni. L-istatistika dwar il-kontrolli tal-fruntieri u l-ħruġ ta' migranti mhux awtorizzati tista' wkoll tiġi fornuta mill-Ministeri tal-Intern jew mis-servizzi tal-immigrazzjoni, jew mill-awtoritajiet tal-pulizija.

Il-karatteristiċi ewlenin ta’ din l-istatistika jidhru fit-Tabella 1 hawn taħt.

Tabella 1: Karatteristiċi ewlenin tal-istatistika fornuta skont ir-Regolament (KE) Nru 862/2007

Artikolu 3

Il-flussi migratorji, l-istokkijiet tal-popolazzjonijiet, l-akkwist taċ-ċittadinanza

Artikolu 4

L-ażil

L-Artikoli 5 u 7

L-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni

Artikolu 6

Il-permessi ta' residenza

Il-kopertura ġeografika

36 pajjiż (32 pajjiż tal-UE/EFTA)

32 pajjiż tal-UE/EFTA

32 pajjiż tal-UE/EFTA

32 pajjiż tal-UE/EFTA

L-ewwel sena ta’ ġbir ta’ dejta

2008

2008

2008

2008

Frekwenza

Annwali

Kull xahar/kull tliet xhur/annwali

Annwali

Annwali

L-iskadenza għat-trażmissjoni tad-dejta

12-il xahar wara tmiem is-sena ta’ referenza

xahrejn wara
l-perjodu ta' referenza (PR) għad-dejta ta' kull xahar/ta' kull tliet xhur

3 xhur wara l-PR għad-dejta annwali

3 xhur wara tmiem is-sena ta’ referenza

6 xhur wara tmiem is-sena ta’ referenza

Il-fornituri tad-dejta

L-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika

Il-Ministeri tal-Intern (jew l-Aġenziji tal-Immigrazzjoni relatati)

Il-Ministeri tal-Intern, l-Aġenziji tal-Immigrazzjoni jew il-Pulizija tal-Fruntiera.

Il-Ministeri tal-Intern (jew l-Aġenziji tal-Immigrazzjoni relatati)

3.Leġiżlazzjoni rilevanti oħra

Mill-2012 'l hawn, daħlu fis-seħħ żewġ atti legali ġodda fil-qasam tal-istatistika demografika. Dawn huma rilevanti għall-kumpilazzjoni tal-istatistika dwar il-flussi migratorji internazzjonali u l-istokkijiet tal-popolazzjonijiet diżaggregati skont il-gruppi taċ-ċittadinanza u tal-pajjiż tat-twelid skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007, b'mod partikolari rigward il-konsistenza tas-settijiet ta' statistika mitluba:

1.Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea 4 ;

2.Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 205/2014 tal-4 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika demografika, fir-rigward tat-tqassim tad-dejta, tal-iskadenzi u tar-reviżjonijiet tad-dejta 5 .

Barra minn hekk, daħlu fis-seħħ ukoll atti leġiżlattivi oħra fil-qasam tal-migrazzjoni legali. Dawn l-atti huma rilevanti għall-kumpilazzjoni tal-istatistika tal-permessi tar-residenza skont l-Artikolu 6 tar-Regolament u ddaħħlu (jew se jiddaħħlu dalwaqt) f'din il-ġabra ta' dejta:

1.Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin 6 (il-ġbir tad-dejta nbeda fl-2013 bis-sena ta' referenza 2012);

2.Id-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru 7 , (il-ġbir tad-dejta nbeda fl-2014 bis-sena ta' referenza 2013);

3.Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali 8 (il-ġbir tad-dejta se jinbeda fl-2018 bis-sena ta' referenza 2017);

4.Id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-ażjendali 9 (il-ġbir tad-dejta se jinbeda fl-2018 bis-sena ta' referenza 2017).

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 sar vinkolanti għall-Kroazja malli din issieħbet fl-Unjoni Ewropea f'Lulju tal-2013, u b'mod impliċitu, ir-referenzi kollha għall-aggregati mitluba bdew jirreferu għall-UE28.

Minħabba l-bażi ġuridika differenti, l-istatistika li ngħatat fil-qafas tal-atti legali msemmijin hawn fuq mhijiex inkluża fl-evalwazzjoni tal-kwalità li tidher hawn taħt u se tkun is-suġġett ta' rapporti ta' evalwazzjoni speċifiċi, kif inhu mitlub f'dawn l-atti legali partikolari.

4.Il-progress ġenerali li sar mir-rapport tal-2012

Mill-aħħar rapport tal-2012, żdiedet sew id-disponibbiltà u l-kompletezza tad-dejta fil-ġabriet kollha. Ġie nnutat li sar titjib ġenerali fil-kwalità tad-dejta, u b'hekk din saret aktar preċiża, koerenti u kumparabbli. L-Istati Membri tejbu s-sorsi bażiċi tad-dejta u l-għodda statistiċi li jintużaw fit-tħejjija tad-dejta, u dan wassal biex lill-Kummissjoni tintbagħtilha dejta aktar preċiża, aktar wiesgħa u f'waqtha.

Billi tjiebu l-kwalità u l-puntwalità tad-dejta fornita mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tista' tqassamha aktar ta' malajr, u dan ifisser li d-dejta tinħareġ aktar malajr u tkun iżjed aċċessibbli għall-utenti.

Barra minn hekk, fil-qasam tal-istatistika li tinġabar skont l-Artikolu 3, sa mis-sena ta' referenza 2013, il-ġbir tad-dejta ġie kkumbinat ma' dak tad-dejta li hi meħtieġa skont ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 biex ikun hemm konsistenza bejn id-diżaggregazzjonijiet differenti tal-popolazzjonijiet, u, sa fejn hu possibbli, konsistenza fil-bilanċi demografiċi bejn il-popolazzjoni, l-avvenimenti kruċjali u l-flussi migratorji. L-informazzjoni tal-metadejta li huma obbligati jagħtu l-Istati Membri ġiet ikkombinata wkoll.

Barra minn hekk, fil-qasam tal-istatistika miġbura skont l-Artikoli 4-7, il-kooperazzjoni statistika fi ħdan il-Kummissjoni stess, ma' korpi oħra tal-UE, u mal-Istati Membri wasslet għall-emendi fil-linji gwida għad-dejta miġbura skont ir-Regolament 10 . It-titjib tal-metodoloġija wasslal għal titjib fiċ-ċarezza tad-definizzjonijiet u tal-kunċetti statistiċi. L-iżviluppi leġiżlattivi riċenti fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil ġew integrati fi gwida metodoloġika għall-ġbir tad-dejta dwar l-ażil u l-permessi tar-residenza.

It-titjib tekniku li għamlet il-Kummissjoni aċċerta aktar effiċjenza fil-validazzjoni u l-ipproċessar tad-dejta, filwaqt li l-ġbir estensiv tal-informazzjoni dwar il-kwalità jippermetti valutazzjoni sħiħa tal-kwalità tad-dejta li tkun dieħla. Fejn kien hemm bżonn, ittieħdu miżuri dwar nuqqas ta’ konformità (ittri amministrattivi) biex ikun żgurat il-livell meħtieġ ta' konformità mar-rekwiżiti.

5.Il-kwalità tal-istatistika ġġenerata

5.1.Ir-rilevanza

Fi ħdan il-Kummissjoni, l-utent ewlieni tal-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-ażil huwa d-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni. Madankollu, din l-istatistika jużawha spiss Direttorati Ġenerali oħrajn, b'mod partikolari, id-DĠ Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni u d-DĠ Ġustizzja.

Wieħed mill-użi importanti tal-istatistika kien bħala parti mill-allokazzjoni annwali tal-envelopp tal-baġit għal kull Stat Membru għall-Fondi tas-Solidarjetà u l-Immaniġġjar tal-Flussi Migratorji. Mir-rapport tal-2012 'l hawn, l-istruttura ta' dawn il-Fondi nbidlet u issa hija bbażata fuq il-bażi legali l-ġdida: il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF),  stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 11 , , u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), stabbilit skont ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 12 , stabbilit għall-perjodu 2014-20. Minħabba l-arranġamenti ta' finanzjament multiannwali skont dawn il-Fondi l-ġodda, id-dejta m'għadiex tingħata kull sena. L-allokazzjonijiet ġew ikkalkulati abbażi ta' statistika mibgħuta minn qabel, bl-eżżezzjoni tal-ISF fejn tenħtieġ reviżjoni f'nofs it-terminu.

L-istatistika dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali tintuża mill-Kummissjoni fit-tħejjija ta' rapporti regolari, proposti ta' politika, u rapporti ta' implimentazzjoni meħtieġa mill-atti bażiċi u l-analiżi tal-politika. Pereżempju, Ir-Rapport Annwali dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil 13 tan-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni jagħti ħarsa ġenerali fattwali tal-iżviluppi ewlenin fil-qasam tal-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. L-istatistika Ewropea dwar il-flussi migratorji u l-istokkijiet tal-popolazzjonijiet skont il-pajjiżi tat-twelid u taċ-ċittadinanza hija importanti għall-pubblikazzjonijiet bħas-Special Supplement on Demographic Trends of the EU Employment and Social Situation Quarterly Review 14

In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN) 15 għadu wieħed mill-utenti ewlenin tal-istatistika tal-Eurostat dwar il-migrazzjoni u l-istatistika tal-Protezzjoni internazzjonali għar-rapporti annwali statistiċi u analitiċi tal-livelli tal-UE u nazzjonali.

Wara li ħareġ ir-Rapport tal-2012, żdied l-użu tal-istatistika Ewropea bħala għajnuna fix-xogħol tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea b'rabta mal-migrazzjoni, bħalma huma l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO). Il-Eurostat jaħdem fil-qrib ma' dawn l-aġenziji biex jiżviluppa ġabriet ta' dejta u metodoloġiji statistiċi relatati.

L-istatistika prodotta skont dan ir-Regolament tintuża b'mod regolari minn amministrazzjonijiet nazzjonali, riċerkaturi akkademiċi u gruppi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq firxa wiesgħa ta' suġġetti inklużi l-integrazzjoni tal-immigranti, l-iżvilupp u l-monitoraġġ ta' proċeduri tal-ażil u l-immigrazzjoni nazzjonali, u l-projezzjoni tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol fil-ġejjieni.

5.2.Il-preċiżjoni

Mir-Rapport tal-2012 'l hawn ġie nnutat titjib kbir fil-preċiżjoni tad-dejta li jagħtu l-Istati Membri. B'mod partikolari, fil-qasam tal-istatistika skont l-Artikoli 4-7 tar-Regolament l-iżvilupp mill-ġdid mifrux ta’ sistemi amministrattivi marbuta mal-kontrolli tal-ażil u tal-immigrazzjoni, kif ukoll mar-reġistrazzjoni tal-popolazzjoni, għalhekk kellu impatt pożitiv qawwi fuq il-preċiżjoni tad-dejta statistika. L-Istati Membri qed ikomplu jintroduċu sistemi amministrattivi aktar integrati u komprensivi li jużaw metodi moderni tal-informatika u l-komunikazzjoni. Is-sistemi l-ġodda jirrispondu aħjar għar-rekwiżiti metodoloġiċi u tekniċi tal-ġabriet tad-dejta tal-Eurostat. L-Istati Membri żammew lill-Eurostat infurmat bil-bidliet li għaddejjin fis-sistemi amministrattivi u fittxew il-parir u l-konferma li d-dejta tissodisfa r-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament.

Il-Eurostat jiġbor il-metadejta, b'mod partikolari l-informazzjoni marbuta mal-preċiżjoni tad-dejta, li tispjega, fost affarijiet oħra, is-sorsi tad-dejta u l-proċeduri, kull stima jew proċess tal-immudellar li jkunu applikati għad-dejta, u l-effetti possibbli ta’ dawn fuq il-grad ta’ konformità mad-definizzjonijiet fir-Regolament. Barra minn hekk, tfasslu kwestjonarji speċjali dwar il-kwalità mill-Eurostat biex tinġabar informazzjoni aktar speċifika marbuta mal-kwalità tad-dejta.

Wara r-rapport tal-2012, tnaqqas b'mod sinifikanti l-ammont ta' dejta nieqsa u mhux sħiħa. Għadd ta' awtoritajiet nazzjonali tejbu l-prattiki biex jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa tinġabar waqt il-proċeduri amministrattivi tal-immigrazzjoni, u tejbu s-sistemi informatiċi biex din id-dejta tista' tinkiseb faċilment għall-finijiet statistiċi.

Minkejja li nkiseb it-titjib, għad hemm xi kwistjonijiet speċifiċi dwar il-preċiżjoni fil-qasam tal-Artikolu 3, nuqqas ta' informazzjoni (jiġifieri l-persuni ma jirreġistrawx ir-residenza) u informazzjoni żejda (persuni ma jħassrux ir-reġistrazzjoni minħabba li ħafna drabi ma jkunx hemm obbligu jew inċentiv biex jagħmlu hekk).

Fil-qasam tal-istatistika dwar l-ażil, ġew solvuti l-problemi tal-bidu minħabba nuqqas jew assenza f'xi Stati Membri, ta' informazzjoni dwar l-età u s-sess, li ttieħdet mir-rekords amministrattivi, u d-dejta hija sħiħa. Għad fadal ċerti lakuni fid-dejta tas-snin tal-bidu tal-ġbir tad-dejta skont ir-Regolament, anki fil-każ tal-istatistika tal-permessi tar-residenza, u minħabba diffikultajiet tekniċi, dawn il-lakuni ma għadhomx jistgħu jimtlew. Għad fadal xi problemi speċifiċi relatati mad-differenza fil-latenza u l-prattiki tar-r-rappurtar bejn l-Istati Membrifil-qasam tal-istatistika kopert mill-Artikolu 4(4) (Dublin statistics), u minħabba f'hekk hemm nuqqas ta' konsistenza bejn id-dejta fuq talbiet ta' trasferiment ħerġin u dawk deħlin.

5.3.It-tempestività u l-puntwalità

Skont it-tip ta' dejta kkonċernata, l-iskadenza għat-tressiq tad-dejta hija ta' bejn xahrejn u sena wara d-data ta' referenza jew wara tmiem il-perjodu ta' referenza.

Mir-Rapport tal-2012 'l hawn ġie nnutat titjib kbir fil-puntwalità tad-dejta li jagħtu l-Istati Membri. L-introduzzjoni tal-proċeduri ta' estrazzjoni awtomatiċi fil-livell nazzjonali, u l-monitoraġġ tal-konformità regolari mill-Eurostat wasslu għall puntwalità fit-twassil tad-dejta. Xi kwistjonijiet oħra li fadal huma każijiet iżolati li ma jirrepetux ruħhom (pereżempju, minħabba l-bidliet fil-persunal jew it-tfixkil ikkawżat minn bidliet fis-sistemi tal-kompjuter).

Il-forniment aktar komplut u aktar fil-ħin tad-dejta skont ir-Regolament għen lill-Eurostat biex min-naħa tiegħu jtejjeb it-tempesitività tal-ipproċessar u d-disseminazzjoni tad-dejta. Id-dewmien bejn id-dejta li tasal għand il-Eurostat u d-dejta vvalidata li tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Eurostat tad-disseminazzjoni pubblika naqas b’mod sinifikanti wara r-rapport tal-2012. Barra minn hekk, iż-żmien tal-ipproċessar tnaqqas bl-introduzzjoni progressiva ta' proċeduri awtomatiċi interni ta' validazzjoni, b'rappurtar lill-fornituri nazzjonali tad-dejta dwar il-feedback dwar l-iżbalji.

5.4.L-aċċessibbiltà

Id-dejta (u l-metadejta) dwar il-migrazzjoni għall-erba' dominji kollha (il-migrazzjoni, l-istokkijiet tal-popolazzjoni, il-kisba taċ-ċittadinanza; l-ażil; l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni; il-permessi tar-residenza) hija disponibbli mingħajr ħlas mis-sit web tal-Eurostat taħt is-suġġetti "Popolazzjoni (Demografija, migrazzjoni u projjezzjonijiet)" 16 u "L-ażil u l-migrazzjoni mmaniġġata" 17 . Id-dejta hija inkluża f'pubblikazzjonijiet kompendju bħall-Eurostat Yearbook 18 , kif ukoll f'pubblikazzjonijiet dettaljati ffukati fuq temi speċifiċi marbutin mal-migrazzjoni 19 . Mir-rapport tal-2012 'l hawn, il-Eurostat ippromwova l-użu ta' artikli li jispjegaw l-istatistika billi jagħtu aktar informazzjoni dwar l-istatistika, ix-xejriet, u l-interpretazzjoni ta' dawn. Dan it-tip ta' artiklu jinkiteb u jiġi aġġornat b'mod regolari dwar id-dejta kollha li tinġabar skont ir-Regolament 20 .

It-taqsima dwar il-Popolazzjoni fis-sit web tal-Eurostat tinkludi l-istatistika skont ir-Regolament u tirreġistra għadd dejjem jikber ta' utenti (minn 50 elf għal 60 elf persuna jżuru l-paġna kull xahar, u minn 5,7% għal 7,2% taż-żjarat fil-paġna tal-Eurostat b'kollox fl-aħħar tliet snin) u f'dan ir-rigward tiġi fit-tieni pożizzjoni fl-użu tal-paġna tal-Eurostat.

5.5.Il-komparabbiltà u l-koerenza

5.5.1.Id-definizzjonijiet

Mir-rapport tal-2012 'l hawn, l-użu ta' definizzjonijiet armonizzati għall-ġabriet kollha tad-dejta skont ir-Regolament żiedet b'mod kbir il-komparabbiltà tad-dejta.

Il-problemi marbuta mal-applikazzjoni stretta tad-definizzjonijiet kienu l-aktar problemi diffiċili biex jiġu indirizzati bl-istatistika tal-fluss migratorju u tal-kisba taċ-ċittadinanza koperti mill-Artikolu 3 tar-Regolament. Huwa fil-każ ta' din id-dejta li jseħħu l-akbar differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, minħabba d-diversità ta' sorsi ta’ dejta li ntużaw. L-isforzi għadhom għaddejjin, iżda xi pajjiżi ma setgħux jużaw il-kriterju ta' 12-il xahar biex jiddefinixxu l-flussi tal-immigrazzjoni / tal-emigrazzjoni, ħafna drabi għaliex id-definizzjoni statistika nazzjonali dwar il-migrazzjoni kienet ibbażata fuq kriterji permanenti għall-persuni nattivi, jew fuq kriterju ta' sitt xhur għal xi ċittadinanzi fiż-ŻEE (il-Ftehim Nordiku). Kien hemm erba' pajjiżi li ma setgħux jużaw il-kriterju tal-għajxien fil-pajjiż għall-kisba taċ-ċittadinanza, billi din kienet tinkludi għotjiet ta' ċittadinanza lil persuni li ma kinux qed joqogħdu fil-pajjiż jew li ma kellhomx residenza permanenti fil-pajjiż.

L-istatistika koperta mill-Artikolu 3 laħqet aktar konsistenza u komparabbiltà mal-ġabriet tad-dejta demografika billi kien hemm qbil mal-Istati Membri dwar id-definizzjonijiet u d-diżaggregazzjonijiet tal-istess età u dwar id-definizzjoni tal-aggregati tal-UE f'każ ta' tkabbir, kif ġara fl-2013 bl-adeżjoni tal-Kroazja 21 .

Inkiseb titjib fid-definizzjonijiet, fil-metodi u fis-sorsi tad-dejta bis-saħħa taċ-ċensiment tal-2011 madwar l-UE tal-popolazzjonijiet u tad-djar bħala input utli flimkien mal-użu ta' dejta statistika li tirrefletti dan. Iżda l-kwistjoni speċifika dwar l-użu tal-kunċett tar-reġistrazzjoni permanenti waħdu, mingħajr kriterji ta' żmien tas-soġġorn taffettwa l-komparabbiltà tad-dejta.

Ġew implimentati linji gwida metodoloġiċi ġodda għall-ġabriet tad-dejta skont l-Artikoli 4-7. Il-linji gwida l-ġodda jagħtu gwida aktar preċiża u ċara dwar l-applikazzjoni tad-definizzjonijiet u l-kunċetti għall-ġabriet tad-dejta dwar l-ażil, il-permessi tar-residenza, u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni. Jinkorporaw ukoll l-iktar żviluppi riċenti leġiżlattivi. Pereżempju, is-sett il-ġdid tal-leġiżlazzjoni mfassla mill-ġdid fil-qasam tal-ażil, li ġiet adottata bejn l-2011 u l-2013 22 , kienet riflessa fir-reviżjoni tal-linji gwida metodoloġiċi tal-ġabriet tad-dejta skont l-Artikolu 4.

5.5.2.Is-sorsi tad-dejta

Minn mindu sar ir-rapport tal-2012 dwar l-Artikolu 3, il-pajjiżi tejbu l-kwalità tal-istatistika li jibagħtu lill-Eurostat billi użaw sorsi addizzjonali (Reġistri tal-Assigurazzjoni fuq is-Saħħa, Reġistri tat-Taxxi, iċ-Ċensiment tal-2011), u b'mod partikolari l-flussi ta' rifless irrappurtati minn pajjiżi sħab, biex jikkoreġu n-nuqqasijiet fid-dejta li ġraw minħabba t-tendenza li ma jirreġistrawx il-persuni jew ma jħassruhomx mir-reġistri, u li wasslet biex il-flussi migratorji dehru inqas milli kienu u xi partijiet tal-popolazzjonijiet ngħaddew darbtejn. Din il-ħidma kienet immonitorjata mill-Eurostat permezz ta' diskussjonijiet dettaljati mal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u billi tħaffef l-iskambju tad-dejta fost il-pajjiżi.

Il-Kummissjoni (Eurostat) ġiet mgħarrfa dwar it-titjib u l-iżvilupp mill-ġdid tar-reġistri amministrattivi fl-oqsma tal-ażil, tal-permessi tar-residenza, u tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni mill-fornituri nazzjonali tad-dejta. Dan it-titjib kien immirat b'mod ewlieni għall-modernizzazzjoni tar-reġistri, u kien jinkludi aktar konformità mar-rekwiżiti metodoloġiċi u tekniċi tal-ġabriet tad-dejta skont ir-Regolament. F'xi Stati Membri dawn l-iżviluppi tekniċi wasslu għal interruzzjonijiet fil-forniment tad-dejta. Dawn l-interruzzjonijiet ikunu mħabbra lill-Eurostat minn qabel u fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal titjib fil-kwalità tad-dejta.

5.5.3.Il-koerenza

Fejn jista' jsir paragun, ir-riżultati jindikaw grad għoli ta’ koerenza mad-dejta miġbura u ppubblikata f'eżerċizzji oħra u minn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali. Il-Eurostat jikkoopera mill-qrib mal-aġenziji EASO u FRONTEX biex jiżgura koerenza sħiħa fid-dejta miġbura minn dawn l-aġenziji. Kull differenza bejn id-dejta fornuta lill-Eurostat u l-istatistika ppubblikata mill-awtoritajiet nazzjonali tista' tiġi spjegata mid-differenzi fid-definizzjoni fejn l-Istati Membri għażlu li jżommu d-definizzjonijiet distinti tal-istatistika ppubblikata nazzjonalment. Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li d-dejta dwar il-popolazzjoni tkun konsistenti ma' dik meħtieġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

5.6.Il-miżuri għat-titjib tal-kwalità;

Il-Kummissjoni tkompli twettaq miżuri ta' segwitu meta ssib nuqqas ta' konformità mar-Regolament. F'għadd ta' każijiet, id-dejta li ntbagħtet mill-pajjiżi ma kinitx sħiħa, kienet ta' kwalità ħażina, jew ma twasslitx fl-iskadenzi taż-żmien legali. Dawn il-miżuri jitwettqu fil-qafas tal-eżerċizzju annwali ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-Eurostat.

Mir-rapport tal-2012 'l hawn, dawn l-azzjonijiet urew progress sinifikanti min-naħa tal-Istati Membri fir-rigward tal-kompletezza, il-kwalità u l-puntwalità tad-dejta. Dan jidher mit-tnaqqis fl-għadd ta' ittri amministrattivi dwar in-nuqqas ta' konformità li jintbagħtu lill-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Istatistika (it-Tabella 2).

Tabella 2: Ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta' Stati Membri li jirċievu ittra dwar nuqqas ta' konformità fil-qafas tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ tal-konformità

Artikolu 3

Il-migrazzjoni, l-istokkijiet tal-popolazzjoni, l-akkwist taċ-ċittadinanza

Artikolu 4

L-ażil

L-Artikoli 5 u 7

L-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni

Artikolu 6

Il-permessi ta' residenza

2011

6

5

3

5

2012

0

1

0

1

2013

2

1

0

3

2014

1

1

0

0

Fl-ipproċessar tad-dejta ddaħħlet għodda ġdida għall-validazzjoni tad-dejta ġenerali biex tissodisfa l-ħtieġa li l-kwalità tad-dejta tiġi evalwata b'iżjed effikaċja. Din l-għodda awtomatika hija disponibbli wkoll biex tintuża mill-fornituri tad-dejta nazzjonali, u l-verifiki huma bbażati fuq is-settijiet ta' regoli tal-validazzjoni miftehma bejn il-Eurostat u l-Istati Membri.

Biex jevalwa f'aktar dettall il-kwalità tad-dejta li tidħol, il-Eurostat wettaq ħidma ta' ġbir ta' metadejta u informazzjoni ta' kwalità aktar estensivi. Skont l-istandards tal-kwalità tas-Sistema Statistika Ewropea, ġew żviluppati kwestjonarji dwar il-kwalità speċifiċi għal kull qasam, sa mill-2014, għall-oqsma statistiċi tal-ażil, tal-permessi tar-residenza u tal-infurzar. Ir-rapporti dwar il-kwalità nazzjonali se jintużaw fl-iċċekkjar tal-kwalità, fl-evalwazzjoni u fit-titjib, u se jkunu aċċessibbli għall pubbliku .

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013, il-pajjiżi huma meħtieġa li jwettqu l-istudji dwar il-fattibbiltà tal-użu tad-definizzjoni ta' "residenza regolari" għall-popolazzjonijiet. Ir-riċerki jinkludu l-analiżi tas-sorsi tad-dejta attwali u potenzjali, l-ipproċessar tad-dejta u l-possibbiltà ta' stima tal-istatistika meħtieġa. Prinċipalment dawn huma mmirati biex itejbu l-kumparabbiltà tal-kunċetti u d-definizzjonijiet u b'hekk ir-riżultat ikun ta' kwalità u komparabbiltà mtejba tad-dejta. Dawn se jintużaw fir-rapport dwar ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 li se tħejji l-Kummissjoni sa tmiem l-2018. Ir-riżultati tal-istudji tal-fattibbiltà msemmijin hawn fuq u tar-rapport jistgħu jkollhom konsegwenzi fuq l-istatistika Ewropea dwar il-popolazzjoni u għaldaqstant fuq il-konsistenza mad-dejta stipulata skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007.

6.Konklużjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 irriżulta f'titjib ferm kbir fl-istatistika Ewropea dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, mir-rapport tal-2012 'l hawn, ġie osservat aktar titjib fid-disponibbiltà, il-kompletezza, il-kwalità u l-puntwalità tad-dejta. Il-ġabriet tad-dejta skont ir-Regolament ġarrbu aktar żviluppi metodoloġiċi u tekniċi li wasslu għal gwida mtejba għall-Istati Membri. Il-kwalità tad-dejta li tintbagħat skont ir-Regolament ittejbet ukoll bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 u l-miżuri ta' implimentazzjoni marbutin miegħu, kif ukoll bis-saħħa taċ-Ċensiment tal-2011. It-titjib fil-kwalità għandu jkompli fil-futur, b'mod partikolari biex jittejbu l-puntwalità u l-akkuratezza tad-dejta u biex jintgħelbu n-nuqqas ta' informazzjoni u l-għotja ta' informazzjoni żejda.

Kien hemm żieda korrispondenti fl-użu ta' din l-istatistika minn korpi uffiċjali fil-livell Ewropew u f'dak nazzjonali, minn korpi nongovernattivi u miċ-ċittadini.

Id-dejta meħtieġa skont ir-Regolament għandha tirrifletti l-ħtiġijiet evolventi tal-utenti, filwaqt li titqies il-kapaċità tal-fornituri tad-dejta. Dan jista' jwassal għal emendi tar-Regolament fil-ġejjieni sabiex jiġu miżjuda kategoriji ġodda ta' dejta jew diżaggregazzjonijiet speċifiċi u/jew biex jiġu eliminati rekwiżiti tad-dejta kull meta dawn ikunu meqjusa inqas utli. Ġew identifikati lakuni ġodda fid-dejta mill-Kummissjoni, u dawn ġew indirizzati b'approċċi ta' ġbir tad-dejta differenti, bħalma huma ftehimiet informali (eż. il-ġbir tad-dejta dwar applikanti għall-ażil tal-ewwel darba, dejta dwar it-tipi ta' ripatrijazzjoni ta' migranti irregolari, dejta dwar il-permessi tar-residenza diżaggregati skont l-età u s-sess u kklassifikati b'referenza ma' diżaggregazzjonijiet oħra). Lakuni fid-dejta oħrajn li ġew identifikati, bħad-dejta tad-diżaggregazzjoni tal-popolazzjoni skont l-Artikolu 3, skont il-pajjiż taċ-ċittadinanza, u tal-immigrazzjoni / l-emigrazzjoni skont il-pajjiż tar-residenza preċedenti / li jmiss, ma jistgħux jiġu indirizzati fil-qafas ta' ftehimiet elettivi.

Fuq terminu ta' żmien itwal, l-iżvilupp mill-ġdid tal-istatistika miċ-ċensimenti Ewropej wara l-2021, bil-possibbiltà li jkun hemm teħid ta' statistika aktar frekwenti (ta' kull sena), x'aktarx li jrendi aktar disponibbiltà tad-dejta dwar aspetti diversi tal-migrazzjoni. Dan għandu jikkontribwixxi wkoll biex jissodisfa l-ħtiġijiet evolventi u emerġenti ta' statistika marbuta mal-migrazzjoni.

Fil-qafas tal-proġett REFIT tal-Kummissjoni (il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea), il-Kummissjoni se tieħu l-azzjonijiet biex tissimplifika l-liġijiet tal-UE u biex tnaqqas l-ispejjeż regolatorji, u b'hekk tkun qed tikkontribwixxi għal qafas regolatorju ċar, stabbli u prevedibbli li jsostni t-tkabbir u l-impjiegi. Diġà ġie identifikat ċertu rduppjar ta' rappurtar statistiku fil-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam tal-popolazzjoni u l-migrazzjoni (jiġifieri fil-qasam tal-istatistika dwar il-permessi tar-residenza), u dan jista' jingħeleb permezz ta' leġiżlazzjoni ssimplifikata.

(1) ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23.
(2) COM(2012) 528 final.
(3) ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31.
(4) ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39.
(5) ĠU L 65, 5.3.2014, p. 10.
(6) ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.
(7) ĠU L 343, 23.12.2011, p. 1.
(8) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.
(9) ĠU L 157, 27.5.2014, p. 1.
(10) Reviżjonijiet tat-"Technical Guidelines for the data collection under Article 4(1) (3) of the Regulation (EC) No 862/2007 ; Statistics on Asylum", tat-"Technical Guidelines for the data collection under Article 6 of the Regulation (EC) No 862/2007; Statistics on Residence Permits" fl-2014 u t-"Technical Guidelines for the data collection under Articles 5 and 7 of the Regulation (EC) No 862/2007; Enforcement of Immigration Legislation (EIL) Statistics in 2014"; ir-reviżjoni tat-"Technical Guidelines for the data collection under Article 4(4) of the Regulation (EC) No 862/2007; Dublin Statistics" fl-2015.
(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE- ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168 .

(12)

Ir-Regolament (UE) Nru 515/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall- fruntieri esterni u l-viża u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 574/2007/KE- ĠU L 150, 20.5.2014, p. 143 .

(13)

   In-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN) Annual Report on Immigration and Asylum 2014: A Synthesis of Annual Policy Report s 2014 ippreżentat mill-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja u akkumpanjat mill-Anness Statistiku .

(14) http://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/5775829/KE-BH-13-0S2-EN.PDF   
(15) http://ec.europa.eu/dgs/home-affairs/what-we-do/networks/european_migration_network/index_en.htm
(16) http://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography-migration-projections/statistics-illustrated
(17) http://ec.europa.eu/eurostat/web/asylum-and-managed-migration/statistics-illustrated
(18)  http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Europe_in_figures_-_Eurostat_yearbook
(19) Pereżempju, ara l-pubblikazzjonijiet Eurostat Data in Focus, bħal Asylum applicants and first instance decisions on asylum applications: Third quarter 2014 – Numru tal-ħarġa 15/2014 http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-data-in-focus/-/KS-QA-14-015
(20) http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Population
(21) Pereżempju, l-ispeċifikazzjoni tal-aggregat tal-UE għall-2013 tinbidel jekk nirreferu għall-aggregat fil-bidu tal-2013 (meta l-UE kien għad fiha 27 pajjiż) jew fi tmiem l-2013 (meta kien fiha 28 pajjiż).
(22) Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9); Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31); Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60); Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).
Top