EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1905

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1905 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 360–364 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1905/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/360


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1905 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0115/2023),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u tan-nefqa tagħha (1), il-baġit finali tal-ENISA (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 23 473 060, inkluża kontribuzzjoni ta’ EUR 640 000 mill-awtoritajiet Elleniċi għall-kiri tal-bini tal-uffiċċji, li jirrappreżenta żieda ta’ 8,26 % meta mqabbel mal-2020; billi l-baġit tal-Aġenzija huwa prinċipalment derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), stqarret li l-Qorti kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’implimentazzjoni baġitarja ta’ rata tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tas-sena kurrenti ta’ 99,51 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 2,16 % meta mqabbla ma’ dik tal-2020; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena kurrenti kienet ta’ 77,40 % (inqas mill-mira ppjanata ta’ 85 % tal-Aġenzija), li tfisser żieda ta’ 8,77 % meta mqabbla ma’ dik tal-2020;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex tivvaluta l-attivitajiet tagħha u r-riżultati miksuba fir-rigward tal-objettivi tagħha tal-programm ta’ ħidma, bħall-valur miżjud għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u l-Istati Membri tal-Unjoni fl-għoti ta’ appoġġ għat-tfassil tal-politika u għall-implimentazzjoni tal-politika u l-kapaċità li tikkontribwixxi għar-reżiljenza ċibernetika tal-Unjoni permezz tal-għoti ta’ informazzjoni u għarfien f’waqthom u effettivi; japprezza l-fatt li l-KPIs ġew issodisfati u l-fatt li l-Aġenzija ġibdet l-attenzjoni għal miżuri li jistgħu jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ħidma tal-Aġenzija; madankollu, jirrakkomanda li l-Aġenzija tieħu nota tal-KPIs li għadhom ma ntlaħqux jew li waqgħu lura;

3.

Jinnota li l-Aġenzija kienet qed teżamina l-possibbiltà li tikkontribwixxi permezz ta’ servizzi kondiviżi fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar iċ-Ċibersigurtà li ġej għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, f’kollaborazzjoni mal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-Unjoni u n-network tal-Aġenziji tal-UE; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

Politika dwar il-persunal

4.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 90,79 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, b’69 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 76 aġenti temporanji awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 69 post tax-xogħol awtorizzati fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 27 aġent kuntrattwali u 10 esperti nazzjonali sekondati ħadmu għall-Aġenzija fl-2021;

5.

Itenni t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri tal-Aġenzija, jiġifieri ħames irġiel (71 %) u żewġ nisa (29 %); jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija, fejn 24 minn 28 (86 %) huma rġiel; jieħu nota wkoll tal-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-persunal ġenerali tal-Aġenzija, fejn 57 minn 106 (54 %) huma rġiel; jistieden lill-Aġenzija u lill-Istati Membri biex josservaw il-bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw u jaħtru membri tal-maniġment superjuri jew tal-bord ta’ tmexxija; jitlob lill-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-miżuri konkreti biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri;

6.

Jinnota li l-Aġenzija għandha politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju, inkluża paġna tal-intranet dedikata, taħriġ annwali speċifiku, konsulenti kunfidenzjali, u li l-Aġenzija stabbiliet memorandum ta’ qbil biex tikkondivdi konsulenti kunfidenzjali maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop);

7.

Jinnota li l-Aġenzija bbażat ħafna fuq it-twettiq tas-servizzi tagħha permezz ta’ aġenti interim li appoġġjaw il-piż amministrattiv ta’ kuljum, meta jitqies li kien meħtieġ ukoll appoġġ akbar wara r-riorganizzazzjoni u t-tħejjija tal-bini l-ġdid li jpoġġu pressjoni addizzjonali fuq it-tim finanzjarju u tal-akkwist; jinnota wkoll b’apprezzament li l-politika riveduta ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija wasslet għal tnaqqis fil-persunal interim; jinnota wkoll mir-rapport tal-Qorti li ż-żieda fl-għadd ta’ membri tal-persunal fl-2021 hija dovuta għas-suċċess tal-Aġenzija fil-mili ta’ diversi postijiet tax-xogħol vakanti fit-tul; jifhem li s-setturi taċ-ċibersigurtà u tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni huma kompetittivi ħafna fir-rigward tas-sejbien ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet u impenn;

8.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-għoti ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’; ifakkar lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa l-politika tal-persunal u l-kultura tax-xogħol sabiex twieġeb b’mod aktar effiċjenti għall-feedback riċevut fl-istħarriġ tal-persunal;

Akkwist

9.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija kkonkludiet total ta’ 58 proċedura ta’ akkwist pubbliku inklużi tnejn b’mod konġunt mas-Cedefop;

10.

Jinnota bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li l-Aġenzija sistematikament tagħti kuntratti ta’ valur baxx mingħajr id-deċiżjoni ta’ għoti rilevanti approvata u ffirmata mill-uffiċjal awtorizzanti, li mhijiex konformi mal-punti 30.3 sa 30.4 tal-Anness I tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2); jinnota, it-tweġiba tal-Aġenzija li diġà ħadet il-passi meħtieġa biex tindirizza dan it-tħassib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

11.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li sabiex tiddeċiedi jekk għandhiex testernalizza servizz partikolari jew jekk għandhiex tipprovdih internament, l-Aġenzija żviluppat u tuża metodoloġija ta’ analiżi kost-benefiċċji, u li, dik il-metodoloġija għandha nuqqasijiet fit-tfassil li jistgħu jaffettwaw l-oġġettività tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jesponi lill-Aġenzija għal riskji finanzjarji; jieħu nota tat-tweġiba tal-Aġenzija li diġà ħadet il-passi meħtieġa biex tindirizza dan it-tħassib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

12.

Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-Aġenzija f’żewġ proċeduri ta’ akkwist użat, bħala kriterju għall-għoti, il-kapaċità teknika tal-kumpanija, li b’mod ċar hija relatata mal-evalwazzjoni tal-offerent, mhux l-offerta, u li tali trikkib bejn il-kriterji tal-għażla u tal-għoti jdgħajjef iċ-ċertezza tad-dritt u jesponi lill-Aġenzija għal riskji reputazzjonali u legali; jieħu nota tat-tweġiba tal-Aġenzija li diġà ħadet il-passi meħtieġa biex tindirizza dan it-tħassib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

13.

Ifakkar fl-importanza għall-proċeduri kollha ta’ akkwist, li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u li l-oġġetti u s-servizzi jiġu akkwistati bl-aħjar prezz, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tat-trasparenza, il-proporzjonalità, it-trattament indaqs u n-nondiskriminazzjoni; jitlob l-implimentazzjoni tal-għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni (IT) tal-akkwist elettroniku żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea; jappella għal kjarifika aġġornata tal-proċeduri u l-mudelli fil-linji gwida dwar l-akkwist; jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti rigward id-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku li qed jiżdiedu u jibqgħu l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari għall-biċċa l-kbira tal-aġenziji;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

14.

Jieħu nota tal-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess, u jinnota li s-CVs tal-membri tal-bord ta’ tmexxija, u d-dikjarazzjoni ta’ impenn u d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tagħhom qegħdin jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħha;

15.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti li bejn l-2019 u l-2021, l-Aġenzija vvalutat tliet każijiet ta’ kunflitt ta’ interess potenzjali fir-rigward ta’ membru anzjan tal-persunal li kien sab impjieg ġdid xi mkien ieħor, u li dak il-każ rieżaminat mill-Qorti, l-Aġenzija ma kkonsultatx lill-kumitat konġunt, bi ksur tal-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota mit-tweġiba tal-Aġenzija li l-Aġenzija se tikkostitwixxi formalment kumitat konġunt biex tikkonforma mal-qafas ġuridiku applikabbli; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

16.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti regoli aktar sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Aġenzija ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

Kontroll intern

17.

Jinnota li s-servizz tal-awditjar intern (IAS) ħareġ rapport dwar il-ġestjoni u l-etika tar-riżorsi umani fl-2019, bi tliet rakkomandazzjonijiet importanti ħafna u b’erba’ rakkomandazzjonijiet importanti; jinnota li, għalkemm ingħalqu erba’ rakkomandazzjonijiet mill-IAS, tliet rakkomandazzjonijiet importanti baqgħu miftuħa fi tmiem l-2021 u ma ġewx implimentati bis-sħiħ fil-perjodu ta’ żmien stabbilit; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

18.

Jinnota li l-IAS wettaq awditu dwar il-programmazzjoni tal-ippjanar strateġiku u l-ġestjoni tal-prestazzjoni fl-2021 u ħareġ ir-rapport tal-awditjar finali tiegħu f’April 2022, bi tliet rakkomandazzjonijiet importanti; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

19.

Jinnota li l-Aġenzija adottat politika dwar funzjonijiet sensittivi fl-2021, li daħlet fis-seħħ f’Mejju 2022;

20.

Jinnota li l-valutazzjoni tal-kontrolli interni fl-2021 turi li l-kontrolli interni jipprovdu aċċertament raġonevoli li l-politiki, il-proċessi, il-kompiti u l-imġiba tal-aġenzija, meħuda flimkien, jiffaċilitaw l-operat effettiv u effiċjenti tagħha, jgħinu biex tiġi żgurata l-kwalità tar-rapportar intern u estern, u jgħinu biex tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti tagħha, u li, madankollu, hemm bżonn ta’ xi titjib f’ċerti prinċipji, inkluż l-irfinar tal-indikaturi tal-qafas ta’ kontroll intern tal-Aġenzija, l-istabbiliment ta’ qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-intrapriżi, ir-reviżjoni tal-governanza tal-IT u l-qafas ta’ politika u proċedurali sottostanti, ir-reviżjoni tal-politika ta’ reklutaġġ tal-Aġenzija, kif ukoll l-aġġornament tal-pjan għall-kontinwità tal-operat tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward;

21.

Jinnota li l-politika tal-Aġenzija dwar il-kunflitti ta’ interess u l-istrateġija kontra l-frodi tagħha ġew aġġornati u adottati fl-2021;

22.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti bil-qawwa fuq ir-rekwiżit ta’ sistemi effettivi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post nieqsa, ġestjoni mhux adegwata tal-impenji baġitarji u legali, u nuqqasijiet fir-rapportar ta’ kwistjonijiet fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet;

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

23.

Jinnota l-kompiti assenjati lill-Aġenzija fir-rigward tal-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, immirati lejn il-promozzjoni ta’ livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni, inkluż l-appoġġ attiv lill-Istati Membri, u lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, fit-titjib taċ-ċibersigurtà; jinnota, barra minn hekk, l-appoġġ tal-Aġenzija għall-iżvilupp ta’ fajls ta’ politika ġodda bħas-sigurtà tan-networks u tal-informazzjoni, ir-reżiljenza operazzjonali diġitali, l-identifikazzjoni elettronika, is-servizzi ta’ awtentikazzjoni u fiduċja, il-kodiċi Ewropew għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-5G, il-portafolli elettroniċi, l-intelliġenza artifiċjali u l-KODIĊI tan-Network għaċ-ċibersigurtà; jilqa’ l-fatt li l-Aġenzija tkun responsabbli biex tevalwa jekk prodott jippreżentax riskju sinifikanti taċ-ċibersigurtà skont l-Att propost dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat persunal adegwat li jirrifletti ż-żieda fil-kompiti tal-Aġenzija;

24.

Jinnota li l-Aġenzija għandha politika taċ-ċibersigurtà stabbilita, u li b’mod partikolari, tapplika l-approċċ “difiża fil-fond”; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 l-Aġenzija bdiet ir-reviżjoni tal-politika tal-IT u tal-qafas proċedurali tagħha, inkluża l-politika tas-sigurtà tal-informazzjoni tagħha; jinnota, barra minn hekk, li t-taħriġ dwar il-protezzjoni tad-data u l-korsijiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà jiġu pprovduti kull sena lill-membri kollha tal-persunal;

25.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-aġenziji f’termini ta’operazzjoni u ġestjoni interni iżda anke sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

26.

Jinnota li l-Aġenzija qed tiżviluppa sistema ta’ ġestjoni ambjentali li għandha l-intenzjoni li twassal għaċ-ċertifikazzjoni tal-Iskema tal-UE ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali; jinnota wkoll li l-awtoritajiet Griegi kkonkludew ftehim ta’ kiri f’isem l-Aġenzija għall-bini tal-kwartieri ġenerali tagħha f’Ateni, kompletament operattiv mill-1 ta’ Lulju 2021, u li dan se jippermetti lill-Aġenzija tistabbilixxi sett usa’ ta’ miżuri ekoloġiċi li għandhom jiġu implimentati;

Kontinwità tal-operat matul il-kriżi tal-COVID-19

27.

Jinnota li mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 u matul l-2021, l-Aġenzija introduċiet u żammet għażliet permanenti ta’ telexogħol filwaqt li żammet u żiedet il-motivazzjoni, l-effiċjenza u l-iżvilupp tal-impjegati; jinnota b’apprezzament, b’mod partikolari, li matul il-pandemija, intbagħtu aġġornamenti ta’ kuljum lill-membri kollha tal-persunal permezz ta’ kaxxa postali funzjonali ddeżinjata, fejn ingħataw dettalji dwar l-għadd ta’ każijiet u l-aktar żviluppi reċenti fid-dinja, biex il-membri tal-persunal jinżammu aġġornati fir-rigward tal-iżviluppi; iħeġġeġ lill-Aġenzija biex, fil-futur, tqiegħed fil-prattika t-tagħlimiet rigward il-metodi ta’ ħidma remoti u ibridi, sabiex torganizza aħjar liema laqgħat u kompiti jistgħu jsiru b’mod aktar effiċjenti b’mod remot pjuttost milli wiċċ imbwiċċ;

Kummenti oħra

28.

Jinnota li l-Aġenzija adottat l-istrateġija internazzjonali tagħha f’Novembru 2021, u li dan ippermetta lill-Aġenzija taħdem ma’ għadd selettiv ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari fil-ħidma lejn arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-Ukrajna, l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

29.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju r-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, l-iskambju tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet tagħha rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

30.

Jirreferi, rigward kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (3) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 84.

(2)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(3)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top