Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023BP1896

Riżoluzzjoni (UE) 2023/1896 tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2023 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għas-sena finanzjarja 2021

ĠU L 242, 29.9.2023, p. 336–341 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2023/1896/oj

29.9.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/336


RIŻOLUZZJONI (UE) 2023/1896 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-10 ta’ Mejju 2023

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għas-sena finanzjarja 2021

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini għas-sena finanzjarja 2021,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0106/2023),

A.

billi skont id-dikjarazzjoni ta’ dħul u nfiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (l-“Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2021 kien ta’ EUR 379 228 000, li jirrappreżenta żieda ta’ 2,56 % meta mqabbel mal-2020; billi l-Aġenzija hija aġenzija ffinanzjata permezz ta’ tariffi, b’madwar 89,40 % tad-dħul tagħha fl-2021 ġie minn tariffi mħallsa mill-industrija tal-farmaċewtika għal servizzi mogħtija, 9,90 % ġie mill-baġit tal-Unjoni u 0,7 % ġie minn dħul assenjat estern;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2021 (ir-“rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-isforzi għall-monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2021 irriżultaw f’rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit tal-approprjazzjonijiet ta’ impenji tas-sena attwali ta’ 96,38 % li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 2,46 % meta mqabbla mal-2020; jiddispjaċih li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena attwali kienet ta’ 72,36 %, li tirrappreżenta tnaqqis ta’ 6,11 % meta mqabbla mal-2020;

Prestazzjoni

2.

Jinnota li fl-2021, minkejja d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija kompliet tippromwovi suq uniku li jiffunzjona għal mediċini għall-użu mill-bniedem u dawk veterinarji, billi taġixxi bħala ċ-ċentru tan-network Ewropew ta’ awtoritajiet regolatorji tal-mediċini li jimplimenta l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni applikabbli għal tali prodotti; ifaħħar lill-Aġenzija għall-appoġġ tagħha rigward ir-risposta tal-Unjoni għall-pandemija tal-COVID-19, billi vvalutat f’ħin opportun vaċċini u prodotti terapewtiċi għall-prevenzjoni u t-trattament ta’ infezzjonijiet mill-virus SARS-CoV-2;

3.

Ifaħħar lill-Aġenzija għall-kisbiet sinifikanti tagħha fl-2021 bi, fost oħrajn, erba’ vaċċini kontra l-COVID-19 u ħames trattamenti kontra l-COVID-19 rakkomandati għal approvazzjoni, 92 mediċina ġdida għall-użu mill-bniedem u 12-il mediċina veterinarja ġdida rakkomandati għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq, sitt mediċini ddeżinjati taħt il-PRIME rakkomandati għal approvazzjoni u 19-il deżinjazzjoni ta’ status orfni kkonfermati; ifaħħar ukoll lill-Aġenzija għall-progress li għamlet lejn Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Provi Kliniċi (CTIS) li tiffunzjona bis-sħiħ u għat-tnedija tal-inizjattiva Aċċelerazzjoni tal-Provi Kliniċi fl-UE;

4.

Jinnota li fl-2021 il-miri tal-biċċa l-kbira tal-ammont ta’ xogħol u tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-Aġenzija ntlaħqu jew inqabżu, filwaqt li l-ksib tal-maġġoranza tal-miri kien miexi sew jew kien tlesta; jinnota wkoll, rigward is-segwitu għall-osservazzjonijiet dwar il-kwittanza tas-sena l-oħra, li minkejja d-diffikultajiet ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, l-Aġenzija qiegħda tagħmel progress fl-introduzzjoni ta’ għodod, kunċetti u proċessi ġodda għall-ġestjoni tal-prestazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ Programm dwar il-Prestazzjoni u l-Iżvilupp komprensiv li jinkludi miri f’kaskata minn livelli ogħla ’l isfel lejn il-livell ta’ tim jew individwali u l-monitoraġġ regolari tal-progress permezz ta’ ġestjoni kontinwa tal-prestazzjoni; jistieden lill-Aġenzija biex tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza ladarba l-integrazzjoni ta’ dawn l-inizjattivi fl-operazzjonijiet tal-Aġenzija tkun tlestiet;

5.

Jinnota, wara l-attakk ċibernetiku f’Diċembru 2020, li l-Aġenzija kompliet issaħħaħ il-kapaċitajiet u d-difiża taċ-ċibersigurtà tagħha; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien tal-Kumitat ta’ Tmexxija dwar il-Ġestjoni tas-Sigurtà tal-Informazzjoni sabiex jipprovdi sorveljanza u sjieda u direzzjoni mifruxa mal-Aġenzija kollha tal-istrateġija għas-sigurtà tal-informazzjoni u l-pjan ta’ implimentazzjoni tagħha, l-istabbiliment ta’ Ċentru tal-Operazzjonijiet tas-Sigurtà li jagħmel monitoraġġ kontinwu tan-network tal-Aġenzija u l-iżvilupp ta’ programm ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ dwar is-sigurtà li għandu l-għan li jrawwem kultura ta’ sigurtà b’saħħitha fi ħdan l-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar ir-riżultati li jġibu dawk il-miżuri; jinnota li bħalissa għaddejja r-reviżjoni tal-istrateġija tas-sigurtà tal-informazzjoni tal-Aġenzija, bl-għan li jiġi stabbilit pjan direzzjonali ta’ titjib ta’ tliet snin f’konformità mal-aħjar prattiki ta’ organizzazzjonijiet simili;

6.

Jilqa’ l-isforzi tal-Aġenzija biex tiġġieled kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-Istrateġija 2021-2025 tal-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu Veterinarju (CVMP) dwar l-Antimikrobiċi; jinnota b’sodisfazzjon il-fatt li l-bejgħ globali tal-antimikrobiċi għall-użu veterinarju fil-pajjiżi Ewropej kien 47 % inqas fl-2021 milli fl-2011 skont ir-rapport tal-proġett tas-Sorveljanza Ewropea tal-Konsum tal-Antimikrobiċi għal Użu Veterinarju ppubblikat f’Novembru 2022 intitolat “Sales of veterinary antimicrobial agents in 30 European countries in 2016 — Trends from 2010 to 2021 (Il-bejgħ ta’ aġenti antimikrobiċi veterinarji f’31 pajjiż Ewropew fl-2021 — Xejriet mill-2010 sal-2021)”;

7.

Jisħaq li s-sostituzzjoni tal-ittestjar fuq l-annimali għandha tkun prijorità fl-iżvilupp tal-mediċini matul l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-3Rs — tas-sostituzzjoni, it-tnaqqis u l-irfinar tal-użu tal-annimali għall-iżvilupp, il-manifattura u l-ittestjar tal-mediċini; jiddispjaċih li fl-2021 il-Grupp ta’ Ħidma 3Rs kellu jiġi sospiż minħabba l-politika tal-ippjanar tal-kontinwità tal-operat bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, u għalhekk l-Aġenzija ma ħejjietx rapport ta’ attività dwar din il-kwistjoni; jilqa’ l-bidu mill-ġdid tal-attività tal-Grupp ta’ Ħidma 3Rs lejn tmiem l-2022 u l-organizzazzjoni ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati dwar din il-kwistjoni fl-2023; jistenna li l-Aġenzija tipproduċi r-rapporti biennali tagħha dwar l-azzjonijiet 3Rs mill-aktar fis possibbli;

8.

Jinnota l-arranġamenti ta’ ħidma formali tal-Aġenzija mas-sħab ewlenin tal-aġenzija tal-Unjoni (iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga), li jistabbilixxu n-natura tal-kollaborazzjoni u l-konsultazzjoni reċiproka f’oqsma ta’ interess komuni; jinnota l-kooperazzjoni attiva tal-Aġenzija mal-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa dwar il-kontromiżuri mediċi u t-tħejjija ta’ Memorandum ta’ Qbil bejniethom biex jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom u tiġi żgurata l-komplementarjetà; jinnota b’sodisfazzjon li l-Aġenzija tipparteċipa b’mod regolari fi proċeduri ta’ akkwist konġunt ma’ aġenziji deċentralizzati oħra tal-Unjoni u mas-servizzi tal-Kummissjoni u torganizza proċeduri ta’ akkwist konġunt li huma miftuħa għal aġenziji oħra tal-Unjoni;

Politika dwar il-persunal

9.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2021, 98,02 % tat-tabella tal-persunal kienet implimentata, b’644 aġent temporanju maħtura minn total ta’ 657 aġenti temporanji awtorizzati mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 596 post tax-xogħol awtorizzati fl-2020); jinnota li, barra minn hekk, 206 aġent kuntrattwali u 28 esperti nazzjonali sekondati flimkien ma’ 138 aġent interim ħadmu għall-Aġenzija fl-2021;

10.

Jesprimi tħassib li ż-żieda ta’ kompiti ġodda u ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol relatat mat-tariffi minħabba l-portafoll dejjem jikber ta’ mediċini awtorizzati matul is-snin ma kinux akkumpanjati minn żieda adegwata fil-persunal tal-Aġenzija, u dan ipoġġi lill-Aġenzija taħt pressjoni sinifikanti; jistieden lill-Aġenzija tesplora modi biex tagħmel stħarriġ lill-persunal rigward il-benessri tagħhom u l-użu ta’ metodi li jipprevjenu l-burn-out u t-tnaqqis fil-prestazzjoni;

11.

Jinnota, bi tħassib, in-nuqqas ta’ bilanċ bejn il-ġeneri fil-maniġment superjuri tal-Aġenzija, fejn 17 minn 28 (61 %) huma rġiel; jinnota l-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bord ta’ tmexxija tal-Aġenzija, fejn 37 minn 66 (56 %) li huma rġiel u għall-persunal ġenerali fejn 562 minn 850 (66 %) huma nisa; jistieden lill-Aġenzija tieħu miżuri konkreti biex iżżid il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-ġerarkija tal-Aġenzija mill-aktar fis possibbli u terġa’ tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza;

12.

Jirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja tal-Aġenzija biex tistabbilixxi qafas ta’ politika fit-tul dwar ir-riżorsi umani, li fil-qalba tiegħu għandu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jilqa’ f’dan il-kuntest l-implimentazzjoni sħiħa ta’ ambjent ta’ xogħol ibridu, tal-programmi ta’ benessri u assistenza għall-impjegati tal-Aġenzija, il-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma għall-ġestjoni tal-ammont ta’ xogħol, it-tim dedikat għas-saħħa fi ħdan il-funzjoni tar-riżorsi umani (HR), kif ukoll is-sessjonijiet ta’ taħriġ u stħarriġ dwar il-benessri;

13.

Jinnota li ż-żieda konsiderevoli ta’ 61 aġent temporanju deċiża mill-awtorità tal-baġit għenet lill-Aġenzija tindirizza l-ammont ta’ xogħol addizzjonali kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni tal-mandat estiż tal-Aġenzija;

14.

Ifakkar fl-importanza li tiġi żviluppata politika tar-riżorsi umani fit-tul dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-gwida tul il-ħajja u l-offerta ta’ possibbiltajiet ta’ taħriġ speċifiku għall-iżvilupp tal-karriera, il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-persunal, it-telexogħol, id-dritt għall-iskonnessjoni, it-titjib tal-bilanċ ġeografiku biex ikun hemm rappreżentanza xierqa mill-Istati Membri kollha, u r-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà kif ukoll l-iżgurar li jiġu ttrattati b’mod ugwali u li l-opportunitajiet tagħhom jiġu promossi b’mod wiesa’;

Akkwist

15.

Jinnota, bi tħassib, li l-2021 kienet it-tielet sena konsekuttiva li fiha l-Qorti għamlet osservazzjonijiet ġodda relatati mal-akkwist għall-Aġenzija; jinnota mir-rapport tal-Qorti l-kumment rigward is-sovrastima tal-Aġenzija tal-valur ta’ kuntratt qafas fejn livell limitu aktar baxx rigward ir-rekwiżit ta’ kapaċità finanzjarja u ekonomika (fatturat annwali) kien ikun jippermetti li aktar kumpaniji jressqu offerti; jistieden lill-Aġenzija tirrevedi n-nuqqasijiet fil-proċessi ta’ akkwist tagħha u ssegwi wkoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

16.

Jinnota li l-obbligazzjonijiet potenzjali li jirriżultaw sal-2039, mill-kiri tal-bini tal-uffiċċji preċedenti tal-Aġenzija f’Londra għadhom kwistjoni li għadha għaddejja; jinnota bi tħassib, abbażi tar-rapporti tal-Qorti tal-2020 u l-2021, li l-ammont stmat li jikkorrispondi għal tali obbligazzjonijiet żdied minn EUR 377 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2020 għal EUR 383 miljun fil-31 ta’ Diċembru 2021; jinnota li l-Aġenzija laħqet ftehim ma’ sid il-binja biex tissulloka l-uffiċċji preċedenti tagħha minn Lulju 2019; jinnota li t-termini tas-sullokazzjoni huma konsistenti mal-lokazzjoni prinċipali u validi sal-2039; jirrikonoxxi li s-sullokazzjoni tal-bini tal-Aġenzija f’pajjiż terz tfisser id-devjazzjoni tar-riżorsi biex titwettaq attività barra mill-mandat legali tal-Aġenzija; jirrikonoxxi wkoll il-ħtieġa għal deċiżjoni politika bil-għan li tinstab soluzzjoni dejjiema għal din il-kwistjoni;

17.

Jinnota l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex tindirizza l-osservazzjoni tal-Qorti mill-2019 rigward kuntratt qafas iffirmat mill-Aġenzija ma’ tliet kumpaniji għall-provvista ta’ ħaddiema temporanji; jinnota wkoll, b’riżultat ta’ dan, li l-istatus ta’ din l-osservazzjoni ġie aġġornat mill-Qorti minn “pendenti” għal “għadu għaddej”; josserva li l-Qorti qablet li tivvaluta mill-ġdid din l-osservazzjoni għal “qed tingħalaq”, wara t-tnedija tal-proċedura l-ġdida għall-provvista ta’ ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija fil-25 ta’ Mejju 2022;

18.

Ifakkar fl-importanza li kull proċedura ta’ akkwist tkun tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u li jiġu akkwistati oġġetti u servizzi għall-aqwa prezz, filwaqt li jiġu rispettati l-prinċipji ta’ trasparenza, proporzjonalità, trattament ugwali u nondiskriminazzjoni. jitlob l-implimentazzjoni tal-għodod tal-IT għall-akkwist elettroniku żviluppati mill-Kummissjoni; jitlob kjarifika aġġornata tal-proċeduri u l-mudelli fil-linji gwida dwar l-akkwist; jinnota bi tħassib l-osservazzjoni tal-Qorti li d-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku qed jiżdiedu u għadhom l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari fil-biċċa l-kbira tal-aġenziji;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

19.

Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti tal-Aġenzija u l-isforzi li għaddejjin biex tiġi żgurata trasparenza, biex jiġu evitati u ġestiti kunflitti ta’ interess, u biex tingħata protezzjoni lill-informaturi; jinnota wkoll li fl-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ intern ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, madankollu, waslu 29 rapport ta’ każijiet esterni ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, li minnhom 23 każ ingħalqu u sitt każijiet għadhom għaddejjin; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar fil-każijiet li għadhom għaddejjin;

20.

Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat is-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta’ interess tal-membri tal-bord amministrattiv tagħha, tal-maniġment superjuri tagħha u tal-esperti xjentifiċi involuti fil-ħidma tal-Aġenzija; jinnota wkoll li fl-2021 ma ġie rrapportat l-ebda każ ta’ kunflitt ta’ interess mill-Aġenzija; ifaħħar lill-Aġenzija talli stabbiliet regoli għall-membri tal-bord tagħha rigward kunflitti ta’ interess u sitwazzjonijiet ta’ “revolving doors”;

21.

Jilqa’ l-passi ulterjuri meħuda biex tissaħħaħ it-trasparenza tal-attivitajiet tal-Aġenzija billi, fost l-oħrajn, jiġu rappurtati l-laqgħat li l-persunal tal-Aġenzija jkollu ma’ partijiet interessati esterni, u d-disponibbiltà ta’ tali rapporti fuq is-sit web tal-Aġenzija;

22.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li jitħaddnu regoli sistematiċi dwar it-trasparenza, l-inkompatibbiltajiet, il-kunflitti ta’ interess, il-lobbjar illegali u r-revolving doors; jistieden lill-Aġenzija tirrevedi u ttejjeb il-kodiċi ta’ kondotta tagħha u tkompli ssaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ kontroll u awditu intern tagħha, inkluż l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu intern kontra l-korruzzjoni;

23.

Jisħaq li, minkejja l-fatt li l-maġġoranza tal-finanzjament ġej minn sorsi privati, l-Aġenzija hija awtorità pubblika; jissottolinja li l-fiduċja pubblika u l-garanziji tal-indipendenza u l-integrità tal-Aġenzija huma kruċjali u għalhekk jeħtieġ li jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza permezz tal-attivitajiet kollha tagħha biex tiġi evitata l-manipulazzjoni regolatorja u jiġi żgurat li ċ-ċittadini jżommu l-fiduċja tagħhom fil-qafas legali u regolatorju farmaċewtiku fl-Unjoni;

Kontroll intern

24.

Jinnota li s-sistema ta’ kontroll intern li għandha fis-seħħ l-Aġenzija, kemm f’termini tal-elementi individwali, kif ukoll tas-sistema sħiħa, b’mod ġenerali huma effettivi, b’xi titjib meħtieġ biex tkompli tissaħħaħ l-effettività ta’ xi elementi speċifiċi; jinnota, barra minn hekk, li fl-2021 il-Bord Eżekuttiv tal-Aġenzija approva approċċ ġdid u gwida interna ġdida dwar il-metodoloġija għal kontrolli finanzjarji ex post, u li tintroduċi skedi taż-żmien ġodda biex l-eżerċizzju jsir fuq perjodu ta’ 18-il xahar kontinwu; jinnota li l-proċeduri ta’ kontroll intern ma wrew l-ebda dgħufijiet sinifikanti, għalkemm ġew identifikati żewġ oqsma ta’ kontroll għal titjib potenzjali u bħalissa qegħdin jiġu indirizzati bi pjanijiet ta’ azzjoni speċifiċi għal titjib; jistieden lill-Aġenzija tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza fuq l-iżviluppi f’dan ir-rigward;

25.

Jinnota bi tħassib l-osservazzjoni mir-rapport tal-Qorti rigward diversi nuqqasijiet proċedurali f’żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ li ġew awditjati, li jimminaw il-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali; jistieden lill-Awtorità tindirizza d-dgħufijiet li sabet il-Qorti fil-qasam tar-reklutaġġ u ssaħħaħ is-sistema ta’ kontroll intern tagħha; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bil-progress li sar f’dan ir-rigward;

26.

Jiddispjaċih għall-fatt li nuqqasijiet proċedurali fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jimminaw il-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali. jitlob li l-Aġenzija ttejjeb il-proċedura ta’ reklutaġġ interna tagħha biex tiċċara l-proċessi ta’ valutazzjoni u l-avviżi dwar postijiet tax-xogħol vakanti; jirrimarka li fir-rapport annwali tal-Aġenzija l-għadd ta’ kapijiet tad-dipartimenti fis-sena 2021 kien ta’ 18, filwaqt li l-għadd ta’ kapijiet tad-dipartimenti kien ta’ 13 fl-2020.

27.

Ifakkar fl-importanza li jissaħħu s-Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-Aġenzija; jinsisti b’saħħa fuq ir-rekwiżit ta’ Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll effettivi biex jiġu evitati każijiet potenzjali ta’ kunflitti ta’ interess, kontrolli ex ante/ex post neqsin, ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u li jinqabżu r-rapporti dwar kwistjonijiet fir-reġistru ta’ eċċezzjonijiet.

Diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika

28.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija segwiet l-istrateġija biex ittejjeb l-effiċjenza tagħha, għax kompliet tibni fuq it-Trasformazzjoni Diġitali, kif ukoll l-attivitajiet mwettqa mit-task force għat-Trasformazzjoni Diġitali tan-Negozji; jinnota b’apprezzament li l-attivitajiet inkludew l-esplorazzjoni tal-intelliġenza artifiċjali, it-tagħlim awtomatiku u r-robotika biex jinbnew soluzzjonijiet prammatiċi għall-bżonnijiet ta’ negozju eżistenti tal-Aġenzija, u l-aċċelerazzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-Laboratorju tal-Innovazzjoni Diġitali, li żviluppa qafas għall-analiżi tal-proċessi bil-għan li jsaħħaħ l-effiċjenza permezz tat-teknoloġija u l-innovazzjoni diġitali fl-Aġenzija;

29.

Jinnota b’apprezzament il-progress li sar rigward il-programm għad-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-Aġenzija mmirat lejn il-modernizzazzjoni tal-proċessi u tal-għodod użati fl-oqsma tal-ġestjoni tal-persunal, il-finanzi u l-ippjanar; ifaħħar it-tnedija tal-fażijiet 1 u 2 tal-programm dwar il-Prestazzjoni u l-Iżvilupp fl-2021, li jikkonsisti minn, fost oħrajn, it-tnedija ta’ għodda diġitali ġdida għall-ġestjoni tal-proċessi ta’ prestazzjoni u żvilupp kollha li hija integrata mas-sistemi ta’ onboarding eżistenti, u l-implimentazzjoni tal-fajl personali diġitali għall-persunal statutorju kollu, li jissostitwixxi l-fajl personali stampat storiku u l-fajls ta’ ħidma skenjati;

30.

Jilqa’ l-isforzi li għamlet l-Aġenzija fl-2021 għal aktar sostenibbiltà biex tnaqqas l-impronta tal-karbonju mill-attivitajiet tagħha; jinnota li tali sforzi wasslu għal diversi eżiti pożittivi, inkluż tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija u l-ilma tal-Aġenzija; jilqa’ l-progress tal-Aġenzija fl-2021 rigward ir-reġistrazzjoni tagħha fl-Iskema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS), l-aġġornament tas-sistema ta’ Ġestjoni Ambjentali (EM) tal-Aġenzija biex jiġu identifikati r-riżorsi li ser jgħinu l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta’ EM fil-proċessi ta’ negozju operazzjonali tagħha u tiġi sorveljata l-impronta ambjentali tal-Aġenzija billi jiġi applikat il-Protokoll dwar il-Gassijiet Serra;

31.

Ifakkar fl-importanza li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tal-Aġenzija f’termini ta’ operat u ġestjoni interni iżda anki sabiex titħaffef id-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri; jistieden lill-Aġenzija tgħaddi għal ġestjoni tad-dokumenti u proċessi mingħajr l-użu tal-karta fejn possibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Aġenzija tkompli tkun proattiva f’dan ir-rigward sabiex jiġi evitat distakk diġitali bejn l-aġenziji; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jiġi evitat kwalunkwe riskju għas-sigurtà online tal-informazzjoni pproċessata;

32.

Iħeġġeġ lill-Aġenzija taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà), u mas-CERT-UE (Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni) u twettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tagħha u tiżgura li jsiru awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tagħha; jissuġġerixxi li jiġu offruti regolarment programmi ta’ taħriġ aġġornati relatati maċ-ċibersigurtà għall-persunal kollu fl-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa l-politika taċ-ċibersigurtà tagħha iktar malajr, tressaqha qabel il-31 ta’ Diċembru 2023 u tirrapporta lura lill-awtorità ta’ kwittanza;

Kontinwità tal-operat matul kriżi tal-COVID-19

33.

Jinnota li, b’riżultat tal-istabbiliment ta’ ppjanar għall-kontinwità tal-operat matul l-2021, xi wħud mill-attivitajiet tal-Aġenzija kellhom jiġu sospiżi, ittardjati jew imċekkna; jinnota wkoll li l-Aġenzija kompliet tagħmel monitoraġġ tal-pjan għall-kontinwità tal-operat u l-pjan għat-theddida għas-saħħa pubblika tagħha, sabiex tipproteġi s-saħħa u s-sikurezza tal-persunal, tad-delegati u tal-kuntratturi filwaqt li tkompli twettaq il-mandat tagħha;

34.

Jinnota li l-Aġenzija ħadet għadd ta’ miżuri biex timmonitorja u timmitiga l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19, bħall-ġestjoni tar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza billi implimentat it-tbegħid soċjali u ppermettiet lill-impjegati jaħdmu mid-dar; jinnota li l-operat u r-riżultati tal-Aġenzija ma ġewx affettwati b’mod sinifikanti mill-pandemija tal-COVID-19;

Kummenti oħra

35.

Ifaħħar lill-Aġenzija tal-isforzi tagħha fl-2021 biex tipprovdi informazzjoni ċara, trasparenti, preċiża u fil-ħin dwar l-approvazzjoni u s-superviżjoni tal-vaċċini u t-trattamenti tal-COVID-19 fl-UE b’veloċità u frekwenza mingħajr preċedent; jirrikonoxxi li l-komunikazzjoni tal-Aġenzija kienet kruċjali biex isserraħ moħħ iċ-ċittadini tal-Unjoni, tiġġieled kontra l-informazzjoni ħażina u d-diżinformazzjoni, tibni fiduċja u tipproteġi s-saħħa pubblika; tfaħħar il-metrika mtejba tal-Aġenzija u l-feedback pożittiv rigward it-traffiku fuq is-sit web tagħha, il-konferenzi stampa u l-kontijiet tal-media soċjali fl-2021;

36.

Jinnota li fl-2021 l-Aġenzija żviluppat strateġija qafas ġdida ta’ ħames snin għall-komunikazzjoni esterna u l-involviment, li tkopri l-2021 sal-2025, li għandha l-għan li tibni fehim aħjar tal-Aġenzija u l-ħidma tagħha fost iċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll li tipprovdi qafas strateġiku għall-iżvilupp ta’ pjanijiet annwali ta’ komunikazzjoni u involviment; jinnota li l-istrateġija ta’ qafas ġdida tistabbilixxi miri bħal żieda tal-impatt fuq is-saħħa pubblika, kollaborazzjoni msaħħa mas-sħab u mal-partijiet ikkonċernati u l-istabbiliment ta’ proċessi ottimizzati għall-komunikazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi fost oħrajn;

37.

Jistieden lill-Aġenzija tkompli tiżviluppa s-sinerġiji tagħha (pereżempju r-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-bini, is-servizzi tal-IT u s-sigurtà), u ssaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha, l-iskambju tal-prattiki tajba u d-diskussjonijiet tagħha rigward oqsma ta’ interess reċiproku ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza;

38.

Jirreferi, fir-rigward ta’ kummenti oħrajn ta’ natura orizzontali li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 141, 29.3.2022, p. 26.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2023)0190.


Top