This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016D1072
Commission Implementing Decision (EU) 2016/1072 of 29 June 2016 terminating the anti-dumping proceeding concerning imports of certain ceramic foam filters originating in the People's Republic of China
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1072 tad-29 ta' Ġunju 2016 li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti filtri tal-fowm taċ-ċeramika li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1072 tad-29 ta' Ġunju 2016 li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti filtri tal-fowm taċ-ċeramika li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
C/2016/3921
ĠU L 178, 2.7.2016, p. 22–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
2.7.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 178/22 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1072
tad-29 ta' Ġunju 2016
li ttemm il-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ċerti filtri tal-fowm taċ-ċeramika li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
(1) |
Fl-14 ta' Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bdiet investigazzjoni antidumping fir-rigward ta' importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti filtri tal-fowm taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”) fuq il-bażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (“ir-Regolament bażiku”). Hija ppubblikat Notifika ta' Bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-Notifika ta' Bidu”). |
(2) |
Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-1 ta' Lulju 2015 minn Vesuvius GmbH (“l-ilmentatur”). L-ilmentatur jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' filtri tal-fowm taċ-ċeramika inkwistjoni. L-ilment kien fih evidenza ta' dumping u ta' dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. |
(3) |
Fin-Notifika ta' Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkuntattjawha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-ilmentatur, lill-produtturi magħrufa oħrajn tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lil importaturi, fornituri u utenti, u negozjanti magħrufa, kif ukoll assoċjazzjonijiet li kien magħruf li kienu kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni, u stednithom jieħdu sehem. |
(4) |
Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkumentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u li jitolbu seduta ta' smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali. |
2. L-IRTIRAR TAL-ILMENT U T-TMIEMTAL-PROĊEDIMENT
(5) |
Permezz ta' ittra tat-8 ta' Marzu 2016 indirizzata lill-Kummissjoni, l-ilmentatur irtira l-ilment tiegħu. |
(6) |
Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, meta l-ilmentatur jirtira l-ilment tiegħu, il-proċediment jista' jintemm sakemm tali tmiem ma jkunx kontra l-interess tal-Unjoni. |
(7) |
Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment antidumping attwali għandu jintemm peress li l-investigazzjoni ma sabet ebda fatt li juri li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti li jwasslu għall-konklużjoni li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni. |
(8) |
Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-proċediment antidumping li jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti filtri tal-fowm taċ-ċeramika li joriġinaw fir-RPĊ għandu jintemm. |
(9) |
Din id-Deċiżjoni hija skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' filtri tal-fowm taċ-ċeramika karatterizzati minn porożità medja sa 60 ppi (pori kull pulżier) u minn reżistenza għal xokkijiet termali li tiflaħ għal bidla fit-temperatura kkawżata mill-mogħdija ta' metal imdewweb minn temperatura ambjentali għal minimu ta' 1 300 °C u magħmul minn materjal taċ-ċeramika li mhuwiex:
— |
pasti ta' fossili silikużi jew trab silikuż simili jew |
— |
li fihom iż-żirkonju (diossidu taż-żirkonju ZrO2) fi kwantitajiet ta' aktar minn ħamsin fil-mija skont il-piż, |
li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM ex 6903 10 00, ex 6903 20 10, ex 6903 20 90, ex 6903 90 10, ex 6903 90 90 u ex 6909 19 00 huwa b'dan mitmum.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ġunju 2016.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(2) Notifika ta' bidu ta' proċediment antidumping dwar l-importazzjonijiet ta' ċertu filtri tal-fowm taċ-ċeramika li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 266, 14.8.2015, p. 14).