This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D1534
Council Decision (EU) 2015/1534 of 7 May 2015 on the position to be adopted on behalf of the European Union at the International Maritime Organization during the 68th session of the Marine Environment Protection Committee and the 95th session of the Maritime Safety Committee on the adoption of amendments to MARPOL, SOLAS and the 2009 Guidelines for exhaust gas cleaning systems
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1534 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1534 tas-7 ta' Mejju 2015 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost
ĠU L 240, 16.9.2015, p. 61–63
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
16.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 240/61 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1534
tas-7 ta' Mejju 2015
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u matul il-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni ta' emendi għall-MARPOL, is-SOLAS u l-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sigurtà marittima u tipproteġi l-ambjent marin. |
(2) |
Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar (MEPC) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI), li ltaqa' matul is-67 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL). Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati matul it-68 sessjoni tal-MEPC, li ser issir f'Mejju 2015. |
(3) |
Is-Sottokumitat tal-OMI dwar il-Prevenzjoni u r-Reazzjoni għat-Tniġġis (PPR) li ltaqa' matul it-tieni sessjoni tiegħu approva abbozz ta' emendi għal-Linji Gwida tal-2009 għal sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost (“il-Linji Gwida tal-2009”). Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati matul it-68 sessjoni tal-MEPC, li ser issir f'Mejju 2015. |
(4) |
Il-Kumitat tas-Sigurtà Marittima (KSM) tal-OMI, li ltaqa' matul l-94 sessjoni tiegħu, approva emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS). Dawk l-emendi huma mistennija jiġu adottati fil-95 sessjoni tal-KSM, li ser issir f'Ġunju 2015. |
(5) |
L-emendi għall-Annessi I u II għall-MARPOL ser jintroduċu miżuri assoċjati mal-adozzjoni tal-abbozz ta' Kodiċi Internazzjonali għal vapuri li joperaw f'ilmijiet polari (il-“Kodiċi Polari”), sabiex il-Kodiċi Polari ssir mandatorja. Il-Kodiċi Polari testendi l-projbizzjoni attwali tal-MARPOL tal-iskariki ta' żejt/likwidi noċivi fl-antartiku sal-ilmijiet polari. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), flimkien mal-Artikolu 3(1) tiegħu, jipprevedi li l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li l-iskariki ta' sustanzi li jniġġsu li ġejjin minn vapuri, inkluż każijiet minuri ta' skariki bħal dawn, jitqiesu bħala ksur jekk jitwettqu b'intenzjoni, b'imprudenza jew b'negliġenza serja. L-Artikolu 5(1) ta' dik id-Direttiva jipprevedi li skariku ta' sustanzi li jniġġsu ma għandux jitqies bħala ksur bħal dan jekk jissodisfa l-kondizzjonjiet stabbiliti, fost l-oħrajn, fl-Anness I, ir-Regolamenti 15 u 34 tal-MARPOL. Ir-Regolament 15 kif ukoll ir-Regolament 34 huma fost ir-Regolamenti tal-MARPOL li ser jinbidlu mal-adozzjoni tal-emendi stabbiliti fl-Anness 11 tad-Dokument MEPC 67/20 tal-OMI. Għaldaqstant, dawk l-emendi ser jaffettwaw il-kamp ta' applikazzjoni ta' ksur skont id-Direttiva 2005/35/KE u, għalhekk, jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. |
(6) |
L-emendi għal-Linji Gwida tal-2009 ser jintroduċu l-użu ta' metodologija bbażata fuq il-kalkolu għall-ittestjar ta' scrubbers konnessi ma' elementi ta' makkinarju tal-vapuri li ma jistgħux jiġu ttestjati b'tagħbijiet għoljin, jew li saħansitra ma jistgħux jiġu ttestjati waqt li jkunu “wieqfa f'port”. L-Artikolu 4c u l-Anness II għad-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE (2) ikopru dawk il-kwistjonijiet u l-Anness II huwa derivat mil-Linji Gwida tal-2009 li ser jiġu emendati. |
(7) |
L-emendi għar-Regolament II-2/20.3.1.2.1 tas-SOLAS ser jippermettu l-operazzjoni tal-fannijiet ta' ventilazzjoni b'għadd imnaqqas ta' tibdiliet tal-arja meta tkun qed titħaddem sistema ta' kontroll għall-kwalità tal-arja għall-vapuri tal-passiġġieri fl-ispazji tal-vetturi, tal-kategoriji speċjali u tar-ro-ro. Punt (a)(i) tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprevedi li vapuri tal-passiġġieri ġodda tal-Klassi A għandhom jikkonformaw b'mod sħiħ mar-rekwiżiti tas-SOLAS, inkluż ir-Regolament II-2/20.3 tas-SOLAS. Għaldaqstant, l-emendi li ser jiġu adottati ser ikollhom effett legali dirett fuq id-Direttiva 2009/45/KE. Sa fejn dawk l-emendi jaffettwaw lill-vapuri tal-passiġġieri li jkunu qed jagħmlu vjaġġi domestiċi, dawk l-emendi jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. |
(8) |
L-Unjoni mhix membru tal-OMI u lanqas mhi parti kontraenti għall-konvenzjonijiet ikkonċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b'dawk l-emendi, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni matul it-68 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni ta':
(i) |
l-emendi għall-Annessi I u II tal-MARPOL kif stabbiliti fl-Anness 11 għad-Dokument MEPC 67/20 tal-OMI; |
(ii) |
l-emendi għal-Linji Gwida tal-2009 dwar is-sistemi għat-tindif tal-gass tal-egżost kif stabbiliti fl-Anness 1 għad-Dokument PPR 2/21 tal-OMI. |
Artikolu 2
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-95 sessjoni tal-Kumitat tas-Sigurtà Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi
— |
għar-Regolament II-2/20.3.1.2.1 tas-SOLAS kif stabbilit fl-Anness 11 għad-Dokument MSC 94/21/add.1 tal-OMI. |
Artikolu 3
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 1 u 2 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri, li huma membri tal-OMI billi jaġixxu b'mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.
Artikolu 4
Jista' jsir qbil dwar bidliet formali u minuri fil-pożizzjonijiet msemmija fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jiġu emendati dawk il-pożizzjonijiet.
Artikolu 5
L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawn jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
E. RINKĒVIČS
(1) Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet għal ksur, inklużi penalitajiet kriminali, għal reati ta' tniġġis (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 11).
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta' April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut tal-kubrit f'ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 121, 11.5.1999, p. 13).
(3) Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).