EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0126

Kawża T-126/20: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2020 – Autoridad Portuaria de Bilbao vs Il-Kummissjoni

ĠU C 129, 20.4.2020, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

20.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/23


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2020 – Autoridad Portuaria de Bilbao vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-126/20)

(2020/C 129/29)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Autoridad Portuaria de Bilbao (Spanja) (rappreżentanti: D. Sarmiento Ramírez-Escudero u X. Codina García-Andrade, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewopea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tiddikjara nulla d-deċiżjoni kkontestata;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-8 ta’ Jannar 2019 (C (2018) 8676 final), dwar it-tassazzjoni tal-portijiet fi Spanja, kif ukoll kontra d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea C (2019) 1765 final, tas-7 ta’ Marzu 2019, u C (2019) 8068 final, tal-15 ta’ Novembru 2019 (id-“Deċiżjonijiet Ikkontestati”).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-eżenzjoni fiskali ma tikkostitwixxix vantaġġ.

Insostenn tal-ewwel motiv, huwa allegat li l-miżuri ta’ eżenzjoni fiskali li huma s-suġġett tad-Deċiżjonijiet Ikkontestati ma jikkostitwixxux vantaġġ ekonomiku, filwaqt li t-tneħħija ta’ din l-eżenzjoni timponi piż ekonomiku fuq l-Awtorità tal-Port peress li tibqa’ marbuta li tiffinanzja investimenti ta’ interess ġenerali bir-riżorsi tagħha.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 296 TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-Kummissjoni, meta analizzat l-eżistenza ta’ vantaġġ, ma wettqitx analiżi sħiħa tad-data disponibbli.

Insostenn tat-tieni motiv, huwa allegat li l-Kummissjoni Ewropea, meta evalwat jekk il-miżuri ta’ eżenzjoni li huma suġġett tad-Deċiżjonijiet Ikkontestati kinux joħolqu vantaġġ, ma wettqitx analiżi sħiħa tad-data pprovduta matul il-proċedura mill-Awtorità tal-Port.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu107(1) TFUE, sa fejn l-eżenzjoni fiskali ma toħloqx distorsjoni jew theddida għall-kompetizzjoni u lanqas ma taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Insostenn tat-tielet motiv, huwa allegat li l-miżuri ta’ eżenzjoni li huma s-suġġett tad-Deċiżjonijiet Ikkontestati ma jtejbux il-pożizzjoni kompetittiva tal-Awtoritajiet tal-Port u, għalhekk, il-kompetizzjoni ma tistax taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, din ma hijiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn l-eżenzjoni fiskali ma hijiex selettiva.

Insostenn tar-raba’ motiv, huwa allegat li l-miżuri ta’ eżenzjoni suġġetti għad-Deċiżjonijiet Ikkontestati ma humiex selettivi, peress li ma jikkostitwixxux eċċezzjoni għas-sistema ta’ riferiment, u għalhekk ma humiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE.

5.

Il-ħames motiv, magħmul sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li l-eżenzjonijiet fiskali inkwistjoni, anki fil-każ li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, huma kompatibbli mas-suq intern.

Insostenn tal-ħames motiv, u sussidjarjament, huwa sostnut li, anki jekk il-miżuri ta’ eżenzjoni li huma s-suġġett tad-Deċiżjonijiet Ikkontestati kellhom jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, dawn huma għajnuna kompatibbli mas-suq intern.


Top