This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AR8067
Opinion of the Committee of the Regions — Proposal for a Directive on Lightweight Plastic Carrier Bags
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Proposta għal Direttiva dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Proposta għal Direttiva dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief
ĠU C 174, 7.6.2014, p. 43–49
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 174/43 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Proposta għal Direttiva dwar il-basktijiet tal-plastik ħfief
2014/C 174/08
Relatur |
Is-Sinjura Linda Gillham, Membru tal-Kunsill tal-Borough ta' Runnymede (UK/AE) |
Dokument ta' referenza |
Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 94/62/KE dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ biex tnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief COM(2013) 761 final – 2013/0371 (COD) |
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA' POLITIKA
IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Kuntest ġenerali
1. |
jirrikonoxxi li l-karatteristiċi li wasslu għas-suċċess kummerċjali tal-basktijiet tal-plastik – ħeffa, saħħa u reżistenza għad-degradazzjoni – ikkontribwixxew ukoll għall-proliferazzjoni tagħhom. Huwa stmat li fl-2010 kull ċittadin tal-UE uża 198 basket tal-plastik, li xi 90 % minnhom huwa stmat li kienu basktijiet ħfief; dawn jintużaw mill-ġdid inqas ta' spiss minn basktijiet eħxen u x'aktarx jintremew aktar; |
2. |
jinnota li, mil-lat kummerċjali, il-vantaġġi li għandhom il-basktijiet tal-plastik ħfief ta' ħxuna ta' inqas minn 50 mikron (ħeffa, saħħa u reżistenza għad-degradazzjoni) kienu u għadhom sal-lum ir-raġuni għalfejn ftit li xejn jiġu riċiklati u jniġġsu l-art u l-ilmijiet mad-dinja kollha; |
3. |
jinnota li l-iskart tal-basktijiet tal-plastik fl-ekosistemi tal-ilma ma jolqotx biss il-pajjiżi b'kosta tal-baħar, iżda wkoll pajjiżi b'lagi kbar minħabba li ammont konsiderevoli tal-iskart mill-art jispiċċa fix-xmajjar. Ladarba mormija, il-basktijiet tal-plastik jippersistu għal mijiet ta' snin, l-aktar f'biċċiet żgħar, u n-numru kumulattiv ta' basktijiet tal-plastik mormija jiżdied biż-żmien u huwa rikonoxxut bħala sfida globali kbira; |
4. |
jinnota li l-basktijiet tal-plastik jitqiesu bħala imballaġġ taħt id-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (Direttiva 94/62/KE). Il-basktijiet tal-plastik jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk jikkonformaw ma' rekwiżiti essenzjali għall-imminimizzar tal-imballaġġ, it-tnaqqis ta' sustanzi perikolużi u l-adegwatezza għal użu mill-ġdid u rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, l-irkupru tal-enerġija, l-ikkompostjar u il-bijodegradazzjoni. Madankollu, ma hemm l-ebda leġislazzjoni jew politika tal-UE mmirata speċifikament għall-basktijiet tal-plastik; |
5. |
jirrikonoxxi li l-Istati Membri implimentaw diversi azzjonijiet biex inaqqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik, li jvarjaw minn ftehimiet volontarji, miżuri fiskali (il-Belġju, l-Irlanda, id-Danimarka), sa projbizzjoni diretta tal-basktijiet mhux bijodegradabbli, kif inhu l-każ fl-Italja. Xi Stati Membri diġa kisbu riżultati eċċellenti f'termini ta' tnaqqis fl-użu tagħhom tal-basktijiet tal-plastik, li jvarjaw minn madwar 4 basktijiet tal-plastik għal kull ċittadin fid-Danimarka u l-Finlandja, sa madwar 466 fil-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja; |
6. |
ifaħħar dawk l-Istati Membri li naqqsu l-konsum annwali ta' basktijiet tal-plastik ħfief għal kull persuna. Jidher ċar li hemm lok biex nitgħallmu mill-azzjoni li rnexxiet f'għadd ta' Stati Membri u jħeġġeġ il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali madwar id-dinja biex jinnotaw dawn il-miżuri; |
7. |
jenfasizza li l-iskart tal-plastik kollu għandu jiġi ġestit bħala riżorsa kif previst mill-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi sabiex jintlaħqu l-għanijiet għall-2020; |
Il-livell ta' ambizzjoni fid-Direttiva proposta
8. |
fid-dawl tal-Opinjonijiet reċenti tiegħu (1), il-KtR jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea mhijiex ambizzjuża biżżejjed għall-prevenzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief, u jistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jikkunsidraw:
|
9. |
jemmen li taħlita ta' dawn il-miżuri, inkluż l-possibbiltà ssuġġerita biex l-Istati Membri japplikaw restrizzjonijiet tas-suq b'deroga mill-Artikolu 18, tirrappreżenta approċċ aktar effettiv. Il-miżuri jkunu ta' appoġġ reċiproku, flimkien mal-istrumenti ekonomiċi li jiġu implimentati bl-aħjar mod fuq livell nazzjonali u reġjonali, iżda hija importanti mira ambizzjuża fil-livell tal-UE biex tiżgura l-implimentazzjoni u s-sensibilizzazzjoni (2); |
Definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni
10. |
jappoġġja d-definizzjoni proposta bbażata fuq ħxuna tal-plastik ta' 50 mikron bħala parametru xieraq sabiex tiskoraġġixxi l-użu tal-basktijiet tal-plastik ħfief mingħajr ma taffettwa ħażin il-basktijiet tal-plastik li jintużaw diversi drabi magħrufin bħala “basktijiet għal dejjem”. Il-basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 mikron, li huma stmati li jirrappreżentaw 90 % tan-numru totali tal-basktijiet tal-plastik kkunsmati fl-Unjoni, jintużaw mill-ġdid anqas ta' spiss u huma aktar suxxettibbli għar-rimi (3); |
11. |
jenfasizza l-importanza tad-definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva proposta biex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati, bħalma hija l-bidla għal materjali oħrajn, eħxen, għad li xorta jkunu basktijiet tal-plastik li jintużaw darba, u forom oħra ta' basktijiet tal-plastik b'funzjoni simili, li jistgħu ma jagħtux ir-riżultati ambjentali mixtieqa u għandhom il-potenzjal li jżidu l-volum tal-imballaġġ prodott; |
12. |
jappoġġja l-esklużjoni ta' basktijiet li jintużaw diversi drabi mill-miri tat-tnaqqis u mill-projbizzjonijiet possibbli, madankollu, jemmen li l-istrumenti ekonomiċi għandhom japplikaw ukoll għall-basktijiet li jintużaw diversi drabi, u jitlob l-inklużjoni tagħhom fid-definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva għal dan l-għan speċifiku; |
13. |
jinnota li l-“basktijiet għal dejjem” huma ta' spiss sostitwiti mill-bejjiegħ bl-imnut mingħajr spejjeż, u dan għandu jitħeġġeġ. Din il-miżura tista' tkun ta' ġid għar-riżorsi naturali u ġġib il-bidla fl-imġiba biex il-basktijiet ma jitqiesux skart; |
14. |
jitlob kjarifika dwar jekk il-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna (inqas minn 10 mikron) li jintużaw għall-ikel frisk jew mhux ipproċessat għall-konsum mill-bniedem jew mill-annimali jkunux inklużi skont id-definizzjoni proposta. Dawn huma ġeneralment esklużi mill-politiki tal-basktijiet tal-plastik għal raġunijiet ta' prattiċità, iġjene jew sikurezza tal-ikel (speċjalment meta jintużaw għal laħam nej). Madankollu, mira tal-UE għat-tnaqqis/prevenzjoni jaf tkun teħtieġ li jiġu inklużi sabiex jiġi evitat tibdil mhux intenzjonat fl-imġiba tal-konsumatur (4); |
15. |
jitlob ukoll kjarifika għalfejn id-definizzjoni tal-basktijiet tal-plastik ħfief ġiet limitata għall-basktijiet tal-plastik, pjuttost milli ma tkunx definizzjoni selettiva għal materjali speċifiċi u tkun tinkludi wkoll basktijiet mill-karta, mill-materjal ibbażat fuq il-pjanti jew mill-lamtu li jintużaw darba, u b'hekk jiġu indirizzati t-tendenzi insostenibbli tal-konsum u l-effiċjenza tar-riżorsi; |
16. |
jinnota, f'dan ir-rigward, li l-valutazzjoni tal-impatt li wettqet il-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi li għal kull 1,000 basket tal-plastik li jintużaw darba u li jiġu ffrankati, in-nies jużaw medja ta' 127 basket tal-karta. Din tassumi li 50 % tal-basktijiet tal-plastik kkonsmati minn setturi mhux tas-supermarkets se jiġu sostitwiti bil-basktijiet tal-karta jekk dawn ma jkunux koperti mill-politika, kif pereżempju wriet l-esperjenza fl-Irlanda (5); |
17. |
jilqa' b'sodisfazzjon l-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politiki tal-iskart li qed jitħaddmu bħalissa u jistenna bil-ħerqa li jirċievi aktar kjarifiki dwar il-karatteristiċi ambjentali kemm pożittivi kif ukoll negattivi, li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda li jiddikjaraw li jipproduċu basktijiet, ossodegradabbli, bijodegradabbli jew kompostabbli. Huwa meħtieġ ukoll li jiġi mifhum l-impatt ta' dawn il-partiċelli mikroskopiċi fuq il-ħajja tal-baħar; |
18. |
joġġezzjona bil-qawwa għal kull eżenzjoni ta' basktijiet tal-plastik bijodegradabbli jew kompostabbli mid-definizzjoni/kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-KtR itenni t-tħassib tiegħu dwar it-tikkettar u d-definizzjonijiet qarrieqa u l-kredenzjali parzjalment ekoloġiċi ta' dawn il-basktijiet (6). Barra minn hekk, bidla lejn basktijiet bijodegradabbli mhix se tnaqqas in-numru ta' basktijiet mormija bħala skart. Għandha wkoll il-potenzjal li toħloq problemi għall-muniċipalitajiet fil-proċessi ta' riċiklaġġ tal-plastik u twassal għal konfużjoni dwar l-ikkompostjar domestiku jew kummerċjali; |
19. |
itenni t-talba tiegħu għal projbizzjoni tal-plastiks ossodegradabbli sakemm ir-riċerka ulterjuri tistabbilixxi l-valur miżjud ta' dawn il-prodotti; |
20. |
iqis li d-disinn tal-prodotti huwa kruċjali biex l-iskart jiġi minimizzat. jemmen li, filwaqt li d-Direttiva attwali dwar l-ekodisinn tiffoka fuq il-konsum tal-ilma u l-enerġija, ir-rieżami tagħha issa jista' jinkludi t-tħejjija għall-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ tal-prodott flimkien ma' pariri lill-konsumatur dwar kemm iservi fit-tul il-basket tal-plastik; |
21. |
jirrakkomanda li d-disinni futuri jkollhom kontenut minimu ta' materjal riċiklat filwaqt li jrid ikun hemm fehim li ċerti użi għall-ikel u s-saħħa personali jeħtieġu standards speċifiċi tal-materjal; |
Miri ta' tnaqqis u projbizzjonijiet nazzjonali jew tal-UE
22. |
jappoġġja mira ta' tnaqqis li twassal għal konsum ta' mhux aktar minn 35 basket għal kull persuna fis-sena, li tkun tapplika għal kull Stat Membru u li tintlaħaq matul fażi ta' tranżizzjoni wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Dan jirrapreżenta tnaqqis ta' 80 % fil-medja tal-UE fl-2010 għall-konsum tal-basktijiet tal-plastik li jintużaw darba, u dan diġà ntlaħaq jew inqabeż minn xi Stati Membri; |
23. |
jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni proposta li tippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu l-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom, b'deroga mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE. Din id-dispożizzjoni ġdida turi li aktar u aktar pajjiżi, reġjuni u bliet madwar id-dinja ipprojbixxew il-basktijiet tal-plastik ħfief jew qiesu l-introduzzjoni ta' projbizzjonijiet u dan in-numru għadu qed jiżdied; |
24. |
jirrikonoxxi li tali restrizzjonijiet nazzjonali għall-kummerċjalizzazzjoni huma soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 34 sa 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li jridu jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet – il-projbizzjoni ma tistax tkun diskriminatorja favur ċertu tip ta' basktijiet tal-plastik ħfief, u ma għandhiex isservi ta' restrizzjoni moħbija fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. F'dan ir-rigward iqis li l-basktijiet ħfief kollha disponibbli attwalment għandhom jiġu soġġetti għal projbizzjoni sal-2020; |
25. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tistħarreġ modi biex, sal-2020, tintroduċi projbizzjoni fuq il-basktijiet tal-plastik ħfief fis-servizz tal-bejgħ bl-imnut (7) fil-livell tal-UE. U jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tistudja l-kunflitti li jista' jkun hemm mar-regoli tas-suq intern u mal-liġi internazzjonali tal-kummerċ, il-bżonn għal bidla fil-bażi legali tad-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, it-tul tal-perjodu tranżitorju meħtieġ, u l-ħtieġa li l-projbizzjoni ssir flimkien ma' tariffi fuq basktijiet tal-plastik li jintużaw diversi drabi u miżuri oħra biex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati; |
26. |
jirrakkomanda li l-Istati Membri għandhom jinkludu rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fi kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar l-introduzzjoni ta' projbizzjonijiet bħal dawn; |
Strumenti ekonomiċi
27. |
jitlob li l-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas” (8) jiġi implimentat bis-sħiħ u jinnota li l-Istati Membri li rnexxielhom inaqqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik introduċew strumenti ekonomiċi (imposti/taxxi). Dan jidher pereżempju mir-riżultati inkoraġġanti tal-imposta fl-Irlanda jew it-taxxa fid-Danimarka fuq il-basktijiet tal-plastik (9); |
28. |
itenni li projbizzjoni fuq it-tqassim b'xejn tal-basktijiet tal-plastik ħfief u basktijiet oħra qed turi riżultati pożittivi f'għadd ta' reġjuni u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata (10); |
29. |
iqis li l-inkoraġġiment tal-użu ta' strumenti bħal dawn kif qed jiġi propost mhux suffiċjenti u jitlob bidla fid-Direttiva proposta biex jiddaħħal obbligu għall-Istati Membri biex jużaw strumenti ekonomiċi sabiex jitnaqqas il-konsum u jiġi żgurat li l-basktijiet tal-plastik ma jingħatawx b'xejn. Dan l-obbligu jista' jkun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, li diġà tinkoraġġixxi l-użu ta' strumenti ekonomiċi b'mod ġenerali; |
30. |
jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' strumenti ekonomiċi għandha titħalla f'idejn l-Istati Membri jew reġjuni bis-setgħat leġislattivi rilevanti; |
31. |
jenfasizza li xi fatturi fid-disinn huma kruċjali għall-effettività tal-istrumenti ekonomiċi:
|
32. |
jemmen li l-obbligu għall-introduzzjoni ta' strumenti ekonomiċi għandu jiġi applikat għat-tipi kollha ta' basktijiet tal-plastik, u mhux biss għal basktijiet ħfief, u b'hekk jitħeġġeġ aktar l-użu tal-basktijiet tal-plastik għal diversi drabi, u minħabba li fil-prattika huwa rari li l-basktijiet tal-plastik li jistgħu jintużaw diversi drabi jingħataw b'xejn. Madankollu, il-basktijiet tal-plastik li jistgħu jintużaw diversi drabi jistgħu jiġu sostitwiti b'xejn mill-bejjiegħ bl-imnut oriġinali. |
33. |
jemmen li l-inizjattivi volontarji fil-livell nazzjonali, inkluża r-responsabbiltà tal-bejjiegħa għat-teħid lura, jistgħu jgħinu biex jiġu trasferiti l-ispejjeż tal-awtoritajiet tal-iskart u dawk ambjentali għat-trattament ta' ċertu skart tal-plastik fil-katina tal-valur kollha. |
34. |
jenfasizza l-potenzjal tal-istrumenti ekonomiċi biex jiġġeneraw dħul għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li jkun jista' jintuża biex ipattu għall-ispejjeż amministrattivi marbutin mal-implimentazzjoni u l-infurzar, u biex jiddelimitaw fondi għal attivitajiet ta' tindif tal-iskart u għal proġetti ambjentali; |
35. |
itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea biex tistudja l-aħjar mod kif tista' tiddaħħal ir-responsabbiltà estiża tal-produttur fl-UE għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart tal-plastik (11); |
36. |
jitlob li l-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li tintroduċi referenza għar-Responsabbiltà Estiża tal-Produttur biex tinkludi l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż, u biex l-ispejjeż għat-trattament ta' dan it-tip ta' plastik, inklużi l-ispejjeż tal-skart, jgħaddu mill-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala ġestituri tal-iskart għal għand il-produtturi; |
37. |
jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissarju għall-Ambjent għal Inizjattiva ta' “Ġurnata Ewropea ta' tindif” fil-bidu ta' din is-sena; |
38. |
itenni l-appoġġ tiegħu għal din l-inizjattiva u oħrajn simili li jagħtu promimenza għall-isfida tal-iskart fl-ambjent li jiffaċċjaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Dan huwa prerekwiżit għall-bidla fl-imġiba biex jitnaqqas l-impatt ambjentali ta' żieda fil-ġenerazzjoni tal-iskart u għall-konservazzjonui tar-riżorsi naturali; |
39. |
jagħraf li filwaqt li l-akkumulazzjoni dejjem tikber ta' skart tal-plastik fl-ambjent tal-baħar madwar id-dinja hija sinjal ta' allarm, huwa rikonoxxut li l-maġġoranza ta' dan ir-rimi mhux kontrollat joriġina fuq l-art. Ir-rimi tal-basktijiet tal-plastik fi kwalunkwe ambjent huwa inaċċettabbli! |
II. RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU L-EMENDI
Emenda 1
COM(2013) 761 final – Premessa 2
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Il-Konsum tal-basktijiet tal-plastik jirriżulta f'livelli għoljin ta' skart u użu ineffiċjenti tar-riżorsi u huma mistenni li jiżdied jekk ma hija se tittieħed l-ebda azzjoni. L-iskart tal-basktijiet tal-plastik jikkontribwixxi għall-problema tal-iskart fil-baħar li qed thedded l-ekosistemi marittimi madwar id-dinja kollha. |
Il-Konsum tal-basktijiet tal-plastik jirriżulta f'livelli għoljin ta' skart u użu ineffiċjenti tar-riżorsi u huma mistenni li jiżdied jekk ma hija se tittieħed l-ebda azzjoni. L-iskart tal-basktijiet tal-plastik jikkontribwixxi għall-problema tal-iskart fil-baħar li qed thedded l-ekosistemi marittimi u dawk tax-xmajjar u tal-korpi tal-ilma kbar madwar id-dinja kollha. |
Raġuni
L-iskart tal-basktijiet tal-plastik ma jikkontribwixxix biss għall-problema tal-iskart fil-baħar, imma għandu konsegwenzi negattivi wkoll għall-ambjent ġenerali.
Emenda 2
COM(2013) 761 final – Premessa 5
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Sabiex jippromwovu tnaqqis simili tal-livell medju tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex inaqsu l-konsum tal-basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 microns f'konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-UE dwar l-iskart u l-ġerarkija tal-UE dwar l-iskart kif tipprovdi d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi7. Miżuri ta' tnaqqis bħal dawn għandhom iqiesu l-livelli tal-konsum attwali tal-basktijiet tal-plastik fl-Istati Membri individwali, fejn livelli iktar għoljin jirrikjedu sforzi iktar ambizzjużi. L-awtoritajiet nazzjonali se jipprovdu dejta dwar l-użu tagħhom skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE sabiex jimmonitorjaw il-progress fit-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik. |
Sabiex jippromwovu tnaqqis simili tal-livell medju tal-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex inaqsu sostanzjalment l-konsum tal-basktijiet tal-plastik bi ħxuna ta' inqas minn 50 microns f'konformità mal-għanijiet ġenerali tal-politika tal-UE dwar l-iskart u l-ġerarkija tal-UE dwar l-iskart kif tipprovdi d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi7. Miżuri ta' tnaqqis bħal dawn għandhom iqiesu l-livelli tal-konsum attwali tal-basktijiet tal-plastik fl-Istati Membri individwali, fejn livelli iktar għoljin jirrikjedu sforzi iktar ambizzjużi. L-awtoritajiet nazzjonali se jipprovdu dejta dwar l-użu tagħhom skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 94/62/KE sabiex jimmonitorjaw il-progress fit-tnaqqis tal-użu tal-basktijiet tal-plastik. |
Raġuni
Dan isaħħaħ il-lingwaġġ f'konformità mal-mira konkreta proposta għal tnaqqis ta' mill-inqas 80 % kif propost fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/62/KE.
Emenda 3
COM(2013) 761 final – Premessa 6
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri jistgħu jinvolvu l-użu ta' strumenti ekonomiċi bħat-taxxi u l-imposti, li taw prova li huma partikolarment effettivi biex inaqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik, kif ukoll ir-restrizzjonijiet kummerċjali bħal projbizzjonijiet b'deroga tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE, suġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 34 sa 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri jistgħu għandhom jinvolvu l-użu ta' strumenti ekonomiċi bħat-taxxi u l-imposti, li taw prova li huma partikolarment effettivi biex inaqsu l-użu tal-basktijiet tal-plastik, kif ukoll ir-restrizzjonijiet kummerċjali bħal projbizzjonijiet b'deroga tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 94/62/KE, suġġett għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 34 sa 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. |
Raġuni
L-aktar mod effettiv biex jitnaqqas l-użu tal-basktijiet tal-plastik huwa billi ma jibqgħux jingħataw b'xejn. Dan għandu jsir obbligu fl-Istati Membri kollha.
Emenda 4
COM(2013) 761 final, Artikolu 1, punt 1 (daħħal punt 1 ġdid) – Direttiva 94/62/KE, Artikolu 3
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Xejn. |
Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-punt 2a li ġej:: “2.a 'basktijiet tal-plastik' għandha tfisser basktijiet li jingħataw lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ sabiex l-oġġetti jew il-prodotti jkunu jistgħu jittieħdu jew jitwasslu.” |
Raġuni
Għandha tiddaħħal definizzjoni ġenerali għall-basktijiet tal-plastik qabel ma niddefinixxu basktijiet tal-plastik “ħfief”.
Emenda 5
COM(2013) 761 final, Artikolu 1, punt 1 – Direttiva 94/62/KE, Artikolu 3
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-punt 2a ġdid li ġej: |
Fl-Artikolu 3, jiddaħħal il-punt 2a 2b ġdid li ġej: |
"2a. 'basktijiet tal-plastik ħfief' għandha tfisser basktijiet magħmula minn materjali tal-plastik kif hemm definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011* bi ħxuna li hija inqas minn 50 microns u li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ tal-oġġetti jew prodotti. |
"2a 2b. 'basktijiet tal-plastik ħfief' għandha tfisser basktijiet magħmula totalment jew parzjalment minn materjali tal-plastik kif hemm definit fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 10/2011* bi ħxuna li hija inqas minn 50 microns u li huma fornuti lill-konsumaturi fil-punt tal-bejgħ tal-oġġetti jew prodotti. |
Raġuni
Sabiex tkun tinkludi basktijiet li fihom laminat jew partijiet tal-plastik.
Emenda 6
COM(2013) 761 final, Artikolu 1, punt 2 – Direttiva 94/62/EC, Artikolu 14
Test propost mill-Kummissjoni |
Emenda tal-KtR |
||||
|
|
||||
'1a L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiksbu tnaqqis fil-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom fi żmien sentejn tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. |
'1a L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jilħqu mira minima mal-UE kollha ta' tnaqqis għal 35 basket għal kull persuna fis-sena jiksbu tnaqqis f'konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief fit-territorju tagħhom fi żmien sentejn tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. |
||||
Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' miri ta' tnaqqis nazzjonali, strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b'deroga mill-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva. |
Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta' miri ta' tnaqqis nazzjonali, strumenti ekonomiċi kif ukoll restrizzjonijiet kummerċjali b'deroga mill-Artikolu 18 ta' din id-Direttiva. |
||||
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-effetti ta' dawn il-miżuri fuq il-formazzjoni ġenerali tal-iskart tal-imballaġ meta jirrapportaw lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva.' |
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar l-effetti ta' dawn il-miżuri fuq il-formazzjoni ġenerali tal-iskart tal-imballaġ meta jirrapportaw lill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva.' |
||||
|
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri biex jitnaqqas il-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief ma għandhomx iwasslu għal żieda ġenerali fil-ġenerazzjoni tal-imballaġ." |
Raġuni
Għandu jkun hemm mira ta' tnaqqis ċara għall-konsum tal-basktijiet tal-plastik ħfief. Din hija bbażata fuq tnaqqis ta' 80 % fil-medja tal-konsum fl-UE sal-2010.
Id-dispożizzjoni fil-Premessa 7 tal-proposta tal-Kummissjoni għandha tiddaħħal fil-parti operattiva biex jiġu evitati effetti negattivi mhux previsti fil-mira ta' tnaqqis.
Brussell, 3 ta' April 2014
Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni
Ramón Luis VALCÁRCEL SISO
(1) CdR 3751/2013 fin, CdR 1617/2013 fin.
(2) BIO 09/2011.
(3) BIO 09/2011.
(4) SWD(2013) 444.
(5) SWD(2013) 444.
(6) CdR 3751/2013 fin.
(7) Ara wkoll SWD(2013) 444.
(8) CdR 3751/2013 fin.
(9) BIO study 09/2011, ACR+/ACR+MED 2013.
(10) CdR 3751/2013 fin.
(11) CdR 3751/2013 fin.