Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0263

    Kawża C-263/12: Rikors ippreżentat fil- 25 ta’ Mejju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

    ĠU C 217, 21.7.2012, p. 13–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.7.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 217/13


    Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika

    (Kawża C-263/12)

    2012/C 217/30

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u B. Stromsky)

    Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

    Talbiet tar-rikorrenti

    tikkonstata li billi ma ħaditx, fit-termini previsti, il-miżuri kollha neċessarji għall-irkupru tal-għajnuna mill-Istat mogħtija mill-Greċja lil Ellinikós Chrysós S.A. [C 48/2008 (ex NN 61/2008)], iddikjarata illegali u inkompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Frar 2011 [innotifikata bin-Nru C(2011) 1006 finali] jew, f’kull każ, billi ma informatx b’mod suffiċjenti lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda skont dan l-artikolu, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 ta’ din id-deċiżjoni u taħt it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

    tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    (1)

    Fit-23 ta’ Frar 2011 il-Kummissjoni ddeċidiet li l-għajnuna mill-Istat ta’ ammont ta’ EUR 15.34 miljun, mogħtija illegalment mill-Ġreċja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE, lill-kumpannija Ellinikós Chrysós S.A. permezz tal-bejgħ ta’ beni u ta’ artijiet bi prezz inqas mill-valur tagħhom u tal-eżenzjoni mill-obbligu ta’ ħlas tat-taxxi relatati miegħu, għall-finijiet tal-protezzjoni tal-impjieg u tal-ambjent, iżda wkoll sabiex tinħoloq miżura ta’ inċentiv għax-xerrejja potenzjali tal-minjieri ta’ Kassandra, hija inkompatibbli mas-suq intern (1). Permezz tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika tirkupra mingħand il-benefiċjarja din l-għajnuna mill-Istat flimkien mal-interessi. Ir-Repubblika Ellenika kienet wkoll obbligata żżomm lill-Kummissjoni informata bil-miżuri nazzjonali meħuda għall-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

    (2)

    Ir-Repubblika Ellenika talbet estenzjoni tat-terminu ta’ xahrejn mogħti għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, li l-Kummissjoni ma tathiex minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni f’dan ir-rigward.

    (3)

    Minkejja l-ittri ta’ tfakkira tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Mejju 2011 u tal-14 ta’ Lulju 2011 lir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ma ngħatat ebda informazzjoni, fit-termini previsti, dwar it-teħid ta’ miżuri għall-finijiet tal-implementazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

    (4)

    Fit-8 ta’ Mejju 2012 l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ittra tagħhom tal-25 ta’ April 2012 li permezz tagħha huma talbu l-ħlas lura ta’ din l-għajnuna mill-Istat lill-kumpannija Ellinikós Chrysós S.A f’terminu ta’ tletin jum. Il-Kummissjoni madankollu tenfasizza li l-ammont li għandu jiġi rkuprat ma ssemmiex f’din l-ittra. Għandu jiġi nnotat li, għalkemm l-ammont prinċipali tal-għajnuna mill-Istat kien ġie kkalkolat mill-Kummissjoni fl-imsemmija deċiżjoni, l-awtoritajiet Griegi ma kkalkolawx l-ammont tal-interessi, kif huma kellhom jagħmlu, u ma semmewx dan l-ammont fit-talba tagħhom indirizzata lill-kumpannija. F’kull każ, din l-ewwel reazzjoni tal-awtoritajiet Griegi seħħet biss erbatax-il xhar wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u, minn dak iż-żmien, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda informazzjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat ikkontestata.


    (1)  Artikolu 1 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Frar 2011, dwar [l-]għajnuna mill-Istat C 48/08 (ex NN 61/08) mogħtija mill-Greċja lil Ellinikos Xrysos [Chrysós] SA


    Top