Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0197

Kawża C-197/12: Rikors ippreżentat fis- 26 ta’ April 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

ĠU C 217, 21.7.2012, p. 7–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/7


Rikors ippreżentat fis-26 ta’ April 2012 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Franċiża

(Kawża C-197/12)

2012/C 217/13

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kumissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Dintilhac u C. Soulay, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Franċiża

Talbiet

tikkonstata li billi ma ssuġġettatx l-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3, 6 u 7 tal-Artikolu 262 II tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa għar-rekwiżit ta’ użu għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali, fir-rigward ta’ bastimenti użati għat-trasport għal remunerazzjoni ta’ passiġġieri u dawk użati għall-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, ir-Repubblika Franċiża naqset mill-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-VAT (1) u, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 148(a), (ċ) u (d) ta’ din id-direttiva.

tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni ssostni li l-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2, 3, 6 u 7 tal-Artikolu 262 II tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (KĠT) ma kinitx issuġġettata għar-rekwiżit ta’ użu għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali, fir-rigward ta’ bastimenti wżati għat-trasport għal remunerazzjoni ta’ passiġġieri u dawk użati għall-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali. Fil-fatt, dik il-kundizzjoni ta’ użu tal-bastimenti f’ibħra internazzjonali żdiedet fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirregolaw il-VAT fi Franza b’risposta għall-opinjoni motivata mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali. Madankollu, il-konformità tal-paragarfu 2 tal-Artikolu 262 II iċċaħdet minn kull effettività permezz ta’ digriet indirizzat lill-amministrazzjoni, ippubblikat wara l-emenda leġiżlattiva, li ma jsemmix il-kundizzjoni tal-użu għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali, minkejja li din hija prevista mil-liġi.

Skont il-Kummissjoni, l-ebda wieħed mill-argumenti invokati mill-konvenuta matul il-proċedura prekontenzjuża, marbuta b’mod partikolari, mal-interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 148(a) tad-Direttiva tal-VAT u mal-interpretazzjoni eċċessivament restrittiva tal-kundizzjoni tal-użu għan-navigazzjoni f’ibħra internazzjonali, ma jista’ jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, fir-rigward tal-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, invokata mill-awtoritajiet Franċiżi, dan ma jistax jiġġustifika deroga mill-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eżenzjonijiet.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1)


Top