Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52007XC1110(04)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u affarijiet ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

    ĠU C 268, 10.11.2007, p. 22–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.11.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 268/22


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 dwar prodotti agrikoli u affarijiet ta' l-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti

    (2007/C 268/13)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA' SPEĊJALITAJIET TRADIZZJONALI GARANTITI (STG)

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

    “DWÓJNIAK”

    Nru tal-KE: PL/TSG/007/036/06.09.2005

    1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant

    Isem:

    Krajowa Rada Winiarstwa i Miodosytnictwa przy Stowarzyszeniu Naukowo — Technicznym Inżynierów i Techników Przemysłu Spożywczego

    Indirizz:

    ul. Czackiego 3/6

    PL-00-043 Warszawa

    Tel.:

    (48-22) 828 27 21

    Posta elettronika:

    krwim@sitspoz.pl

    2.   Stat Membru jew pajjiż terz

    Il-Polonja

    3.   Speċifikazzjoni tal-prodott

    3.1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat

    “Dwójniak”

    Meta l-prodott jitqiegħed fis-suq, it-tikketta jista' jkun fiha din l-informazzjoni li ġejja: “miód pitny wytworzony zgodnie ze staropolską tradycją” (mead prodott b'konformità mat-tradizzjoni qadima Pollakka). Din l-informazzjoni għandha tiġi tradotta fil-lingwi uffiċjali l-oħra.

    3.2.   Indika jekk l-isem:

    Image

    huwiex speċifiku fih innifsu

    Image

    jesprimix l-ispeċifiċità tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġetti ta' l-ikel

    Id-denominazzjoni “dwójniak” ġejja min-numru “2” (“dwa” bil-Pollakk) u jirrigwarda direttament il-kompożizzjoni u l-metodu ta' produzzjoni storiċi stabbiliti ta' “dwójniak” — il-proporzjonijiet ta' għasel u ilma fil-mead wort huma 1:1 għall-għasel u għall-ilma rispettivament. Għalhekk, l-isem jesprimi l-ispeċifiċità tal-prodott. Billi t-terminu “dwójniak” huwa kelma li tintuża esklussivament biex tindika tip speċifiku ta' mead, l-isem għandu jitqies ukoll bħala speċifiku fih innifsu.

    3.3.   Indika jekk hijiex meħtieġa r-riżerva ta' l-isem skond l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

    Image

    Reġistrazzjoni b'riżerva ta' l-isem

    Image

    Reġistrazzjoni mingħajr riżerva ta' l-isem

    3.4.   Tip ta' prodott

    Klassi 1.8. — Prodotti oħra ta' l-Anness I

    3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel li għandu l-isem indikat fil-punt 3.1

    “Dwójniak” huwa mead, xarba ċara ffermentata mill-mead wort li tingħaraf mill-aroma ta' għasel karatteristika tagħha u t-togħma tal-materja prima użata.

    It-togħma ta' “dwójniak” tista' titjieb bit-togħma tal-ħwawar użati. Lewn id-“dwójniak” ivarja bejn dehbi u ambra skur u jiddependi mit-tip ta' għasel użat fil-produzzjoni.

    L-indikaturi fiżiko-kimiċi tipiċi tal-mead“dwójniak” huma:

    kontenut ta' alkoħol: 15-18 % vol.

    zokkor għar-riduzzjoni wara l-inverżjoni: 175-230 g/l,

    aċidità totali espressa f'aċidu maliku: 3,5-8 g/l,

    aċidità volatili espressa f'aċidu aċetiku: massimu ta' 1,4 g/l,

    zokkor totali (g) flimkien mal-kontenut ta' alkoħol effettiv ( % vol.) multiplikat bi 18: minimu ta' 490,

    estratt mhux ta' zokkor: mhux inqas minn

    25 g/l

    30 g/l fil-każ ta' mead tal-frott (melomel),

    irmied — minimu ta' 1,3 g/l fil-każ ta' mead tal-frott.

    Huwa projbit l-użu ta' preżervattivi, stabilizzaturi u koloranti artifiċjali u sustanzi artifiċjali li jagħtu t-togħma fil-produzzjoni tad-“dwójniak”.

    3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu ta' produzzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel li għandu l-isem indikat fil-punt 3.1

    Materja prima:

    Għasel naturali skond il-parametri li ġejjin:

    kontenut ta' ilma: massimu ta' 20 % (m/m),

    kontenut ta' zokkor għar-riduzzjoni: minimu ta' 70 % (m/m),

    kontenut ta' taħlita ta' sukrożju u melezitożju: massimu ta' 5 % (m/m),

    aċidità totali — 1 mol/l soluzzjoni ta' NaOH għal kull 100g għasel: bejn 1-5 ml,

    kontenut ta' 5-hydroxy-methyl-furfurol (HMF): massimu ta' 4.0 mg għal kull 100g għasel.

    Ħmira tal-mead b'attenwazzjoni għolja — adattata għall-attenwazzjoni ta' estratti għoljin fil-wort miżjud bil-ħmira biex jiffermenta (pitched wort).

    Ħxejjex aromatiċi u ħwawar: imsiemer tal-qronfol, kannella, noċemuskata jew ġinġer.

    Meraq tal-frott naturali jew frott frisk.

    Alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola (possibbilment)

    Metodu ta' produzzjoni:

    Fażi 1

    Produzzjoni tal-birra (tgħollija) tal-mead wort f'temperatura ta' 95-105 °C. Il-proporzjonijiet meħtieġa ta' għasel u ilma għad-“dwójniak” huma 1:1 għall-għasel honey u għall-ilma (jew ilma mħallat bil-meraq tal-frott) rispettivament fil-prodott finali. Minħabba l-fatt li l-konċentrazzjoni taz-zokkor hija għolja wisq għall-ħmira biex tħalli effett fil-proċess ta' fermentazzjoni, jitħejja wort bil-proporzjonijiet li ġejjin: parti għasel ma' żewġ partijiet ilma, li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi jew ħwawar. Fil-każ ta' meads tal-frott, talanqas 30 % ta' l-ilma huwa sostitwit bil-meraq tal-frott. Sabiex jinżammu l-proporzjonijiet adegwati ta' għasel u ilma li huma karatteristiċi tad-“dwójniak”, tiżdied il-bqija ta' l-għasel fil-fażi finali tal-fermentazzjoni jew matul il-maturazzjoni.

    Osservanza rigoruża mal-proporzjonijiet ta' l-ilma u l-għasel u l-ksib ta' l-estratt meħtieġ fit-tank tal-wort li jkollu kopertura biex iżżomm is-sħana bil-fwar (steam jacket). Dan il-metodu tal-produzzjoni tal-birra jimpedixxi l-karamellizzazzjoni taz-zokkor.

    Fażi 2

    Tkessiħ tal-wort għal 20-22 oC, it-temperatura ideali biex il-ħmira tippropaga. It-tkessiħ tal-wort għandu jsir dakinhar stess tal-produzzjoni u l-perjodu tat-tkessiħ jiddependi mill-effiċjenza tal-kessieħ. It-tkessiħ jiggarantixxi s-sikurezza mikrobijoloġika tal-wort.

    Fażi 3

    Pitching — żieda tas-soluzzjoni tal-ħmira mal-wort fit-tank tal-fermentazzjoni.

    Fażi 4

    A.

    Fermentazzjoni mgħaġġla — bejn 6-10 ijiem. Iż-żamma tat-temperatura għal livell massimu ta' 28 oC tiggarantixxi li l-proċess tal-fermentazzjoni jseħħ b'mod korrett.

    B.

    Fermentazzjoni bil-mod — bejn 3-6 ġimgħat. Il-perjodu tal-fermentazzjoni bil-mod jiggarantixxi li jintlaħqu l-parametri fiżiko-kimiċi korretti.

    F'din il-fażi huwa possibbli li tiżdied il-bqija ta' l-għasel sabiex tinkiseb il-proporzjon meħtieġa fid-“dwójniak”.

    Fażi 5

    Tiswib (racking) tal-wort attenwat miżjud bil-ħmira biex jiffermenta (pitched wort).

    Wara li jinkiseb kontenut ta' alkoħol ta' talanqas 12 % vol., għandu jsir it-tiswib qabel il-maturazzjoni. Dan jiggarantixxi li d-“dwójniak” ikollu l-proprjetajiet fiżiko-kimiċi u organolettiċi xierqa. Jekk il-pitched wort jitħalla fuq is-sediment [lees] aktar mill-perjodu tal-fermentazzjoni bil-mod, il-proprjetajiet organolettiċi jintlaqtu negattivament minħabba l-awtoliżi tal-ħmira.

    Fażi 6

    Maturazzjoni u sifonaġġ (tferrigħ mingħajr ma jitqanqal il-fond [decanting]) — dan jiġi ripetut meta neċessarju biex jipprevjeni milli jseħħu proċessi mhux mixtieqa fis-sediment (awtoliżi tal-ħmira). Huwa possibbli li jitwettqu operazzjonijiet bħall-pasturizzazzjoni u l-filtrazzjoni waqt il-maturazzjoni.

    F'din il-fażi, u fil-każ li dan ma jkunx sar fil-fażi finali tal-fermentazzjoni, huwa possibbli li tiżdied il-bqija ta' l-għasel sabiex tinkiseb il-proporzjon meħtieġa fid-“dwójniak”. Din il-fażi hija fundamentali biex jiġi garantit li l-prodott ikollu l-proprjetajiet organolettiċi korretti.

    Il-perjodu ta' maturazzjoni minimu għad-“dwójniak” huwa ta' sentejn.

    Fażi 7

    L-Aġġustament fit-togħma (kompożizzjoni) — din il-fażi tikkonċerna t-tħejjija tal-prodott finali bil-proprjetajiet organolettiċi u fiżiko-kimiċi xierqa għad-“dwójniak”, kif indikat fil-punt 3.5 — Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel. Bil-għan li jiġi garantit li jintlaħqu l-parametri meħtieġa, huwa possibbli li l-proprjetajiet organolettiċi u fiżiko-kimiċi jiġu kkoreġuti permezz ta':

    żieda ta' għasel biex il-mead isir ħelu,

    żieda ta' ħxejjex aromatiċi u ħwawar,

    żieda ta' l-alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola

    L-għan ta' din il-fażi huwa dak li jinkiseb prodott bil-bouquet karatteristiku tad-“dwójniak”.

    Fażi 8

    Tferrigħ f'kontenituri individwali f'temperatura ta' 18-25 °C. Huwa rakkomandat li d-“dwójniak” jiġi ppreżentat f'ippakkjar tradizzjonali, eż.: damiġġjani, kontenituri taċ-ċeramika jew btieti tal-ballut.

    3.7.   Speċifiċità tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel

    L-ispeċifiċità tad-“dwójniak” tirriżulta minn:

    tħejjija tal-wort (kompożizzjoni u proporzjon tal-materja prima),

    maturazzjoni,

    il-proprjetajiet fiżiko-kimiċi u organolettiċi tiegħu.

    Tħejjija tal-wort (kompożizzjoni u proporzjon tal-materja prima):

    L-ispeċifiċità tad-“dwójniak” tirriżulta partikolarment mill-użu u l-osservanza rigoruża tal-proporzjonijiet stabbiliti ta' għasel u ilma — 1:1 għall-għasel u għall-ilma rispettivament — fil-mead wort. Dan il-proporzjon huwa l-fattur determinanti fil-fażijiet ulterjuri kollha fil-produzzjoni tad-“dwójniak” li jagħti l-proprjetajiet uniċi tiegħu.

    Maturazzjoni:

    Skond ir-riċetta tradizzjonali antika Pollakka, in-natura tal-prodott tiddependi mill-maturazzjoni tiegħu għal perjodu ta' żmien speċifiku. Fil-każ tad-“dwójniak”, dan il-perjodu għandu jkun mhux inqas minn sentejn.

    Proprjetajiet fiżiko-kimiċi u organolettiċi:

    L-osservanza tal-fażijiet kollha tal-produzzjoni inklużi fl-ispeċifikazzjoni tiggarantixxi li jinkiseb prodott b'togħma u aroma uniċi. It-togħma u l-fwieħa uniċi tad-“dwójniak” huma r-riżultat ta' kontenut adegwat ta' zokkor u alkoħol:

    zokkor għar-riduzzjoni wara l-inverżjoni: 175-230 g/l,

    zokkor totali (g) flimkien mal-kontenut ta' alkoħol effettiv ( % vol.) multiplikat bi 18: minimu ta' 490,

    alkoħol: 15-18 % vol.

    Minħabba l-proporzjonijiet definiti b'mod rigoruż ta' l-ingredjenti użati fil-produzzjoni tiegħu, id-“dwójniak” għandu konsistenza tipikament viskuża u fluwida li tiddistingwiha mit-tipi oħra ta' mead.

    3.8.   Natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel

    Metodu tal-produzzjoni tradizzjonali:

    Il-produzzjoni tal-mead fil-Polonja tmur lura għal aktar minn elf sena u hija kkaratterizzata minn diversità kbira. Tul is-sekli, l-iżvilupp u t-titjib tal-metodu ta' produzzjoni waslu għal bosta tipi ta' mead. L-istorja tal-produzzjoni tal-mead tmur lura għall-bidu tas-sovranità Pollakka. Fid-966, Ibraħim ibn Jaqub, diplomatiku, negozjant u vjaġġatur Spanjol, kiteb: “Minbarra l-ikel, il-laħam u l-art għall-ħrit, il-pajjiż ta' Mieszko I jabbonda bil-mead, kif jissejħu l-inbejjed u x-xorb li jsakkar Slavi” (Mieszko I kien l-ewwel re storiku tal-Polonja). Il-Kronaki ta' Gallu Anonimu, li rreġistraw l-istorja Pollakka fil-bidu tas-sekli 11 u 12, fihom ukoll bosta referenzi għall-produzzjoni tal-mead.

    Il-poeżija epika nazzjonali Pollakka “Pan Tadeusz” ta' Adam Mickiewicz, li tirrakkonta l-istorja tan-nobbiltà bejn l-1811 u l-1812, fiha ħafna informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-konsum u t-tipi differenti ta' mead. Il-mead jissemma wkoll fil-poeżiji ta' Tomasz Zan (1796–1855) u fit-triloġija ta' Henryk Sienkiewicz li tiddeskrivi l-ġrajjiet tal-Polonja tas-seklu 17 (“Ogniem i mieczem”, ippubblikata fl-1884; “Potop”, ippubblikata fl-1886 u “Pan Wołodyjowski”, ippubblikata fl-1887 u fl-1888).

    Is-sorsi li jiddeskrivu d-drawwiet kulinarji Pollakki tas-sekli 17 u 18 mhux biss fihom referenzi ġenerali għall-mead, iżda wkoll referenzi għat-tipi differenti ta' mead. Dawn jissejħu “półtorak”, “dwójniak”, “trójniak” u “czwórniak” skond il-metodu ta' produzzjoni. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet jirrigwarda tip differenti ta' mead, prodott abbażi ta' proporzjonijiet differenti ta' għasel u ilma jew meraq tal-frott, u ta' perjodi tal-maturazzjoni differenti. It-teknika tal-produzzjoni tad-“dwójniak” ilha tintuża, bi ftit modifiki, għal sekli sħaħ.

    Kompożizzjoni tradizzjonali:

    Il-mead tradizzjonalment jinqasam f'“półtorak”, “dwójniak”, “trójniak” u “czwórniak” u dan fil-Polonja ilu jeżisti sekli sħaħ u hekk għadu llum il-ġurnata f'moħħ il-konsumaturi. Wara it-Tieni Gwerra Dinjija saru xi tentattivi biex jiġi rregolat il-qsim tradizzjonali tal-mead f'erba' kategoriji. Dan il-qsim ġie sa fl-aħħar imnaqqax fil-liġi Pollakka fl-1948 permezz ta' l-Att dwar il-produzzjoni ta' nbejjed, most ta' l-inbid, meads u l-kummerċ f'dawn il-prodotti (Gazzetta tal-Liġijiet tar-Repubblika tal-Polonja tat-18 ta' Novembru 1948). Dan l-Att fih ir-regoli rigward il-produzzjoni tal-meads u jispeċifika l-proporzjonijiet ta' għasel u ilma u r-rekwiżiti teknoloġiċi. Il-proporzjon ta' ilma u għasel għad-“dwójniak” hija stabbilita hekk: “Il-mead prodott esklussivament minn parti għasel naturali u parti ilma jista' jissejjaħ dwójniak”.

    3.9.   Rekwiżiti minimi u proċeduri ta' kontroll ta' l-ispeċifiċità tal-prodott

    Il-kontroll obbligatorju jinkludi:

    l-osservanza tal-proporzjonijiet stabbiliti ta' l-ingredjenti fil-mead wort,

    l-osservanza tal-perjodu ta' maturazzjoni,

    il-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott finali (togħma, fwieħa, kulur, ċarezza),

    l-indikaturi fiżiko-kimiċi tal-prodott finali: kontenut ta' alkoħol, żokkor totali, zokkor għar-riduzzjoni wara l-inverżjoni, aċidità totali, aċidità volatili, estratt mhux ta' zokkor u rmied fil-każ tal-meads tal-frott — il-valuri għandhom jikkorrispondu ma' dawk indikati fil-punt 3.5 ta' l-ispeċifikazzjoni.

    Il-kontrolli obbligatorji għandhom isiru talanqas darba fis-sena.

    Huwa rrakkomandat li l-kontrolli jsiru wkoll matul il-fażijiet tal-produzzjoni elenkati hawn taħt. Il-kontrolli fil-fażijiet tal-produzzjoni elenkati hawn taħt m'humiex obbligatorji, iżda mħeġġa, minħabba li jgħinu fl-eliminazzjoni ta' żbalji eventwali li jokkorru f'fażijiet differenti tal-produzzjoni:

    Fażi 4:

    Matul il-proċess tal-fermentazzjoni, għandhom isiru testijiet regolari fil-laboratorju fir-rigward tal-proprjetajiet organolettiċi (togħma u fwieħa) u l-parametri fiżiko-kimiċi bħall-kontenut ta' alkoħol u l-kontenut ta' zokkor li huma suġġetti għal tibdil matul il-proċess tal-fermentazzjoni alkoħolika.

    Fażi 6:

    Matul il-maturazzjoni, għandhom isiru kontrolli regolari fir-rigward tal-proprjetajiet organolettiċi bażiċi tal-prodott u l-indikaturi fiżiko-kimiċi bħall-kontenut ta' alkoħol, iz-zokkor totali, l-aċidità totali u l-aċidità volatili.

    Fażi 8:

    Qabel ma jitferra' fil-fliexken, għandhom isiru kontrolli fir-rigward tal-parametri fiżiko-kimiċi u organolettiċi varji indikati fil-punt 3.5 — Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew ta' l-oġġett ta' l-ikel.

    4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità ma' l-ispeċifikazzjoni tal-prodott

    4.1.   Isem u indirizz

    Isem:

    Główny Inspektorat Jakości Handlowej Artykułów Rolno — Spożywczych

    Indirizz:

    ul. Wspólna 30

    PL-00-930 Warszawa

    Tel.:

    (48-22) 623 29 00

    Faks:

    (48-22) 623 29 98

    Posta elettronika:


    Image

    Pubblika

    Image

    Privata

    4.2.   Kompiti speċifiċi ta' l-awtorità jew tal-korp

    L-awtorità ta' spezzjoni ta' hawn fuq hija responsabbli mill-verifika ta' l-ispeċifikazzjoni fl-intier tagħha.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.


    Top