Arranġamenti dwar il-votazzjoni fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE
SOMMARJU TA’:
Deċiżjoni 2003/223/KE tal-Kunsill dwar emenda lil Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew
X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?
- Din iddaħħal sistema ta’ rotazzjoni tad-drittijiet tal-vot fil-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), biex tiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet ġusti u effiċjenti, irrispettiv min-numru ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) li l-munita tagħhom hi l-ewro.
- Din tillimita n-numru ta’ drittijiet tal-vot ta’ gvernaturi minn banek ċentrali nazzjonali (BĊNs) għal 15 u jistipula r-regoli dwar l-assenjazzjoni u r-rotazzjoni tagħhom.
PUNTI EWLENIN
Skont l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali, kull membru tal-Kunsill Governattiv għandu vot wieħed. Biex iżommu l-kapaċità tal-Kunsill Governattiv għal teħid ta’ deċiżjonijiet effiċjenti u f’waqtu hekk kif Stati Membri ġodda jissieħbu fiż-żona tal-ewro, membri tal-Kunsill Governattiv qablu li n-numru ta’ gvernaturi mill-BĊNs li jeżerċitaw id-dritt tal-vot m’għandux jaqbeż il-15. Id-deċiżjoni taġġusta l-metodu ta’ votazzjoni skont dan.
Kunsill Governattiv
- Il-Kunsill Governattiv hu wieħed mit-tliet korpi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-BĊE. Iż-żewġ korpi l-oħra huma l-Bord Eżekuttiv u l- Kunsill Ġenerali.
- Il-Kunsill Governattiv huwa l-korp ewlieni li jieħu d-deċiżjonijiet. Il-kompiti prinċipali tiegħu huma:
- li jiddefinixxi l-politika monetarja għaż-żona tal-ewro;
- li jadotta linji gwida u deċiżjonijiet biex jiksbu dak il-għan; u
- li jadotta deċiżjonijiet ġenerali superviżorji.
- Il-Kunsill Governattiv hu magħmul minn sitt membri tal-Bord Eżekuttiv u l-gvernaturi tal-BĊNs tal-Istati Membri taż-żona tal-ewro (bħalissa 20) In-numru ta’ gvernaturi allura jiżdied kull darba li Stat Membru jissieħeb fiż-żona tal-ewro.
Rotazzjoni ta’ drittijiet tal-vot skont gruppi
- In-numru totali ta’ drittijiet tal-vot fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE hu limitat għal 21. Is-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom drittijiet tal-vot permanenti. Il-gvernaturi l-oħra jaqsmu 15-il dritt tal-vot li jibqgħu, li jduru fosthom kull xahar.
- Il-gvernaturi huma allokati għal gruppi li huma fformati konformi ma’ klassifikazzjoni tal-Istati Membri taż-żona tal-ewro, ibbażata fuq:
- is-sehem tagħhom fil-prodott gross domestiku aggregat skont il-prezzijiet tas-suq (PDG ps)* fl-Istati Membri taż-żona tal-ewro;
- is-sehem tagħhom fil-karta bilanċjali aggregata totali tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji* tal-Istati Membri taż-żona tal-ewro.
- Fi ħdan kull grupp, il-gvernaturi jżommu id-drittijiet tal-vot tagħhom għal ammont indaqs ta’ żmien. Gvernatur fl-ewwel grupp ma jistax jivvota inqas frekwenti minn gvernatur fit-tieni grupp.
- Dawn il-kriterji għandhom l-għan li jiżguraw trasparenza u objettività billi jqisu l-piż ekonomiku tal-Istat Membru fiż-żona tal-ewro u d-daqs tas-settur finanzjarju tiegħu.
- Id-deċiżjoni tipprovdi sistema ta’ votazzjoni li ddur biex tkun implimentata f’żewġ stadji.
L-ewwel stadju (stadju kurrenti): allokazzjoni ta’ dritt tal-vot meta n-numru ta’ gvernaturi jeċċedi l-15 imma jkun anqas minn 22
- Mid-data meta n-numru ta’ gvernaturi jeċċedi l-15 u sakemm jilħaq it -22, il-gvernaturi huma allokati għal żewġ gruppi:
- L-ewwel grupp hu magħmul minn ħames gvernaturi tal-BĊNs li huma kklassifikati l-ogħla bbażat fuq il-kriterja ta’ fuq (bħalissa l-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja u n-Netherlands);
- it-tieni grupp hu magħmul mill-gvernaturi l-oħra kollha.
- Il-ħames gvernaturi fl-ewwel grupp jaqsmu erba’ drittijiet tal-vot u l-gvernaturi l-oħra fit-tieni grupp jaqsmu 11-il dritt tal-vot.
- Stadju wieħed normalment kien japplika minn Jannar 2009, meta l-Islovakkja ssieħbet maż-żona tal-ewro bħala s-16-il Stat Membru. tagħha Madanakollu, f’Diċembru 2008, il-Kunsill Governattiv ħa deċiżjoni biex jipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni ħalli jevita sitwazzjoni fejn gvernijiet fi ħdan xi grupp ikollu frekwenza ta’ votazzjoni ta’ 100%.
- Minflok, stadju wieħed tas-sistema ġdida ta’ rotazzjoni ddaħħlet fl-1 ta’ Jannar 2015 meta l-Litwanja ssieħbet maż-żona tal-ewro bħala d-19-il-Stat Membru tagħha.
It-tieni stadju (stadju kurrenti): allokazzjoni ta’ dritt tal-vot meta n-numru ta’ gvernaturi jilħaq 22
- Mid-data meta n-numru ta’ gvernaturi jilħaq 22, il-gvernaturi ser ikunu allokati għal tliet gruppi.
- l-ewwel grupp ser ikun magħmul mill-ħames gvernaturi li jikklassifikaw l-ogħla abbażi tal-kriterja ta’ fuq;
- it-tieni grupp ser ikun magħmul minn nofs in-numru totali ta’ gvernaturi. Dan il-grupp hu magħmul mill-gvernaturi tal-BĊNs tal-Istati Membri li jkollhom il-pożizzjonijiet sussegwenti fil-klassifikazzjoni bbażata fuq il-kriterja ta’ fuq.
- it-tielet grupp hu magħmul mill-gvernaturi l-oħra kollha.
- Erba’ drittijiet tal-vot ser ikunu assenjati lill-ewwel grupp, tmienja lit-tieni u tlieta lit-tielet.
Implimentazzjoni, aġġustamenti u bidliet futuri
SFOND
Konformi mal-arranġamenti istituzzjonali kurrenti tal-BĊE, il-Kunsill Governattiv jieħu l-biċċa l-kbira tad-deċiżjonijiet fuq bażi kunsenswali.
Ir-rotazzjoni tal-votazzjoni tqis xi prinċipji fundamentali, bħal “membru wieħed, vot wieħed” għall-gvernaturi li jeżerċitaw dritt tal-vot, parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill Governattiv f’kapaċità personali u indipendenti, rappreżentattività, aġġustament awtomatiku tas-sistema ta’ rotazzjoni u trasparenza.
Il-voti huma eżerċitati personalment jew, bħala eċċezzjoni, b’telekonferanza. Sabiex il-Kunsill Governattiv jivvota, hemm kworum ta’ żewġ terzi tal-membri li jkollhom dritt tal-vot. Il-Kunsill Governattiv jaġixxi b’maġġoranza sempliċi u f’każ ta’ voti ugwali, il-President ikollu l-vot deċiżiv.
Bħalissa, hemm 20 Stat Membru fiż-żona tal-ewro. Il-Kroazja kienet l-aħħar Stat Membru li laħqet il-kriterja u ssieħbet fl-1 ta’ Jannar 2023.
TERMINI EWLENIN
Prodott domestiku gross skont prezzijiet tas-suq (PDG ps). Il-valur tal-flus tal-eżitu gross finali domestiku kollu jew prodott ta’ pajjiż.
Istituzzjonijiet finanzjarji monetarji. Istituzzjoni finanzjarji bħal l-
Ewrosistema (BĊE u banek ċentrali nazzjonali) u istituzzjonijiet residenti ta’ kreditu, li flimkien jiffurmaw is-settur li joħroġ il-flus taż-żona tal-ewro.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Id-Deċiżjoni 2003/223/KE tal-Kunsill li ltaqa’ fil-kompożizzjoni tal-Kapi ta’ Stat jew ta’ Gvern fil-21 ta’ Marzu 2003 dwar emenda għall-Artikolu 10.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 83, 1.4.2003, pp. 66–68).
DOKUMENTI RELATATI
Id-Deċiżjoni 2004/257/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2004/2) (ĠU L 80 18.3.2004, pp. 33–41).
L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2004/257/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Protokoll (Nru 4) dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 230–250).
Id-Deċiżjoni 2009/5/KE tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 biex tipposponi l-bidu tas-sistema ta’ rotazzjoni tal-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2008/29) (ĠU L 3, 7.1.2009, pp. 4–5).
l-aħħar aġġornament 13.03.2023