Rekwiżiti tal-ekodisinn — muturi elettriċi u sistemi ta’ trażmissjoni b’veloċità varjabbli
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) 2019/1781 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal muturi elettriċi u sistemi ta’ trażmissjoni b’veloċità varjabbli
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
Ir-regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn* għat-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz ta’ muturi elettriċi* u sistemi ta’ trażmissjoni b’veloċità varjabbli (VSD)*, inkluż meta jkunu integrati fi prodotti oħra.
PUNTI EWLENIN
Dan ir-regolament japplika għall-:
- muturi elettriċi ta’ induzzjoni mingħajr xkupilji, kommutaturi, ċrieki ta’ frizzjoni jew konnessjonijiet elettriċi mar-rotor, ikklassifikati għat-tħaddim b’vultaġġ sinusojdali ta’ 50 Hz, 60 Hz jew 50/60 Hz, li
- għandhom 2, 4, 6 jew 8 arbli
- għandhom vultaġġ nominali ta’ ’l fuq minn 50 V u sa u inkluż 1,000 V
- għandhom output ta’ potenza nominali minn 0.12 kW sa u inkluż 1,000 kW
- huma kklassifikati abbażi ta’ tħaddim kontinwu u
- huma kklassifikati għal tħaddim online dirett;
- VSDs b’input ta’ 3 fażijiet li
- huma kklassifikati għat-tħaddim b’mutur imsemmi hawn fuq, fil-medda tal-output nominali tal-mutur ta’ bejn iż-0.12 kW u l-1,000 kW
- għandhom vultaġġ nominali akbar minn 100 V u sa u inkluż AC ta’ 1,000 V u
- għandhom output tal-vultaġġ AC wieħed biss.
Xi tipi ta’ tagħmir iddisinjati biex jaħdmu f’ċerti kundizzjonijiet huma eżentati minn xi wħud mir-rekwiżiti tal-informazzjoni dwar il-prodotti u tal-effiċjenza enerġetika, bħal:
- muturi jew VSDs kompletament integrati fi prodott (pereżempju f’ger, f’pompa, f’fann jew f’kompressur) u li l-prestazzjoni tal-enerġija tagħhom ma tistax tiġi ttestjata b’mod indipendenti;
- muturi ddisinjati b’mod speċifiku biex jaħdmu esklussivament f’altitudnijiet għoljin jew f’temperaturi estremi;
- muturi ddisinjati b’mod speċifiku u li huma speċifikati biex jaħdmu kompletament mgħaddsa f’likwidu;
- muturi u VSD speċifikament ikkwalifikati għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari;
- muturi protetti mill-isplużjonijiet iddisinjati b’mod speċifiku u ċċertifikati għall-estrazzjoni;
- muturi f’tagħmir bla fili jew li jaħdem bil-batteriji;
- muturi f’tagħmir li jinżamm fl-idejn u li l-piż tiegħu huwa appoġġat mill-id matul it-tħaddim;
- muturi f’tagħmir mobbli ggwidat bl-idejn imċaqlaq waqt it-tħaddim;
- muturi mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Lulju 2029 bħala sostituti għal muturi identiċi integrati fi prodotti mqiegħda fis-suq qabel l-1 ta’ Lulju 2021 għall-muturi msemmija fl-Anness I(1)(a), u qabel l-1 ta’ Lulju 2023 għall-muturi msemmija fl-Anness I(1)(b), u kkummerċjalizzati speċifikament bħala tali (ara l-Emenda tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/341);
- muturi ddisinjati speċifikament għat-trazzjoni ta’ vetturi elettriċi.
Ir-regolament:
- jistabbilixxi skeda ta’ żmien fl-Anness I għall-introduzzjoni tar-rekwiżiti tal-ekodisinn (inizjalment l-1 ta’ Lulju 2021, bl-introduzzjoni ta’ rekwiżiti ulterjuri li jiġu introdotti mill-1 ta’ Lulju 2022 u mill-1 ta’ Lulju 2023). Dawn ikopru
- l-effiċjenza enerġetika tal-muturi elettriċi
- ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar il-prodott għall-muturi elettriċi
- ir-rekwiżiti tal-effiċjenza u tal-informazzjoni dwar il-prodott għall-VSDs;
- jistipula l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, u fl-Anness II il-metodi ta’ kejl u l-kalkoli li jridu jiġu segwiti.
L-awtoritajiet nazzjonali jeħtiġilhom japplikaw il-proċeduri ta’ verifika stabbiliti fl-Anness III meta jwettqu l-verifiki tas-sorveljanza tas-suq.
L-Anness IV jistipula parametri referenzjarji indikattivi bbażati fuq l-aħjar teknoloġija disponibbli għall-muturi u għall-VSDs għall-aspetti ambjentali meqjusa sinifikanti u kwantifikabbli. Għall-muturi, il-livell IE4 ġie identifikat bħala l-aħjar teknoloġija disponibbli.
Il-Kummissjoni jeħtiġilha tirrevedi r-regolament fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni inkluż, jekk xieraq, abbozz ta’ proposta għal reviżjoni, lill-Forum ta’ Konsultazzjoni mhux aktar tard mill-14 ta’ Novembru 2023.
Ir-Regolament jemenda r-Regolament (KE) Nru 641/2009 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 640/2009.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021. Ċerti obbligi fir-rigward taċ-ċirkomvenzjoni u tal-aġġornamenti tas-software u l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 641/2009 ilhom japplikaw mill-14 ta’ Novembru 2019.
SFOND
Id-Direttiva 2009/125/KE tistabbilixxi qafas biex jiġu stabbiliti rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija. Il-Kummissjoni jeħtiġilha tistabbilixxi dawn għall-prodotti li jiġu mibjugħa u nnegozjati mal-UE kollha u li għandhom impatt ambjentali sinifikanti.
Id-Direttiva WEEE tistipula r-rekwiżiti dwar l-irkupru u r-riċiklaġġ ta’ skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) biex jitnaqqsu l-effetti ambjentali negattivi tal-ġenerazzjoni u tal-ġestjoni tal-WEEE, u tal-użu tar-riżorsi.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Ekodisinn: politika għat-titjib, permezz ta’ disinn aħjar, tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti tul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, speċjalment l-effiċjenza enerġetika tagħhom.
Mutur elettriku: apparat li jikkonverti l-potenza elettrika ta’ input f’potenza mekkanika ta’ input fil-forma ta’ rotazzjoni b’veloċità tar-rotazzjoni u torque li tiddependi fuq fatturi inkluż il-frekwenza tal-vultaġġ tal-provvista u l-għadd ta’ arbli tal-mutur.
Sistema ta’ trażmissjoni b’veloċità varjabbli (VSD): konvertitur tal-potenza elettronika li kontinwament jadatta l-potenza elettrika fornuta lil mutur wieħed għall-kontroll tal-output tal-potenza mekkanika tal-mutur skont il-karatteristika tal-veloċità tat-torque tat-tagħbija mħaddma mill-mutur, billi jaġġusta l-provvista tal-potenza għal frekwenza varjabbli u l-vultaġġ fornut lill-mutur. Din tinkludi l-elettronika kollha konnessa bejn il-mejnijiet u l-mutur inklużi l-estensjonijiet bħall-apparati ta’ protezzjoni, it-transformers u l-makkinarju awżiljarju.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/1781 tal-1 ta’ Ottubru 2019 li jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għal muturi elettriċi u sistemi ta’ trażmissjoni b’veloċità varjabbli skont id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 641/2009 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti u għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit integrati fi prodotti u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2009 (ĠU L 272, 25.10.2019, pp. 74-94)
Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2019/1781 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, pp. 10-35)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 641/2009 tal-22 ta’ Lulju 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit u indipendenti u għaċ-ċirkolaturi mingħajr tqalfit integrati fi prodotti (ĠU L 191, 23.7.2009, pp. 35-41)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 640/2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ ekodisinn għal muturi tal-elettriku (pubblikazzjoni ta’ titli u referenzi ta’ standards armonizzati taħt id-direttiva) (ĠU C 394, 20.12.2012, pp. 20-21)
l-aħħar aġġornament 08.06.2021