EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Privattiva unika tal-UE ssaħħaħ il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u tnaqqas l-ispejjeż relatati

Taħt il-Privattiva tal-UE l-ġdida (protezzjoni tal-privattiva unitarja), l-inventuri jistgħu jissottomettu applikazzjoni waħdanija sabiex jipproteġu l-invenzjoni tagħhom f'25 Stat Membru. L-iskema tagħmel ukoll l-aċċess għall-protezzjoni tal-privattivi aktar faċli, jiswa inqas flus u legalment aktar sigur.

ATT

Regolament (UE) Nru 1257/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja.

SOMMARJU

Ir-Regolament tal-UE 1257/2012 dwar il-protezzjoni tal-privattiva unitarja (UPP - unitary patent protection) jestendi s-sistema tal-privattivi Ewropea, jippermetti li invenzjoni tiġi protetta fil-25 Stat Membru parteċipanti kollha b'applikazzjoni waħda biss. Il-privattiva l-ġdida tista' tnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-privattiva u spejjeż relatati b'sa 80%, bi ħlas waħdieni annwali għat-tiġdid lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO).

Il-privattivi sal-lum fl-Ewropa jew ingħataw fuq livell nazzjonali jew mill-EPO. Madankollu, jekk privattiva Ewropea għandha tkun effettiva fi Stat Membru, id-detentur tal-privattiva għandu jitlob il-validazzjoni f'kull pajjiż fejn wieħed ikun qiegħed ifittex li jipproteġi l-privattiva. Il-ħlasijiet għat-traduzzjoni u dawk għal tiġdid annwali għal dawn il-privattivi jistgħu jiġu jiswew ħafna flus u huma ta' piż ġenerali għall-UE.

Kif deskritt f'dan ir-regolament, il-Privattiva tal-UE timmira li ttemm il-kumplessità u l-ispiża tas-sistema tal-privattiva Ewropea attwali. Pereżempju:

  • Detenturi tal-privattivi Ewropej jistgħu japplikaw għall-Privattiva tal-UE għat-territorju ta' 25 Stat Membru fl-EPO. Din il-privattiva sejra toffri l-istess livell ta' protezzjoni għall-invenzjonijiet tagħhom f'dawk il-pajjiżi kollha.
  • Applikazzjonijiet għal privattivi jistgħu jiġu sottomessi lill-EPO fi kwalunkwe lingwa. Madankollu, l-applikanti jeħtieġu jipprovdu wkoll traduzzjoni f'waħda mit-tliet lingwi uffiċjali tal-EPO (Ingliż, Franċiż jew Ġermaniż). L-applikanti jistgħu jippretendu kumpens jekk ikunu negozji, individiwi, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, universitajiet u korpi ta' riċerka pubblika bbażati fl-UE. Il-pretensjonijiet tal-privattiva li jiddefinixxu l-ambitu ta' protezzjoni għandhom jiġu tradotti fiż-żewġ lingwi uffiċjali l-oħrajn tal-EPO.
  • Finalment, għal perjodu transitorju ta' mhux aktar minn 12-il sena, il-privattivi Ewropej b'effett unitarju li ngħataw bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż jeħtieġ li jiġu tradotti għall-Ingliż; dawk mogħtija bl-Ingliż jeħtieġ li jiġu tradotti għal lingwa uffiċjali oħra tal-UE. Dawn it-traduzzjonijiet sejrin ikunu meħtieġa sakemm isiru disponibbli traduzzjonijiet b'magni li jkunu ta' kwalità għolja fil-lingwi kollha tal-UE.

Kooperazzjoni mtejba

Kemm dan ir-regolament kif ukoll ir-Regolament tal-UE 1260/2012 dwar arranġamenti ta' traduzzjoni għall-UPP ġew adottati minn 25 Stat Membru taħt il-proċedura ta' kooperazzjoni* mtejba. Stati Membri mhux parteċipanti jistgħu jissieħbu aktar tard.

Qorti tal-Privattiva Unifikata

Il-pakkett tar-riforma tal-privattivi jinkludi Ftehim fuq Qorti tal-Privattivi Unifikata. Stabbilita taħt ftehim internazzjonali ffirmat fid-19 ta' Frar 2013, din il-qorti se jkollha ġurisdizzjoni speċjalizzata f'tilwim fuq privattivi, b'hekk tevita litigazzjonijiet multipli li jiswew ħafna flus f'sa massimu ta' 28 qorti nazzjonali differenti.

* Dan jippermetti lill-Istati Membri tal-UE li jixtiequ jaħdmu lejn għan komuni sabiex jagħmlu dan barra minn kollaborazzjoni tal-Unjoni tradizzjonali, f'dan il-każ permezz ta' trattat intergovernattiv.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Skadenza għall-inkorporazzjoni f'liġi nazzjonali

Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 1257/2012

20.1.2013Applikazzjoni: mill-01/01/2014 jew id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim fuq Qorti tal-Privattivi Unifikata, skont liema minnhom tiġi l-aħħar.

-

ĠU L 361 tal-31.12.2012

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1260/2012 tas-17 ta' Diċembru 2012 li jimplimenta l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ħolqien ta’ protezzjoni tal-privattiva unitarja fir-rigward tal-arranġamenti applikabbli għat-traduzzjoni. (Ġurnal Uffiċjali L 361 tal-31.12.2012)

Ftehim fuq Qorti ta' Privattiva Unitarja (Ġurnal Uffiċjali C 175 tal-20.6.2013)

L-aħħar aġġornament: 04.03.2014

Top