This document is an excerpt from the EUR-Lex website
L-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-avjazzjoni
Meta titqies l-iskala u n-natura globali tal-industrija tal-avjazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-ambjent, l-UE tieħu azzjoni biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) ikkawżati mill-avjazzjoni fl-Ewropa, filwaqt li taħdem mal-komunità internazzjonali permezz tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) biex tistabbilixxi miżuri fuq firxa globali.
ATT
Id-Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema tal-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra fil-Komunità
SOMMARJU
X'TAGĦMEL DIN ID-DIRETTIVA?
Din id-direttiva temenda d-Direttiva 2003/87/KE, li tistabbilixxi l-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS), billi tiffattura fl-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju kkawżati mill-attività tal-avjazzjoni. B'riżultat ta' dan, it-titjiriet kollha lejn, minn u fil-pajjiżi kollha tal-UE u n-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein huma koperti mill-EU ETS.
PUNTI EWLENIN
SFOND
L-avjazzjoni hija waħda mis-sorsi li qiegħda tikber b'mod mgħaġġel ta' emissjoni ta' gass serra fuq livell globali (u fl-UE), li tammonta għal madwar 3 % tal-emissjonijiet totali. Huwa mistenni li sal-2020, l-ammont ta' GHGs rilaxxat mill-avjazzjoni ser ikun 70 % ogħla mill-2005, anke wara li jitqies it-titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil.
TERMINI EWLENIN
L-EU ETS hija l-pedament tal-politika tal-UE biex tiġġieled it-tibdil fil-klima u l-għodda ewlenija tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'mod kosteffettiv. L-ewwel - u xorta għadha l-ikbar - sistema internazzjonali għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-EU ETS tkopri iktar minn 11,000 impjant tal-enerġija u impjanti industrijali fit-28 pajjiż tal-UE (1), l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein, kif ukoll l-emissjonijiet mill-avjazzjoni.
L-EU ETS taħdem fuq il-prinċipju ta' “cap and trade”. “Cap” jew limitu, jiġi stabbilit fuq l-ammont totali ta' ċerti GHGs li jistgħu jiġu emessi mill-fabbriki, l-impjanti tal-elettriku u installazzjonijiet oħra fis-sistema. Il-limitu jitnaqqas matul iż-żmien sabiex jonqsu l-emissjonijiet totali. Is-sistema tippermetti l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet sabiex l-emissjonijiet totali tal-installazzjonijiet u l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jibqgħu fil-limitu u l-miżuri li jiswew l-inqas jistgħu jittieħdu biex inaqqsu l-emissjonijiet.
Għal iktar informazzjoni ara t-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni fuq is-sit web tal-Kummissjoni Ewropea.
REFERENZI
Att |
Dħul fis-seħħ |
Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
Id-Direttiva 2008/101/KE |
2.2.2009 |
- |
ATTI RELATATI
Id-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' April 2013 li tidderoga b'mod temporanju mid-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (Ġurnal Uffiċjali L 113 tal-25.4.2013, pp. 1-4).
Ir-Regolament (UE) Nru 421/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, b'kunsidetazzjoni tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura bbażata fuq is-suq globali għall-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali (Ġurnal Uffiċjali L 129 tat-30.4.2014, pp. 1-4).
l-aħħar aġġornament 23.07.2015
(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.