This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Il-futur tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju fl-Ewropa
Il-ġbir u l-ħżin tal-karbonju (CCS) hija teknika li tinvolvi l-qbid ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju minn sorsi kbar, bħal impjanti tal-enerġija, il-kompressjoni u t-trasport tagħhom għall-ħżin mingħajr periklu fil-fond taħt l-art. It-teknoloġija għandha potenzjal kbir li tgħin sabiex jittaffa t-tibdil fil-klima. Madankollu, l-ispejjeż involuti, partikolarment fil-ġbir tal-emissjonijiet, huma kbar.
ATT
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Futur tal-Ġbir u l-Ħżin tal-Karbonju fl-Ewropa (COM(2013) 180 final tas-27.3.2013)
SOMMARJU
X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?
Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tenfasizza li s-CCS hija teknoloġija ewlenija fit-tranżizzjoni għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ karbonju sal-2050. Hija kapaċi tirrikonċilja ż-żieda fid-domanda għall-karburanti fossili mal-ħtieġa li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Din tiddeskrivi l-progress li sar s’issa u tfittex il-fehmiet tal-partijiet interessati dwar għadd ta’ għażliet sabiex jitħeġġeġ l-użu usa’ u kummerċjalment vijabbli tat-teknoloġija fl-Unjoni Ewropea (UE).
PUNTI EWLENIN
Fid-dinja kollha, ’il fuq minn 20 proġett CCS ta’ skala ta’ dimostrazzjoni qed joperaw b’suċċess. Tmienja minn dawn jiġbru, jittrasportaw u jaħżnu l-emissjonijiet kompletament. L-ebda minnhom ma jinsab fl-UE.
Il-komunikazzjoni tidentifika ostakoli għall-użu usa’ tas-CCS:
Il-finanzjament għal proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS fuq skala kbira huwa disponibbli mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u l-programm NER300.
SFOND
Is-CO2 jista’ jinħażen f’diversi postijiet, b’mod partikolari ġibjuni ta’ żejt, tal-gass jew tal-melħ fondi u saffi tal-faħam li ma jitħaffrux. Dan ma jridx jiġi f’kuntatt mal-atmosfera. Il-leġiżlazzjoni fis-seħħ sa mill-2009 dwar il-ħżin ġeoloġiku tas-CO2, magħrufa bħala d-direttiva CCS, tistipula kif is-siti tal-ħżin iridu jintagħżlu, jiġu permessi, operati u jingħalqu. Dawn ma jridu juru l-ebda riskju sinifikanti ta’ tnixxija jew ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.
Rapport tal-2005 mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima kkonkluda li l-ħażniet ġeoloġiċi, jekk jintgħażlu u jitmexxew b’mod xieraq, “x’aktarx ħafna” li jżommu iktar minn 99 % tas-CO2 maħżun għal iktar minn 100 sena u “x’aktarx” li jżommu 99 % għal aktar minn 1,000 sena.
Għal aktar informazzjoni ara l-websajt dwar il-Ġbir u l-Ħżin Ġeoloġiku tal-Karbonju tal-Kummissjoni Ewropea.
l-aħħar aġġornament 19.08.2015