EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014FJ0042

Sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tieni Awla) tad-19 ta' Novembru 2014.
EH vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Kawża F-42/14.

ECLI identifier: ECLI:EU:F:2014:250

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

19 ta’ Novembru 2014 (*)

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Regola antikumulu tal-allowances nazzjonali u dawk stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal — Ġbir mill-konjuġi tal-uffiċjal tal-allowances tal-familja nazzjonali — Assenza ta’ dikjarazzjoni tal-uffiċjal tal-bdil tas-sitwazzjoni personali tiegħu lill-amministrazzjoni tiegħu — Proċeduri dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Relegazzjoni fl-iskala — Proporzjonalità — Motivazzjoni — Ċirkustanzi attenwanti — Nuqqas ta’ diliġenza tal-amministrazzjoni”

Fil-Kawża F-42/14,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 270 TFUE, li japplika għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

EH, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Etterbeek (il-Belġju), irrappreżentat minn S. Rodrigues u A. Blot, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u C. Ehrbar, bħala aġenti,

konvenuta,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla),

kompost minn M. I. Rofes i Pujol, President tal-Awla, K. Bradley u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: X. Lopez Bancalari, Amministratur,

wara li ra l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Settembru 2014,

jagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-6 ta’ Mejju 2014, EH jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea (iktar il-quddiem l-“Awtorità tal-Ħatra”), tal-24 ta’ Ġunju 2013, li imponietlu sanzjoni ta’ tnaqqis bi tliet skali kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2014 li ċaħdet l-ilment tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku

 Drittijiet u obbligi tal-uffiċjali

2        L-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jipprevedi, b’mod partikolari, li “[l]-uffiċjal għandu jaqdi dmirijietu u jġib ruħu esklużivament bl-interessi tal-Unjoni quddiem għajnejh [u għandu] jaqdi d-dmirijiet fdati lilu b’mod oġġettiv u imparzjali u fir-rispett tad-dmir tiegħu ta’ lealtà lejn l-Unjoni”.

 Dispożizzjonijiet dwar is-sistema dixxiplinari

3        Taħt it-Titolu VI, intitolat “Miżuri dixxiplinari”, l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1. Kull nuqqas minn uffiċjal jew minn dak li qabel kien uffiċjal biex iħares l-obbligi tiegħu taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk intenzjonalment jew b’negliġenza min-naħa tiegħu, tista’ tittieħed azzjoni kontrih.

2. Fejn l-Awtorità tal-Ħatra jew l-OLAF isiru jafu b’evidenza ta’ nuqqas fis-sens tal-paragrafu 1, jistgħu jibdew invetigazzjonijiet amministrattivi biex jivverifikaw jekk it-tali nuqqas sarx.

3. Regoli, proċeduri u miżuri dixxiplinarji, u r-regoli u l-proċeduri li jkopru l-investigazzjonijiet amministrattivi mniżżla fl-Anness IX”.

4        Taħt is-Sezzjoni 3, intitolata “Proċeduri dixxiplinarji” tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Artikolu 9 ta’ dan l-anness jipprevedi:

“1. L-Awtorità tal-Ħatra tista’ timponi wieħed mill-pieni li ġejjin:

(a) twissija bil-miktub;

(b) ċanfira;

(ċ) posponiment ta’ promozzjoni għal skala ogħla għal perjodu ta’ bejn xahar u 23 xahar;

(d) relegazzjoni fl-iskala;

(e) tnaqqis temporanju fil-posizzjoni għal perjodu ta’ bejn [15]-il ġurnata u sena;

(f) tnaqqis fil-posizzjoni fl-istess grupp tal-funzjoni;

(g) klassifikazzjoni fi grupp aktar baxx tal-funzjoni, bi jew mingħajr tnaqqis fil-posizzjoni;

(h) tneħħija […]”.

5        L-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Kemm ikunu ħorox il-pieni dixxiplinarji imposti jiddependu kemm hija serja l-kondotta ħażina. Biex tkun stabbilita l-serjetà tal-kondotta ħażina u biex tkun deċiża l-piena dixxiplinarja li għandha tkun imposta, għandu jkun ikkunsidrat partikolarment:

(a) it-tip ta’ kondotta ħażina u f’liema ċirkostanzi ġrat;

(b) sa liema punt il-kondotta ħażina affettwat ħażin l-integrità, ir-reputazzjoni jew l-interessi ta’ l-istituzzjonijiet;

(ċ) sa liema punt il-kondotta ħażina tinvolvi azzjonijiet intenzjonali jew negliġenza;

(d) ir-raġunijiet tal-kondotta ħażina ta’ l-uffiċjal;

(e) il-grad u s-senjorità ta’ l-uffiċjal;

(f) il-livell tar-responsabbiltà personali ta’ l-uffiċjal;

(g) il-livell tad-dmirijiet u r-responsabbiltajiet ta’ l-uffiċjal;

(h) jekk il-kondotta ħażina tinvolvix azzjoni jew imġiba ripetuta;

(i) il-kondotta ta’ l-uffiċjali matul il-karriera tiegħu”.

 Dispożizzjonijiet dwar l-allowances tal-familja

6        Skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjali li jirċievu allowance tal-familja, [jiġifieri l-allowance tad-dar, l-allowance għall-ulied dipendenti u/jew l-allowance tal-edukazzjoni] għandhom jiddikjaraw il-benefiċċji tal-istess natura mħallsa minn sorsi oħra, it-tali allowance ta’ l-aħħar għandhom jitnaqqsu minn dawk imħallsa taħt l-Aritkoli 1, 2 u 3 ta’ l-Anness VII”.

7        L-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“1. Skond il-paragrafi 2 u 3 t’hawn taħt, uffiċjal li għandu tifel dipendenti wieħed jew aktar għandu jirċievi allowance fix-xahar għal kull tifel dipendenti.

2. ‘Tifel dipendenti’ ifisser it-tifel leġittimu, naturali jew adottat ta’ uffiċjal, jew tal-konsorti tiegħu li attwalment mantnut mill-uffiċjal.

[…]

Kull tifel li l-uffiċjal għandu r-responabbiltà li jmantni taħt deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar il-ħarsien tal-minuri, għandu jitqies bħala tifel dipendenti.

[…]

7. Jekk il-kustodja tat-tifel dipendenti fis-sens tal-paragrafi 2 u 3 kienet fdata mill-liġi jew minn ordni tal-qorti jew ta’ l-awtorità amministrattiva kompetenti lil persuna oħra, l-allowance tat-tifel dipendenti jitħallas lil dik il-persuna f’isem u għan-nom tal-uffiċjal”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8        Wara li daħal fis-servizz tal-Komunitajiet Ewropew fl-1991 bħala membru tal-persunal temporanju, fl-1 ta’ Marzu 1998 ir-rikorrent sar uffiċjal permanenti tal-Kummissjoni u kien jeżerċita, qabel is-sanzjoni dixxiplinari ta’ relegazzjoni fl-iskali imposta mill-Awtorità tal-Ħatra, il-funzjonijiet ta’ amministratur ta’ grad AD 13, skala 1, responsabbli mill-ġestjoni ta’ programmi mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Agrikoltura u żvilupp rurali”.

9        Ir-rikorrent huwa missier ta’ ħamest itfal u, għalhekk, ibbenefika mill-allowances tal-familja bis-saħħa tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem l-“allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal”).

10      Fir-rigward tal-ewwel żewġt itfal tar-rikorrent, imwielda mill-ewwel żwieġ li ġie xolt fl-14 ta’ Jannar 2000, l-allowance tal-familja stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal għall-ulied dipendenti kienet, mill-1 ta’ April 1994, imħallas fl-intier tagħha mill-Uffiċċju “Ġestjoni u likwidazzjoni tad-drittijiet individwali” (PMO) lill-ex konjuġi tar-rikorrent f’isem u għan-nom ta’ dan tal-aħħar, u dan bi tnaqqis tal-ammont tal-ħlas tal-manteniment dovut minnu lill-ex konjuġi tiegħu.

11      Fir-rigward tat-tlett itfal l-oħra tar-rikorrent, imweldin rispettivament fl-1995, fl-1998 u fl-2002, u tal-konjuġi attwali tiegħu, mill-proċess jirriżulta li fil-formola ta’ dikjarazzjoni tat-twelid li tirrigwarda t-tifel imwieled fl-1998, ir-rikorrent iddikjara lill-Kummissjoni li ommhom “[kienet] teżerċita attività professjonali u [kienet] tibbenefika minn bonus tat-twelid: ‘iva’”, iżda li ma tibbenefikax minn allowances tal-familja, billi espressament indika “le”.

12      Għal kull wieħed minn dawn it-tlett itfal, ir-rikorrent irċieva mill-PMO nota fformulata kif ġej:

“[…]

Mid-dokumenti ta’ sostenn jirriżulta li:

–        ebda allowance tal-familja [nazzjonali] ma titħallas għal dan it-tifel.

Għaldaqstant, ninfurmawk li:

–        ser tingħatalek l-allowance għall-ulied dipendenti fir-rigward ta’ dan it-tifel […] skont l-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance għall-ulied dipendenti ser titħallas lilek fl-intier tagħha;

[…]

Tfakkira tad-dispożizzjonijiet amministrattivi:

–        Kull uffiċjal għandu immedjatament jinnotifika bil-miktub lill-amministrazzjoni b’kull bdil tas-sitwazzjoni tiegħu.

–        Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal: ‘Kull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf li ma kien hemm l-ebda raġuna dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali evidenti li ma setax jinduna bih”.

13      Minn dawn in-noti dwar l-allowance stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal għall-ulied dipendenti, indirizzati lir-rikorrent, jirriżulta li, fid-data tal-1 ta’ Mejju 2002, huwa kien jibbenefika mill-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għal kull wieħed mill-ħamest itfal tiegħu fl-intier tagħhom.

 Fuq il-korrispondenza inizjalment skambjata bejn l-amministrazzjonijiet

14      Mill-korrispondenza kollha annessa mir-rikorrent mar-rikors tiegħu jirriżulta, essenzjalment, li l-konjuġi attwali tiegħu, li magħha żżewweġ fl-1 ta’ Settembru 2000, fl-okkażjoni ta’ kull wild tat-tliet itfal tagħhom, kienet talbet mill-Assubel, organu ta’ assigurazzjoni Belġjan responsabbli mill-ħlas tal-benefiċċji soċjali nazzjonali bħall-bonus tat-twelid u l-allowances tal-familja, il-benefiċċju tal-imsemmija allowances.

15      F’dan ir-rigward, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Frar 1996, Assubel, b’risposta għat-talba tagħha li tingħata allowances tal-familja għat-tifel imwieled fl-1995, informat lill-konjuġi tar-rikorrent li, peress li l-ammont tal-allowance tal-familja mogħti mill-Kummissjoni huwa superjuri għal dak tal-allowance tal-familja Belġjani, ma kienx possibbli li jingħatalha l-benefiċċju ta’ din l-allowance tal-familja nazzjonali.

16      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Settembru 2000 b’risposta għal talba oħra għall-allowances tal-familja, magħmula permezz tat-telefon wara ż-żwieġ tagħha mar-rikorrent fl-1 ta’ Settembru ta’ qabel, l-organu ta’ assigurazzjoni Belġjan Partena (iktar ’il quddiem “Partena”), suċċessur ta’ Assubel, informa lill-konjuġi tar-rikorrent li, sabiex titħallas dawn il-benefiċċji, dan l-organu nazzjonali kellu bżonn dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tiċċertifika li ma jitħallsu ebda benefiċċji ekwivalenti min-naħa tal-Unjoni. Il-konjuġi tar-rikorrent ma rrisponditx għal din l-ittra u ma talbitx lill-Kummissjoni la biex tipprovdilha tali dikjarazzjoni u lanqas sabiex tintervjeni fi ħdan dan l-organu nazzjonali.

17      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Marzu 2002 indirizzata lill-Kummissjoni, Partena indika lil din l-istituzzjoni li, sabiex tkun tista’ tagħti lill-konjuġi tar-rikorrent il-benefiċċju tal-allowances tal-familja nazzjonali, kien hemm bżonn dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tippreċiża sa minn liema data bdew jitħallsu l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

18      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ April 2002 indirizzata lil Partena, u b’kopja mibgħuta lir-rikorrent, il-Kummissjoni kkonfermat li dan tal-aħħar ilu jibbenefika mill-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom għaż-żewġ ulied tiegħu mwielda fl-1995 u fl-1998, fil-każ tal-ewwel wieħed sa mill-1 ta’ Novembru 1995 u tat-tieni sa mill-1 ta’ Frar 1998.

19      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Awwissu 2003, Partena informa lill-Kummissjoni li huwa ser jeżamina d-dritt għall-allowances tal-familja tal-konjuġi tar-rikorrent sa mill-1 ta’ Diċembru 1995. Partena talab lill-Kummissjoni tipprovdilu d-dikjarazzjoni tat-twelid tal-aħħar wild tar-rikorrent, li kellha fil-pussess tagħha, u informaha li ser jibagħtilha d-dettalji tal-pagamenti magħmul sa minn Diċembru 1995 favur il-konjuġi tar-rikorrent. Fl-aħħar nett, Partena talab lill-Kummissjoni tagħmel kuntatt mal-konjuġi tar-rikorrent “sabiex tikseb [mingħand din tal-aħħar] l-allowances tal-familja [stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal] li [l-Kummissjoni kienet] ħallset minflok [Partena]”.

20      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Jannar 2004 indirizzata lil Partena u b’kopja mibgħuta lir-rikorrent (iktar ’il quddiem l-“ittra tas-6 ta’ Jannar 2004”), il-PMO rrisponda li huwa kien ħa konjizzjoni li Partena kien qed jeżamina d-dritt għall-allowances tal-familja Belġjani minħabba l-attività bħala persuna impjegata tal-konjuġi tar-rikorrent, eżerċitata mill-1 ta’ Diċembru 1995. F’dan ir-rigward, il-PMO fakkar lil Partena li huwa kien ilu jħallas l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom lir-rikorrent għal-aħħar tlett itfal tiegħu, fil-każ tal-ewwel tnejn kif imfakkar fil-punt 18 ta’ din is-sentenza u għat-tielet wieħed sa mill-1 ta’ Mejju 2002. Il-PMO talab lil Partena “sabiex ġentilment jirrimborsa[h] l-allowances tal-familja Belġjani kollha sa mill-1 ta’ Diċembru 1995 u jibgħatlu rendikont kull xahar li jikkorrispondi għal dan ir-rimbors li [kellu] jsir fil-kont [tal-Kummissjoni] filwaqt li jinkludi d-dettalji [jiġifieri isem ir-rikorrent u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu]”. Il-PMO talab ukoll lil Partena jagħmel dikjarazzjoni li tippreċiża x-xahar li fih dan l-organu nazzjonali ser jibda jħallas l-allowances tal-familja Belġjani lill-konjuġi tar-rikorrent kif ukoll l-ammont fix-xahar tagħhom, sabiex il-PMO jħallas, sa mill-istess data u b’mod kumplimentari, l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. Din l-ittra tal-PMO baqgħet mingħajr risposta min-naħa ta’ Partena.

21      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2006, b’rabta mat-talba tagħha tas-7 ta’ Novembru 2006 li skont ir-rikorrent l-għan tagħha “kien fi kwalunkwe każ li tikseb spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet li għalihom Partena kien waqqaf il-ħlasijiet tiegħu bejn April 2005 u Settembru 2006” il-konjuġi tar-rikorrent ġiet informata minn Partena li mill-1 ta’ Ottubru 2006 kien ser jingħatalha l-ammont ta’ EUR 482.14 fix-xahar bħala allowances tal-familja għat-tlett ulied dipendenti tagħha.

22      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Novembru 2009 indirizzata lil Partena u mqiegħdha fil-fajl personali tar-rikorrent, il-Kummissjoni informat lil dan l-organu nazzjonali li hija kienet tħallas allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom għall-aħħar tlett ulied tar-rikorrent, filwaqt li fakkritu li, skont il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (186/85, EU:C:1987:208), l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal għandhom natura kumplimentarja meta mqabbla mal-allowances tal-familja li għandhom jitħallsu bħala prijorità mill-awtoritajiet nazzjonali.

 Fuq l-operazzjonijiet ta’ verifika

23      Permezz ta’ posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2010, intitolata “[…] Verifika dwar allowance[s] għall-ulied dipendenti riċevuti minn sorsi oħra (mill-[1 ta’ Jannar] 2005 sallum”, il-PMO essenzjalment informa lir-rikorrent li, skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tiegħu, jirriżulta li l-konjuġi tiegħu kienet impjegata jew qiegħda, fatt li jimplika l-benefiċċju tal-allowances tal-familja Belġjani, u li madankollu, ir-rikorrent ma kienx iddikjara l-allowances riċevuti minn sorsi oħra b’rabta mat-tfal tagħhom. F’dan ir-rigward il-PMO fakkar id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-Artikolu 67(2) u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 68 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxu r-regola “antikumulu” għall-allowances tal-familja kollha riċevuta minn sorsi oħra li l-uffiċjali huma obbligati jiddikjaraw l-eżistenza tagħhom (iktar ’il quddiem ir-“regola antikumulu”), peress li l-ammont tal-allowances tal-familja riċevut minn sorsi oħra u bi prijorità għandu jitnaqqas minn dak tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. Il-PMO fakkar ukoll li kull konjuġi li għandu dritt għall-allowances tal-familja nazzjonali għandu jippreżenta talba f’dan is-sens, f’dan il-każ quddiem il-fond nazzjonali tal-allowances tal-familja Belġjan permezz tal-persuna li timpjegah, u li l-PMO għandu jkun informat dwar dan. Fl-aħħar nett, il-PMO talab lir-rikorrent sabiex ġentilment jimla’ formola ta’ dikjarazzjoni intitolata “Allowances tal-familja […] riċevuti minn sorsi oħra” u sabiex jibgħatielu lura fil-każ li huwa kien rċieva jew għandu jirċievi allowances tal-familja nazzjonali minn sorsi oħra.

24      Permezz ta’ posta elettronika tal-10 ta’ Frar 2010, indirizzata lil PMO u b’kopja mibgħuta lill-konjuġi tiegħu, ir-rikorrent spjega lil PMO li huwa ma fehemx is-sens tat-talba tiegħu peress li, wara d-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar it-twelid tat-tfal tagħhom u b’rabta mat-talba tagħhom sabiex jibbenefikaw direttament mill-benefiċċji ta’ Partena, il-PMO kien ikkuntattja direttament lil Partena li kien jieħu ħsieb l-allowances tal-familja tal-konjuġi tiegħu għan-nom tal-persuna li timpjega lil din tal-aħħar. Ir-rikorrent indika li, “[g]ħaldaqstant, [il-]PMO [kien] diġà informat bis-sitwazzjoni tal-konjuġi tiegħu li kienet tirċievi allowances tal-familja mill-persuna li timpjegaha” u talab lil PMO jindika “x’ried ikun jaf iktar”. Għalhekk, f’dan il-każ ir-rikorrent ma meliex u lanqas ma rritorna l-formola ta’ dikjarazzjoni li kienet intbagħtitlu mill-PMO mal-posta elettronika msemmija fil-punt preċedenti. Min-naħa l-oħra huwa rritorna lil PMO kopja tal-ittra tas-6 ta’ Jannar 2004, iżda ma bagħatx kopja tal-ittra tad-9 ta’ Novembru 2006 indirizzata lill-konjuġi tiegħu minn Partena.

25      Permezz ta’ posta elettronika tal-11 ta’ Frar 2010, il-PMO kkonferma lir-rikorrent li huwa kien f’kuntatt ma’ Partena dwar l-allowances tal-familja għall-aħħar tlett itfal tiegħu u li “[l]-fajl [kien] għadu qed jiġi investigat minn Partena”. Il-PMO informa lir-rikorrent ukoll li t-talba għad-dikjarazzjoni tal-allowances tal-familja riċevuti minn sorsi oħra li kienet saret lilu tirrigwarda wkoll l-ewwel żewġt itfal tiegħu, għaliex, skont l-aħħar informazzjoni li għandu l-PMO, omm dawn iż-żewġt itfal, li għalihom l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal kienu jitħallsu fl-intier tagħhom, kienet iddikjarata bħala “mingħajr attività professjonali”. Il-PMO talab lir-rikorrent jikkonferma jekk l-ex konjuġi tiegħu kinitx għadha fl-istess sitwazzjoni professjonali.

26      Wara li tkellem telefonikament mal-membru tal-persunal tal-PMO responsabbli mill-fajl tiegħu, ir-rikorrent bagħatlu posta elettronika, fil-11 ta’ Frar 2010, li fiha argumenta li, l-ewwel nett, fir-rigward tal-aħħar tlett itfal tiegħu, peress li l-PMO kien qed jistenna risposta mingħand Partena, huwa ddeduċa li f’dan l-istadju ma kellux jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar l-allowances tal-familja nazzjonali riċevuti mill-konjuġi tiegħu. It-tieni nett, ir-rikorrent indika, fir-rigward tal-ewwel żewġt itfal tiegħu, li jgħixu ma’ ommhom, l-ex konjuġi tiegħu, li huwa ma kienx għad fadallu kuntatt ma’ din tal-aħħar u li, sa fejn jaf hu, hija ma taħdimx. Huwa pprovda wkoll lil PMO l-indirizz ta’ din tal-aħħar fil-Belġju.

27      Permezz ta’ posta elettronika tal-15 ta’ Frar 2010, il-PMO informa lir-rikorrent li, abbażi tal-informazzjoni li huwa kien bagħat permezz ta’ posta elettronika, huwa kien għalaq il-verifika b’rabta mal-ewwel żewġt ulied tiegħu, iżda li, jekk is-sitwazzjoni professjonali tal-ex konjuġi tiegħu tinbidel, huwa mitlub jinforma lill-PMO. Fir-rigward tal-aħħar tlett itfal tiegħu, il-PMO indika lir-rikorrent li “l-fajl [tiegħu kien] ser jibqa’ sospiż” u li hekk kif ir-rikorrent jikseb informazzjoni mingħand Partena, huwa mitlub jinforma lil PMO minnufih.

28      Permezz ta’ posta elettronika mibgħuta tard filgħodu tat-23 ta’ Settembru 2011, il-PMO indika lir-rikorrent li, sa dakinhar, huwa kien għad ma għandux aħbar dwar il-fajl tiegħu u għalhekk talbu jinformah dwar is-sitwazzjoni tat-talba ta’ regolarizzazzjoni tiegħu quddiem Partena.

29      Permezz ta’ posta elettronika mibgħuta wara nofsinhar tat-23 ta’ Settembru 2011, il-PMO informa lir-rikorrent li huwa kien kiseb l-informazzjoni li kellu bżonn direttament mingħand Partena u li, għalhekk, il-fajl tiegħu kien ser jiġi aġġornat.

30      Permezz ta’ nota tad-29 ta’ Settembru 2011, il-PMO essenzjalment informa lir-rikorrent li huwa kellu konferma mingħand Partena li, mill-1 ta’ Ottubru 2006, huwa kien irċieva kull xahar mingħand dan l-organu, permezz tal-konjuġi tiegħu, allowances tal-familja f’ammont mensili ta’ bejn EUR 481.14 u EUR 586.27, ammonti kkonfermati mill-organu Belġjan u li jammontaw għal EUR 33 875. Għalhekk kien indikat lir-rikorrent li, skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa kien ser jipproċedi għall-irkupru ta’ din is-somma skont pjan ta’ skalar u li, peress li huwa ma kienx iddikjara dħul ta’ allowances tal-familja nazzjonali, il-PMO kien obbligat “jibgħat il-fajl [tiegħu] lill-[Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni] għal informazzjoni u eventwali investigazzjoni tal-fondatezza tal-irkupru [lil hinn] minn dawn [l-aħħar] ħames snin”.

 Fuq il-proċedura tal-investigazzjoni u r-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra

31      Permezz ta’ nota tas-27 ta’ Jannar 2012, dwar “[m]andat fid-dawl tas-smiegħ previst fl-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal”, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà”, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, indika lid-Direttur tal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) li kien informat li r-rikorrent ma ddikjarax allowances tal-familja mħallsa minn sorsi oħra u li, għalhekk, huwa ddeċieda li jipproċedi bis-smigħ preliminari tiegħu, skont l-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex ikun jista’ jevalwa l-akkużi li jistgħu jsiru fil-konfront tiegħu u konsegwentement jiddeċiedi jekk dawn jiġġustifikawx jew le l-ftuħ ta’ investigazzjoni dixxiplinari. Permezz ta’ din in-nota, id-Direttur tal-IDOC kien mitlub imexxi s-smiegħ tar-rikorrent, li seħħ fit-28 ta’ Frar ta’ wara.

32      Mill-minuti tas-smiegħ jirriżulta b’mod partikolari li r-rikorrent ikkonferma li kien irċieva allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, għall-ewwel wild tiegħu, mill-1 ta’ Awwissu 1991 sal-31 ta’ Awwissu 2008, għat-tieni wild tiegħu, mill-1 ta’ Awwissu 1991 sal-31 ta’ Lulju 2011, għat-tielet wild tiegħu mill-1 ta’ Jannar 1996, għar-raba’ wild tiegħu mill-1 ta’ Frar 1998 u fl-aħħar nett għall-ħames wild tiegħu mill-1 ta’ Mejju 2002. Ir-rikorrent ikkonferma wkoll li kien irċieva kopja ta’ nota tal-14 ta’ Frar 1994 mibgħuta mill-PMO lill-ex konjuġi tiegħu li permezz tagħha din kienet ġiet informata li l-allowance stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal għall-ulied dipendenti ser ikun imħallas lilha għan-nom tar-rikorrent bil-kundizzjoni li d-dispożizzjonijiet li jagħtu dritt għall-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jibqgħu dejjem osservati.

33      Fir-rigward tal-assenza ta’ dikjarazzjoni tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali mill-ex konjuġi tiegħu wara s-sena 1995, ir-rikorrent indika li, wara s-separazzjoni tagħhom u d-divorzju diffiċli tagħhom li seħħ fl-2000, ma kienx hemm iktar kuntatt bejniethom; li , f’dak iż-żmien, hija ma kinitx taħdem; li, skont il-ftehim tad-divorzju, l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, li kienu jitħallsu lill-ex konjuġi tiegħu mill-PMO, kienu ser jitnaqqsu mill-ammont tal-ħlas tal-manteniment li huwa kellu jħallas; li huwa kien, sussegwentement, ikkuntattja lill-ex konjuġi tiegħu sabiex tikkonferma d-data li fiha hija bdiet teżerċita l-attività professjonali tagħha wara d-divorzju tagħhom u li hija indikat r-raġunijiet li għalihom, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, ma rċevitx allowances tal-familja taħt is-sistema Belġjana.

34      Waqt is-smiegħ ir-rikorrent irrikonoxxa wkoll li l-PMO kien informah, tliet darbiet, bil-fatt li l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal kienu qed jitħallsu lilu fl-intier tagħhom għal kull wieħed mill-aħħar tlett itfal dipendenti tiegħu, skont l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li ebda allowance tal-familja nazzjonali ma kienet qed titħallas minn sorsi oħra. Filwaqt li kkonferma li, fid-dikjarazzjoni tat-twelid tar-raba’ wild tiegħu fl-1998, iżda wkoll għall-ulied l-oħra tiegħu, huwa ddikjara li ma jirċevix tali allowance nazzjonali, ir-rikorrent irrikonoxxa li, mill-1 ta’ Ottubru 2006, il-konjuġi tiegħu kienet bdiet tirċievi allowances tal-familja Belġjani u huwa kien informat b’dan.

35      Mistoqsi dwar ir-raġunijiet għaliex, wara l-ittra tad-9 ta’ Novembru 2006 mibgħuta minn Partena lill-konjuġi tiegħu, huwa ma ddikjarax mal-PMO l-allowances riċevuti minn sorsi oħra ta’ dan l-organu nazzjonali, ir-rikorrent indika li, fid-dawl tal-ittra tas-6 ta’ Jannar 2004 li tagħha huwa rċieva kopja, dak iż-żmien huwa ħaseb b’bona fide, minn naħa, li Partena kien ser jipprovdi lil PMO indikazzjonijiet tal-ammonti eżatti riċevuti mill-konjuġi tiegħu u li, min-naħa l-oħra, peress li dawn iż-żewġ organi kienu f’kuntatt, huwa kien konvint li ma kienx possibbli li jirċievi fl-istess waqt l-allowances tal-familja nazzjonali u l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. Skont il-minuti tas-smiegħ, ir-rikorrent iddikjara wkoll li, meta l-konjuġi tiegħu informatu li hija baqgħet tirċievi allowances tal-familja mħallsa minn Partena għat-tlett ulied tagħhom, huwa rrisponda li PMO kien qed jitratta l-kwistjoni u jirregolarizza s-sitwazzjoni flimkien ma’ Partena.

36      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent sostna li huwa ma vverifikax fuq ir-rendikonti ta’ remunerazzjoni tiegħu, f’dan il-każ dawk maħruġa għall-perijodu 2006/2011, jekk huwa baqax jirċievi jew le l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom u li, barra minn hekk, hu u l-konjuġi tiegħu ma kellhomx kont bankarju konġunt.

37      Fis-6 ta’ Lulju 2012, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà”, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, bagħat rapport lill-Bord Dixxiplinari skont l-Artikolu 12 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-Awtorità tal-Ħatra”).

38      Fir-rigward tal-aħħar tlett ulied tar-rikorrent, ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra kien jindika li ġie skopert li, sa mix-xahar ta’ Awwissu 2003, Partena beda jħallas fix-xahar l-allowances tal-familja Belġjani fuq il-kont bankarju personali tal-konjuġi tar-rikorrent u li, barra minn hekk, kienu saru trasferimenti bankarji fl-ammonti rispettivi ta’ EUR 10 866.17 u EUR 5 547.27 minn Partena, f’Settembru 2003 u f’April 2005, sabiex jirregolarizza b’mod retroattiv il-ħlas tal-allowances tal-familja għat-tlett ulied għall-perijodi ta’ bejn Ottubru 1997 u Ġunju 2002 u bejn Lulju 2002 u Frar 2005 rispettivament.

39      Ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra kien jindika li, minbarra l-ammont ta’ EUR 33 875, imsemmi fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, l-ammont ta’ allowances tal-familja nazzjonali li kienu tħallsu minn Partena lill-konjuġi tar-rikorrent għall-perijodu ta’ bejn Ottubru 1997 u Marzu 2005 kien jammonta għal EUR 25 816. Sa fejn dan l-ammont kellu jitnaqqas mill-ammont ta’ allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal riċevuti mir-rikorrent, id-dannu finanzjarju totali inkwistjoni f’dan il-każ jammonta finalment għal EUR 59 691.

40      Fir-rigward tal-allowances stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal li tħallsu b’rabta mal-ewwel żewġt ulied tar-rikorrent, ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra jirrileva li, anki jekk l-ex konjuġi tiegħu kienet teżerċita attività professjonali minn tal-inqas sa mis-sena 2005, fatt li kien jagħtiha dritt għall-allowances tal-familja Belġjani, ir-rikorrent ma setax jiġi akkużat li ma informax lill-PMO b’dan il-fatt.

41      Fir-rigward tal-aħħar tlett ulied tiegħu, li għalihom il-konjuġi tiegħu kienet irċeviet mingħand Partena allowances tal-familja nazzjonali, ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra kkonstata li “[b]illi ma ħax l-inizjattiva li jiddikjara lill-amministrazzjoni l-allowances [tal-familja] Belġjani riċevuti għall-uliedu meta kien jaf li dawn qed jitħallsu lill-konjuġi tiegħu u li huwa kien qed jibbenefika barra minn hekk mill-ħlas tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom għall-istess ulied, [ir-rikorrent kien] kiser l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal”.

42      Ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra kkunsidra li, għall-kuntrarju ta’ dak li huwa allega, l-aġir tar-rikorrent ma setax ikun spjegat mill-eżistenza ta’ kuntatti diretti bejn Partena u l-PMO, kuntatti diretti li ġagħluh jaħseb li dawn ser jevitaw kull sitwazzjoni ta’ kumulu tal-allowances tal-familja nazzjonali u dawk stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra jsostni li, fid-dawl tal-kontenut tal-ittra tas-6 ta’ Jannar 2004, li tagħha r-rikorrent kien irċieva kopja, huwa kellu, mhux iktar tard minn dik id-data, jikkjarifika s-sitwazzjoni tiegħu peress li, għall-kuntrarju ta’ dak li kien jaħseb l-PMO dak iż-żmien u li jirriżulta minn dik l-ittra, Partena f’dik id-data ma kienx għadu qed jeżamina d-drittijiet tal-konjuġi tar-rikorrent għall-allowances tal-familja Belġjani, iżda għall-kuntrarju kien diġà beda jħallashom iktar minn ħames xhur qabel, u r-rikorrent kellu jinforma b’mod espliċitu lil PMO b’dan.

43      Barra minn hekk, ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra jqis li, meta Partena kompla bil-pagamenti tiegħu f’Novembru 2006 favur il-konjuġi tar-rikorrent u li din tal-aħħar kienet staqsiet lir-rikorrent x’kellu jsir, dan tal-aħħar kellu jikkuntattja lill-PMO sabiex jikkjarifika s-sitwazzjoni fir-rigward ta’ dan il-fatt ġdid. Issa, billi naqas li jagħmel dan, filwaqt li fl-istess ħin l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal baqgħu jitħallsu lilu fl-intier tagħhom, kif jista’ jiġi kkonstatat mir-rendikonti ta’ remunerazzjoni tiegħu, b’hekk ir-rikorrent kien aċċetta, minkejja li kien jaf bir-regola antikumulu, li ammonti sinjifikattivi jitħallsu lilu indebitament mill-Kummissjoni, u dan bi ksur tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

44      Barra minn hekk, ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra jikkunsidra li l-aġir tar-rikorrent jikkostitwixxi wkoll nuqqas ta’ osservazzjoni tad-dmir ta’ lealtà tiegħu lejn l-istituzzjoni fis-sens tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal peress li, skont dan l-obbligu, huwa kellu jiffaċilita l-kompitu tal-amministrazzjoni, anki jekk din kienet f’kuntatt ma’ Partena, u dan billi jipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha utli sabiex tevalwa jekk huwa setax jibbenefika jew le mill-ħlas tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom, dak li huwa naqas li jagħmel.

45      Ir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra jikkonkludi li, fid-dawl ta’ tali nuqqas ta’ osservanza tal-Artikolu 67(2) u tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal, li seħħ fit-tul u li kkawża dannu finanzjarju sinjifikattiv lill-Kummissjoni, tnaqqis fil-pożizzjoni kellu jikkostitwixxi sanzjoni proporzjonata għall-gravità tal-ksur imwettaq.

 Fuq l-opinjoni motivata tal-Bord Dixxiplinari

46      Il-Bord Dixxiplinari, adit bir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra, permezz ta’ nota tas-6 ta’ Settembru 2012, sejjaħ lir-rikorrent għal smiegħ previst għall-24 ta’ Ottubru segwenti, filwaqt li stiednu jippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub.

47      Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ottubru 2012, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li permezz tagħhom ried b’mod partikolari jinnega ċerti dikjarazzjonijiet li jinsabu fir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra, jilmenta dwar in-natura, fl-opinjoni tiegħu, inkompleta tal-fajl dixxiplinari u jinvoka ċerti elementi li jiskaġunaw li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni.

48      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent ikkontesta d-dikjarazzjoni magħmula fir-rapport tal-Awtorità tal-Ħatra li tgħid li l-konjuġi tiegħu staqsitu, f’Novembru 2006 “x’kellu jsir” wara li “Partena kien reġa’ beda jħallasha allowances tal-familja”. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħu, f’dik id-data, il-konjuġi tiegħu ma kinitx taf in-natura u l-ammonti eżatti tal-ħlasijiet inkwistjoni magħmula qabel Novembru 2006, li huwa sostnut mill-fatt li, fl-ittra tad-9 ta’ Novembru 2006 li hija rċeviet minn Partena, dan l-organu nazzjonali kien stabbilixxa d-dritt għall-allowances tal-familja biss mill-1 ta’ Ottubru 2006. Ir-rikorrent sostna wkoll li huwa ma kienx aċċetta ħlasijiet mingħand il-Kummissjoni għaliex huwa sinċerament ħaseb li l-PMO, li kien f’kuntatt ma’ Partena, seta’ jirregolarizza s-sitwazzjoni b’sempliċi ittra jew telefonata.

49      Minbarra l-ittri msemmija fil-punti 15 sa 18 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent issottometta quddiem il-Bord Dixxiplinari ittra, datata 22 ta’ Marzu 2012, mibgħuta mill-konjuġi tiegħu lil Partena b’risposta għal ittra ta’ dan l-organu tal-14 ta’ Marzu preċedenti. F’din l-ittra, filwaqt li għamlet riferiment għall-verżjoni stampata tad-database ta’ dan l-organu, datata 14 ta’ Marzu 2012, u li tindika l-pagamenti li kienu saru fuq il-kont personali tagħha bħala allowances tal-familja għall-perijodu 2000/2012, il-konjuġi tar-rikorrent talbet lill-organu nazzjonali, b’konnessjoni ma din il-verżjoni stampata annessa mal-ittra tal-14 ta’ Marzu, jipprovdilha kopja tad-deċiżjoni ta’ Partena li, f’dak iż-żmien, kien stabbilixxa d-dritt għall-allowances tal-familja Belġjani rigward il-perijodu preċedenti għax-xahar ta’ Ottubru 2006, għaliex hija ma tiftakarx li rċeviet tali ittra u li, fl-opinjoni tagħha, dawn id-drittijiet kienu mogħtija lilha biss sa minn Ottubru 2006, li dwarhom kienet informata permezz ta’ ittra datata Novembru 2006.

50      Ir-rikorrent ipprovda wkoll lill-Bord Dixxiplinari dikjarazzjoni ġuramentata tal-konjuġi tiegħu, iffirmata fil-11 ta’ Marzu 2012, li fih hija tiddikjara li rċeviet il-bonus tat-twelid mingħand Partena, iżda ma tiftakarx li rċeviet allowances tal-familja mingħand Partena qabel ix-xahar ta’ Ottubru 2006. Il-mara tar-rikorrent tiddikjara wkoll li “kienet sorpriża ħafna, jekk mhux ixxokkjata, bid-dikjarazzjoni reċenti ta’ Partena lill-Kummissjoni [li tgħid li hija rċeviet] allowances min-naħa [ta’ dan l-organu] sa mill-1995” u li għandha l-intenzjoni li titlob, jekk neċessarju, kopji tal-istatements bankarji tagħha, li hija ma żammitx, għall-perijodi li matulhom Partena jallega li ħallasha xi flus.

51      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, ir-rikorrent sostna li huwa qatt ma kellu l-intenzjoni li jiffroda u li, anki jekk huwa seta’ wettaq żbalji, dawn twettqu parzjalment minħabba injoranza u parzjalment minħabba fiduċja żejda fil-kapaċità tal-PMO u ta’ Partena li jirregolaw il-fajl dwar il-ħlas ta’ allowances tal-familja mingħajr l-intervent tiegħu. B’mod partikolari, il-fajl kien ta’ kumplessità partikolari, fatt li jirriżulta mill-kontradizzjonijiet u l-iżbalji manifesti mwettqa minn Partena fil-ħlas ta’ allowances tal-familja lill-konjuġi tiegħu. Barra minn hekk, Partena ma indikax l-allegati pagamenti tiegħu f’ittri, li ma jidhrux fuq ir-rendikonti ta’ remunerazzjoni tal-konjuġi tiegħu u, fir-rigward tal-ħlasijiet, ir-rikorrent ma kienx jaf bl-eżistenza tagħhom għaliex huwa ma għandux aċċess għall-kont bankarju personali tal-konjuġi tiegħu.

52      Ir-rikorrent insista wkoll fuq il-fatt li, matul l-20 sena ta’ karriera tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni, qatt ma ġie akkużat b’nuqqas ta’ osservanza tad-dmirijiet tiegħu kif stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u li, għall-kuntrarju, kif jirriżulta mir-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu għas-sena 2010, huwa ġie deskritt bħala persuna konxja mir-regoli u l-prattiki, osservanti tal-etika u tal-integrità.

53      Ir-rikorrent ikkonkluda li fl-opinjoni tiegħu t-tnaqqis fil-pożizzjoni propost mill-Awtorità tal-Ħatra huwa totalment sproporzjonat.

54      Fit-12 ta’ Novembru 2012, il-Bord Dixxiplinari ħareġ l-opinjoni motivata tiegħu. F’dan ir-rigward, huwa eskluda mill-eżami tiegħu s-sitwazzjoni, fir-rigward ta’ allowances tal-familja, tal-ewwel żewġ ulied tar-rikorrent billi rrileva li ma saret ebda akkuża f’dan ir-rigward mill-Awtorità tal-Ħatra.

55      Fir-rigward tal-aħħar tlett ulied, il-Bord Dixxiplinari, sostna li, sal-2003, ma kienx hemm sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal u ta’ benefiċċji Belġjani, peress li l-konjuġi tar-rikorrent, anki jekk kienet terżerċita attività professjonali, ma kinitx tirċievi b’mod regolari mingħand Partena l-allowances tal-familja Belġjani li kellha dritt għalihom. Min-naħa l-oħra, dan kien il-każ minn Awwissu 2003, data li fiha Partena kull xahar beda jħallas lill-konjuġi tar-rikorrent, fuq il-kont bankarju personali tagħha, allowances tal-familja għall-aħħar tliet ulied tar-rikorrent u barra minn hekk, f’Settembru 2003, ħallasha ammont qrib l-EUR 11 000 bħala regolarizzazzjoni għall-perijodu ta’ bejn Ottubru 1997 u Ġunju 2002. Għalkemm fix-xahar ta’ April 2005, wara li għamel trasferiment bankarja fl-ammont ta’ iktar minn EUR 5 500 għall-benefiċċju tal-konjuġi tar-rikorrent bħala regolarizzazzjoni għall-perijodu ta’ bejn Lulju 2002 u Frar 2005, dan l-organu nazzjonali kien, għal raġunijiet mhux magħrufa, issospenda l-ħlasijiet tiegħu sa Settembru 2006 u jidher li, sa minn Ottubru 2006, il-ħlas fix-xahar ta’ allowances tal-familja Belġjani reġa’ beda u kompla b’mod mhux interrot.

56      Il-Bord Dixxiplinari rrileva li d-dikjarazzjonijiet magħmula mir-rikorrent mat-twelid tal-aħħar tlett ulied tiegħu, jiġifieri fl-1995, 1998 u 2002, ma kinux foloz jew qarrieqa għaliex, dak iż-żmien, ebda allowance tal-familja ma kienet effettivament imħallsa minn Partena.

57      Il-Bord Dixxiplinari qies li ma kienx hemm provi fattwali suffiċjenti fil-fajl li juru l-intenzjoni tar-rikorrent li jikser l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, “[a]nki jekk huwa diffiċli li temmen li [r-rikorrent] ma kienx informat mill-konjuġi tiegħu bil-ħlasijiet ta’ [EUR] 11 000 u ta’ [EUR] 5 500 li hija kienet irċeviet fl-2003 u fl-2005”.

58      Min-naħa l-oħra, il-Bord Dixxiplinari kkunsidra li, sa mix-xahar ta’ Ottubru jew Novembru 2006, data li fiha, skont kliemu stess, ir-rikorrent kien ġie informat bil-fatt li l-konjuġi tiegħu kienet ser tirċievi madwar EUR 500 fix-xahar allowances tal-familja Belġjani, huwa kellu jaġixxi b’mod iktar diliġenti billi jinforma lil PMO b’dan il-bdil fis-sitwazzjoni, li kellu jwassal sabiex l-ammont li l-konjuġi tiegħu kellha tirċievi jitnaqqas mill-ammont li huwa baqa’ jirċievi fl-intier tiegħu mill-baġit tal-Unjoni, u dana iktar u iktar peress li għandu grad għoli, jokkupa pożizzjoni ta’ amministratur ta’ programmi u li jaf perfettament bir-regola antikumulu, imfakkra mill-PMO fl-okkażjoni tat-twelid ta’ kull wieħed mit-tfal tiegħu.

59      Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrent li jgħidu li huwa ma kienx jagħti każ tal-allowances tal-familja riċevuti mill-konjuġi tiegħu, ma kienx jara r-rendikonti ta’ remunerazzjoni tiegħu sabiex jivverifika jekk l-ammont ta’ allowances tal-familja riċevuti mill-konjuġi tiegħu kienx jitnaqqsu mill-ammont li huwa jirċievi bħala allowance stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal għall-ulied dipendenti u li kien jistenna li l-PMO u Partena, li kienu f’kuntatt f’dan ir-rigward, kellhom jirregolaw il-kwistjoni b’mod awtonomu bejn l-amministrazzjonijiet, il-Bord Dixxiplinari kkunsidra li dawn l-ispjegazzjonijiet ma jikkostitwixxux skuża u lanqas ġustifikazzjoni valida. Għalhekk, huwa kien tal-opinjoni li sanzjoni dixxiplinari ikbar minn sempliċi twissija jew ċanfira għandha tkun imposta fuq ir-rikorrent sabiex jifhem li l-istituzzjoni għandha dritt tistenna grad adegwat ta’ diliġenza mill-uffiċjali tagħha, iktar u iktar meta l-kwistjonijiet amministrattivi jimplikaw l-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji li jeħtieġu min-naħa tagħhom diliġenza partikolarment kbira.

60      Għal dak li jirrigwarda l-proposta tal-Awtorità tal-Ħatra li r-rikorrent jiġi ssanzjonat bi tnaqqis fil-pożizzjoni tar-rikorrent, il-Bord Dixxiplinari b’unanimità ddeċieda li kienu jeżistu diversi ċirkustanzi attenwanti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tas-sanzjoni li għandha tingħata.

61      F’dan ir-rigward, il-Bord Dixxiplinari aċċetta, bħala ċirkustanza attenwanti, il-“konfużjoni kważi totali” li għal żmien twil kienet teżisti f’dak li jirrigwarda d-dritt għall-allowances tal-familja Belġjani tal-konjuġi tar-rikorrent, b’mod partikolari għaliex, mill-1995 sal-2000, Assubel kien irrifjutalha, bi ksur tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-benefiċċju tal-imsemmija allowances għar-raġuni li l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal kienu ogħla; imbagħad fl-2000, Partena kien issuġġetta l-għoti tal-allowances tal-familja Belġjani għall-kundizzjoni tal-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tiċċertifika li hija ma għadhiex tagħti l-allowance stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal għall-ulied dipendenti; u fl-aħħar nett, wara r-risposta tal-Kummissjoni tat-12 ta’ April 2002, dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, Partena beda jħallas l-allowances tal-familja Belġjani biss wara x-xahar ta’ Awwissu 2003.

62      Il-Bord Dixxiplinari aċċetta wkoll, bħala ċirkustanza attenwanti, il-passività tal-PMO għaliex, wara li talab mingħajr suċċess mingħand Partena, f’Jannar 2004, ir-rimbors tal-allowances tal-familja Belġjani, peress li ma kienx jaf li, fir-realtà, l-konjuġi tar-rikorrent kienet diġà bdiet tirċevihom mingħand Partena, dan id-dipartiment tal-Kummissjoni qatt ma fakkar lil Partena u ma ppruvax jirranġa s-sitwazzjoni, li għalhekk kompliet teżisti sakemm, fi Frar 2010, bdiet il-verifika ġenerali dwar l-allowances tal-familja riċevuti minn sorsi oħra.

63      Fil-fatt, anki jekk huwa ma kienx jaf bl-eżistenza taż-żewġ ħlasijiet ta’ regolarizzazzjoni ta’ Partena lill-konjuġi tar-rikorrent li l-PMO kien, permezz tal-ittra tas-6 ta’ Jannar 2004 li tagħha r-rikorrent irċieva kopja, talab lil Partena jirrimborsa lill-Kummissjoni l-allowances tal-familja Belġjani kollha sa mill-1 ta’ Diċembru 1995, il-Bord Dixxiplinari enfasizza n-nuqqas ta’ azzjoni tal-PMO, iktar u iktar meta l-ammonti li tagħhom huwa kien mingħalih kreditur fil-konfront ta’ Partena kienu sinjifikattivi. Fil-fatt, skont il-Bord Dixxiplinari, li kieku l-PMO insista ma Partena sabiex jikseb dan ir-rimbors, il-problema tal-ħlasijiet doppji kienet tkun skoperta u rregolata fl-2004.

64      Skont il-Bord Dixxiplinari, “[f]i kliem ieħor, mhux iktar tard minn Jannar 2004, il-PMO kellu l-provi kollha neċessarji sabiex jevita sitwazzjoni ta’ kumulu, iżda huwa ma għamilx użu minnhom [b’tali mod li l-Bord Dixxiplinari] jistaqsi jekk il-PMO f’dan il-kuntest assumiex ir-responsabbiltajiet tiegħu li jiddefendi l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] fil-konfront tal-amministrazzjoni nazzjonali [u] ikkonstata li, fi kwalunkwe każ, ġestjoni iktar rigoruża [tal-]fajl fl-2004, jekk mhux fl-2002, setgħet tevita li dan il-każ jieħu dimensjoni dixxiplinari”.

65      B’unanimità, il-Bord Dixxiplinari kkunsidra madankollu li n-negliġenza tar-rikorrent ma setgħetx tkun skużata u timmerita l-impożizzjoni ta’ sanzjoni dixxiplinari b’effetti pekunjarji, filwaqt li huwa kkunsidrat neċessarju li parti mir-responsabbiltà tingħata lill-PMO li, minkejja li kien jaf bil-fatt li l-konjuġi tar-rikorrent kellha dritt li tirċievi allowances tal-familja Belġjani, ħalla s-sitwazzjoni pendenti għal iktar minn sitt snin.

66      Għaldaqstant, il-Bord Dixxiplinari rrakkomanda li l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li kien hemm biss ksur, minħabba negliġenza, tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma jikklassifika dan il-ksur bħala nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ lealtà previst fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal. Huwa ppropona għalhekk lill-Awtorità tal-Ħatra li tissanzjona lir-rikorrent permezz ta’ sospensjoni tal-avvanz fl-iskala għall-perijodu ta’ 18-il xahar.

 Fuq id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet

67      Permezz tad-deċiżjoni tal-24 ta’ Ġunju 2013, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet, jiġifieri d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Riżorsi Umani u Sigurtà”, l-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ “Kompetizzjoni” u konsulent speċjali tad-DĠ “Agrikoltura u Żvilupp Rurali”, wara li semgħet lill-persuna kkonċernata waqt seduta miżmuma fil-5 ta’ Marzu 2013, iddeċidiet li timponi fuq ir-rikorrent is-sanzjoni ta’ tnaqqis ta’ tliet skali (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

68      F’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet sostniet li, peress li kien irċieva kopja tal-ittra tas-6 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrent kien ġie avżat li l-ammont tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal tiegħu kien ser jitnaqqas bl-ammont ta’ allowances tal-istess natura mħallsa minn Partena lill-konjuġi tiegħu. Għalhekk bejn l-2004 u l-2011, huwa seta’ faċilment jikkonstata, b’qari tar-rendikonti ta’ remunerazzjoni tiegħu mibgħuta l-ewwel permezz ta’ posta interna u mbagħad b’mezzi elettroniċi, li għall-kuntrarju huwa kien għadu qed jirċievi l-benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom. L-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet ikkunsidrat li, sa mhux iktar tard mill-2006, data li fiha l-konjuġi tiegħu kienet informatu li kienet qed tirċievi b’mod regolari allowances tal-familja Belġjani, ir-rikorrent kellu jikkuntattja lill-amministrazzjoni tiegħu sabiex jikkjarifika s-sitwazzjoni tiegħu u, f’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax taċċetta l-argument li r-rikorrent ma jarax ir-rendikonti ta’ remunerazzjoni tiegħu.

69      Minbarra ksur tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirriżulta min-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-ġbir ta’ allowances tal-familja Belġjani, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet enfasizzat li, fl-opinjoni tagħha, l-uffiċjali kollha għandhom jipprovdu lill-amministrazzjoni l-informazzjoni kollha li tista’ tgħinha tiddetermina jekk il-benefiċċju mitlub minn dak l-uffiċjal jistax jingħata. Dan l-approċċ proattiv jirriżulta mid-dmir ta’ lealtà li jimplika l-obbligu għal kull uffiċjal li jpoġġi l-interessi tal-istituzzjoni qabel kull kunsiderazzjoni oħra, inkluż l-interessi personali tiegħu. Għalhekk, bin-negliġenza kbira tiegħu, ir-rikorrent naqas ukoll minn dan l-obbligu previst fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal.

70      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ kuntatti diretti bejn il-PMO u Partena, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet ikkunsidrat li din iċ-ċirkustanza bl-ebda mod ma kienet tillibera lir-rikorrent mill-obbligu tiegħu li jipprovdi lill-istituzzjoni l-informazzjoni kollha neċessarja għad-determinazzjoni tad-drittijiet pekunjarji tiegħu. Għalhekk, minkejja l-imsemmi nuqqas ta’ azzjoni tal-PMO, ir-rikorrent, li kien jaf bin-natura kumplimentarja tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, naqas fi kwalunkwe każ milli jindika lill-PMO l-ħlas b’mod regolari tal-allowances Belġjani inkwistjoni, filwaqt li kompla jirċievi l-allowances stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom. Għalhekk l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet ikkunsidrat li “n-nuqqas li jsegwu l-fajl min-naħa tal-amministrazzjonijiet ikkonċernati ma jikkostitwixxix ċirkustanza attenwanti fir-rigward tal-aġir t[ar-rikorrent] sa minn Ottubru 2006”.

71      Fir-rigward tal-portata tad-dannu kkawżat lill-interessi tal-Kummissjoni, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet irrilevat li r-rikorrent kien irċieva indebitament EUR 59 691 li minnhom EUR 32 000 diġà ġew irrimborsati skont l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk hija ħadet nota wkoll tal-impenn tar-rikorrent li jirrimborsa volontarjament il-bqija tas-somma riċevuta indebitament li ma kinitx mitluba lilu, għar-raġunijiet marbuta mal-preskrizzjoni, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 27 691.

72      Filwaqt li enfasizzat in-negliġenza kbira tar-rikorrent, li fl-opinjoni tagħha ma hijiex aċċettabbli minn naħa ta’ uffiċjal, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet ma kkunsidratx madankollu li, bl-aġir tiegħu, ir-rikorrent fittex deliberatament qligħ għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni.

73      Fir-rigward tal-grad ta’ responsabbiltà personali tal-persuna kkonċernata, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partjiet ikkunsidrat li r-rikorrent kien “kompletament responsabbli” min-nuqqas ta’ informazzjoni lill-amministrazzjoni tiegħu dwar il-ħlas regolari lill-konjuġi tiegħu, sa minn Ottubru 2006, ta’ allowances tal-familja Belġjani. Barra minn hekk, fid-dawl tal-esperjenza tiegħu, tal-grad tiegħu u tal-anzjanità tiegħu, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet qieset li kien mistenni livell għola ta’ viġilanza u ta’ interess għar-regoli applikabbli minn naħa tal-persuna kkonċernata. Fl-aħħar nett fir-rigward tar-reċidivà u l-aġir passat tar-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet enfasizzat l-assenza, minn naħa tar-rikorrent, ta’ ksur tal-obbligi tiegħu matul il-karriera kollha tiegħu.

74      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet qieset iġġustifikata l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ tnaqqis fil-pożizzjoni permanenti bi grad. Madankollu, billi qieset li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-livell tas-sanzjoni fid-dawl tal-effetti tagħha, il-fatt li r-rikorrent kien riesaq lejn l-aħħar tal-karriera tiegħu, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet finalment iddeċidiet li timponilu biss sanzjoni ta’ tnaqqis bi tliet skali.

 Fuq il-proċedura prekontenzjuża

75      Permezz ta’ nota tat-23 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrent ippreżenta lment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Insostenn tal-ilment tiegħu, huwa invoka żewġ motivi, ibbażati, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u nuqqas ta’ motivazzjoni rispettivament. Essenzjalment, ir-rikorrent jargumenta li l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet kienet injorat ċirkustanzi attenwanti aċċettati mill-Bord Dixxiplinari.

76      Permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2014, l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni responsabbli milli tiddeċiedi fuq l-ilmenti, ċaħdet l-ilment. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra indikat li, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut mir-rikorrent, l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet kienet ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li ma kienx b’mod deliberat li huwa kien naqas milli jiddikjara l-ħlas regolari tal-allowances tal-familja Belġjani sa mill-2006 kif ukoll iċ-ċirkustanza li huwa kien impenja ruħu spontanjament li jirrimborsa l-ammonti indebiti li kienu preskritti. L-istess japplika għall-fatt li r-rikorrent ma kien wettaq ebda ksur tal-obbligi tiegħu matul il-karriera tiegħu, anki jekk l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet kienet qieset li l-aġir passatt tar-rikorrent ma setax jikkostitwixxi, fih innifsu, ċirkustanza attenwanti tan-nuqqas kbir li r-rikorrent wettaq f’dan il-każ.

77      Filwaqt li tammetti li inizjalment kien hemm sitwazzjoni konfuża dwar id-drittijiet tal-konjuġi tar-rikorrent għall-allowances tal-familja Belġjani, l-Awtorità tal-Ħatra enfasizzat min-naħa, li s-sitwazzjoni kienet ġiet iċċarata u rregolarizzata sa mill-2003, u li, min-naħa l-oħra, sa minn Ottubru 2006, ir-rikorrent kien ġie informat mill-konjuġi tiegħu bil-ġbir minn din tal-aħħar ta’ benefiċċji mingħand Partena, kif tikkonferma l-ittra ta’ dan l-organu tad-9 ta’ Novembru 2006. Għalhekk, minn tal-inqas sa minn din l-aħħar data, il-konfużjoni inizjali dwar id-drittijiet tal-konjuġi tiegħu ma kinitx għadha teżisti u ma setgħetx tkun iktar ta’ natura li taffettwa l-aġir tar-rikorrent sa minn dik id-data.

78      L-Awtorità tal-Ħatra kkontestat il-possibbiltà li r-rikorrent jinvoka aspettattivi leġittimi, ibbażati fuq l-allegata konoxxenza perfetta li l-PMO kellu, f’Jannar 2004, tal-eżistenza tal-ħlasijiet ta’ benefiċċji minn Partena, fatt li wasslu sabiex iqis li ma kienx obbligat jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-PMO. Fil-fatt, l-Awtorità tal-Ħatra enfasizzat f’dan ir-rigward li, preċiżament, il-kontenut tal-ittra tas-6 ta’ Jannar 2004 juri b’mod ċar li, f’dik id-data, il-PMO ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ ħlasijiet minn Partena favur il-konjuġi tar-rikorrent.

79      Dwar in-nuqqas ta’ diliġenza tal-PMO fil-ġestjoni tal-fajl tar-rikorrent, filwaqt li tammetti li iktar attenzjoni għall-fajl tar-rikorrent kienet tippermetti li jiġi evitat li s-sitwazzjoni ta’ kumulu tal-benefiċċji tal-familja nazzjoni u dawk stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal ma titwalx għal sitt snin, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat madankollu li dan in-nuqqas ta’ diliġenza ma tnaqqasx ir-responsabbiltà proprja tar-rikorrent minħabba n-negliġenza tiegħu li jiddikjara lill-amministrazzjoni tiegħu, sa mill-2006, il-ġbir ta’ allowances tal-familja Belġjani mill-konjuġi tiegħu.

80      Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra qieset li l-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet kienet ipprovdiet motivazzjoni suffiċjenti dwar il-klassifikazzjoni tal-aġir tar-rikorrent bħala negliġenza kbira. Dwar ir-raġunijiet li ġġustifikaw l-għażla tal-Awtorità tal-Ħatra komposta minn tliet partijiet li ma ssegwix l-opinjoni motivata tal-Bord Dixxiplinari, l-Awtorità tal-Ħatra enfasizzat li hija kienet skartat il-possibbiltà li tikkunsidra l-aġir tal-PMO bħala ċirkustanza attenwanti, u dan kien b’mod korrelattiv, jiġġustifika l-aggravju tas-sanzjoni adottata meta mqabbel ma’ dik irrakkomandata mill-Bord Dixxiplinari.

 It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura

81      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jannulla, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

82      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors;

–        jikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

83      Il-partijiet kienu mistiedna, permezz ta’ ittra tar-Reġistru tal-15 ta’ Settembru 2014, iwieġbu għall-mistoqsijiet magħmula mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Huma debitament wieġbu fit-22 ta’ Settembru segwenti.

 Id-dritt

84      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi għall-annullament, tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u t-tieni fuq nuqqasijiet ta’ motivazzjoni.

 Fuq is-suġġett tar-rikors

85      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tal-Unjoni tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament dwar it-talbiet kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jekk tikkonstata li dawn huma nieqsa minn kontenut indipendenti u jingħaqdu, fil-fatt, ma’ dawk it-talbiet kontra d-deċiżjoni li kontriha jkun sar l-ilment. Dan jista’, b’mod partikolari, ikun il-każ jekk jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija purament konfermatorja tad-deċiżjoni li kontriha sar l-ilment u li, għalhekk, l-effett tal-annullament tagħha fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata ma jkunx differenti minn dak li jirriżulta mill-annullament tagħha (sentenzi Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T-325/09 P, EU:T:2011:506, punt 33, u López Cejudo vs Il-Kummissjoni, F-28/13, EU:F:2014:55, punt 29).

86      Anki jekk dan japplika f’dan il-każ fir-rigward tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, li f’dan il-każ, tippreċiża ċerti aspetti tad-deċiżjoni kkontestata, għandha wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, peress li din il-motivazzjoni għandha tikkoinċidi ma’ dan l-aħħar att (ara s-sentenza Mocová vs Il-Kummissjoni. F-41/11, EU:F:2012:82, punt 21).

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

87      Insostenn tal-ewwel motiv tiegħu, ir-rikorrent essenzjalment jargumenta li l-Awtorità tal-Ħatra wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni peress li hija ma aċċettatx bħala attenwanti ċerti ċirkustanzi tal-każ. Għaldaqstant, l-Awtorità tal-Ħatra adottat sanzjoni li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

88      B’mod partikolari, fost iċ-ċirkustanzi li kellhom jiġu rikonoxxuti bħala attenwanti mill-Awtorità tal-Ħatra, ir-rikorrent jinvoka, l-ewwel nett, in-nuqqas ta’ kont bankarju konġunt bejnu u l-konjuġi tiegħu, li jispjega għaliex huwa ma ndunax bil-ġbir, mill-konjuġi tiegħu, ta’ diversi ammonti sostanzjali mħallsa minn Partena fl-2003 u fl-2005 kif ukoll bil-ġbir regolari ta’ allowances tal-familja mħallsa minn Partena sa minn Novembru 2006. It-tieni nett, huwa jirreferi għas-sitwazzjoni konfuża, maħluqa mill-aġir ekwivoku ta’ Partena, dwar id-drittijiet tal-konjuġi tiegħu li tibbenefika mill-allowances tal-familja Belġjani. It-tielet nett, huwa jsemmi n-nuqqas ta’ diliġenza tal-PMO li kellu jitqies bħala ċirkustanza attenwanti. Ir-raba’ nett, l-Awtorità tal-Ħatra ma qisitx bħala attenwanti biżżejjed iċ-ċirkustanza li huwa volontarjament iddeċieda li jirrimborsa l-ammonti indebitament miġbura li madankollu kienu preskritti. Huwa jsemmi wkoll, il-ħames nett, l-assenza minn naħa tiegħu ta’ intenzjoni li jqarraq bl-amministrazzjoni. Fl-aħħar u s-sitt nett, huwa jirreferi għall-kondotta impekkabli matul il-karriera kollha tiegħu.

89      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat, billi tirrileva essenzjalment li, fi kwalunkwe każ, mill-2006, ir-rikorrent kien jaf li Partena kien informa lill-konjuġi tiegħu bil-ħlas tal-allowances tal-familja Belġjani, b’tali mod li, minn dak il-mument, huwa ma setax jibqa’, u dan għal madwar ħames snin, jirċievi l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma jivverifika, fuq ir-rendikonti tal-paga tiegħu, jekk ir-regolarizzazzjoni li kellha ssir, f’dan il-każ it-tnaqqis ta’ EUR 500, kinitx effettivament imwettqa u lanqas informa lill-PMO bil-kontenut tal-ittra ta’ Partena datata Novembru 2006. Il-Kummissjoni tenfasizza li r-rikorrent ma setax jaħseb, għal ħames snin, li s-sitwazzjoni ser tiġi rregolata bejn l-amministrazzjonijiet filwaqt li hu kompla jirċievi l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom u li l-konjuġi tiegħu tirċievi minn naħa tagħha, l-allowances tal-familja Belġjani fl-intier tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

90      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-legalità ta’ kull sanzjoni dixxiplinari tippreżumi li r-realtà tal-fatti li bihom il-persuna kkonċernata hija akkużata tiġi stabbilita (sentenzi Daffix vs Il-Kummissjoni, T-12/94, EU:T:1997:208, punti 63 u 64, u Tzikis vs Il-Kummissjoni, T-203/98, EU:T:2000:130, punt 51).

91      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tan-nuqqasijiet ikkonstatati mill-Bord Dixxiplinari fil-konfront tal-uffiċjal u tal-għażla tas-sanzjoni li, fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, dehru bħala l-iktar xierqa, dawn jaqgħu bħala prinċipju taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Awtorità tal-Ħatra, sakemm is-sanzjoni imposta ma tkun sproporzjonata meta mqabbla mal-fatti rrilevati (ara s-sentenza E vs Il-Kummissjoni, T-24/98 u T-241/99, EU:T:2001:175, punti 85 u 86). Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Awtorità tal-Ħatra għandha s-setgħa li tipproċedi b’evalwazzjoni tar-responsabbiltà tal-uffiċjal, differenti minn dik magħmula mill-Bord Dixxiplinari, kif ukoll li tagħżel, imbagħad, is-sanzjoni dixxiplinari li hija tqis adegwata sabiex tissanzjona n-nuqqasijiet dixxiplinari inkwistjoni (sentenzi Y vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-500/93 u EU:T:1996:94, punt 56, u Tzikis vs Il-Kummissjoni, EU:T:2000:130, punt 48).

92      Ladarba tiġi stabbilita l-materjalità tal-fatti, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Awtorità tal-Ħatra għandha fil-qasam dixxiplinari, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenza Tzikis vs Il-Kummissjoni, EU:T:2000:130, punt 50).

93      B’mod speċjali fir-rigward tal-proporzjonalità ta’ sanzjoni dixxiplinari meta mqabbla mal-gravità tal-fatti inkwistjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li d-determinazzjoni tas-sanzjoni hija bbażata fuq evalwazzjoni globali mill-Awtorità tal-Ħatra tal-fatti kollha konkreti u taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ, filwaqt li jitfakkar li r-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux relazzjoni stabbilita bejn is-sanzjonijiet hemm indikati u l-kategoriji differenti ta’ ksur imwettqa mill-uffiċjali u ma jippreċiżawx sa fejn l-eżistenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti għandha tikkontribwixxi fl-għażla tas-sanzjoni. L-analiżi tal-qorti tal-ewwel istanza hija, għalhekk, limitata għall-kwistjoni dwar jekk il-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti mill-Awtorità tal-Ħatra twettqitx b’mod proporzjonat, filwaqt li jiġi ppreċiżat li waqt din l-analiżi, il-qorti ma tistax tissostitwixxi ruħha għall-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-evalwazzjonijiet suġġettivi magħmula minn din tal-aħħar f’dan ir-rigward (sentenza BG vs L-Ombudsman, T-406/12 P, EU:T:2014:273, punt 64, u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li r-rikorrent ma jikkontestax il-fatt li, anki wara li kien informat mill-konjuġi tiegħu fl-2006 bil-fatt li hija rċeviet konferma mingħand Partena tal-għoti tal-allowances tal-familja nazzjonali sa mill-1 ta’ Ottubru 2006, huwa ma ddikjarax lill-amministrazzjoni tiegħu li l-konjuġi tiegħu kienet tirċievi allowances tal-familja Belġjani mħallsa minn Partena, filwaqt li huwa kompla jirċievi l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom sal-verifiki magħmul fi Frar 2010.

95      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jinvoka l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni jew teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti, fid-determinazzjoni tas-sanzjoni li ġiet imposta lilu permezz tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ ċerti ċirkustanzi li huwa jikkunsidra attenwanti. Għalhekk dawn għandhom jiġu eżaminati wara xulxin.

–       Fuq l-assenza ta’ kont bankarju konġunt bejn ir-rikorrent u l-konjuġi tiegħu

96      Qabel xejn, fir-rigward tal-fatt li Partena kien iħallas l-allowances tal-familja Belġjani fuq il-kont personali tal-konjuġi tiegħu u li r-rikorrent u din tal-aħħar ma kellhomx kont bankarju konġunt, li pprekluda lir-rikorrent milli jkun jaf sa mill-bidu bis-sitwazzjoni ta’ kumulu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li tali ċirkustanza ma hijiex rilevanti għal dak li jirrigwarda l-obbligu tar-rikorrent li jiddikjara l-allowances riċevuti minn sorsi oħra mill-konjuġi tiegħu għat-tlett itfal tagħhom li għalihom huwa stess kien jirċievi l-allowances stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom.

97      F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt, irrilevat ukoll mill-Kummissjoni, li r-rikorrent qatt ma allega li huwa qata’ l-kuntatt mal-konjuġi tiegħu, li magħha huwa jgħix, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra, l-ewwel nett, li matul il-perijodu ta’ bejn l-2003 u l-2006, ma huwiex konvinċenti li l-konjuġi tar-rikorrent, fid-dawl tal-livell tas-salarju tagħha, ma ndunatx li hija kienet qed tirċievi ħlasijiet mingħand Partena, inkluż ammonti sostanzjali ta’ EUR 11 000 u EUR 5 500 rispettivament f’Settembru 2003 u f’April 2005, u li hija lanqas ma informat lill-konjuġi tagħha.

98      It-tieni, huwa stabbilit li, irrispettivament mit-trasferimenti bankarji mwettqa minn Partena, bejn l-2003 u l-2006, fil-kont bankarju tal-konjuġi tar-rikorrent, din tal-aħħar irċeviet notifika uffiċjali fid-9 ta’ Novembru 2006 li permezz tagħha Partena informaha bid-drittijiet tagħha għall-benefiċċji tal-familja Belġjani, informazzjoni li hija kienet ikkomunikat lir-rikorrent, iżda li dan tal-aħħar ddeċieda li ma jgħaddix lill-amministrazzjoni tiegħu. Issa, li kieku huwa għadda din l-informazzjoni lill-PMO fi żmien raġonevoli, dan tal-aħħar kien jieħu konjizzjoni b’mod inekwivoku tal-fatt li l-konjuġi tar-rikorrent kienet tirċievi allowances tal-familja mħallsa minn Partena u l-ammont eżatt tagħhom. Għalhekk, il-PMO kien ikun obbligat, dak iż-żmien, li jnaqqas immedjatament u konsegwentement l-ammont tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal imħallsa lir-rikorrent, u dan seta’ jevitalu proċedura dixxiplinari.

99      It-tielet u fi kwalunkwe każ, meta benefiċċju jintalab u jingħata lill-uffiċjal b’rabta mas-sitwazzjoni familjari tiegħu, dan tal-aħħar ma jistax jinvoka allegat assenza ta’ konoxxenza tas-sitwazzjoni tal-konjuġi tiegħu, kemm fir-rigward tal-eżerċizzju minn din tal-aħħar ta’ attività professjonali, kemm tal-ammont ta’ remunerazzjoni riċevut għal din l-attività u anki għall-ġbir minn dan il-konjuġi ta’ benefiċċji nazzjonali ekwivalenti għall-benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

100    Fil-fatt, li kieku jiġi aċċettat tali argument, dan jippermetti li uffiċjali jew membri tal-persunal li jirċievu, bħal f’dan il-każ, l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom iqisu ruħhom liberi mill-obbligu li jiddikjaraw allowances tal-familja nazzjonali riċevuti minn sorsi oħra, f’dan il-każ kull darba li dawn l-allowances tal-familja nazzjonali ma jitħallsux direttament lill-uffiċjal iżda lill-konjuġi tiegħu, fuq il-kont bankarju personali ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, tali approċċ jista’ jinkoraġġixxi ż-żamma ta’ informazzjoni li tikkawża dannu lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

–       Fuq is-sitwazzjoni ta’ konfużjoni fi ħdan Partena dwar id-dritt tal-konjuġi tar-rikorrent li tibbenefika minn allowances tal-familja Belġjani

101    Fir-rigward imbagħad tas-sitwazzjoni konfuża, ikkawżata minħabba l-aġir ta’ Partena, dwar id-dritt tal-konjuġi tar-rikorrent li tibbenefika minn allowances tal-familja Belġjani, mill-fajl effettivament jirriżulta li dan l-organu nazzjonali inizjalment kien, b’mod żbaljat, ċaħad lill-konjuġi tar-rikorrent id-dritt għall-allowances tal-familja Belġjani, tal-inqas sax-xahar ta’ Awwissu 2003, u li, sa minn dik id-data sax-xahar ta’ Ottubru 2006, Partena wettaq trasferimenti bankarji sporadiċi fuq il-kont bankarju personali tal-konjuġi tar-rikorrent, mingħajr madankollu ma ddokumentahom neċessarjament permezz ta’ notifika tad-deċiżjonijiet tal-għoti ta’ allowances tal-familja nazzjonali.

102    Għalhekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata, minn naħa, li r-rikorrent jammetti hu stess, fir-rikors tiegħu li “[l]-ħlasijiet [ta’ Partena] bdew isiru regolari fl-2006” u bi tweġiba għal mistoqsija tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, huwa stess indika li, permezz tat-talba tagħha tas-7 ta’ Novembru 2006 lil Partena, il-konjuġi tiegħu kienet talbet ir-raġunijiet li għalihom dan l-organu kien issospenda l-ħlasijiet tiegħu bejn April 2005 u Settembru 2006. Dawn l-elementi jindikaw, għall-kuntrarju ta’ dak li r-rikorrent ipprova jagħti x’tifhem quddiem il-Bord Dixxiplinari, li l-konjuġi tar-rikorrent kienet taf, matul il-perijodu kkonċernat, li hija kienet tibbenefika minn allowances tal-familja Belġjani mħallsa minn Partena. Ma’ dan jiżdied il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li fid-dawl tal-kontenut tal-ittra tat-28 ta’ Awwissu 2003 indirizzata minn Partena lill-Kummissjoni, il-konjuġi tar-rikorrent ċertament kienet bagħtet id-dikjarazzjoni tat-twelid tal-aħħar wild tagħhom lil Partena sabiex tippermetti lil dan l-organu jkompli bil-pagamenti li huwa sussegwentement għamel għall-benefiċċju tagħha mill-2003 sal-2006.

103    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, il-konjuġi tar-rikorrent, li kienet talbet b’mod attiv dawn il-benefiċċji mingħand Partena diversi drabi wara l-1996, kienet informata minn dan l-organu, permezz tal-ittra fuq imsemmija tad-9 ta’ Novembru 2006, li huwa minn issa ’l quddiem kien ser iħallas allowances tal-familja nazzjonali għat-tlett itfal tagħhom. Għalhekk irrispettivament mill-ħlasijiet kunsiderevoli ta’ Partena mwettqa favur il-konjuġi tar-rikorrent mill-2003 sal-2006 kif ukoll tal-proċeduri attivi ta’ din tal-aħħar quddiem Partena sabiex tikseb benefiċċji tal-familja, huwa ċar li, sa mix-xahar ta’ Novembru 2006, is-sitwazzjoni ta’ din tal-aħħar, għal dak li jirrigwarda d-dritt tagħha għall-allowances tal-familja Belġjani, kienet ġiet iċċarata u rregolarizzata.

104    Issa, fid-dikjarazzjonijiet li huwa kien ippreżenta lill-PMO mat-twelid ta’ kull wieħed mit-tfal tiegħu, ir-rikorrent kien iddikjara li l-aħħar tlett ulied tiegħu ma kinux jagħtu lok għall-ħlas ta’ benefiċċji tal-familja ekwivalenti għall-allowance stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal għall-ulied dipendenti u għalhekk huwa rrikonoxxa li jaf perfettament bir-regola antikumulu. Madankollu, ir-rikorrent ma qiesx li kien neċessarju li jinforma formalment lill-PMO bil-bdil tas-sitwazzjoni, f’dan il-każ bil-ġbir mill-konjuġi tiegħu ta’ allowances tal-familja Belġjani, u kiser għalhekk l-obbligu ġenerali li kull uffiċjal li jibbenefika minn vantaġġi pekunjarji għandu li jipprovdi l-informazzjoni kollha dwar is-sitwazzjoni personali tiegħu u li jgħarraf lill-amministrazzjoni tiegħu bil-bidliet kollha li jkun hemm fis-sitwazzjoni personali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza López Cejudo vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:55, punt 67), obbligu li barra minn hekk huwa espressament imfakkar fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal b’rabta mar-regola antikumulu.

–       Fuq l-allegat nuqqas ta’ diliġenza jew nuqqas ta’ azzjoni tal-PMO

105    Fir-rigward ta’ nuqqas ta’ diliġenza tal-PMO sabiex jinvestiga fuq is-sitwazzjoni personali tar-rikorrent, b’mod partikolari wara x-xahar ta’ Jannar 2004, data li fiha l-PMO kien talab lil Partena jirrimborsa arretrati kunsiderevoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li l-eventwali ineffiċjenza jew nuqqas ta’ azzjoni ta’ dipartiment amministrattiv responsabbli mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni ma tistax tiskonġra lill-uffiċjal mill-ksur tiegħu tal-obbligu li huwa għandu li jiddikjara kull tibdil fis-sitwazzjoni personali tiegħu u li jista’ jaffettwa d-dritt tiegħu għal benefiċċju stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal li huwa stess jitlob li jibbenefika minnu.

106    Fil-fatt, l-ewwel nett, għalkemm ċertament jista’ jiġi mistenni li amministrazzjoni diliġenti taġġorna, tal-inqas darba f’sena, l-informazzjoni personali tal-benefiċjarji ta’ benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal mħallsa fix-xahar, għandu madankollu jitfakkar li s-sitwazzjoni ta’ amministrazzjoni responsabbli milli tiżgura l-ħlas ta’ eluf ta’ salarji u ta’ allowances differenti ma tistax titqabbel ma’ dik tal-uffiċjal, li għandu interess personali li jivverifika l-ammonti li jitħallsu lilu fix-xahar u jindika dak kollu li jista’ jikkostitwixxi żball għad-detriment tiegħu jew għall-vantaġġ tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-Digriet Michel vs Il-Kummissjoni, F-44/13, EU:F:2014:40, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

107    It-tieni nett, uffiċjali diliġenti, li jaf bid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li abbażi tagħhom huwa jitħallas benefiċċju fuq talba tiegħu, b’mod partikolari meta dawn id-dispożizzjonijiet huma mfakkra fid-deċiżjoni tal-għoti tal-benefiċċju kkonċernat, li kien il-każ f’dan il-każ, ma jistax jillimita ruħu li jibqa’ jirċievi fis-silenzju l-imsemmi benefiċċju, f’dan il-każ l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom, filwaqt li l-konjuġi tiegħu tirċievi l-benefiċċji nazzjonali ekwivalenti fl-intier tagħhom fir-rigward tal-istess tfal. F’tali sitwazzjoni, l-uffiċjal ma jistax jiġġustifika s-silenzju tiegħu bil-fatt li tali pagamenti kienu, b’negliġenza, b’mod impliċitu aċċettati jew ittollerati mill-amministrazzjoni tiegħu. Fil-fatt, li tali negliġenza tal-amministrazzjoni tiġi ammessa bħala ċirkustanza attenwanti twassal sabiex tinkoraġġixxi lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal sabiex jibbenefikaw mill-iżbalji ta’ din tal-aħħar.

108    It-tielet u l-aħħar nett, kif ġustament enfasizzat il-Kummissjoni, Partena ma kellux neċessarjament, bi tweġiba għal talbiet eventwali tal-Kummissjoni, jipprovdi informazzjoni dettaljata fuq is-sitwazzjoni personali tal-konjuġi tar-rikorrent, li ma hijiex uffiċjal ta’ din l-istituzzjoni. Għalhekk, f’tali sitwazzjoni, għandu jkun l-uffiċjal li jibbenefika mill-benefiċċju stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal, bħar-rikorrent, li jipprovdi d-dokumenti li huwa diġà għandu fil-pussess tiegħu, u fi kwalunkwe każ li jinforma lill-amministrazzjoni tiegħu bil-ħlasijiet eventwali ta’ benefiċċji soċjali lill-konjuġi tiegħu min-naħa ta’ organu bħal Partena. Id-dmir ta’ lealtà previst fl-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal jimplika fil-fatt li l-uffiċjali jiffaċilitaw il-funzjoni tal-amministrazzjoni għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-portata tad-drittijiet pekunjarji tagħhom stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal.

–       Fuq l-impressjoni tar-rikorrent li l-kwistjoni ta’ kumulu ta’ benefiċċji kienet ser tiġi rregolata bejn l-amministrazzjonijiet

109    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li huwa ħaseb li s-sitwazzjoni kienet ser tiġi rregolata bejn l-amministrazzjonijiet, dan huwa irrilevanti jekk mhux saħansitra inapproprjat meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li wara l-informazzjoni definittiva kkomunikata permezz tal-ittra tad-9 ta’ Novembru 2006 ta’ Partena lill-konjuġi tar-rikorrent, is-sitwazzjoni ta’ kumulu, tal-allowances tal-familja Belġjani u tal-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, ikkunsidrati flimkien, baqgħet għaddejja għal numru ta’ snin.

110    F’dan ir-rigward, anki jekk jiġi ammess li r-rikorrent seta’ ħaseb bi żball li s-sitwazzjoni ser tiġi rregolata bejn l-amministrazzjonijiet, bilfors għandu jiġi ammess li, minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, ir-rikorrent ibbenefika mill-assenza ta’ regolarizzazzjoni tas-sitwazzjoni amministrattiva tiegħu, u dan għal numru ta’ snin. Fil-fatt, ir-rikorrent kellu, fi kwalunkwe każ, ikollu dubji dwar il-fondatezza tal-ħlasijiet li huwa baqa’ jirċievi mingħand il-PMO, jiġifieri l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom, u li kienu jidhru fuq ir-rendikonti ta’ remunerazzjoni fix-xahar tiegħu li tagħhom huwa kellu jieħu konjizzjoni b’mod regolari. Dan jgħodd ukoll, kif enfasizzat il-Kummissjoni, anki jekk, f’din l-istituzzjoni, ir-rendikonti ta’ remunerazzjoni ma għadhomx ikkomunikati lill-partijiet ikkonċernati permezz ta’ ittra interna, iżda huma madankollu aċċessibbli permezz ta’ hyperlink ikkomunikata b’posta elettronika.

111    Għalhekk, minn Novembru 2006 sa Frar 2010, data tal-verifika ġenerali, ir-rikorrent kellu jikkuntattja lill-amministrazzjoni tiegħu sabiex din tal-aħħar twettaq il-verifiki neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Tsirimiagos vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, F-100/07, EU:F:2009:21, punt 75), għaliex kellu jidher iktar u iktar ċert u evidenti, matul dawn is-snin, li s-sitwazzjoni tiegħu ma kinitx ġiet eżaminata mill-ġdid mill-PMO u lanqas solvuta bejn il-PMO u Partena peress li huwa kompla jirċievi l-allowances tal-familja stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom u l-konjuġi tiegħu, l-allowances tal-familja Belġjani, u dan bi ksur manifest tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

112    Fi kwalunkwe każ, minn naħa, uffiċjal normalment diliġenti ma jistax ma jindunax li avviż relatat ma’ bdil tas-sitwazzjoni tal-familja tiegħu, bħall-ittra ta’ Partena tad-9 ta’ Novembru 2006 li tinnotifika lill-konjuġi tar-rikorrent bid-drittijiet tagħha għall-allowances tal-familja Belġjani, għandu jintbagħat direttament lid-dipartiment kompetenti tal-istituzzjoni tiegħu, b’mod ċar u inekwivoku, ħaġa li r-rikorrent b’mod manifest naqas milli jagħmel, u f’dan ir-rigward, l-uffiċjal ma jistax jipprevalixxi ruħu mill-fatt li l-amministrazzjoni kisbet ċerta informazzjoni b’mod aċċidentali jew indirett (ara s-sentenza Costacurta vs Il-Kummissjoni, T-34/89 u T-67/89, EU:T:1990:20, punti 45 u 46). Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta mingħajr ambigwità li ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tinforma ruħha bi ġbir possibbli ta’ allowances tal-familja tal-istess natura mħallsa minn sorsi oħra, iżda huma l-membri tal-persunal li għandhom jiddikjaraw li huma jirċievu tali allowances provenjenti minn sorsi oħra.

113    Min-naħa l-oħra, pjuttost milli jikkuntenta ruħu bl-allegata interpretazzjoni personali tas-sitwazzjoni personali tiegħu, ir-rikorrent kellu jqajjem din il-kwistjoni mal-Awtorità tal-Ħatra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi, Costacurta vs Il-Kummissjoni, EU:T:1990:20, punt 40, u López Cejudo vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:55, punt 78).

114    Mill-bqija, ir-rikorrent ma jistax jallega li fl-2004, il-PMO kien jaf perfettament bis-sitwazzjoni tal-konjuġi tiegħu. Fil-fatt, għalkemm mill-ittra ta’ Partena tat-28 ta’ Awwissu 2003, indirizzata lill-PMO, ċertament jirriżulta li dan l-organu kien wettaq ħlasijiet lill-konjuġi tar-rikorrent, anki jekk l-ammonti tagħhom ma kinux ippreċiżati. Madankollu, mill-ittra tat-22 ta’ Jannar 2004 indirizzata mill-PMO lil Partena jirriżulta li, għall-kuntrarju, f’dik id-data, mit-termini ambigwi tal-ittra tat-28 ta’ Awwissu 2003 il-PMO kien fehem biss li Partena kien fil-proċess li jevalwa d-drittijiet tal-konjuġi tar-rikorrent, filwaqt li, fir-realtà, din tal-aħħar kienet diġà tirċievi allowances tal-familja minn dan l-organu nazzjonali. Għalhekk, permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni jew tas-silenzju tiegħu, ir-rikorrent ħalla finalment lill-PMO b’din l-impressjoni żbaljata, anki wara l-ittra tad-9 ta’ Novembru 2006 mibgħuta minn Partena lill-konjuġi tar-rikorrent biex tinnotifikaha bid-drittijiet tagħha għall-allowances tal-familja Belġjani.

–       Fir-rigward tal-assenza ta’ dannu finanzjarju għal baġit tal-Unjoni u tal-assenza ta’ volontà deliberata tar-rikorrent li jirċievi indebitament benefiċċji stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal

115    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li r-rikorrent, wara li ħa konjizzjoni tal-avviż tal-Bord Dixxiplinari, impenja ruħu volontarjament li jirrimborsa l-ammonti riċevuti indebitament fil-perijodu preċedenti għax-xahar ta’ Settembru 2006, minn naħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li l-Awtorità tal-Ħatra ħadet nota tagħha fid-deċiżjoni kkontestata mill-perspettiva tal-“portata tad-dannu għall-interessi tal-Kummissjoni” fis-sens tal-Artikolu 10(b) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Min-naħa l-oħra, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra li dan l-aspett għandu jiġi kkunsidrat b’mod relattiv sa fejn dan ma jnaqqas xejn mill-klassifikazzjoni tan-nuqqas ikkritikat, li ħareġ biss permezz ta’ verifika tal-Kummissjoni u mhux minħabba dikjarazzjoni magħmula, f’waqtha, fuq inizjattiva tar-rikorrent.

116    Sussidjarjament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva wkoll li, fid-dawl tal-ġurisprudenza (ara s-sentenza López Cejudo vs Il-Kummissjoni, EU:F:2014:55, punt 67), ma huwiex neċessarjament eskluż li, wara investigazzjoni f’dan is-sens, il-Kummissjoni setgħet ġabret b’mod ieħor provi suffiċjenti sabiex tipprevalixxi ruħha mit-tieni sentenza tal-Artikolu 85(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan huwa dak li essenzjalment enfasizzat il-Kummissjoni fir-risposta tagħha billi rrilevat li dan il-ġest kooperattiv tar-rikorrent kien apprezzat għaliex dan evità l-bidu ta’ dibattitu li jista’ jwassal għal proċedura ġudizzjarja distinta, f’dan il-każ dwar l-eventwali applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.

117    Fir-rigward tan-nuqqas ta’ intenzjoni frawdolenti, għandu jiġi kkonstatat li kemm il-Bord Dixxiplinari kif ukoll l-Awtorità tal-Ħatra ma kkonstatawx tali intenzjoni tar-rikorrent u ħadu inkunsiderazzjoni espressament dan in-nuqqas ta’ intenzjoni frawdolenti fid-determinazzjoni tas-sanzjoni imposta lilu. Għaldaqstant, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li r-raġuni esposta mill-Bord Dixxiplinari sabiex jiġġustifika din l-għażla kien il-fatt li ma kienx hemm biżżejjed elementi fattwali fil-fajl li juru intenzjoni frawdolenti, anki jekk il-Bord Dixxiplinari rrileva li huwa “[a]nki jekk huwa diffiċli li temmen li [r-rikorrent] ma kienx informat mill-konjuġi tiegħu bil-ħlasijiet ta’ [EUR] 11 000 u ta’ [EUR] 5 500 li hija kienet irċeviet fl-2003 u fl-2005”.

118    Min-naħa tagħha, fid-deċiżjoni kkontestata l-Awtorità tal-Ħatra kkonstatat “[g]ħal dak li jirrigwarda l-grad ta’ intenzjonalità jew negliġenza tal-ksur imwettaq”, kif previst fl-Artikolu 10(ċ) tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li r-rikorrent wettaq “negliġenza kbira”, f’dan il-każ żball li, għalkemm ma kellux intenzjoni deliberata li jibbenefika għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni, jibqa’ diffiċli li jkun skużat, fuq kollox fid-dawl tal-funzjonijiet u tar-responsabbiltajiet tal-persuna kkonċernata, tal-grad u tal-anzjanità tiegħu fis-servizz tal-Kummissjoni.

–       Fuq iċ-ċirkustanzi l-oħra allegatament attenwanti

119    Fir-rigward tal-kondotta tar-rikorrent fis-servizz, l-Awtorità tal-Ħatra indikat li hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li, minbarra n-nuqqasijiet ikkritikati f’dan il-każ, ir-rikorrent qatt ma wettaq nuqqasijiet oħra matul il-karriera twila tiegħu. Madankollu, kif ġustament sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali aspett, meħtieġ mill-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, ma hijiex neċessarjament ekwivalenti għar-rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti.

120    Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-ammont kbir ta’ xogħol li r-rikorrent kellu kemm fil-ħajja professjonali kif ukoll f’dik domestika, miċħud mill-Awtorità tal-Ħatra fid-deċiżjoni tagħha li tiċħad l-ilment, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni ta’ kumulu tal-benefiċċji tal-familja damet għaddejja għal iktar minn ħames snin wara li Partena kien formalment innotifika lill-konjuġi tar-rikorrent bid-drittijiet tagħha għall-allowances tal-familja Belġjani. Għalhekk, fi kwalunkwe każ it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku iqis li, anki jekk jitqies li tali argument jista’, sa ċertu punt, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-perijodu determinanti, huwa ma jistax madankollu jiġġustifika negliġenza fuq perijodu daqstant twil.

121    Fir-rigward tal-allegata kooperazzjoni eżemplari tar-rikorrent li kienet enfasizzata fil-posta elettronika tad-29 ta’ Marzu 2013 mibgħuta mill-persuna tal-PMO responsabbli mill-irkupru ta’ ammonti riċevuti indebitament, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, minkejja li l-membru tal-persunal tal-PMO responsabbli mill-verifika inizjali kien talbu, fi Frar 2010 “[h]ekk kif [ikollu] informazzjoni mingħand Partena, jinforma b’dan [lill-PMO] minnufih”, ir-rikorrent ma qisx li huwa opportun la li jimla’ l-formola ta’ dikjarazzjoni tal-“[a]llowances tal-familja […] riċevuti minn sorsi oħra” li ntbagħtitlu f’din l-okkażjoni mill-imsemmi membru tal-persunal u lanqas li jipprovdilu kopja tal-ittra ta’ Partena tad-9 ta’ Novembru 2006 li kienet diġà, f’dak iż-żmien, fil-pussess tal-konjuġi tiegħu, jew inkella ta’ kwalunkwe dokument ieħor maħruġ sussegwentement minn Partena. Tali aġir tar-rikorrent seta’ jippermetti lill-Kummissjoni tagħlaq immedjatament il-proċedura ta’ verifika. Madankollu, minħabba l-astensjoni tar-rikorrent, għaddew iktar minn 18-il xahar qabel ma l-Kummissjoni kisbet, permezz tal-mezzi tagħha stess, l-informazzjoni rilevanti direttament mingħand Partena u mhux mingħand ir-rikorrent, f’dan il-każ fit-23 ta’ Settembru 2011.

122    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi attenwanti rilevanti f’dan il-każ.

–       Fuq il-proporzjonalità tas-sanzjoni imposta

123    Fir-rigward tal-punt dwar jekk, fil-kuntest tad-determinazzjoni tas-sanzjoni inkwistjoni, il-kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u attenwanti mill-Awtorità tal-Ħatra kinitx imwettqa b’mod proporzjonat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li l-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi waħda mill-espressjonijiet speċifiċi tal-obbligu ta’ lealtà, li jimponi fuq l-uffiċjal mhux biss l-obbligu li jastjeni ruħu minn aġir li jippreġudika d-dinjità tal-funzjonijiet tiegħu u li juri r-rispett dovut lill-istituzzjoni u l-awtoritajiet tagħha, iżda wkoll li juri, iktar u iktar jekk ikollu grad għoli, bħal f’dan il-każ, aġir lil hinn minn kull suspett, sabiex ir-rabtiet ta’ fiduċja eżistenti bejnu u l-istituzzjoni jkunu dejjem ippreservati (sentenza Andreasen vs Il-Kummissjoni, F-40/05, EU:F:2007:189, punt 233, u l-ġurisprudenza ċċitata).

124    Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkunsidra, minn naħa, li huwa ġust li l-Awtorità tal-Ħatra kkonkludiet li r-rikorrent kien wettaq “negliġenza kbira” billi ma ddikjarax il-ġbir mill-konjuġi tiegħu ta’ allowances tal-familja Belġjani fuq perijodu daqshekk twil. Min-naħa l-oħra, is-sanzjoni imposta ma tidhirx li hija sproporzjonata. B’mod partikolari, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tikkunsidra li l-impożizzjoni ta’ sanzjoni ta’ sospensjoni tal-avvanz fl-iskala għall-perijodu ta’ 18-il xahar, kif irrakkomandat mill-Bord Dixxiplinari, ma kinitx biżżejjed, iktar u iktar fis-sitwazzjoni inkwistjoni f’dan il-każ fejn, għall-kuntrarju tal-Bord Dixxiplinari, l-Awtorità tal-Ħatra minn naħa tagħha, ikkonstatat ksur mir-rikorrent mhux biss tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda wkoll tal-Artikolu 11 tar-Regolamenti tal-Persunal.

125    Għall-kompletezza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li fil-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-persunal xejn ma jimponi fuq l-Awtorità tal-Ħatra, kif hija għamlet, l-obbligu li tikkunsidra bħala ċirkustanza li tiġġustifika tnaqqis tas-sanzjoni imposta l-fatt li r-rikorrent daqt jilħaq l-età tal-irtirar. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dan it-teħid inkunsiderazzjoni ex gratia ta’ tali aspett fl-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, is-sanzjoni finalment imposta ma tistax, a fortiori, tkun ikklassifikata bħala sproporzjonata.

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Awtorità tal-Ħatra ma injoratx ċerti ċirkustanzi attenwanti u, f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tad-diversi ċirkustanzi tal-każ tar-rikorrent, u lanqas ma kkunsidrathom b’mod sproporzjonat fid-determinazzjoni tas-sanzjoni finalment imposta fuq ir-rikorrent.

127    Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

128    Insostenn tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent jargumenta essenzjalment, minn naħa li fid-deċiżjoni kkontestata u fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra ma spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kklassifikat bħala “kbira” in-negliġenza tar-rikorrent, b’mod partikolari billi ma spjegatx jew spjegat ftit ir-raġunijiet li għalihom hija rrifjutat li tirrikonoxxi ċerti ċirkustanzi bħala attenwanti. Min-naħa l-oħra, l-Awtorità tal-Ħatra ma spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija imponiet sanzjoni ikbar minn dik proposta mill-Bord Dixxiplinari.

129    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

130    L-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE, imfakkar fl-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u riprodott fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa prinċipju essenzjali tad-dritt tal-Unjoni li għandu l-għan, minn naħa, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tevalwa l-fondatezza tal-att li jikkawżalha preġudizzju u min-naħa l-oħra, sabiex tirrendi possibbli l-istħarriġ ġudizzjarju (ara s-sentenzi Michel vs Il-Parlament, 195/80, EU:C:1981:284, punt 22; Lux vs Il-Qorti tal-Awdituri, 69/83, EU:C:1984:225, punt 16, u Camacho-Fernandes vs Il-Kummissjoni, F-16/13, EU:F:2014:51, punt 111).

131    Fil-qasam dixxiplinari, il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li timponi sanzjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tkun evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fil-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat. F’dan ir-rigward, għalkemm il-Bord Dixxiplinari u l-Awtorità tal-Ħatra għandhom isemmu l-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom tiddependi l-ġustifikazzjoni legali tad-deċiżjonijiet tagħhom, kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li wassluhom għalihom, ma huwiex madankollu meħtieġ minnhom li jiddiskutu l-punti ta’ fatt u liġi kollha li tqajmu mill-persuna kkonċernata matul il-proċedura (sentenza Stevens vs Il-Kummissjoni, T-277/01, EU:T:2002:302, punt 71). Fi kwalunkwe każ deċiżjoni hija suffiċjentement immotivata meta hija tingħata f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat li jippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tiegħu (sentenza N vs Il-Kummissjoni, T-198/02, EU:T:2004:101, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

132    Jekk is-sanzjoni imposta fuq il-persuna kkonċernata hija finalment iktar severa minn dik proposta mill-Bord Dixxiplinari, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra għandha madankollu tippreċiża b’mod iddettaljat il-motivi li wasslu lill-imsemmija awtorità ma tadottax l-opinjoni mogħtija minn dan il-Bord (sentenzi F. vs Il-Kummissjoni, 228/83, EU:C:1985:28, punt 35, u N vs Il-Kummissjoni, EU:T:2004:101, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata.

133    F’dan il-każ, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra eżaminat iċ-ċirkustanzi tal-każ fid-dawl ta’ kull wieħed mill-aspetti rilevanti msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, hija rrispondiet b’mod iddettaljat għad-diversi argumenti mqajma mir-rikorrent.

134    Fir-rigward tal-punt dwar jekk l-Awtorità tal-Ħatra spjegatx b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li għalihom hija kklassifikat bħala “kbira” in-negliġenza tar-rikorrent, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra kienet diġà eżaminat fid-dettall il-portata tal-obbligu ta’ diliġenza li għandhom l-uffiċjali u kienet spjegat, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li l-fatt li titħalla għaddejja għal numru ta’ snin sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ benefiċċji nazzjonali u dawk stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, bħal f’dan il-każ, minħabba assenza ta’ dikjarazzjoni li madankollu hija obbligu ta’ uffiċjal, jista’ jitqies biss bħala negliġenza kbira, peress li ma jistax jiġi kklassifikat jew ma huwiex klassifikabbli bħala ksur deliberat tal-Artikoli 11 u 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, l-Awtorità tal-Ħatra reġgħet, mill-ġdid, spjegat ruħha ampjament dwar dan l-aspett b’risposta għall-argumenti tar-rikorrent, minkejja l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, bħad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, kienet tikkostitwixxi l-parti finali ta’ proċedura li d-dettalji tagħha kienu magħrufa tajjeb mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, EU:C:1997:73, punt 34).

135    Fir-rigward tal-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra imponiet fuq ir-rikorrent sanzjoni ikbar minn dik irrakkomandata mill-Bord Dixxiplinari, mid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Awtorità tal-Ħatra spjegat għal liema raġuni essenzjali hija qieset opportun li taggrava s-sanzjoni proposta mill-Bord Dixxiplinari, jiġifieri li, għall-kuntrarju ta’ dan tal-aħħar, hija rrifjutat li tikkunsidra bħala ċirkustanza attenwanti n-nuqqas ta’ azzjoni tal-PMO. Issa, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-ewwel motiv, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet, bid-dritt, tiskarta dan l-aspett bħala ċirkustanza attenwanti, fatt li, b’mod korrelattiv, kien diġà suffiċjenti, waħdu, sabiex jispjega l-għażla tagħha li timponi sanzjoni ikbar minn dik irrakkomandata mill-Bord Dixxiplinari.

136    Barra minn hekk, dejjem fir-rigward tal-aggravazzjoni tas-sanzjoni imposta meta mqabbla ma’ dik irrakkomandata mill-Bord Dixxiplinari, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jirrileva li l-Awtorità tal-Ħatra riedet, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, tissanzjona ksur tal-Artikoli 11 u 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, meta s-sanzjoni proposta mill-Bord Dixxiplinari ma kinitx titratta ksur ta’ dan l-aħħar artikolu.

137    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat, u konsegwentement ir-rikors kollu.

 Fuq l-ispejjeż

138    Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Tmien Kapitolu tat-Tieni Titolu tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha, iżda li għandha tiġi kkundannata parzjalment biss għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma tiġix ikkundannata f’dan ir-rigward.

139    Mill-motivi stabbiliti f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrent tilef ir-rikors tiegħu. Barra minn hekk, fit-talbiet tagħha, il-konvenuta talbet espressament li r-rikorrent jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      EH għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Rofes i Pujol

Bradley

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Novembru 2014.

W. Hakenberg

 

      K. Bradley

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top