This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62023CJ0613
Judgment of the Court (Tenth Chamber) of 14 November 2024.#KL v Staatssecretaris van Financiën.#Request for a preliminary ruling from the Hoge Raad der Nederlanden.#Reference for a preliminary ruling – Common system of value added tax (VAT) – Directive 2006/112/EC – Article 273 – VAT payable by a taxable entity – National legislation providing for the joint and several liability of the director of the entity – Presumption of liability in respect of the director in the absence of notification that the entity is unable to pay the VAT due – Principle of proportionality.#Case C-613/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-14 ta’ Novembru 2024.
KL vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – VAT dovuta minn persuna ġuridika taxxabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà in solidum tad-direttur tal-persuna ġuridika – Preżunzjoni ta’ responsabbiltà tad-direttur fil-każ li ma tkunx ġiet ikkomunikata l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tħallas il-VAT dovuta – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-613/23.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tal-14 ta’ Novembru 2024.
KL vs Staatssecretaris van Financiën.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – VAT dovuta minn persuna ġuridika taxxabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà in solidum tad-direttur tal-persuna ġuridika – Preżunzjoni ta’ responsabbiltà tad-direttur fil-każ li ma tkunx ġiet ikkomunikata l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tħallas il-VAT dovuta – Prinċipju ta’ proporzjonalità.
Kawża C-613/23.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2024:961
SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (L‑Għaxar Awla)
14 ta’ Novembru 2024 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 273 – VAT dovuta minn persuna ġuridika taxxabbli – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-responsabbiltà in solidum tad-direttur tal-persuna ġuridika – Preżunzjoni ta’ responsabbiltà tad-direttur fil-każ li ma tkunx ġiet ikkomunikata l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tħallas il-VAT dovuta – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C‑613/23 [Herdijk] ( i ),
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Ottubru 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Ottubru 2023, fil-proċedura
KL
vs
Staatssecretaris van Financiën,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,
Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2024,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal KL, minn J.F. van Dijk, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. M. Hoogveld, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Herold u P. Vanden Heede, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn KL u l-iStaatssecretaris van Financiën (is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar ċerti avviżi għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jinsab fit-Titolu XI ta’ din tal-aħħar, liema titolu jipprevedi l-obbligi tal-persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli fir-rigward, b’mod partikolari, tal-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), tal-identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli, tal-fatturazzjoni, tal-kontabbiltà, tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT u tad-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej: “L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.” |
Id‑dritt Olandiż
4 |
L-Artikolu 36 tal-Invorderingswet 1990 (il-Liġi tal‑1990 dwar l-Irkupru tat-Taxxa, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Irkupru”) jipprevedi: “1. Huwa responsabbli in solidum għad-djun tat-taxxa fuq is-salarji, tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, tad-dazji tas-sisa, tat-taxxi fuq il-konsum fuq ix-xorb mhux alkoħoliku, it-tabakk tal-mgħid (chewing tobacco) u t-tabakk tal-imnieħer, tat-taxxi msemmija fl-Artikolu 1 tal-[Wet belastingen op milieugrondslag (il-Liġi li Tistabbilixxi Taxxi għall-Protezzjoni tal-Ambjent)] u tat-taxxa fuq il-logħob u l-imħatri dovuti minn enti b’personalità ġuridika fis-sens tal-[Algemene wet inzake rijksbelastingen (il-Kodiċi tat-Taxxa)] u li, sakemm ikun suġġett għat-taxxa fuq il-kumpanniji, ikollu kapaċità ġuridika sħiħa: kwalunkwe direttur, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi li ġejjin. 2. Mill-mument li fih jirriżulta li ma tkunx tista’ tħallas it-taxxa fuq is-salarji, it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, id-dazji tas-sisa, it-taxxa fuq il-konsum fuq ix-xorb mhux alkoħoliku, it-taxxa fuq il-konsum fuq it-tabakk tal-mgħid jew it-tabakk tal-imnieħer, waħda mit-taxxi msemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi li tistabbilixxi Taxxi għall-Protezzjoni tal-Ambjent jew it-taxxa fuq il-logħob u l-imħatri, l-enti msemmija fil-paragrafu 1 hija obbligata tikkomunika dan bil-miktub lill-kollettur tat-taxxi u, fuq talba ta’ dan tal-aħħar, hija obbligata tittrażmetti u tipproduċi informazzjoni u dokumenti addizzjonali. Kwalunkwe direttur huwa awtorizzat jissodisfa dan l-obbligu f’isem il-persuna ġuridika. Ir-regoli dwar il-kontenut ta’ din il-komunikazzjoni, dwar in-natura u dwar il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa u tad-dokumenti li għandhom jiġu prodotti, kif ukoll dwar il-limiti ta’ żmien li fihom għandha ssir il-komunikazzjoni, dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni u dwar il-produzzjoni tad-dokumenti għandhom jiġu stabbiliti minn jew taħt digriet ta’ portata ġenerali. 3. Fil-każ fejn il-persuna ġuridika tkun issodisfat, b’mod konformi, l-obbligu li hija għandha taħt il-paragrafu 2, tiskatta r-responsabbiltà ta’ direttur kemm‑il darba jiġi stabbilit b’mod suffiċjenti li n-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn fiskali jkun kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta imputabbli lilu matul it-tliet snin ta’ qabel id-data tal-komunikazzjoni. 4. Fil-każ fejn il-persuna ġuridika ma tkunx issodisfat, jew ma tkunx issodisfat b’mod konformi, l-obbligu li hija għandha taħt il-paragrafu 2, tiskatta r-responsabbiltà ta’ direttur skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, bil-kundizzjoni li n-nuqqas ta’ ħlas ikun preżunt li seħħ kaġun tiegħu u li l-perijodu ta’ tliet snin jitqies li jkun beda fil-jum li fih il-persuna ġuridika tkun naqset milli tħallas. Huwa awtorizzat biss li jikkonfuta din il-preżunzjoni d-direttur li jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li ma jkunx kaġun tiegħu li l-persuna ġuridika ma tkunx issodisfat l-obbligu li hija għandha taħt il-paragrafu 2. […] 6. It-tieni sentenza tal-paragrafu 4 ma tapplikax għall-ex direttur. […]” |
5 |
L-Artikolu 7 tal-Uitvoeringsbesluit Invorderingswet 1990 (id-Digriet li Jimplimenta l-Liġi tal‑1990 dwar l-Irkupru tat-Taxxa) huwa fformulat kif ġej: “1. Il-komunikazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 36(2) tal-Liġi [dwar l-Irkupru], għandha ssir mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-jum li fih it-taxxa kellha titħallas skont l-Artikolu 19 tal-Kodiċi tat-Taxxa […]. 2. Fil-każ ta’ inkapaċità li jsir ħlas relatat ma’ avviż maħruġ għall-ħlas tat-taxxa minħabba l-fatt li t-taxxa dovuta tkun ogħla minn dik li, skont id-dikjarazzjoni, tħallset jew kellha titħallas, u kemm‑il darba dan il-fatt ma jkunx kaġun ta’ frodi jew ta’ negliġenza kbira tal-persuna ġuridika, il-komunikazzjoni tista’ ssir, b’deroga mill-paragrafu 1, sa mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-iskadenza tat-terminu stabbilit minn dan l-avviż. 3. Il-komunikazzjoni għandha tispeċifika ċ-ċirkustanzi li jkunu wasslu għan-nuqqas ta’ ħlas, fid-dikjarazzjoni, tat-taxxa dovuta.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
6 |
KL kien direttur u azzjonist uniku ta’ kumpannija holding. Sad‑29 ta’ Marzu 2019, il-kumpannija holding kienet direttur u azzjonist uniku ta’ kumpannija operattiva. F’din id-data, il-kumpannija holding ittrasferixxiet lil terz sehemha fil-kumpannija operattiva. |
7 |
Il-kumpannija operattiva rċeviet avviżi għall-ħlas tat-taxxa fuq is-salarji għall-perijodu minn Diċembru 2018 sa Frar 2019 u avviżi għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ għall-perijodu minn Novembru 2018 sa Frar 2019. Dawn l-avviżi kienu bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet li għamlet il-kumpannija operattiva. Il-kumpannija operattiva ma adempixxietx ruħha mal-imsemmija avviżi. |
8 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2019, l-Ontvanger van de Belastingdienst (il-Kollettur tat-Taxxa, il-Pajjiżi l-Baxxi) żamm lil KL responsabbli, abbażi tal-Artikolu 36 tal-Liġi dwar l-Irkupru, għall-avviżi għall-ħlas tat-taxxa mhux imħallsa. Huwa żamm ukoll lil KL responsabbli għall-ħlas tal-interessi fiskali msemmija fl-avviżi għall-ħlas tat-taxxa, kif ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż relatati. |
9 |
KL ikkontesta d-deċiżjoni tal‑5 ta’ Lulju 2019 quddiem ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), liema qorti ċaħdet l-azzjoni tiegħu. Permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2021, li ngħatat wara l-appell li KL ippreżenta mis-sentenza ta’ dik il-qorti, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonstatat li l-kumpannija operattiva ma kinitx issodisfat l-obbligu tagħha ta’ komunikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 36(2) tal-Liġi dwar l-Irkupru, fir-rigward tat-taxxa fuq is-salarji u tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li hija kellha tħallas għall-perijodi msemmija fil-punt 7 ta’ din is-sentenza. |
10 |
Il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) iddeċidiet, madankollu, li KL kien inżamm b’mod żbaljat responsabbli għat-taxxa fuq is-salarji u għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ dovuti għax-xahar ta’ Frar 2019 u dan billi huwa kien irriżenja mill-kariga tiegħu ta’ direttur tal-kumpannija holding b’effett mid‑29 ta’ Marzu 2019. Fil-fatt, f’din id-data tal-aħħar, it-terminu stabbilit li matulu kellha tiġi kkomunikata l-inkapaċità li jsir ħlas tat-taxxa dovuta għax-xahar ta’ Frar 2019 kien għadu ma skadiex. Konsegwentement, ġie miftiehem li, għal dan ix-xahar, KL jiġi kklassifikat bħala ex direttur, fis-sens tal-Artikolu 36(6) tal-Liġi dwar l-Irkupru. B’hekk, dik il-qorti awtorizzat lil KL jikkonfuta, billi jipproduċi l-provi xierqa, il-preżunzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 36(4) ta’ din il-liġi, liema preżunzjoni tipprovdi li n-nuqqas ta’ ħlas tad-djun fiskali huwa imputabbli lid-direttur. Fil-fehma ta’ dik il-qorti, KL irnexxielu jikkonfuta din il-preżunzjoni. |
11 |
Mill-banda l-oħra, l-imsemmija qorti ddeċidiet li KL kellu jinżamm responsabbli għad-djun tat-taxxa fuq is-salarji u tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ relatati mal-perijodu minn Novembru 2018 sa Jannar 2019, li matulu, minn naħa, KL kien direttur pro tempore tal-kumpannija holding u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija operattiva ma kinitx debitament ikkomunikat l-inkapaċità tagħha li tħallas dawn it-taxxi. Minn dan segwa li n-nuqqas ta’ ħlas tad-djun fiskali tqies li kien kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta min-naħa ta’ KL, li ma kienx wera li din l-ommissjoni ma kinitx imputabbli lilu. |
12 |
Il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), li hija l-qorti tar-rinviju, ġiet adita b’appell mis-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2021. Dik il-qorti tispjega li, skont l-Artikolu 36 tal-Liġi dwar l-Irkupru, l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi ssodisfatt b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti fl-imsemmi artikolu. Jekk il-persuna ġuridika tkun issodisfat dan l-obbligu, id-direttur ikun responsabbli għall-ħlas tad-dejn fiskali tal-persuna ġuridika biss jekk l-awtorità tat-taxxa tipprova li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ dan id-dejn mill-persuna ġuridika jkun kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta tad-direttur. Mill-banda l-oħra, jekk il-persuna ġuridika ma tkunx debitament issodisfat l-imsemmi obbligu, in-nuqqas ta’ ħlas tad-djun fiskali jitqies li jkun kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta tad-direttur. Id-direttur jista’ jikkonfuta din il-preżunzjoni biss jekk juri, qabel kollox, li ma huwiex ħtija tiegħu li l-persuna ġuridika ma tkunx issodisfat debitament l-obbligu ta’ komunikazzjoni. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza nazzjonali tirrikonoxxi li dan il-fatt jista’ jitqies li jkun ġie stabbilit fil-każ ta’ mard jew ta’ inċident jew ukoll meta d-direttur ikun qagħad fuq l-opinjoni ta’ terz li huwa kellu kull dritt li jżommu bħala espert biżżejjed fil-qasam. |
13 |
B’hekk, huwa biss fil-każ ta’ forza maġġuri jew jekk huwa jkun qagħad bona fide fuq l-opinjoni ta’ terz li huwa kellu kull dritt li jżommu bħala espert biżżejjed fil-qasam li direttur jista’ jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li huwa ma jistax jinżamm responsabbli għan-nuqqas, min-naħa tal-persuna ġuridika, mill-obbligu ta’ komunikazzjoni li għandha din tal-aħħar. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dawn huma ċirkustanzi tant eċċezzjonali li, fil-parti l-kbira tal-każijiet fejn il-persuna ġuridika ma tkunx issodisfat l-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħha jew ma tkunx issodisfat dan l-obbligu b’mod konformi mal-Liġi dwar l-Irkupru, direttur prattikament ma jkunx jista’ jipproduċi l-prova meħtieġa. |
14 |
Fil-fehma ta’ dik il-qorti, dan il-mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112. L-imsemmija qorti tfakkar, barra minn hekk, li sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas (no‑fault liability) tmur, bħala prinċipju, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitħarsu d-drittijiet tat-Teżor u li tali sistema tikser, b’hekk, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fid-dritt tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, dan il-prinċipju jinkiser jekk il-persuna li, mingħajr ebda nuqqas tagħha, tinżamm responsabbli għall-ħlas tat-taxxa tkun totalment estranja għall-aġir tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, li fuqu hija ma jkollha ebda influwenza. Madankollu, sa fejn id-direttur jeżerċita, tal-inqas, ċerta influwenza fuq l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet tal-persuna ġuridika responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, huwa ma jistax jitqies bħala persuna li hija totalment estranja għal dawn l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet. Il-kwistjoni hija għalhekk dwar jekk dawn il-fatturi humiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li responsabbiltà kważi mingħajr nuqqas tad-direttur ta’ persuna ġuridika li ma tkunx debitament ikkomunikat l-inkapaċità tagħha li tħallas it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fid-dritt tal-Unjoni. |
15 |
Din il-kwistjoni hija, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, iktar u iktar rilevanti peress li mis-sentenza tal-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) jirriżulta li KL ma kienx wera ġestjoni ħażina manifesta matul il-perijodu li fir-rigward tiegħu l-persuna ġuridika ma ssodisfatx l-obbligu ta’ komunikazzjoni tagħha. Minn dan isegwi li KL kien aġixxa bona fide billi eżerċita d-diliġenza kollha ta’ operatur avżat, li huwa kien ħa kull miżura raġonevoli li seta’ jieħu u li kienet eskluża l-parteċipazzjoni tiegħu fi kwalunkwe abbuż jew frodi. |
16 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
17 |
Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-direttur ta’ persuna ġuridika li ma tkunx osservat l-obbligu li tikkomunika l-inkapaċità tagħha li tħallas dejn tal-VAT għandu, sabiex jinħeles mir-responsabbiltà in solidum tiegħu għall-ħlas ta’ dan id-dejn, juri li n-nuqqas minn dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni ma jkunx imputabbli lilu. |
18 |
Għandu jiġi rrilevat li mekkaniżmu ta’ responsabbiltà in solidum bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jfittex li jiffaċilita l-irkupru tal-ammonti tal-VAT li persuna ġuridika taxxabbli ma tkunx ħallset fit-termini mandatorji stabbiliti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, b’tali mod li jgħin sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tal-VAT. Għaldaqstant, tali mekkaniżmu jaqa’, bħala prinċipju, fil-marġni ta’ evalwazzjoni li jgawdu l-Istati Membri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punti 61 u 69). |
19 |
Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li l-persuna li tinżamm responsabbli in solidum, jiġifieri d-direttur tal-persuna ġuridika, ma tkunx, hija stess, f’din il-kwalità, suġġetta għall-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 62). |
20 |
F’dan ir-rigward, u l-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 ma jirriżultax li l-obbligi stabbiliti mill-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni jistgħu jikkonċernaw biss persuni suġġetti għall-VAT (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 63). |
21 |
It-tieni nett, din id-dispożizzjoni tagħmel parti mit-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112, li l-intestatura tiegħu ssemmi b’mod espliċitu l-“obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli” (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 64). |
22 |
Fl-aħħar nett, l-obbligu li għandhom l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiggarantixxu l-ġbir tal-VAT kollha jista’, f’ċerti ċirkustanzi, jeżiġi li Stat Membru jżomm responsabbli persuni mhux taxxabbli li jipparteċipaw fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan persuna ġuridika taxxabbli, sabiex ma titqegħedx f’perikolu l-effettività ta’ tali miżuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 65). |
23 |
Minbarra l-limiti li jistabbilixxi fir-rigward tal-osservanza tal-ugwaljanza fit-trattament u tal-projbizzjoni li jiġu previsti formalitajiet marbuta mal-qsim tal-fruntieri, l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 ma jippreċiżax l-obbligi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu. Għalhekk, huwa jagħti lil dawn tal-aħħar marġni ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-mezzi intiżi sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT dovuta kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
24 |
Madankollu, l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw is-setgħa tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, u, konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dan il-prinċipju jimplika li l-Istati Membri għandhom jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq b’mod effettiv l-għan imfittex mid-dritt intern, jagħmlu l-inqas ħsara possibbli lill-għanijiet u lill-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kkonċernata. B’hekk, għalkemm huwa leġittimu li l-miżuri adottati mill-Istati Membri jfittxu li jħarsu d-drittijiet tat-Teżor b’mod kemm jista’ jkun effettiv, huma madankollu ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punti 72 u 73, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
25 |
F’dan ir-rigward, miżuri nazzjonali li joħolqu sistema ta’ responsabbiltà in solidum mingħajr nuqqas imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jitħarsu d-drittijiet tat-Teżor. Li r-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT tinxteħet fuq persuna li ma tkunx dik responsabbli għall-ħlas ta’ din tal-aħħar, mingħajr ma jkun possibbli li dik il-persuna tinħeles minn din ir-responsabbiltà billi tipproduċi l-prova li hija totalment estranja għall-aġir ta’ din il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, għandu, għaldaqstant, jitqies bħala inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, ikun manifestament sproporzjonat li tinxteħet, b’mod inkundizzjonat, fuq l-imsemmija persuna r-responsabbiltà għan-nuqqas ta’ ġbir ta’ taxxa minħabba aġir ta’ terz taxxabbli li fuqu hija ma jkollha ebda influwenza (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
26 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li jindikaw debitur in solidum li ma jkunx il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa bil-għan li jiġi żgurat ġbir effettiv ta’ din tal-aħħar għandu jkun iġġustifikat mir-relazzjoni fattwali u/jew ġuridika li tkun teżisti bejn iż-żewġ persuni kkonċernati fid-dawl tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 75). |
27 |
Il-fatt li persuna li ma tkunx il-persuna responsabbli għall-ħlas tkun aġixxiet bona fide billi tkun eżerċitat id-diliġenza kollha ta’ operatur avżat, il-fatt li din il-persuna tkun ħadet kull miżura raġonevoli li hija setgħet tieħu u l-fatt li hija eskluża l-parteċipazzjoni tagħha fi kwalunkwe abbuż jew frodi huma fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-persuna tistax tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-VAT dovuta (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Direktor na Direktsia Obzhalvane i danachno‑osiguritelna praktika, C‑1/21, EU:C:2022:788, punt 76). |
28 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-sistema ta’ responsabbiltà in solidum inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha l-karatteristiċi li ġejjin. |
29 |
Fl-ewwel lok, il-persuna indikata bħala responsabbli in solidum għandu jkollha l-kwalità ta’ direttur tal-persuna ġuridika taxxabbli, debitriċi tal-VAT mhux imħallsa. Din il-persuna tista’ għalhekk tiġi kkunsidrata bħala parteċipi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fi ħdan din tal-aħħar, liema kunsiderazzjoni teskludiha milli titqies bħala persuna totalment estranja għall-aġir ta’ din il-persuna ġuridika. |
30 |
Fit-tieni lok, jekk l-imsemmija persuna ġuridika tkun debitament ikkomunikat l-inkapaċità tagħha li tħallas dejn fiskali, id-direttur ikkonċernat ma għandux jinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tad-dejn relatat, ħlief jekk l-awtorità tat-taxxa turi li n-nuqqas ta’ ħlas ikun kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta tad-direttur matul it-tliet snin ta’ qabel il-jum li fih issir il-komunikazzjoni. |
31 |
Fit-tielet lok, kif sostna l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni għandu għan leġittimu speċifiku, ta’ ċerta importanza, li l-awtorità tat-taxxa tkun informata fil-ħin b’kull inkapaċità li jsir ħlas, bil-għan li tiġi eżaminata l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri xierqa sabiex jiġi evitat jew limitat telf ta’ dħul fiskali. |
32 |
Fir-raba’ lok, ma jidhirx li l-komunikazzjoni tal-inkapaċità li jitħallas dejn fiskali toħloq xi diffikultà la fir-rigward tal-forma tagħha u lanqas fir-rigward tal-kontenut meħtieġ u tista’, barra minn hekk, tiġi sussegwentement ikkompletata fuq talba tal-awtorità tat-taxxa. |
33 |
Fil-ħames lok, il-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tad-direttur kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta, li tapplika biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni, tista’ tiġi kkonfutata, kemm‑il darba dan id-direttur jistabbilixxi minn qabel li dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jkunx imputabbli lilu. Din il-kundizzjoni tal-aħħar ma tapplikax fir-rigward tal-ex direttur li ma kienx għadu fil-kariga fid-data li fiha jkun skada t-terminu li matulu kellha ssir il-komunikazzjoni, billi dan tal-aħħar jista’ jikkonfuta l-preżunzjoni ta’ ġestjoni ħażina manifesta għall-perijodu msemmi fid-dikjarazzjoni tal-VAT mingħajr ma jkollu għalfejn juri minn qabel li n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni ma kienx imputabbli lilu. |
34 |
Meta ma jkunx jidher eċċessivament diffiċli, għal persuna ġuridika jew, jekk ikun il-każ, għad-direttur tagħha, li jiġi osservat l-obbligu ta’ komunikazzjoni previst fid-dritt Olandiż u li, b’hekk, jiġi evitat, bħala prinċipju, li r-responsabbiltà għad-djun tal-VAT tal-persuna ġuridika tinxteħet fuq id-direttur, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu jista’ jitqies li jikkostitwixxi aġir żbaljat. Barra minn hekk, bħalma josserva l-Gvern Olandiż, il-konsegwenzi ta’ dan l-aġir jibqgħu, fil-biċċa l-kbira, teoretiċi jekk id-direttur ikun jista’ jaħrab minnhom billi jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni b’fatti oħra għajr dawk li juru li dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jkunx imputabbli lilu. |
35 |
Madankollu, il-qorti tar-rinviju qiegħda, b’mod partikolari, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni li, fil-fehma tagħha, huwa “estremament diffiċli” għal direttur li juri li n-nuqqas mill-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-inkapaċità li jsir ħlas ma jkunx imputabbli lilu. |
36 |
F’dan ir-rigward u fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li l-Istati Membri għandhom josservaw meta jindikaw debitur in solidum li ma jkunx il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa, id-dekadenza minn dritt minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu għandha, almenu, tibqa’ inopponibbli kontra l-persuna kkonċernata jekk din tal-aħħar tipprova li n-nuqqas ta’ osservanza inkwistjoni ma jkunx imputabbli lilha, billi l-possibbiltà ta’ tali prova ma għandhiex tkun waħda purament teoretika minħabba interpretazzjoni indebitament wiesgħa tal-kunċett ta’ imputabbiltà mill-amministrazzjoni jew mill-qrati nazzjonali. |
37 |
Issa, l-ewwel nett, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-direttur tal-persuna ġuridika li tkun naqset mill-obbligu tagħha li tikkomunika l-inkapaċità tagħha li tħallas dejn tal-VAT jista’ jistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li fihom huwa jkun jista’ juri li ma huwiex ħtija tiegħu li l-persuna ġuridika ma ssodisfatx dan l-obbligu. |
38 |
It-tieni nett, skont l-istess informazzjoni, tali ċirkustanzi mhux biss jinkludu każijiet ta’ forza maġġuri, iżda wkoll il-fatt li d-direttur ikun qagħad fuq l-opinjoni ta’ terz li huwa kellu kull dritt li jżommu bħala espert biżżejjed fil-qasam. |
39 |
It-tielet nett, it-tieni sentenza tal-Artikolu 36(4) tal-Liġi dwar l-Irkupru ma tistabbilixxix lista eżawrjenti taċ-ċirkustanzi li d-direttur jista’ jinvoka, u dan jagħti x’jifhem li dan tal-aħħar jista’ joqgħod fuq kwalunkwe fatt li jista’ jistabbilixxi b’mod suffiċjenti li n-nuqqas tal-persuna ġuridika li tissodisfa l-obbligu li tikkomunika l-inkapaċità tagħha li tħallas ma jkunx imputabbli lilu. |
40 |
Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, jekk id-direttur jirnexxilu jistabbilixxi li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu ma jkunx imputabbli lilu, ikun possibbli għalih ukoll li juri li l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tħallas ma tkunx kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta min-naħa tiegħu matul it-tliet snin ta’ qabel l-iskadenza tat-terminu li matulu kellu jsir il-ħlas. Peress li, f’dan il-każ, id-direttur għandu jinvoka biss ċirkustanzi li jeskludu ġestjoni ħażina manifesta min-naħa tiegħu, il-fatt li huwa mgħobbi bl-oneru ta’ din il-prova ma jidhirx li jikkostitwixxi obbligu proċedurali eżorbitanti jew li jmur kontra l-ġurisprudenza esposta fil-punt 25 ta’ din is-sentenza. |
41 |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-direttur ta’ persuna ġuridika li ma tkunx osservat l-obbligu li tikkomunika l-inkapaċità tagħha li tħallas dejn tal-VAT għandu, sabiex jinħeles mir-responsabbiltà in solidum tiegħu għall-ħlas ta’ dan id-dejn, juri li n-nuqqas minn dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni ma jkunx imputabbli lilu, sa fejn il-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tkunx tillimita l-possibbiltà li dan il-fatt jiġi pprovat biss f’każijiet ta’ forza maġġuri iżda tkun tippermetti lid-direttur jinvoka kull fatt li jista’ juri li huwa ma huwiex responsabbli għan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi obbligu ta’ komunikazzjoni. |
Fuq it‑tieni domanda
42 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermetti lil din tal-aħħar tiddeċiedi t-tilwima li jkollha quddiemha. F’dan is-sens, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha billi tislet mill-informazzjoni kollha pprovduta lilha mill-qorti nazzjonali u, b’mod partikolari, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-kwistjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu li jiġu interpretati fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2024, CU u ND (Assistenza soċjali – Diskriminazzjoni indiretta), C‑112/22 u C‑223/22, EU:C:2024:636, punt 30, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li KL tqies bħala ex direttur tal-persuna ġuridika, debitriċi tal-avviżi għall-ħlas tal-VAT għax-xahar ta’ Frar 2019, minħabba li t-terminu li matulu kellha tiġi kkomunikata l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tħallas il-VAT dovuta għal dan ix-xahar kien għadu ma skadiex fid-data li fiha kienet daħlet fis-seħħ ir-riżenja ta’ KL mill-kariga ta’ direttur. |
44 |
B’hekk, skont l-Artikolu 36(6) tal-Liġi dwar l-Irkupru, kien possibbli għal KL li juri li n-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn tal-VAT dovuta għall-imsemmi xahar ma kienx kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta imputabbli lilu tul it-tliet snin qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas għal dan l-istess xahar. Kif proprju tindika l-qorti tar-rinviju, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) iddeċidiet li KL seta’ jipproduċi din il-prova, li huwa aġixxa bona fide billi eżerċita d-diliġenza kollha ta’ operatur avżat, li huwa ħa l-miżuri raġonevoli kollha li seta’ jieħu u li kienet eskluża l-parteċipazzjoni tiegħu fi kwalunkwe abbuż jew frodi. |
45 |
Madankollu, KL kien jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur tal-persuna ġuridika fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2018, kif ukoll f’Jannar 2019 u ma setax juri li n-nuqqas mill-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-inkapaċità ta’ din il-persuna ġuridika li tħallas ma kienx imputabbli lilu, kif meħtieġ mill-Artikolu 36(4) tal-Liġi dwar l-Irkupru. B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, huwa ma setax juri li n-nuqqas ta’ ħlas tad-dejn tal-VAT għal dawn ix-xhur ma kienx kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta min-naħa tiegħu matul it-tliet snin qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas għal dawn l-istess xhur. Konsegwentement, KL inżamm responsabbli in solidum għad-djun tal-persuna ġuridika li huwa kien jamministra fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2018 kif ukoll f’Jannar 2019. |
46 |
Fid-dawl tal-premess, għandu jitqies li, permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li d-direttur ta’ persuna ġuridika li tkun naqset milli tikkomunika l-inkapaċità tagħha li tħallas, jibqa’ responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ dejn tal-VAT relatata ma’ perijodu speċifiku, minkejja li jkun inħeles minn dejn tal-VAT relatat ma’ perijodu immedjatament sussegwenti wara li jkun seta’ juri li huwa aġixxa bona fide u li eżerċita d-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur avżat għat-tliet snin preċedenti sabiex jevita l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tonora l-obbligi tagħha u li hija eskluża l-parteċipazzjoni tiegħu fi kwalunkwe abbuż jew frodi. |
47 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, kif ġie mfisser fil-punti 31, 32 u 34 ta’ din is-sentenza, obbligu, bħal dak previst fid-dritt Olandiż, li tiġi kkomunikata l-inkapaċità li jsir ħlas għandu l-għan leġittimu li l-awtorità tat-taxxa tiġi informata malajr b’kull inkapaċità li jsir ħlas u l-osservanza tiegħu ma toħloq ebda diffikultà partikolari, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu għandu jitqies li jikkostitwixxi aġir żbaljat. |
48 |
It-tieni nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 7 tad-Digriet li Jimplimenta l-Liġi tal‑1990 dwar l-Irkupru tat-Taxxa, il-komunikazzjoni tal-inkapaċità li jsir ħlas għandha ssir mhux iktar tard minn ġimagħtejn mill-iskadenza tat-terminu li matulu kellu jsir il-ħlas tat-taxxa dovuta. Din ir-regola timplika li, jekk, kif spjega l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet tiegħu, l-amministrazzjoni tat-taxxa tista’ tqis li tali komunikazzjoni hija valida għal diversi perijodi sussegwenti ta’ tassazzjoni, perijodu ta’ tassazzjoni preċedenti, li ma jkunx kopert minn din il-komunikazzjoni, iżomm l-awtonomija tiegħu fir-rigward tar-responsabbiltà in solidum li jista’ jkollu d-direttur tal-persuna ġuridika taxxabbli. Dan huwa wkoll il-każ tal-perijodu ta’ referenza ta’ tliet snin li fid-dawl tiegħu ser tiġi eżaminata, skont l-Artikolu 36(3) tal-Liġi dwar l-Irkupru, il-kwistjoni dwar jekk l-inkapaċità li jsir ħlas hijiex kaġun ta’ ġestjoni ħażina manifesta tad-direttur. |
49 |
B’hekk, għalkemm leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, li timplika awtonomija tal-perijodi ta’ tassazzjoni, tista’ twassal għar-responsabbiltà in solidum tad-direttur ta’ persuna ġuridika fil-każ li ma ssirx il-komunikazzjoni tal-inkapaċità ta’ ħlas tad-djun ta’ dan tal-aħħar, il-fatt li, f’ċerti ċirkustanzi, l-awtonomija tal-perijodi ta’ tassazzjoni tista’ wkoll tillimita r-responsabbiltà ta’ dan id-direttur itaffi l-effetti ta’ din il-konsegwenza. Fil-fatt, ir-responsabbiltà in solidum tal-imsemmi direttur li, skont l-Artikolu 36(4) tal-Liġi dwar l-Irkupru, hija stabbilita meta dan tal-aħħar ma jkunx żgura ruħu li l-persuna ġuridika tkun ikkomunikat l-inkapaċità tagħha li tħallas, tipproduċi l-effetti tagħha biss għall-perijodu relatat mal-komunikazzjoni li ma tkunx saret mingħajr ma taffettwa perijodu sussegwenti li fir-rigward tiegħu din il-persuna ġuridika tkun debitament ikkomunikat l-inkapaċità li jsir ħlas. |
50 |
Mill-premess jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timplika l-awtonomija ta’ kull perijodu ta’ tassazzjoni li fir-rigward tiegħu jkun jeżisti obbligu ta’ komunikazzjoni, ma tistax titqies li tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-ġbir korrett tal-VAT sempliċement għaliex l-applikazzjoni tagħha jista’ jkollha konsegwenzi negattivi għad-direttur ta’ persuna ġuridika li tkun naqset milli tikkomunika l-inkapaċità tagħha li tħallas għal ċertu perijodu, u li, barra minn hekk, ikun wettaq bona fide l-funzjonijiet tiegħu u dan mingħajr ebda abbuż jew frodi. |
51 |
Ir-risposta għat-tieni domanda għandha għalhekk tkun li l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li d-direttur ta’ persuna ġuridika li tkun naqset milli tikkomunika l-inkapaċità tagħha li tħallas, jibqa’ responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ dejn tal-VAT relatat ma’ perijodu speċifiku, minkejja li jkun inħeles minn dejn tal-VAT relatat ma’ perijodu immedjatament sussegwenti wara li jkun seta’ juri li huwa aġixxa bona fide u li eżerċita, matul it-tliet snin preċedenti, id-diliġenza kollha meħtieġa minn operatur avżat sabiex jevita l-inkapaċità tal-persuna ġuridika li tonora l-obbligi tagħha u minkejja li tkun ġiet eskluża l-parteċipazzjoni tiegħu fi kwalunkwe abbuż jew frodi. |
Fuq l‑ispejjeż
52 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.
( i ) L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.